C-168/11 - Beker

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Frar 2013 (*)

“Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq id-dħul – Dħul minn kapital – Ftehim għall-prevenzjoni mit-taxxa doppja – Dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri u fi Stati terzi – Determinazzjoni tal-limitu massimu ta’ imputazzjoni tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn f’pajjiż barrani fuq it-taxxa fuq id-dħul nazzjonali – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż personali u relatati mal-istil ta’ ħajja – Ġustifikazzjoni”

Fil-Kawża C-168/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ April 2011, fil-proċedura

Manfred Beker,

Christa Beker

vs

Finanzamt Heilbronn,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Beker u C. Beker, minn M. Beker, Rechtsanwalt,

–        għall-Finanzamt Heilbronn, minn W. Steinacher u M. Ritter von Rittershain, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn J.-S. Pilczer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża minn M. u C. Beker kontra l-Finanzamt Heilbronn, fir-rigward tad-determinazzjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ ftehim bilaterali intiżi sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, tal-limitu massimu ta’ imputazzjoni tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn f’pajjiż barrani fuq it-taxxa fuq id-dħul dovuta, skont l-iskala, abbażi tad-dħul taxxabbli b’mod illimitat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-ftehim għall-prevenzjoni mit-taxxa doppja

3        Il-kwistjoni jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hijiex awtorizzata li tiġbor taxxi fuq id-dħul b’oriġini barranija u, fl-affermattiv, jekk għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, it-taxxa f’ras il-għajn imħallsa f’pajjiż barrani hija rregolata, f’dak li jikkonċerna lill-kawża prinċipali, mill-ftehim intiżi għall-prevenzjoni mit-taxxa doppja konklużi bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża (Ftehim tal-21 ta’ Lulju 1959, kif emendat), il-Gran Dukat tal-Lussemburgu (Ftehim tat-23 ta’ Awwissu 1958, kif emendat), ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (Ftehim tas-16 ta’ Ġunju 1959), il-Konfederazzjoni Svizzera (Ftehim tal-11 ta’ Awwissu 1971), l-Istati Uniti tal-Amerika (Ftehim tad-29 ta’ Awwissu 1989, kif emendat) u l-Ġappun (Ftehim tat-22 ta’ April 1966).

4        Meta persuna suġġetta b’mod sħiħ għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja tirċievi dħul minn kapital fi Stat ieħor, dan l-aħħar Stat iwettaq tnaqqis f’ras il-għajn abbażi ta’ dawn il-ftehim intiżi għall-prevenzjoni mit-taxxa doppja. It-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn b’mod konformi mal-imsemmija ftehim hija imputabbli għat-taxxa fuq id-dħul dovuta fil-Ġermanja. Fir-rigward tal-metodi ta’ din l-imputazzjoni, il-ftehim konklużi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mar-Repubblika Franċiża, mal-Konfederazzjoni Svizzera, mal-Istati Uniti tal-Amerika u mal-Ġappun jirreferu għal-liġi tat-taxxa Ġermaniża.

 Id-dritt Ġermaniż

5        Abbażi tal-Artikolu 1 tal-Liġi dwar id-dħul (Einkommensteuergesetz), fil-verżjoni tagħha skont il-Liġi fiskali annwali għall-2007 (Jahressteuergesetz 2007), tat-13 ta’ Diċembru 2006 (BGBl. 2006 I, p. 2878, iktar ’il quddiem l-“EStG”), applikabbli għall-2007, il-persuni fiżiċi residenti fil-Ġermanja huma suġġetti b’mod sħiħ għat-taxxa f’dan l-Istat Membru.

6        L-Artikolu 2 tal-EstG jipprovdi:

“(1)      Huwa suġġett għat-taxxa fuq id-dħul:

[...]

5.      id-dħul minn kapital;

[...]

li l-persuna taxxabbli twettaq matul il-perijodu kollu li din tkun suġġetta b’mod sħiħ għat-taxxa fuq id-dħul jew fuq dħul imwettaq fit-territorju nazzjonali matul il-perijodu li din tkun suġġetta limitat għat-taxxa fuq id-dħul. Il-kategorija li jifformaw parti minnha d-diversi dħul hija ddeterminata b’mod konformi mal-Artikoli 13 sa 24.

(2)      Id-dħul huwa:

1.      il-qliegħ fil-każ tal-agrikoltura u tal-foresterija, tal-attivitajiet industrijali, kummerċjali u artiġjanali kif ukoll tal-persuni li jaħdmu għal rashom (Artikoli 4 sa 7k);

2.      l-eċċess tad-dħul fuq l-ispejjeż professjonali fil-każ ta’ kategoriji oħra ta’ dħul (Artikoli 8 sa 9a).

(3)      Is-somma tad-dħul [Summe der Einkünfte], wara li jitneħħa t-tnaqqis proporzjonali għall-anzjani rtirati [Altersentlastungsbetrag], l-ammont tal-eżenzjoni fiskali għal-ġenituri waħedhom u t-tnaqqis stabbilit fl-Artikolu 13(3) tikkostitwixxi l-ammont totali tad-dħul [Gesamtbetrag der Einkünfte].

(4)      L-ammont totali tad-dħul, wara li jitneħħew l-ispejjeż speċjali u l-infiq straordinarju, jikkostitwixxi d-dħul [Einkommen].

(5)      Id-dħul, wara li jitneħħew it-tnaqqis f’daqqa msemmi fl-Artikolu 32(6) u l-ammonti l-oħra li għandhom jitneħħew mid-dħul, jikkostitwixxi d-dħul taxxabbli [zu versteuerndes Einkommen]; dan jikkostitwixxi l-bażi taxxabbli fuq id-dħul skont l-iskala. Jekk liġijiet oħra jkunu relatati mal-kunċett tad-dħul taxxabbli, id-dħul, għall-finijiet ta’ dawn il-liġijiet, għandu jitqies, fil-każijiet kollha msemmija fl-Artikolu 32, wara li jitneħħa t-tnaqqis f’daqqa msemmi fl-Artikolu 32(6) [...]”

7        L-Artikolu 34c(1) tal-EStG jipprovdi:

“Fil-każ tal-persuni taxxabbli suġġetti b’mod sħiħ li jħallsu fuq id-dħul ta’ oriġini barranija, fl-Istat tal-oriġini tad-dħul imsemmi, taxxa li tikkorrispondi għat-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża, it-taxxa barranija stabbilita, imħallsa u li minnha tneħħa tnaqqis li għalih inkiseb dritt, tiġi imputata fit-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża dovuta abbażi tad-dħul provenjenti minn dan l-Istat. It-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża dovuta abbażi ta’ dan id-dħul b’oriġini barranija għandha tiġi stabbilita b’tali mod li t-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża dovuta abbażi tad-dħul taxxabbli [zu versteuerndes Einkommen], inkluż id-dħul b’oriġini barranija, b’mod konformi mal-Artikoli 32a, 32b, 32c, 34 u 34b, titqassam skont ir-relazzjoni eżistenti bejn dan id-dħul b’oriġini barranija u s-somma tad-dħul [Summe der Einkünfte]. Il-kalkolu tad-dħul b’oriġini barranija ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni d-dħul b’oriġini barranija li ma huwiex, fl-Istat tal-oriġini tiegħu, intaxxat b’mod konformi mad-dritt tiegħu. [...] It-taxxi barranin huma imputabbli biss sa fejn jolqtu d-dħul irċevut matul il-perijodu taxxabbli”.

8        L-Artikolu 34c(2) tal-EStG jipprovdi:

“Minflok ma tiġi imputata (paragrafu 1), it-taxxa barranija, jekk jiġi mitlub hekk, għandha titnaqqas waqt id-determinazzjoni tad-dħul sa fejn din tolqot id-dħul b’oriġini barranija li ma huwiex eżenti mit-taxxa.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Bħala konjuġi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu suġġetti, fil-Ġermanja, għal intaxxar komuni abbażi tat-taxxa fuq id-dħul. F’dan ir-rigward, huma ġew intaxxati fuq id-dħul globali kollu tagħhom. Matul is-sena fiskali inkwistjoni, jiġifieri l-2007, huma rċevew, apparti d-dħul tagħhom b’oriġini Ġermaniża, dħul minn kapital provenjenti mill-ishma minoritarji tagħhom f’diversi kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, jiġifieri fir-Repubblika Franċiża, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jew fi Stati terzi, jiġifieri fil-Konfederazzjoni Svizzera, fl-Istati Uniti tal-Amerika u fil-Ġappun. Abbażi ta’ dawn l-ishma, ir-rikorrenti msemmija rċevew dividendi f’ammont totali ta’ EUR 24 111.29 li taw lok għall-ħlas, fid-diversi Stati tal-oriġini tagħhom, ta’ taxxi barranin f’ammont totali ta’ EUR 2 853.02.

10      Abbażi tal-ftehim intiżi għall-prevenzjoni mit-taxxa doppja, konklużi bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati tal-oriġini ta’ dawn id-dividendi, huwa mixtieq li dan l-Istat Membru, bħala Stat ta’ residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġbor taxxa fuq id-dividendi b’oriġini barranija. Sabiex tiġi evitata tassazzjoni legali doppja ta’ dawn id-dividendi, it-taxxa mħallsa f’ras il-għajn f’pajjiż barrani hija imputata fit-taxxa fuq id-dħul dovuta skont l-iskala, sal-ammont tat-taxxa Ġermaniża li tolqot id-dħul ikkonċernat.

11      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 34c(1) tal-EStG (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni kkontestata”) jipprevedi limitu massimu ta’ imputazzjoni tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn f’pajjiż barrani fuq it-taxxa fuq id-dħul dovuta, skont l-iskala, abbażi tad-dħul taxxabbli b’mod illimitat, mill-persuna taxxabbli. Dan il-limitu massimu huwa kkalkolat billi jiġi mmoltiplikat l-ammont tat-taxxa dovuta skont l-iskala b’relazzjoni bejn id-dħul b’oriġini barranija u s-somma totali tad-dħul. Madankollu, din l-aħħar somma ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż speċjali u l-infiq straordinarju bħala spejjeż relattivi għall-istil ta’ ħajja jew għas-sitwazzjoni personali, minkejja li l-ispejjeż imsemmija jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul dovuta skont l-iskala.

12      B’hekk, l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul li jolqot id-dħul b’oriġini barranija (il-limitu massimu tal-imputazzjoni tat-taxxa barranija) huwa kkalkolat, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni kkontestata, billi l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul dovut skont l-iskala jiġi mmoltiplikat bir-relazzjoni (frazzjoni) bejn l-ammont tad-dħul b’oriġini barranija u s-somma totali tad-dħul tal-persuna taxxabbli b’dan il-mod:

Image not found

13      F’dan il-każ, il-Finanzamt Heilbronn ikkalkola li l-limitu massimu ta’ imputazzjoni tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn f’pajjiż barrani jammonta għal EUR 1 282, b’tali mod li imputa din is-somma fuq it-taxxa fuq id-dħul dovuta, skont l-iskala, mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

14      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu, quddiem il-Finanzgericht Baden-Württemberg, ir-riforma tal-avviż tat-taxxa li ntbagħat lilhom u tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul tagħhom għas-sena fiskali inkwistjoni b’ammont ta’ EUR 1 200, minħabba li l-awtoritajiet Ġermaniżi bbażaw ruħhom, għall-kalkolu tal-limitu massimu ta’ imputazzjoni, fuq is-somma tad-dħul qabel it-teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis ġenerali li jikkorrispondi għall-ispejjeż speċjali u għall-infiq straordinarju, bħall-ispejjeż relattivi għall-istil ta’ ħajja jew għas-sitwazzjoni personali jew tal-familja.

15      Peress li r-rikors ippreżentat kontra dan l-avviż ta’ taxxa ġie miċħud, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ippreżentaw rikors għar-“Reviżjoni” quddiem il-Bundesfinanzhof.

16      Peress li kellha xi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-metodu ta’ kalkolu tal-limitu massimu tal-imputazzjoni, stabbilit mil-leġiżlazzjoni kkontestata, mad-dritt tal-Unjoni, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu [63 TFUE] jipprekludi leġiżlazzjoni fi Stat Membru li permezz tagħha - skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa dopjja - fil-każ ta’ persuni taxxabbli li għandhom responsabbiltà fiskali illimitata li d-dħul tagħhom minn pajjiż ieħor huwa suġġett għal taxxa li tikkorrispondi għat-taxxa nazzjonali fuq id-dħul fl-Istat fejn dan id-dħul joriġina, ikun hemm tpaċija tat-taxxa barranija mat-taxxa nazzjonali fuq id-dħul imposta fuq id-dħul minn dak l-Istat l-ieħor b’mod li t-taxxa nazzjonali fuq id-dħul li tirriżulta mill-istima tad-dħul taxxabbli — inkluż id-dħul barrani — titqassam proporzjonalment skont il-proporzjon li d-dħul barrani għandu mad-dħul totali — u għalhekk mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż speċjali jew straordinarji bħalma huma spejjeż personali u dawk marbuta ma’ ċirkustanzi personali u tal-familja?”

 Fuq id-domanda preliminari

17      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, fil-kuntest ta’ sistema intiża sabiex tiġi limitata t-tassazzjoni doppja, meta persuni suġġetti b’mod illimitat għat-taxxa iħallsu fuq dħul b’oriġini barranija fl-Istat tal-oriġini tad-dħul imsemmi, taxxa ekwivalenti għat-taxxa fuq id-dħul miġbura mill-imsemmi Stat Membru, l-imputazzjoni tat-taxxa barranija msemmija fuq l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul f’dan l-Istat Membru ssir billi l-ammont tat-taxxa dovuta abbażi tad-dħul taxxabbli fl-istess Stat Membru, inkluż id-dħul b’oriġini barranija, jiġi mmoltiplikat bir-relazzjoni eżistenti bejn l-imsemmi dħul b’oriġini barranija u s-somma tad-dħul, peress li din l-aħħar somma ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż speċjali u l-infiq straordinarju bħala spejjeż relattivi għall-istil ta’ ħajja jew għas-sitwazzjoni personali jew tal-familja.

 Osservazzjonijiet preliminari

18      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali josservaw li d-deċiżjoni tar-rinviju tinjora s-suġġett tat-talba tagħhom, li jirrigwarda l-imputazzjoni tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn f’pajjiż barrani fuq it-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża, peress li din tiżdied minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul b’oriġini barranija. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tiħux inkunsiderazzjoni t-talba tagħhom b’mod integrali peress li din ma tikkunsidrax it-tneħħija u t-tnaqqis tar-rata tal-ewwel kategorija fiskali li jibbenefikaw minnha l-persuni taxxabbli kollha, iżda titratta biss “l-ispejjeż speċjali u l-infiq straordinarju bħala spejjeż relattivi għall-istil ta’ ħajja jew l-ispejjeż relatati mas-sitwazzjoni personali jew tal-familja”. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tillimita ruħha sabiex tirrispondi fl-affermattiv għad-domanda li saret b’mod preliminari u kieku l-proċedura kellha tkompli f’dan il-kuntest limitat, il-kalkolu tal-parti li tirrappreżenta d-dħul b’oriġini barranija ma jkunx jikkorrispondi, b’mod konformi mal-approċċ segwit mill-Finanzamt Heilbronn, għas-somma tad-dħul, iżda mal-ammont ikkalkolat tad-dħul taxxabbli.

19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li għandhom jiġu ddefiniti mill-imsemmija qorti nazzjonali, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 27, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C-41/11, punt 35).

20      F’dan il-każ, ma jidhirx b’mod manifest li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju taqa’ taħt wieħed minn dawn il-każijiet. Anzi, b’mod kuntrarju, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 20 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-qorti tar-rinviju tindika, fil-parti finali tad-deċiżjoni tar-rinviju, li d-domanda li tressqet quddiemha mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirrigwarda espressament biss id-differenza miksuba bit-tnaqqis tal-ispejjeż relattivi għall-istil ta’ ħajja li jistgħu jiġu mnaqqsa fiskalment fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-limitu massimu ta’ imputazzjoni u li, abbażi tar-regoli tal-proċedura nazzjonali, din ma tistax tadotta deċiżjoni ultra petita.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma hemm lok li d-domanda preliminari tiġi rriformulata.

 Fuq il-libertà inkwistjoni

22      Il-persuni interessati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiftehmu li jikkunsidraw li l-libertà inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija l-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li t-trattament fiskali ta’ dividendi jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, u tal-Artikolu 63 TFUE, dwar il-moviment liberu tal-kapital (sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, Ġabra p. I-305, punt 33, kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-35/11, punt 89).

24      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ libertà ta’ moviment waħda jew oħra, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża sabiex tapplika biss għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal ishma adottati biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jkun hemm impatt fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-impriża għandhom jiġu eżaminati b’mod esklużiv fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni kkontestata tapplika jkun xi jkun l-ammont tas-sehem miżmum f’kumpannija. B’hekk, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tkun tirrigwarda lil dividendi li jkunu joriġinaw minn Stat Membru, is-suġġett tal-leġiżlazzjoni msemmija ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk din tirrilevax b’mod ċar mill-Artikolu 49 TFUE jew mill-Artikolu 63 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93).

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt tal-każ inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidħolx fil-kuntest ta’ waħda jew oħra mid-dispożizzjonijiet imsemmija (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-intaxxar, fil-Ġermanja, ta’ dividendi rċevuti minn persuni fiżiċi residenti f’dan l-Istat Membru, provenjenti minn ishma li dawn għandhom f’kumpanniji li huma stabbiliti jew fi Stat Membru ieħor, jew fi Stat terz, u li huma inferjuri għal 10 % tal-kapital ta’ dawn l-aħħar kumpanniji. Ishma ta’ dan id-daqs ma jagħtux il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanniji kkonċernati u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħhom.

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trattament fiskali ta’ dividendi provenjenti minn pajjiż terz, li ma tapplikax esklużivament għas-sitwazzjonijiet li fihom il-kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kumpannija li tqassam id-dividendi, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 63 TFUE (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99).

31      Minn dak li ntqal jirriżulta li leġiżlazzjoni, bħal-leġiżlazzjoni kkontestata, għandha tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE u li għalih tirreferi d-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, għandu jiġi mfakkar li fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni adottati mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jistabbilixxu l-kriterji ta’ tassazzjoni tad-dħul u tal-ġid sabiex tiġi eliminata, jekk ikun il-każ permezz ta’ ftehim, it-tassazzjoni doppja. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu, fil-qafas ta’ ftehim bilaterali intiżi għall-prevenzjoni mit-taxxa doppja, jistabbilixxu l-fatturi ta’ konnessjoni għall-finijiet tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 57; tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot, C-385/00, Ġabra p. I-11819, punt 93; tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich, C-265/04, Ġabra p. I-923, punt 49, u tas-16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg, C-527/06, Ġabra p. I-7735, punt 48).

33      Madankollu, dan it-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali ma jippermettix lill-Istati Membri li japplikaw miżuri li jmorru kontra l-moviment liberu żgurat mit-Trattat FUE (sentenza Renneberg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

34      Fil-fatt, fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tassazzjoni hekk imqassma fil-kuntest tal-ftehim bilaterali għall-prevenzjoni mit-taxxa doppja, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw rwieħhom mar-regoli tal-unjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq de Groot, punt 94, u Renneberg, punt 51).

35      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk li huma tali li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti fl-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen, C-370/05, Ġabra p. I-1129, punt 24; tat-18 ta’ Diċembru 2007, A, C-101/05, Ġabra p. I-11531, punt 40, kif ukoll Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

36      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu ta’ kalkolu tal-limitu massimu ta’ imputazzjoni tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn f’pajjiż barrani, stabbilit mil-leġiżlazzjoni kkontestata, ma jiħux inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-ispejjeż relattivi għall-istil ta’ ħajja u għas-sitwazzjoni personali u tal-familja tal-persuna taxxabbli.

37      Fil-fatt, l-ammont tal-imsemmi limitu massimu ta’ imputazzjoni jiġi ddeterminat, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni kkontestata, bl-applikazzjoni ta’ formula fejn it-taxxa fuq id-dħul dovuta skont l-iskala, li tikkostitwixxi t-taxxa li l-persuna taxxabbli kien ikollha tħallas kieku d-dħul kollu tagħha nkiseb fil-Ġermanja, tiġi mmoltiplikata bir-relazzjoni komposta, bħala numeratur, mill-ammont tad-dħul b’oriġini barranija u, bħala denominatur, mis-somma tad-dħul.

38      Id-dħul taxxabbli totali, li abbażi tiegħu tiġi kkalkolata t-taxxa fuq id-dħul dovuta skont l-iskala li tikkostitwixxi l-ewwel parti ta’ din il-formula, jiġi ddeterminat billi mas-somma tad-dħul, ikun xi jkun il-post fejn dan tal-aħħar jiġi rċevut, jiġi applikat it-tnaqqis kollu permess mal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, b’mod partikolari l-ispejjeż relattivi għall-istil ta’ ħajja u għas-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna taxxabbli. Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż imsemmija ma jitnaqqsux mis-somma tad-dħul li tidher fid-denominatur tal-frazzjoni li tikkostitwixxi t-tieni parti tal-formula msemmija.

39      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-użu, fid-denominatur tal-frazzjoni li jinsab fit-tieni parti tal-istess formula, tas-somma tad-dħul minflok tad-dħul taxxabbli għandu l-konsegwenza li jbaxxi l-valur tal-limitu massimu tal-imputazzjoni li l-persuna taxxabbli tista’ tibbenefika minnha.

40      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 u 35 tal-Konklużjonijiet tiegħu, il-loġika wara l-leġiżlazzjoni kkontestata tidher li hija dik li tgħid li l-persuna taxxabbli residenti tibbenefika b’mod sħiħ mit-tnaqqis ta’ tip personali u tal-familja meta d-dħul kollu tagħha jkun ġie rċevut fil-Ġermanja, filwaqt li dan ma huwiex il-każ meta parti mid-dħul tagħha jkun ġie rċevut f’pajjiż barrani.

41      Fil-fatt, b’mod paragunabbli għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fis-sentenza de Groot, iċċitata iktar ’il fuq, għalkemm leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal-leġiżlazzjoni kkontestata, tieħu ċertament inkunsiderazzjoni t-tnaqqis li jikkorrispondi għall-ispejjeż speċjali u l-infiq straordinarju bħala spejjeż relattivi għall-istil ta’ ħajja jew għas-sitwazzjoni personali jew tal-familja sabiex tikkalkola l-ammont teoretiku tat-taxxa li tolqot id-dħul kollu tal-persuni taxxabbli, madankollu fil-prattika, tali leġiżlazzjoni twassal sabiex il-persuni taxxabbli residenti tal-imsemmi Stat Membru li rċevew parti mid-dħul tagħhom f’pajjiż barrani jiġu rrikonoxxuti t-tnaqqis korrispondenti għall-imsemmija spejjeż speċjali u nfiq straordinarju biss sal-limitu tad-dħul tagħhom irċevut fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

42      B’hekk, kwota mit-tnaqqis imsemmi ma tittieħidx inkunsiderazzjoni minn dan l-aħħar Stat Membru għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul ta’ dawn il-persuni taxxabbli.

43      Mill-paragrafu 90 tas-sentenza de Groot, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod partikolari li fil-prinċipju, huwa l-Istat Membru tar-residenza li għandu jagħti lill-persuna taxxabbli t-totalità tal-benefiċċji fiskali marbuta mas-sitwazzjoni personali u tal-familja tagħha, għaliex dan l-Istat jinsab fl-aħjar sitwazzjoni sabiex jevalwa l-kapaċità kontributtiva personali tal-persuna taxxabbli peress li din tal-aħħar għandha hemmhekk iċ-ċentru tal-interessi personali u patrimonjali tagħha.

44      Mis-sentenza msemmija jirriżulta wkoll li l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u tal-familja jinsab fuq l-Istat Membru tal-oriġini tad-dħul biss meta l-persuna taxxabbli tirċievi t-totalità jew kważi t-totalità tar-riżorsi taxxabbli tagħha f’dan l-Istat Membru u meta ma tirċivix dħul sinjifikanti mill-Istat ta’ residenza tagħha, b’tali mod li dan ma jinsabx f’pożizzjoni li jagħtiha l-benefiċċji li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u tal-familja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza de Groot, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89).

45      Il-prinċipji msemmija f’din is-sentenza jidhru trasponibbli b’mod sħiħ għal dan il-każ, minkejja li s-sentenza msemmija tirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema u minkejja li l-fatti inkwistjoni fil-kawża li wasslet għaliha kellhom ċerti differenzi meta mqabbla mas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

46      Għandu jiġi rrilevat, hekk kif qal l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li l-fatt li, bil-għan li titnaqqas it-tassazzjoni doppja, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fis-sentenza de Groot, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tipprevedi, diversament mil-leġiżlazzjoni kkontestata, mhux sistema ta’ imputazzjoni, iżda sistema ta’ eżenzjoni, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

47      Fil-fatt, l-elementi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-analiżi tagħha fis-sentenza msemmija kienu jikkonsistu mill-formula użata mil-leġiżlazzjoni kkonċernata għall-kalkolu tal-ammont tal-eżenzjoni li kellha tingħata lill-persuna taxxabbli residenti abbażi tad-dħul irċevut u intaxxat fid-diversi Stati fejn din tal-aħħar kienet impjegata, kif ukoll mill-effett konkret ta’ din il-formula. Issa, dan l-effett kien, bħal fil-kawża prinċipali, li l-persuna taxxabbli tibbenefika mill-benefiċċji marbuta mas-sitwazzjoni tal-familja u personali tagħha biss prorata għad-dħul li kienet irċeviet fl-Istat Membru tar-residenza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza de Groot, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91).

48      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-metodu użat mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din is-sentenza bil-għan li tiġi limitata t-tassazzjoni doppja jidher li jikkostitwixxi varjanti tal-metodu ta’ eżenzjoni, maħsub b’mod li jikkorrispondi, fil-prattika, għal sistema ta’ imputazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza de Groot, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 sa 23).

49      Finalment, ma jistax jirnexxi l-argument tal-Gvern Ġermaniż li jgħid li, essenzjalment, il-leġiżlazzjoni kkontestata ma tmurx kontra l-moviment liberu tal-kapital peress li t-tnaqqis kollu ta’ natura personali jew tal-familja ttieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tat-taxxa fuq id-dħul dovuta skont l-iskala, li jikkostitwixxi l-ewwel parti tal-formula użata għall-finijiet li jiġi ddeterminat il-limitu massimu ta’ imputazzjoni tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn f’pajjiż barrani.

50      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fis-sentenza de Groot, iċċitata iktar ’il fuq, kienet timplika, hija wkoll, it-teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis marbut mas-sitwazzjoni tal-familja u personali tal-persuna taxxabbli fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont teoretiku tat-taxxa li tolqot id-dħul kollu tagħha, li kien jikkostitwixxi l-ewwel parti tal-formula prevista mil-leġiżlazzjoni msemmija biex jiġi kkalkolat l-ammont tal-eżenzjoni li għandha tingħata lill-persuna taxxabbli. Madankollu, bl-istess mod bħal dak li tipprovdi l-leġiżlazzjoni kkontestata, l-applikazzjoni tal-frazzjoni li tikkostitwixxi t-tieni parti tal-formula msemmija kienet twassal sabiex il-persuna taxxabbli tibbenefika mit-tnaqqis marbut mas-sitwazzjoni tal-familja jew personali tagħha biss prorata tad-dħul irċevut fl-Istat Membru tar-residenza tagħha.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuni taxxabbli residenti ta’ Stat Membru li rċevew parti mid-dħul tagħhom f’pajjiż barrani huma żvantaġġjati meta mqabbla mal-persuni taxxabbli residenti tal-istess Stat Membru li rċevew id-dħul kollu tagħhom f’dan l-aħħar Stat u li konsegwentement jibbenefikaw mit-tnaqqis sħiħ li jikkorrispondi mal-ispejjeż speċjali u l-infiq straordinarju bħala spejjeż relattivi għall-istil ta’ ħajja jew għas-sitwazzjoni personali jew tal-familja.

52      Għalhekk, tali differenza fit-trattament tista’ tiddiswadi lil persuni suġġetti b’mod prinċipali għat-taxxa fi Stat Membru milli jinvestu l-kapital tagħhom f’kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

53      Isegwi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal-leġiżlazzjoni kkontestata, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital

54      Sussidjarjament, sabiex jiġġustifika r-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, il-Gvern Ġermaniż jinvoka kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-preżervazzjoni tat-tqassim tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri.

55      Għall-finijiet tal-imputazzjoni tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn f’pajjiż barrani, dan il-prinċipju jimplika li huwa possibbli li jitnaqqsu l-ispejjeż u l-infiq biss meta dawn ikunu direttament marbuta ma’ dħul fiskali li jidħol taħt is-setgħa’ fiskali ta’ Stat Membru abbażi tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati previst mill-ftehim intiżi għall-prevenzjoni tat-taxxa doppja. Għalhekk, l-Istat ta’ residenza ma huwiex marbut li jikkumpensa l-inkonvenjenti marbuta man-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali tal-persuna taxxabbli waqt l-intaxxar tad-dħul b’oriġini barranija fl-Istat tal-oriġini ta’ dan id-dħul.

56      Għalkemm il-preżervazzjoni tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri tista’ ċertament tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li tiġi ġġustifikata restrizzjoni tal-eżerċizzju ta’ moviment liberu fi ħdan l-Unjoni, madankollu għandu jiġi kkonstatat li tali ġustifikazzjoni ġiet injorata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza de Groot, iċċitata iktar ’il fuq, fejn kienet indiskussjoni leġiżlazzjoni paragunabbli għal-leġiżlazzjoni kkontestata. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-punti 98 sa 101 tas-sentenza msemmija jirriżulta li tali ġustifikazzjoni ma tistax tiġi invokata mill-Istat ta’ residenza ta’ persuna taxxabbli sabiex jeħles mir-responsabbiltà fil-prinċipju imposta fuqu li jagħti lill-persuna taxxabbli tnaqqis ta’ tip personali u tal-familja li din hija intitolata għalihom, sakemm, b’mod volontarju jew wara ftehim internazzjonali speċifiċi, l-Istati li fihom tiġi rċevuta parti mid-dħul ma jagħtux tali tnaqqis min-naħa tagħhom.

57      F’kull każ, ġustifikazzjoni marbuta man-neċessità li jitħares it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn is-sistema inkwistjoni hija intiża sabiex tipprekludi aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C-347/04, Ġabra p. I-2647, punt 42; tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 54, u tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI, C-311/08, Ġabra p. I-487, punt 60).

58      Issa, f’dan il-każ, il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrikonoxxi b’mod sħiħ lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-benefiċċju tat-tnaqqis ta’ tip personali u tal-familja ma jikkompromettix dan id-dritt. L-Istat Membru msemmi ma jkunx qiegħed jirrinunzja parti mill-kompetenza fiskali tiegħu favur Stati Membri oħra. Id-dħul irċevut fil-Ġermanja mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jiġix intaxxat inqas milli kieku dan kien jikkostitwixxi l-uniku dħul irċevut mill-persuni interessati u kieku dawn tal-aħħar ma kinux irċevew dħul b’oriġini barranija.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, essenzjalment, skont il-Gvern Ġermaniż, peress li t-tnaqqis ta’ tip personali u tal-familja ma għandu ebda rabta ma’ elementi determinati tad-dħul, dawn għandhom jitnaqqsu fuq id-dħul globali u b’hekk għandhom jitnaqqsu b’mod omoġenju mid-dħul totali tal-persuna taxxabbli, ta’ oriġini interna jew barranija, b’tali mod li r-rikonoxximent tagħhom jista’ jillimita ruħu għal frazzjoni proporzjonali għall-parti tad-dħul irċevut fil-Ġermanja minn dan id-dħul totali.

60      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan it-tnaqqis għandu, fil-prinċipju, jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ mill-Istat ta’ residenza. Isegwi li fil-prinċipju, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-Konklużjonijiet tiegħu, dawn għandhom jitnaqqsu b’mod sħiħ fuq il-parti tad-dħul tal-persuna taxxabbli rċevuta f’dan l-aħħar Stat.

61      Finalment, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tipprevedi l-possibbiltà li tintgħażel sistema differenti mill-imputazzjoni fit-taxxa Ġermaniża tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn f’pajjiż barrani, jiġifieri t-tnaqqis tat-taxxa barranija mill-bażi taxxabbli.

62      Anki jekk jitqies li tali sistema hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li sistema nazzjonali restrittiva fir-rigward tal-moviment liberu tista’ tibqa’ inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni anki meta l-applikazzjoni tagħha ma tkunx obbligatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 162, u tat-18 ta’ Marzu 2010, Gielen, C-440/08, Ġabra p. I-2323, punt 53). B’hekk, f’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ għażla li eventwalment tippermetti li sitwazzjoni ssir kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex l-effett li tirrimedja, waħedha, in-natura illegali ta’ sistema, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni kkontestata, li tinkludi mekkaniżmu ta’ tassazzjoni mhux kompatibbli ma’ dan id-dritt. Għandu jingħad ukoll li l-istess jgħodd b’iktar raġuni fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-mekkaniżmu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni huwa dak li huwa awtomatikament applikat fin-nuqqas ta’ għażla mill-persuna taxxabbli.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda li saret għandha tkun li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, fil-kuntest ta’ sistema intiża sabiex tillimita t-taxxa doppja, meta persuni suġġetti għat-taxxa b’mod illimitat iħallsu fuq dħul b’oriġini barranija, fl-Istat tal-oriġini tad-dħul imsemmi, taxxa ekwivalenti għat-taxxa fuq id-dħul miġbura mill-Istat Membru msemmi, l-imputazzjoni tal-imsemmija taxxa barranija fuq l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul f’dan l-Istat Membru ssir billi l-ammont tat-taxxa dovuta abbażi ta’ dħul taxxabbli fl-istess Stat Membru, inkluż id-dħul b’oriġini barranija, jiġi mmoltiplikat bir-relazzjoni eżistenti bejn l-imsemmi dħul b’oriġini barranija u s-somma tad-dħul, fejn din l-aħħar somma ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż speċjali u l-infiq straordinarju bħala spejjeż relattivi għall-istil ta’ ħajja jew għas-sitwazzjoni personali jew tal-familja.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, fil-kuntest ta’ sistema intiża sabiex tillimita t-taxxa doppja, meta persuni suġġetti għat-taxxa b’mod illimitat iħallsu fuq dħul b’oriġini barranija, fl-Istat tal-oriġini tad-dħul imsemmi, taxxa ekwivalenti għat-taxxa fuq id-dħul miġbura mill-imsemmi Stat Membru, l-imputazzjoni tal-imsemmija taxxa barranija fuq l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul f’dan l-Istat Membru ssir billi l-ammont tat-taxxa dovuta abbażi ta’ dħul taxxabbli fl-istess Stat Membru, inkluż id-dħul b’oriġini barranija, jiġi mmoltiplikat bir-relazzjoni eżistenti bejn l-imsemmi dħul b’oriġini barranija u s-somma tad-dħul, fejn din l-aħħar somma ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż speċjali u l-infiq straordinarju bħala spejjeż relattivi għall-istil ta’ ħajja jew għas-sitwazzjoni personali jew tal-familja.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.