Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
27 ta’ Ġunju 2019 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(ċ) – Eżenzjonijiet – Professjonijiet mediċi u paramediċi – Kiroprattika u osteopatija – Artikolu 98 – Punti 3 u 4 tal-Anness III – Prodotti mediċinali u mezzi mediċi – Rata mnaqqsa – Provvista fil-kuntest ta’ interventi jew ta’ trattamenti ta’ natura terapewtika – Rata normali – Provvista fil-kuntest ta’ interventi jew ta’ trattamenti ta’ natura estetika – Prinċipju ta’ newtralità fiskali – Żamma tal-effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni”
Fil-Kawża C‑597/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura
Belgisch Syndicaat van Chiropraxie u Bart Vandendries,
Belgische Unie van Osteopaten et,
Plast.Surg. BVBA et,
Belgian Society for Private Clinics VZW et
vs
Ministerraad,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn C. Toader, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Belgisch Syndicaat van Chiropraxie u Bart Vandendries, minn E. Maes u M. Denef, advocaten,
– għall-Belgische Unie van Osteopaten et, minn B. Hermans u J. Bosquet, advocaten, kif ukoll minn H. Van den Keybus, avocate,
– għal Plast.Surg. BVBA et, minn T. De Gendt, advocaat,
– għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u P. Cottin kif ukoll minn C. Pochet, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier u A. Alidière, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u P. Vanden Heede, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98, tal-Artikolu 132(1)(b), (ċ) u (e), tal-Artikolu 134 u tal-punti 3 u 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Belgisch Syndicaat van Chiropraxie u Bart Vandendries, il-Belgische Unie van Osteopaten et, Plast.Surg. BVBA et u l-Belgian Society for Private Clinics VZW et, u l-Ministerraad (il-Kunsill tal-Ministri, il-Belġju) dwar talba għall-annullament ta’ dispożizzjonijiet irregolati mid-dritt Belġjan dwar il-modalitajiet tal-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u l-provvista ta’ kura kif ukoll il-kunsinni ta’ prodotti mediċinali u ta’ mezzi mediċi.
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2006/112
3 L-Artikolu 96 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi.”
4 Skont l-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva:
“1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.
2. Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.
[...]”
5 L-Artikolu 132(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:
“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:
[...]
b) sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin immexxija minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew, skond kondizzjonijet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi regolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti;
ċ) il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;
[...]
e) il-provvista ta’ servizzi mit-tekniċi dentali fil-kapaċità tal-professjoni tagħhom u l-provvista ta’ prototeżi dentali pprovduti minn dentisti u tekniċi dentali;
[...]”
6 L-Artikolu 134 tal-istess direttiva jipprovdi:
“Il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi m’għandhiex tingħata eżenzjoni, kif previst fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1), fil-każijiet li ġejjin:
a) fejn il-provvista m’hijiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti;
b) fejn l-iskop bażiku tal-provvista hu li tikseb dħul addizzjonali għall-korp in kwistjoni permezz ta’ transazzjonijet li huma f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk ta’ impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT.”
7 L-Anness III tad-Direttiva 2006/112, intitolat “Lista ta’ provvisti ta’ merkanzija u servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 98”, isemmi, fil-punt 3 tiegħu, “prodotti farmaċewtiċi ta’ tip normalment użati għall-kura tas-saħħa, għall-prevenzjoni tal-mard u bħala trattament għal skopijiet mediċi u veterinarji, inklużi prodotti użati għall-kontraċezzjoni u għall-protezzjoni sanitarja”.
8 Fil-punt 4 ta’ dan l-anness huma inkużi “tagħmir mediku, għajnuniet u strumenti oħra normalment maħsuba biex itaffu jew jikkuraw id-diżabilità, għall-użu esklussiv u personali tal-persuni b’diżabilità, inkluża t-tiswija ta’ din il-merkanzija, u l-provvista ta' siġġijiet tat-tfal tal-karrozza”.
Id-dritt Belġjan
9 L-Artikolu 110 tal-wet houdende maatregelen inzake versterking van jobcreatie en koopkracht (il-Liġi li Tirrigwarda l-Miżuri li Jikkonċernaw it-Tisħiħ tal-Ħolqien ta’ Impjiegi u tal-Kapaċità tal-Akkwist) tas-26 ta’ Diċembru 2015 (Belgisch Staatsblad, 30 ta’ Diċembru 2015, p. 80634, iktar ’il quddiem il-“Liġi tas-26 ta’ Diċembru 2015”), jipprovdi:
“Fl-Artikolu 44 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, issostitwit bil-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 1992 u emendat fl-aħħar lok bil-Liġi tat-12 ta’ Mejju 2014, saru l-emendi li ġejjin:
a) il-paragrafu 1 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:
‘Punt 1. Hija eżentata mit-taxxa l-provvista ta’ servizzi mwettqa fl-eżerċizzju tal-attività abitwali tagħhom mill-persuni li ġejjin:
1° it-tobba, id-dentisti u l-fiżjoterapisti.
L-eżenzjoni prevista fil-punt 1 ma tirreferix għall-provvista ta’ servizzi mwettqa minn tobba li jipprovdu interventi u trattamenti ta’ natura estetika:
a) meta dawn l-interventi u trattamenti ma humiex inklużi fin-nomenklatura tal-benefiċċji tas-saħħa fil-qasam ta’ assigurazzjoni obbligatorja kontra l-mard u l-invalidità;
b) meta dawn l-interventi u trattamenti, minkejja li huma inklużi fin-nomenklatura tal-benefiċċji tas-saħħa fil-qasam ta’ assigurazzjoni obbligatorja kontra l-mard u l-invalidità, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal rimbors b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tal-kura tas-saħħa u allowances;
2° il-majjistri, l-infermieri u l-awżiljarji tal-kura;
3° il-prattikanti ta’ professjoni paramedika rrikonoxxuta u rregolata, rigward is-servizzi tagħhom ta’ natura paramedika li huma inklużi fin-nomenklatura tas-servizzi tas-saħħa fil-qasam ta’ assigurazzjoni obbligatorja kontra l-mard u l-invalidità.’;
b) fil-paragrafu 2, il-punt 1° huwa ssostitwit kif ġej:
‘1° a) kura fi sptar u l-kura medika kif ukoll il-provvista ta’ servizzi u l-kunsinna ta’ oġġetti li huma marbuta fil-qrib magħhom, imwettqa fl-eżerċizzju tal-attività abitwali tagħhom permezz ta’ stabbilimenti ta’ sptar u stabbilimenti psikjatriċi, il-kliniki u ċ-ċentri tas-saħħa.
Huma esklużi mill-eżenzjoni prevista f’a) il-kura fi sptar u l-kura medika kif ukoll il-provvista ta’ servizzi u l-kunsinni ta’ oġġetti li huma marbuta fil-qrib magħhom li jikkonċernaw l-interventi u trattamenti previsti fit-tieni subparagrafu tal-punt 1 tal-paragrafu 1;
b) it-trasport ta’ persuni morda jew imweġġgħa b’mezzi ta’ trasport mgħammra apposta għal dawk l-għanijiet;’.”
10 Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-punt a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-koninklijk besluit nr. 20 tot vaststelling van de tarieven van de belasting over de toegevoegde waarde en tot indeling van de goederen en de diensten bij die tarieven bekrachtigt (id-Digriet Irjali Nru 20 li Jistabbilixxi r-Rati tat-Taxxa Fuq il-Valur Miżjud u Jiddetermina t-Tqassim ta’ Oġġetti u ta’ Servizzi Skont Dawn ir-Rati) tal-20 ta’ Lulju 1970 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Lulju 1970, p. 7920), il-prodotti mediċinali u l-mezzi mediċi huma normalment suġġetti fil-Belġju għar-rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 6 %.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 Kiroprattiki, osteopati, speċjalisti fil-kirurġija plastika u ċerti unjonijiet professjonisti kienu ppreżentaw rikorsi quddiem il-qorti tar-rinviju, fix-xhur ta’ Mejju u ta’ Ġunju 2016, intiżi, b’mod partikolari, għall-annullament tal-Artikolu 110 tal-Liġi tas-26 ta’ Diċembru 2015.
12 Ir-rikorsi ppreżentati minn kiroprattiki, minn osteopati u wħud mill-unjonijiet professjonisti tagħhom jibbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq ksur allegat tal-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112. Huma jqisu li l-Artikolu 110 ta’ din il-liġi huwa inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni inkwantu jirriżerva, mingħajr ġustifikazzjoni raġonevoli, l-eżenzjoni mill-VAT li jipprevedi lill-prattikanti ta’ professjoni medika jew paramedika rregolata, status li minnu ma jibbenefikawx, skont id-dritt Belġjan, il-professjonijiet ta’ kiroprattiku u ta’ osteopatu.
13 Fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati minn speċjalisti fil-kirurġija plastika, dawn jibbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq l-eżistenza, fid-dritt Belġjan, ta’ differenza fit-trattament inġustifikata bejn il-prodotti mediċinali jew il-mezzi mediċi pprovduti fil-kuntest ta’ interventi u ta’ trattamenti ta’ natura estetika u dawk ipprovduti fil-kuntest ta’ interventi u ta’ trattamenti ta’ natura terapewtika, peress li huma biss it-tieni li huma suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ VAT.
14 Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Kunsill tal-Ministri talabha, sussidjarjament, li żżomm, b’mod tranżitorju, l-effetti tad-dispożizzjonijiet li hija tiddeċiedi, skont il-każ, li tannulla, sabiex il-leġiżlatur Belġjan ikun jista’ jikkonforma l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-Direttiva 2006/112.
15 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din it-talba hija bbażata, minn naħa, fuq il-problemi baġitarji u amministrattivi kif ukoll fuq l-inċertezza legali għad-destinatarji tas-servizzi kkonċernati li l-annullament tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’effett retroattiv iwassal għalihom u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur ta’ din id-direttiva li l-applikazzjoni tal-iskema fis-seħħ qabel l-adozzjoni tal-Liġi tas-26 ta’ Diċembru 2015 twassal għalih.
16 Huwa f’dan il-kuntest li l-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 132(1)(c) tad-Direttiva [2006/112] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jirriżerva, kemm għall-prattiki konvenzjonali kif ukoll għal dawk non-konvenzjonali, l-eżenzjoni intiża għall-prattikanti ta’ professjoni medika jew paramedika li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-professjonijiet tal-kura tas-saħħa u li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali u li huma esklużi minnha l-persuni li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet iżda li huma affiljati ma’ assoċjazzjoni professjonali ta’ kiroprattiċi jew ta’ osteopati u jissodisfaw il-kriterji stabbiliti minn din l-assoċjazzjoni?
2) L-Artikolu 132(1)(b)(c) u (e), l-Artikolu 134 u l-Artikolu 98 tad-Direttiva [2006/112], flimkien mal-punti 3 u 4 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens:
a) li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li rata mnaqqsa ta’ VAT tkun applikabbli għall-prodotti mediċi u għall-apparat mediku pprovduti fil-kuntest ta’ operazzjoni jew ta’ kura terapewtika, filwaqt li l-prodotti mediċi u l-apparat mediku li huwa pprovdut fil-kuntest ta’ intervent jew ta’ trattament ta’ natura purament estetika u li huma marbuta mill-qrib huma suġġetti għar-rata normali tal-VAT;
b) jew li jawtorizzaw jew jimponu l-ugwaljanza fit-trattament taż-żewġ każijiet indikati iktar ’il fuq?
3) Jekk mir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari kellu jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru d-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-[Qorti Kostituzzjonali] għandha żżomm b’mod temporanju l-effetti tad-dispożizzjonijiet […] li għandhom jiġu anullati (minħabba l-inkompatibbiltà tagħhom diġà kkonstatata mad-Direttiva 2006/112), kif ukoll dawk tad-dispożizzjonijiet li, jekk ikun il-każ, għandhom jiġi kompletament jew parzjalment annullati, u dan sabiex il-leġiżlatur [nazzjonali] ikun jista’ jiżgura l-konformità tagħhom ma din il-liġi?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
17 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li jirriżerva l-applikazzjoni tal-eżenzjoni li jipprevedi għas-servizzi mwettqa minn prattikanti ta’ professjoni medika jew paramedika li hija rregolata mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.
18 L-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 13(A)(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) u l-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati bl-istess mod u li, għaldaqstant, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel minn dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tintuża bħala bażi sabiex tiġi interpretata t-tieni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Future Health Technologies, C‑86/09, EU:C:2010:334, punt 27).
19 Minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li prestazzjoni tista’ tiġi eżentata jekk tissodisfa żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, tikkostitwixxi għoti ta’ kura lil persuna u, min-naħa l-oħra, titwettaq fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi hekk kif huma ddefiniti mill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C‑141/00, EU:C:2002:473, punt 27, kif ukoll tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C‑443/04 u C‑444/04, EU:C:2006:257, punt 23).
20 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prattikanti li jaqgħu taħt professjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tassew jipprovdu kura lill-persuna, peress li jipproponu trattamenti li huma intiżi bl-għan ta’ kura u, sa fejn huwa possibbli, sabiex ifejqu mard jew anomaliji ta’ saħħa.
21 F’dan il-kuntest, id-domanda magħmula hija intiża unikament sabiex tiġi ppreċiżata l-portata tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, billi jiġi stabbilit jekk humiex biss il-professjonijiet irregolati mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li jistgħu jitqiesu bħala “professjonijiet mediċi u paramediċi” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112.
22 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm din il-kundizzjoni timplika li l-eżenzjoni li hija tipprevedi tiġi rriżervata għal ċerti professjonijiet speċifiċi, mit-test ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta biss li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jimponi fuq l-Istati Membri kkonċernati li jirriżervaw il-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni unikament għall-professjonijiet li huma rregolati mil-leġiżlazzjoni tagħhom.
23 Fil-fatt, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din ma tiddefinixxix hija stess il-kunċett ta’ “professjonijiet mediċi u paramediċi” iżda tirreferi, fuq dan il-punt, għad-definizzjoni li hija adottata mid-dritt intern tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C‑443/04 u C‑444/04, EU:C:2006:257, punt 28).
24 F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Istati Membri jipprovdu, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta u sempliċi tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, setgħa diskrezzjonali sabiex jiġu ddefiniti l-professjonijiet li fil-kuntest tal-eżerċizzju tagħhom il-provvista ta’ kura lill-persuna hija eżentata mill-VAT u, b’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit liema kwalifiki huma meħtieġa sabiex dawn il-professjonijiet jiġu eżerċitati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C‑443/04 u C‑444/04, EU:C:2006:257, punti 29, 30 u 32).
25 Madankollu din is-setgħa diskrezzjonali ma hijiex mingħajr limitu, sa fejn l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-għan li għandu jintlaħaq minn din id-dispożizzjoni, li huwa li jiġi ggarantit li l-eżenzjoni tapplika unikament għall-provvista ta’ kura lill-persuna li tiġi pprovduta minn persuni li jkollhom il-kwalifiki professjonali meħtieġa, u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C‑443/04 u C‑444/04, EU:C:2006:257, punti 31, 36 u 37).
26 L-Istati Membri għandhom għalhekk, fl-ewwel lok, jiggarantixxu l-osservanza ta’ dan l-għan billi jiżguraw ruħhom li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika unikament għal provvista ta’ kura lill-persuna li tippreżenta livell ta’ kwalità suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C‑443/04 u C‑444/04, EU:C:2006:257, punt 37).
27 Għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jivverifikaw li l-persuni kkonċernati li jipprovdu kura jkollhom kwalifiki professjonali meħtieġa għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C‑443/04 u C‑444/04, EU:C:2006:257, punti 37 u 38), dan ir-rekwiżit ma jimplikax neċessarjament li dawn il-persuni jeżerċitaw professjoni rregolata mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn metodi effikaċi oħra ta’ kontroll tal-kwalifiki professjonali tagħhom jistgħu jiġu previsti, skont l-organizzazzjoni tal-professjonijiet mediċi u paramediċi f’dan l-Istat Membru.
28 Fit-tieni lok, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprekludi li provvisti ta’ servizzi li jixxiebhu, li għalhekk ikunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (sentenza tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C‑443/04 u C‑444/04, EU:C:2006:257, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Issa, dan ir-rekwiżit lanqas ma jimplika li l-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandu obbligatorjament jiġi rriżervat lil prattikanti ta’ professjoni rregolata mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, peress li ma jistax jiġi eskluż, b’mod ġenerali u assolut, li prattikanti li ma jaqgħux taħt tali professjoni jistgħu jkollhom kwalifiki neċessarji sabiex jiżguraw kura ta’ kwalità suffiċjenti sabiex jitqiesu li jixbhu dawk proposti mill-membri ta’ tali professjoni, b’mod partikolari jekk ikunu segwew taħriġ propost minn stabbiliment ta’ tagħlim irrikonoxxut minn dan l-Istat Membru.
30 Minbarra dan, minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qafas regolamentari tal-Istat Membru kkonċernat jikkostitwixxi biss element fost oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk persuna taxxabbli għandhiex il-kwalifiki professjonali meħtieġa sabiex din l-eżenzjoni tiġi applikata fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C‑443/04 u C‑444/04, EU:C:2006:257, punti 46 u 50), li jimplika li l-appartenenza tal-persuni li jipprovdu kura ma’ professjoni rregolata ma tistax tikkostitwixxi kundizzjoni li għandha neċessarjament tiġi imposta mill-Istati Membri għal dan il-għan.
31 Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirriżervax l-applikazzjoni tal-eżenzjoni li jipprevedi għall-provvista mwettqa minn prattikanti ta’ professjoni medika jew paramedika rregolata mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.
Fuq it-tieni domanda
Fuq l-ammissibbiltà
32 Il-Gvern Belġjan isostni li t-tieni domanda hija mingħajr skop u li għalhekk ma teħtieġx risposta. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Belġjana ma tvarjax ir-rata ta’ VAT applikabbli għall-prodotti mediċinali u għall-mezzi mediċi skont l-użu tagħhom u għalhekk ma tipprevedix applikazzjoni ta’ rati differenti meta dawn jiġu pprovduti fil-kuntest ta’ interventi jew ta’ trattamenti ta’ natura terapewtika pjuttost milli fil-kuntest ta’ interventi jew ta’ trattamenti ta’ natura estetika.
33 F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tkun suġġetta għal diversi interpretazzjonijiet. F’dan il-kuntest, it-tieni domanda hija b’mod partikolari intiża sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx lok li tiġi skartata, skont id-dritt tal-Unjoni, l-interpretazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni li rati differenti ta’ VAT għandhom jiġu applikati għall-prodotti mediċinali u għall-mezzi mediċi skont l-użu tagħhom.
34 Għaldaqstant, għalkemm il-Gvern Belġjan iqis li tali interpretazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni fi kwalunkwe każ hija eskluża, jidher li dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali differenti minn dik adottata mill-qorti tar-rinviju.
35 Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija għandha, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, mhux tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u lanqas li tiddeċiedi jew li tivverifika jekk l-interpretazzjoni tagħhom mogħtija mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Macikowski, C‑499/13, EU:C:2015:201, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), iżda li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi ta’ din il-qorti tar-rinviju u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju, li d-domandi preliminari jaqgħu taħtu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Fundación Gala-Salvador Dalí u VEGAP, C‑518/08, EU:C:2010:191, punt 21).
36 Sussegwentement, it-tieni domanda għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.
Fuq il-mertu
37 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 98, l-Artikolu 132(1)(b), (ċ) u (e) u l-Artikolu 134 tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-punti 3 u 4 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel differenza fit-trattament bejn il-prodotti mediċinali u l-mezzi mediċi pprovduti fil-kuntest ta’ interventi jew ta’ trattamenti ta’ natura terapewtika, minn naħa, u l-prodotti mediċinali u l-mezzi mediċi pprovduti fil-kuntest ta’ interventi jew ta’ trattamenti ta’ natura esklużivament estetika, min-naħa l-oħra, billi dawn tal-aħħar jiġu esklużi mill-benefiċċju tar-rata mnaqqsa ta’ VAT applikabbli għal tal-ewwel.
38 L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm it-termini tat-tieni domanda jirreferu, b’mod partikolari, għall-Artikoli 132 u 134 tad-Direttiva 2006/112, il-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju dwar din id-domanda ma jirreferux għal dawn id-dispożizzjonijiet, u bil-kontra, jindikaw li din id-domanda għandha bħala għan unikament li tippreċiża jekk id-dritt tal-Unjoni jeskludix li ċerti prodotti mediċinali u ċerti mezzi mediċi jistgħu jiġu applikati r-rata normali ta’ VAT billi jiġu esklużi mir-rata mnaqqsa ta’ VAT prevista fl-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punti 3 u 4 tal-Anness III tagħha, meta Stat Membru jkun għamel l-għażla li japplika din ir-rata mnaqqsa għal prodotti mediċinali oħra u għal mezzi mediċi oħra.
39 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda għandha tiġi risposta billi jsir riferiment għall-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112, fejn ir-risposta għal din id-domanda hija bla ħsara għall-applikazzjoni eventwali tal-iskema ta’ eżenzjoni tal-VAT imposta fl-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva għall-prodotti mediċinali u għall-mezzi mediċi li huma indispensabbli għall-operazzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni u ta’ dik tal-iskema ta’ eżenzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 132(1)(ċ) u (e) ta’ din id-direttiva għall-prodotti mediċinali u għall-mezzi mediċi li huma strettament neċessarji fil-mument tal-provvista koperta minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Klinikum Dortmund, C‑366/12, EU:C:2014:143, punt 34).
40 F’dak li jikkonċerna l-prodotti mediċinali u l-mezzi mediċi li ma humiex koperti minn tali skemi ta’ eżenzjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva 2006/112, l-istess rata ta’ VAT, jiġifieri r-rata normali stabbilita minn kull Stat Membru, bħala prinċipju hija applikabbli għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium, C‑573/15, EU:C:2017:189, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 B’deroga għal dan il-prinċipju, l-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva jipprevedi l-possibbiltà li jiġu applikati rati mnaqqsa ta’ VAT għall-kategoriji ta’ kunsinni ta’ oġġetti u ta’ provvista ta’ servizzi li jinsabu fl-Anness III ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium, C‑573/15, EU:C:2017:189, punt 21, u tad-9 ta’ Novembru 2017, AZ, C‑499/16, EU:C:2017:846, punt 22).
42 Din l-iskema derogatorja hija applikabbli, fir-rigward tal-prodotti mediċinali u tal-mezzi mediċi, għall-oġġetti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sostanzjali stabbiliti fil-punti 3 jew 4 ta’ dan l-anness.
43 F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-punt 3 ta’ dan l-anness jirreferi għall-prodotti farmaċewtiċi biss sa fejn dawn jintużaw normalment għall-kura tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u t-trattament għal għanijiet mediċi u veterinarji, din il-kundizzjoni ma hijiex, inkwantu tali, ta’ natura li timplika li l-prodotti mediċinali pprovduti fil-kuntest ta’ interventi jew ta’ trattamenti ta’ natura esklużivament estetika ma jistgħux jibbenefikaw minn rata mnaqqsa ta’ VAT, peress li din il-kundizzjoni tirreferi għall-użu normali tal-prodotti li hija tinkludi u mhux għall-użu konkret tagħhom.
44 F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ippreveda unikament il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għall-kunsinni ta’ beni u għall-provvista ta’ servizzi inklużi fil-kategoriji tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 u, għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw iktar preċiżament, fost dawn il-kunsinni ta’ oġġetti u din il-provvista ta’ servizzi, dawk li r-rata mnaqqsa tapplika għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, K, C‑219/13, EU:C:2014:2207, punt 23, u tad-9 ta’ Novembru 2017, AZ, C‑499/16, EU:C:2017:846, punt 23).
45 Konsegwentement, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti prodotti farmaċewtiċi jew mezzi mediċi speċifiċi, fost dawk previsti fil-punti 3 u 4 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, filwaqt li japplikaw ir-rata normali għal oħrajn minn dawn il-prodotti jew mezzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium, C‑573/15, EU:C:2017:189, punt 26).
46 Madankollu, meta Stat Membru jagħżel li japplika b’mod selettiv ir-rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi speċifiċi li jinsabu fl-Anness III ta’ din id-direttiva, dan għandu josserva l-prinċipju ta’ newtralità fiskali (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium, C‑573/15, EU:C:2017:189, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 Dan il-prinċipju jipprekludi li oġġetti jew provvista ta’ servizzi li jixxiebhu, li jkunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, K, C‑219/13, EU:C:2014:2207, punt 24, u tad-9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium, C‑573/15, EU:C:2017:189, punt 30).
48 Sabiex jiġi stabbilit jekk oġġetti jew provvista ta’ servizzi jixxibhux, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni prinċipalment il-perspettiva tal-konsumatur medju. Oġġetti jew provvista ta’ servizzi jkunu jixxiebhu meta jkollhom karatteristiċi analogi u jissodisfaw l-istess bżonnijiet tal-konsumatur, skont kriterju ta’ tqabbil fl-użu, u meta d-differenzi eżistenti ma jinfluwenzawx b’mod kunsiderevoli d-deċiżjoni tal-konsumatur medju li jirrikorri għal wieħed jew għal ieħor mill-imsemmija oġġetti jew provvista ta’ servizzi (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, K, C‑219/13, EU:C:2014:2207, punt 25, u tad-9 ta’ Novembru 2017, AZ, C‑499/16, EU:C:2017:846, punt 31).
49 F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, li l-prodotti mediċinali kollha ma kellhomx neċessarjament jitqiesu bħala li jixxiebhu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑481/98, EU:C:2001:237, punt 30) u, min-naħa l-oħra, li l-użu konkret li l-kunsinni ta’ oġġetti huma ddestinati għalih jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk dawn il-kunsinni jixxibhux mill-perspettiva tal-konsumatur medju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑41/09, EU:C:2011:108, punt 66).
50 F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi, skont il-qorti tar-rinviju, trattament differenti tal-prodotti mediċinali u tal-mezzi mediċi pprovduti fil-kuntest ta’ trattamenti ta’ natura terapewtika u tal-prodotti mediċinali u tal-mezzi mediċi pprovduti fil-kuntest ta’ trattamenti ta’ natura estetika. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-użu ta’ natura terapewtika u l-użu ta’ natura estetika jirrappreżentaw żewġ tipi ta’ użu konkret li b’mod ċar huma separati, li ma jissodisfawx l-istess bżonn mill-perspettiva tal-konsumatur medju.
51 F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju tapplika differenza bejn żewġ kategoriji ta’ prodotti mediċinali jew ta’ mezzi mediċi li ma jidhrux li jixxiebhu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
52 Minn dan kollu preċedenti, it-tieni domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punti 3 u 4 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel differenza fit-trattament bejn il-prodotti mediċinali u l-mezzi mediċi pprovduti fil-kuntest ta’ interventi jew ta’ trattamenti ta’ natura terapewtika, minn naħa, u l-prodotti mediċinali u l-mezzi mediċi pprovduti fil-kuntest ta’ interventi jew ta’ trattamenti ta’ natura esklużivament estetika, min-naħa l-oħra, billi dawn tal-aħħar jiġu esklużi mill-benefiċċju tar-rata mnaqqsa ta’ VAT applikabbli għal tal-ewwel.
Fuq it-tielet domanda
53 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qorti nazzjonali tistax tagħmel użu minn dispożizzjoni nazzjonali li tawtorizzaha li żżomm ċerti effetti ta’ att annullat sabiex iżżomm provviżorjament l-effett ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li hija ddeċidiet li huma inkompatibbli mad-Direttiva 2006/112 sal-konformità tagħhom ma’ din id-direttiva, sabiex, minn naħa, jiġu limitati r-riskji ta’ inċertezza legali li jirriżultaw mill-effett retroattiv ta’ dan l-annullament u, min-naħa l-oħra, li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ skema nazzjonali preċedenti għal dawn id-dispożizzjonijiet inkompatibbli ma’ din id-direttiva.
54 Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma obbligati li jħassru l-konsegwenzi illeċiti ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni u li tali obbligu jinkludi, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, kull korp tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 43, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement, C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 31).
55 Għalhekk, meta dawn jikkonstataw li leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat għandhom, filwaqt li jżommu l-għażla tal-miżuri li għandhom jittieħdu, jiżguraw li, malli jkun possibbli, id-dritt nazzjonali jkun f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u li jingħata effett sħiħ lid-drittjiet li l-partijiet fil-kawża jieħdu mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et, C‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punt 38).
56 F’dan il-kuntest, huma l-qrati nazzjonali li huma validament aditi b’rikors kontra leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-Direttiva 2006/112 li għandhom jieħdu, abbażi tad-dritt nazzjonali, miżuri intiżi li jeliminaw l-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 47, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement, C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 32).
57 Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors għal annullament u tixtieq tkun taf jekk, filwaqt li tannulla d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati, tistax, fir-rigward taċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżżomm l-effetti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet matul perijodu tranżitorju ddestinat sabiex jippermetti s-sostituzzjoni tagħhom permezz ta’ regoli nazzjonali ġodda kompatibbli mad-Direttiva 2006/112.
58 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li tali soluzzjoni ma tistax, fil-kawża prinċipali, tiġi ġġustifikata mix-xewqa li jiġu limitati r-riskji ta’ inċertezza legali li jirriżultaw mill-effett retroattiv tal-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
59 Fil-fatt, anki jekk jiġi preżuppost li kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jkunu ta’ natura li eċċezzjonalment iwasslu għas-sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ tneħħija eżerċitat minn dispożizzjoni legali tal-Unjoni direttament applikabbli fir-rigward tad-dritt nazzjonali li jmur kontra tagħha, tali sospensjoni għandha tiġi eskluża mill-ewwel, f’dan il-każ, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma tkunx semmiet elementi konkreti li jistgħu jistabbilixxu riskji speċifiċi ta’ inċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 67).
60 B’mod partikolari, is-sempliċi evokazzjoni ta’ diffikultajiet baġitarji u amministrattivi li jistgħu jirriżultaw mill-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati fil-kawża prinċipali ma tistax tkun biżżejjed biex tikkaratterizza kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Mednis, C‑525/11, EU:C:2012:652, punt 44, u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 111).
61 Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna ċ-ċirkustanza li l-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jimplika l-applikazzjoni ta’ skema nazzjonali preċedenti għal dawn id-dispożizzjonijiet inkompatibbli mad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali tista’ eċċezzjonalment tiġi awtorizzata li tagħmel użu minn dispożizzjoni nazzjonali li tawtorizzaha sabiex iżżomm ċerti effetti ta’ att annullat sa fejn ċerti kundizzjonijiet huma ssodisfatti. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm ir-rekwiżit li dan l-att jikkostitwixxi miżura ta’ traspożizzjoni korretta ta’ obbligu ta’ dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 63, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement, C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 43).
62 Issa, fil-kawża prinċipali, ma jidhirx li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu tali miżura ta’ traspożizzjoni korretta.
63 Isegwi li t-tielet domanda għandha tiġi risposta li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qorti nazzjonali ma tistax tagħmel użu minn dispożizzjoni nazzjonali li tawtorizzaha li żżomm ċerti effetti ta’ att annullat sabiex provviżorjament iżżomm l-effett ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li hija qieset inkompatibbli mad-Direttiva 2006/112 sakemm jitqiegħdu f’konformità ma’ din id-direttiva, sabiex, minn naħa, jiġu limitati r-riskji ta’ inċertezza legali li jirriżultaw mill-effett retroattiv ta’ dan l-annullament u, min-naħa l-oħra, tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ skema nazzjonali preċedenti għal dawn id-dispożizzjonijiet inkompatibbli ma’ din id-direttiva.
Fuq l-ispejjeż
64 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirriżervax l-applikazzjoni tal-eżenzjoni li jipprevedi għall-provvista mwettqa minn prattikanti ta’ professjoni medika jew paramedika rregolata mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.
2) L-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punti 3 u 4 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel differenza fit-trattament bejn il-prodotti mediċinali u l-mezzi mediċi pprovduti fil-kuntest ta’ interventi jew ta’ trattamenti ta’ natura terapewtika, minn naħa, u l-prodotti mediċinali u l-mezzi mediċi pprovduti fil-kuntest ta’ interventi jew ta’ trattamenti ta’ natura esklużivament estetika, min-naħa l-oħra, billi dawn tal-aħħar jiġu esklużi mill-benefiċċju tar-rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) applikabbli għal tal-ewwel.
3) F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qorti nazzjonali ma tistax tagħmel użu minn dispożizzjoni nazzjonali li tawtorizzaha li żżomm ċerti effetti ta’ att annullat sabiex provviżorjament iżżomm l-effett ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li hija qieset inkompatibbli mad-Direttiva 2006/112 sakemm jitqiegħdu f’konformità ma’ din id-direttiva, sabiex, minn naħa, jiġu limitati r-riskji ta’ inċertezza legali li jirriżultaw mill-effett retroattiv ta’ dan l-annullament u, min-naħa l-oħra, li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ skema nazzjonali preċedenti għal dawn id-dispożizzjonijiet inkompatibbli ma’ din id-direttiva.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.