C-554/07 - Il-Kummissjoni vs L-Irlanda

Printed via the EU tax law app / web





Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Lulju 2009 – Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda

(Kawża C‑554/07)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 2, 9 u 13 – Attività ekonomika mwettqa mill-Istat, mill-awtoritajiet lokali u minn korpi oħra rregolati mid-dritt pubbliku – Eżenzjoni”

Dispożizzjonijiet fiskali - Armonizzazzjoni tal-liġijiet - Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud - Persuni taxxabbli - Korpi rregolati mid-dritt pubbliku (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 2, 9 u 13) (ara l-punti 47-50, 62-68, 74-76 u d-dispożittiv 1)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) - Eżenzjoni ta’ kull attività ekonomika mwettqa mill-Istat, mill-awtoritajiet lokali u minn korpi oħra rregolati mid-dritt pubbliku.

Dispożittiv

1)

Billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tinkludix dispożizzjoni ġenerali li tissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-attivitajiet ekonomiċi mwettqa mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku meta dawn jaġixxu barra mill-funzjoni tagħhom ta’ awtorità pubblika;

billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali la tinkludi dispożizzjoni ġenerali li tissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku meta dawn jaġixxu fil-funzjoni tagħhom ta’ awtorità pubblika meta l-eżenzjoni tagħhom mit-taxxa tista’ twassal għal distorsjonijiet kunsiderevoli tal-kompetizzjoni, u lanqas ebda kriterju li jipprovdi, f’dan ir-rigward, qafas li jirregola s-setgħa diskrezzjonali tal-Ministru tal-Finanzi, u

billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tinkludix dispożizzjoni ġenerali li tissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jwettqu l-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, sa fejn dawn mhumiex negliġibbli,

l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 9 u 13 ta’ din id-direttiva.

2)

L-Irlanda hija kkundannata għall-ispejjeż.