Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fil-25 ta’ Marzu 2021 (1)
Kawża C‑21/20
Balgarska natsionalna televizia
vs
Direktor na Direktsia „Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia pri Tsentralno upravlenie na NAP
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrativa ta’ Sofija, il-Bulgarija))
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(ċ) – Kamp ta’ applikazzjoni – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Artikolu 132(1)(q) – Eżenzjoni – Xandir ta’ programmi televiżivi ffinanzjati parzjalment mill-baġit tal-Istat u parzjalment minn attivitajiet kummerċjali – Dritt għal tnaqqis tat-taxxa dovuta
Introduzzjoni
1. Jeżistu żewġ metodi prinċipali għall-finanzjament, mill-Istati Membri, tar-radju u tat-televiżjoni pubblika: jew permezz tal-istabbiliment ta’ tariffa speċifika, marbuta b’mod ġenerali mal-pussess ta’ riċevitur tar-radju jew tat-televiżjoni, li d-dħul minnha jiġi allokat għall-bżonnijiet tax-xandara pubbliċi (abbonament), jew ukoll direttament mill-baġit tal-Istat (2). Ċerti Stati Membri jgħaqqdu dawn iż-żewġ metodi billi jikkomplimentaw id-dħul mit-tariffa, ikkunsidrat bħala insuffiċjenti meta mqabbel mal-missjonijiet ta’ natura soċjopolitika li għandu x-xandar pubbliku, permezz tas-sussidji diretti mill-baġit.
2. Din il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni dwar kif dawn il-metodi ta’ finanzjament tax-xandara pubbliċi għandhom jiġu kklassifikati mill-perspettiva tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) u tal-effetti li din il-kwalifika ġġib magħha fuq is-sitwazzjoni tal-imsemmija xandara bħala persuni taxxabbli suġġetti għal din it-taxxa.
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi li l-attività tax-xandar pubbliku stabbilit bil-liġi, iffinanzjata minn tariffi obbligatorji dovuti mill-proprjetarji u mid-detenturi ta’ riċevituri tar-radju, ma tikkostitwixxix provvista ta’ servizzi “bi ħlas” fis-sens tad-dispożizzjonijiet dwar il-VAT u ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (3). Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-istess soluzzjoni għandhiex tiġi adottata fil-każ ta’ xandar iffinanzjat minn sussidji mill-baġit ġenerali tal-Istat.
4. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha wkoll l-okkażjoni li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha f’dan ir-rigward billi teżamina l-kwistjoni dwar kif għandu jkun id-dritt ta’ xandar pubbliku għat-tnaqqis tat-taxxa dovuta jew imħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi li huwa jixtri għall-bżonnijiet tal-attivitajiet tiegħu.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
5. Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (4):
“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
[...]
(ċ) il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
[...]”.
6. L-Artikolu 132(1)(q) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:
[...]
q) l-attivitajiet, għajr dawk ta’ natura kummerċjali, imwettqa minn korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni.
[...]”.
7. Skont l-Artikolu 168 tal-imsemmija direttiva:
“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas m[i]ll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:
(a) il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;
(b) il-VAT dovuta rigward transazzjonijiet trattati bħala provvisti ta’ merkanzija jew servizzi skond l-Artikolu 18(a) u l-Artikolu 27;
(ċ) il-VAT dovuta rigward akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija skond l-Artikolu 2(1)(b)(i);
(d) il-VAT dovuta fuq transazzjonijiet trattati bħala akkwisti intra-Komunitarji [ta’ oġġetti] skond l-Artikoli 21 u 22;
(e) taxxa fuq il-valur miżjud dovut[a] jew imħallas [imħallsa] għal merkanzija importata f’dak l-Istat Membru”.
8. Fl-aħħar nett, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 173(1) tad-Direttiva 2006/112:
“Fil-każ ta’ merkanzija jew servizzi użati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-VAT tista’ titnaqqas skond l-Artikoli 168, 169 u 170, u għal transazzjonijiet li fir–rigward tagħhom il-VAT ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss tal-VAT li hi attribwibbli għat-transazzjonijiet ta’ qabel għandha l-possibbiltà li tiġi mnaqqsa”.
Id-dritt Bulgaru
9. Bis-saħħa tal-Artikolu 6(3) taż-Zakon za radioto i televiziata (il-Liġi dwar ir-Radju u t-Televiżjoni), Balgarska natsionalna televizia (it-Televiżjoni Nazzjonali Bulgara, iktar ’il quddiem “BNT”) hija persuna ġuridika li hija fornitur nazzjonali pubbliku ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva. Skont l-Artikolu 70(3) ta’ din il-liġi, BNT hija ffinanzjata minn sussidji mill-baġit tal-Istat, mid-dħul mir-reklamar, eċċ., kif ukoll minn sorsi oħra.
10. Id-Direttiva 2006/112 ġiet trasposta fid-dritt Bulgaru permezz tad-dispożizzjonijiet taż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud). L-Artikolu 42 ta’ din il-liġi jeżenta mill-VAT, b’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ BNT, sa fejn dawn huma ffinanzjati mill-baġit tal-Istat.
Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
11. BNT hija x-xandar televiżiv pubbliku Bulgaru, jiġifieri huwa l-entità li l-attività tagħha tista’, bħala prinċipju, tibbenefika mill-eżenzjoni ddefinita fl-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112. BNT hija ffinanzjata parzjalment minn sussidji mill-baġit tal-Istat u parzjalment mid-dħul tal-attività kummerċjali tagħha stess. Din l-attività tiddependi kemm mix-xandir ta’ kontenut bi ħlas, b’mod partikolari r-reklamar, kif ukoll minn attivitajiet oħra minbarra x-xandir, bħall-bejgħ ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew il-kiri ta’ tagħmir.
12. It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda d-dritt ta’ BNT għat-tnaqqis tat-taxxa mħallsa jew dovuta fuq l-akkwist, minn BNT, ta’ oġġetti u ta’ servizzi użati minnha għall-bżonnijiet tal-attivitajiet tagħha. Hija tirriżulta minn ġbir differenti, minn BNT u mill-awtoritajiet tat-taxxa Bulgari, fuq l-attivitajiet ta’ BNT mill-perspettiva tal-VAT. Skont BNT, effettivament is-sussidju mill-baġit tal-Istat ma jistax jitqies li jikkostitwixxi ħlas għal xandir ta’ programm, fejn għalhekk dan jaqa’ totalment ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-VAT. Dan iwassal sabiex BNT tikkonkludi li, fir-rigward tal-oġġetti u tas-servizzi użati għall-bżonnijiet ta’ attivitajiet iffinanzjati kemm minn sussidji kif ukoll minn dħul kummerċjali, hija intitolata għad-dritt għal tnaqqis sħiħ tat-taxxa dovuta. Madankollu l-awtoritajiet tat-taxxa jqisu li l-attività ta’ BNT, inkwantu hija ffinanzjata mill-baġit tal-Istat, hija suġġetta għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112, u għaldaqstant hija intitolata għad-dritt għall-eżenzjoni proporzjonalment biss sa fejn l-attività ta’ xandir ta’ BNT hija ffinanzjata minn dħul mill-attivitajiet kummerċjali.
13. Din it-tilwima tat lok għal avviż ta’ taxxa li nħareġ fl‑14 ta’ Diċembru 2016, li permezz tiegħu l-awtorità tat-taxxa ordnat ir-rettifika tal-ammont tat-tnaqqis tat-taxxa dovuta għall-perijodu mill‑1 ta’ Settembru 2015 sal‑31 ta’ Marzu 2016, iddikjarat minn BNT. BNT appellat minn dan l-avviż, liema appell ġie miċħud mill-awtorità fiskali li hija parti fil-kawża prinċipali, permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2017. BNT ikkontestat din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.
14. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-attività tat-televiżjoni pubblika li tikkonsisti fil-provvista lit-telespettaturi ta’ servizzi ta’ media awdjoviżiva, fil-każ li tkun iffinanzjata mill-Istat permezz ta’ sussidju, b’tali mod li t-telespettaturi ma jħallsu ebda tariffa għax-xandir televiżiv, tista’ titqies li hija provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva [2006/112], jew għandu jitqies li tali attività ma hijiex provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva?
2) Fil-każ li tingħata risposta fis-sens li s-servizzi ta’ media awdjoviżiva pprovduti lit-telespettaturi mit-televiżjoni pubblika jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2006/112, jista’ jitqies li dawn huma tranżazzjonijiet eżentati fis-sens tal-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva [2006/112], u leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta lil din l-attività għas-sempliċi raġuni li, sabiex teżerċitaha, it-televiżjoni pubblika tirċievi ħlasijiet mill-baġit tal-Istat, irrispettivament minn jekk din l-attività għandhiex ukoll natura kummerċjali, hija permissibbli?
3) L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112 jippermetti l-prattika fejn it-tnaqqis integrali tal-VAT tal-input fir-rigward tax-xiri ma jkunx jiddependi biss mid-destinazzjoni finali tal-imsemmi xiri (għall-finijiet ta’ attività taxxabbli jew le), iżda wkoll mill-mod ta’ finanzjament ta’ dan tal-aħħar, u b’mod partikolari minn jekk ix-xiri huwiex iffinanzjat kemm minn dħul proprju (servizzi ta’ reklamar jew oħrajn) u minn sussidji mill-Istat, u fejn id-dritt għat-tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input jiġi aċċettat biss għax-xiri ffinanzjat mid-dħul proprju iżda mhux għax-xiri ffinanzjat minn sussidji mill-Istat, bil-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn dawn ix-xiri?
4) Fil-każ li jiġi deċiż li l-attività tat-televiżjoni pubblika hija komposta kemm minn tranżazzjonijiet taxxabbli u kemm minn tranżazzjonijiet eżentati, fid-dawl tal-mod ta’ finanzjament ibridu tagħha, x’inhi l-portata tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input u liema huma l-kriterji li għandhom jiġu applikati għall-finijiet tad-determinazzjoni tagħha?”.
15. It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Jannar 2020. L-osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn BNT, mill-Gvern Spanjol kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. BNT u l-Kummissjoni wieġbu bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Analiżi
16. Il-qorti tar-rinviju għamlet erba’ domandi preliminari. Ser neżaminahom fl-ordni li fiha tressqu.
Fuq l-ewwel domanda preliminari
17. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ xandar bit-televiżjoni pubbliku li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi tal-midja televiżivi, sa fejn hija ffinanzjata minn sussidji mill-baġit tal-Istat, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi bi ħlas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
Osservazzjonijiet preliminari
18. Id-dubju tal-qorti tar-rinviju dwar dan is-suġġett huwa marbut mas-sentenza mogħtija fit‑23 ta’ April 2018 mill-Varhoven administrativen sad (il‑Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li fiha hija ddeċidiet li l-attività ta’ BNT taqa’ taħt is-sistema komuni tal-VAT. Din il-qorti bbażat id-deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 25(ċ) tad-Direttiva 2006/112, li jipprovdi li provvista ta’ servizzi, fis-sens ta’ din id-direttiva, tista’ tinkludi fost oħrajn il-provvista ta’ servizzi abbażi ta’ ordni mogħtija mill-awtorità pubblika jew f’isimha jew skont il-liġi (5). Skont din il-qorti, dan huwa l-każ tal-attività ta’ BNT li titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi. F’dan ir-rigward il-Varhoven administrativen sad ibbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Le Rayon d’Or (6). Fl-istess waqt hija rrikonoxxiet li, fid-dawl tad-differenzi fil-modi ta’ ffinanzjar ta’ BNT fir-rigward tax-xandara pubbliċi ffinanzjati permezz tal-abbonamenti, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Český rozhlas (7) ma tapplikax għal BNT.
19. Il-pożizzjoni tal-awtorità fiskali fil-kawża prinċipali tikkoinċidi mas-sentenza tat‑23 ta’ April 2018 imsemmija hawn fuq.
20. Il-kwistjoni dwar jekk it-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza Český rozhlas (8) japplikax għas-sitwazzjoni ta’ xandar pubbliku ffinanzjat permezz ta’ sussidju mit-Teżor Pubbliku hija essenzjali sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari f’din il-kawża. Għaldaqstant, ser infakkar din is-sentenza fil-qosor.
Is-sentenza Český rozhlas
21. Fis-sentenza Český rozhlas (9), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fl-ewwel lok il-ġurisprudenza preċedenti tagħha li skontha provvista ta’ servizzi ssir “bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/388/KEE (10), u għalhekk hija taxxabbli biss meta bejn il-fornitur u l-benefiċjarju tkun teżisti relazzjoni ġuridika li matulha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn il-korrispettiv irċevut mill-fornitur jikkostitwixxi riflessjoni reali tal-valur tas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju (11). Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “provvista bi ħlas”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/388, jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv irċevut (12).
22. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ma teżistix relazzjoni ġuridika simili bejn ix-xandar pubbliku ffinanzjat mill-abbonamenti u l-persuni obbligati jħallsu tali abbonament. Minn naħa, dan l-obbligu ma jiddependix mill-użu effettiv tas-servizzi ta’ xandar pubbliku, iżda biss mill-pussess ta’ riċevitur, u, min-naħa l-oħra, l-aċċess għal dawn is-servizzi ma huwiex suġġett għall-ħlas ta’ abbonament. Għaldaqstant, dan l-abbonament ma jikkostitwixxix il-ħlas għas-servizz ipprovdut mix-xandar ta’ servizz pubbliku (13).
23. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ukoll l-argument tal-Gvern Ċek ibbażat fuq l-eżistenza ta’ tali relazzjoni ġuridika bejn ix-xandar pubbliku u l-Istat li tiżguralu l-finanzjament billi tistabbilixxi l-obbligu ta’ ħlas ta’ abbonament (14).
24. B’mod simili l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-possibbiltà ta’ applikazzjoni, għas-sitwazzjoni tax-xandar pubbliku ffinanzjat mill-abbonamenti, tad-deċiżjoni li tirriżulta mis-sentenza Le Rayon d’Or (15). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, kienet teżisti rabta diretta bejn is-servizzi pprovduti u l-korrispettiv irċevut għas-servizz, anki jekk dan il-korrispettiv kien fil-forma ta’ somma f’daqqa, b’tali mod li tali ħlas fil-forma ta’ somma f’daqqa kien jikkostitwixxi l-korrispettiv għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas u, għaldaqstant, kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT. Madankollu, fil-każ ta’ xandar pubbliku ffinanzjat mill-abbonamenti, tali rabta diretta hija nieqsa (16).
25. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li attività ta’ xandir pubbliku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tat lok għas-sentenza Český rozhlas, iffinanzjata minn tariffi obbligatorji stabbiliti bil-liġi miġbura mingħand proprjetarji u detenturi ta’ riċevituri tar-radju u operata minn kumpannija tax-xandir ikkostitwita skont il-liġi, ma tikkostitwixxix provvista ta’ servizzi “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/388, u għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (17).
Applikazzjoni f’dan il-każ
26. Jiena tal-fehma li soluzzjoni analoga għandha tiġi adottata fir-rigward ta’ xandar pubbliku ffinanzjat minn sussidji mill-baġit tal-Istat. Ċertament, xandar bħal dan ma jibbenefikax minn tariffa speċjali mħallsa mid-detenturi ta’ riċevituri. Bħala korrispettiv, huwa jirċievi sussidju direttament mill-baġit tal-Istat, sussidju li huwa intiż sabiex jiffinanzja l-missjonijiet li l-liġi tkun fdat f’idejn dan ix-xandar.
27. Madankollu, dan ma jaffettwax, bħala prinċipju, l-analiżi tan-natura tal-attività ta’ tali xandar mill-perspettiva tal-VAT. Fil-fatt, dan is-sussidju ma jikkostitwixxix il-ħlas għas-servizzi pprovduti mix-xandar pubbliku, iżda l-mod ta’ finanzjament ta’ ċertu tip ta’ servizz pubbliku. L-għoti ta’ tali sussidju jew l-istabbiliment ta’ metodu ieħor ta’ finanzjament huwa kundizzjoni neċessarja u inerenti għall-għoti tal-imsemmija funzjonijiet pubbliċi. Fi kliem ieħor, dawn ma humiex żewġ korrispettivi funzjonalment indipendenti: is-servizzi pprovduti mix-xandar pubbliku u l-korrispettivi mħallsa mill-baġit tal-Istat. Din hija azzjoni ta’ Stat li torganizza s-servizz pubbliku tar-radju jew tat-televiżjoni billi tafda l-eżekuzzjoni tiegħu lil xandar pubbliku, u fl-istess waqt tiżgura l-finanzjament ta’ dan is-servizz fil-forma, pereżempju, ta’ sussidju mogħti lil dan ix-xandar. Minn din il-perspettiva tali xandar ma huwiex fundamentalment differenti minn istituzzjonijiet pubbliċi bħall-iskejjel, l-armata jew il-pulizija (18).
28. Konsegwentement, l-istess bħal bejn ix-xandar pubbliku u l-persuni suġġetti għall-ħlas ta’ abbonament, kif ukoll bejn ix-xandar pubbliku ffinanzjat minn sussidju u l-Istat, ma teżistix relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati servizzi reċiproċi fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT (19). Sa fejn teżisti rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut mix-xandar pubbliku u s-sussidju li huwa jirċievi, din ma hijiex rabta bejn iż-żewġ korrispettivi, iżda rabta inseparabbli u neċessarja bejn l-eżerċizzju ta’ servizz pubbliku partikolari u l-finanzjament tiegħu.
29. Għal din ir-raġuni wkoll, f’sitwazzjoni ta’ xandar pubbliku ffinanzjat minn sussidji mill-baġit tal-Istat, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Le Rayon d’Or (20) ma tistax tiġi applikata. Il-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienet tirrigwarda servizzi pprovduti lil benefiċjarji partikolari, li inkambju għalihom il-fornitur irċieva ħlas li, għalkemm huwa b’rata fissa u mħallas minn persuni differenti mill-benefiċjarju, kellu natura ta’ korrispettiv.
30. Għal dawn ir-raġunijiet, jiena naqbel mal-opinjoni espressa kemm minn BNT kif ukoll mill-Gvern Spanjol, li tgħid li sussidju mill-baġit tal-Istat intiż sabiex jiffinanzja l-attività ta’ xandar pubbliku ma jikkostitwixxix korrispettiv, u li din l-istess attività, sa fejn hija ffinanzjata minn dan is-sussidju, ma tikkostitwixxix provvista ta’ servizzi bi ħlas fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112.
31. Ċertament, jistgħu jeżistu sitwazzjonijiet li fihom l-Istat jakkwista mingħand xandar pubbliku ċerti servizzi bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112. Madankollu, dawn iridu jkunu każijiet definiti sew li fihom xandar pubbliku jkun jipprovdi servizzi li jmorru lil hinn mis-soltu portata tal-attivitajiet fdati lilu mil-liġi, u l-korrispettiv għal dawn is-servizzi għandu jkun strettament marbut mal-eżekuzzjoni tagħhom u għandu jirrifletti l-portata u l-valur ta’ dawn is-servizzi, b’tali mod li dan il-korrispettiv jista’ jitqies li huwa ħlas tal-prezz tal-imsemmija servizzi. Fil-fatt, dan il-prezz jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112, il-bażi taxxabbli għall-VAT (21).
32. Madankollu, sussidju globali permezz tal-baġit tal-Istat intiż sabiex ikopri l-ispejjeż tal-attività tax-xandar pubbliku, iddefinit b’mod ġenerali, ma jissodisfax dawn il-kriterji. Għalhekk ma naqbilx mal-opinjoni tal-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha li s-sussidju lil BNT jista’ jitqies bħala l-korrispettiv għas-servizzi pprovduti minn dan ix-xandar, għas-sempliċi raġuni li dan huwa kkalkolat proporzjonalment maż-żmien ta’ xandir tal-programm. Il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tas-sussidju ma jbiddel xejn mill-fatt li dan jikkostitwixxi l-mod ta’ finanzjament tal-funzjonijiet pubbliċi eżerċitati mix-xandar u mhux il-korrispettiv għas-servizzi pprovduti minnu. Issa, il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet tal-persuna taxxabbli mill-perspettiva tal-VAT għandha tkun ibbażata fuq il-karatteristiċi essenzjali ta’ din l-attività, inkluż fuq il-mod ta’ finanzjament tagħha, meta dan il-finanzjament ikollu effett fuq din il-klassifikazzjoni u mhux fuq il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-finanzjament.
L-Artikolu 25(ċ) tad-Direttiva 2006/112
33. Dawn il-konklużjonijiet dwar in-natura tal-attività tax-xandar pubbliku bħala attività li ma taqax taħt is-sistema komuni tal-VAT ma humiex ikkontestati mill-Artikolu 25(ċ) tad-Direttiva 2006/112.
34. Din id-dispożizzjoni tinsab taħt it-Titolu IV tal-imsemmija direttiva, intitolat “Transazzjonijiet taxxabbli”. Dan it-titolu jinkludi d-definizzjonijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/112. Il-Kapitolu 3 ta’ dan it-titolu jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi. Id-definizzjoni ġenerali tal-provvista ta’ servizzi tinsab fl-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva. Din id-definizzjoni hija ta’ natura miftuħa peress li hija tikkonstata li l-provvista ta’ servizzi hija kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti. Id-dispożizzjonijiet l-oħra li jinsabu fl-imsemmi Kapitolu 3 jikkompletaw u jispjegaw din id-definizzjoni u jipprevedu l-possibbiltà ta’ ċerti derogi għall-Istati Membri.
35. Fir-rigward tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/112, dan jippreċiża li l-provvista ta’ servizzi tista’ tinkludi, fost oħrajn, tliet tipi ta’ tranżazzjonijiet li fir-rigward tagħhom ma huwiex neċessarjament evidenti li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi. Fir-rigward tat-trasferiment ta’ proprjetà intanġibbli (l-Artikolu 25(a)), l-obbligu li ma ssirx attività jew li jiġi ttollerat att jew sitwazzjoni (l-Artikolu 25(b)) u, fl-aħħar nett, il-provvista ta’ servizzi abbażi ta’ ordni mogħtija minn awtorità pubblika jew f’isimha jew skont il-liġi (l-Artikolu 25(ċ)). L-espressjoni “tista’” użata f’din id-dispożizzjoni ma tfissirx, f’dan ir-rigward, għażla fakultattiva għall-Istati Membri li jikkunsidraw tali attivitajiet bħala provvisti ta’ servizzi jew le (22), jew il-konstatazzjoni li provvista ta’ servizzi tista’, f’ċerti sitwazzjonijiet, tieħu l-forma ta’ waħda minn dawn l-attivitajiet.
36. Għaldaqstant, l-Artikolu 25 tad-Direttiva ma jestendix id-definizzjoni tal-provvista ta’ servizzi, iżda jippreċiża biss, f’każ ta’ dubju, li ċerti attivitajiet jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 provvista ta’ servizzi hija suġġetta għall-VAT biss jekk din issir bi ħlas fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Din il-kundizzjoni tirrigwarda t-tranżazzjonijiet kollha li jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 25. B’hekk, kemm it-trasferiment ta’ proprjetà intanġibbli kif ukoll l-obbligu li attività ma titwettaqx jew li jiġu ttollerati atti jew sitwazzjonijiet, u kif ukoll il-provvista ta’ servizzi abbażi ta’ ordni mogħtija minn awtorità pubblika jew f’isimha jew skont il-liġi, huma suġġetti għall-VAT sa fejn jitwettqu bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva.
37. Għaldaqstant, l-Artikolu 25(ċ) tad-Direttiva 2006/112 ma jistax iservi bħala bażi sabiex il-provvista ta’ servizzi minn xandar pubbliku tkun suġġetta għall-VAT, jekk il-mod ta’ finanzjament ta’ dawn is-servizzi ma jippermettix li dawn jiġu kkunsidrati li ġew ipprovduti bi ħlas.
38. Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ xandar pubbliku bit-televiżjoni, li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi tal-midja televiżivi, sa fejn hija ffinanzjata minn sussidju mill-baġit tal-Istat, ma tikkostitwixxix provvista ta’ servizzi bi ħlas fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
Fuq it-tieni domanda preliminari
39. Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk servizzi pprovduti minn xandar pubbliku jistgħux jiġu kkunsidrati bħala servizzi eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112, minħabba li huma ffinanzjati minn sussidji mill-baġit tal-Istat u sa fejn huma ffinanzjati b’dan il-mod.
40. Il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda fil-każ fejn, b’risposta għall-ewwel domanda, is-servizzi ta’ xandar pubbliku ffinanzjati minn sussidji mill-baġit tal-Istat jiġu kkunsidrati li huma suġġetti għall-VAT. Madankollu, jidhirli li huwa utli li nindirizza din id-domanda wkoll fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun bħal dik li qiegħed nipproponi. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-attività tax-xandar pubbliku hijiex ikkunsidrata li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT jew jekk hijiex eżentata minn din it-taxxa, għad trid tiġi ddeterminata l-kwistjoni sa fejn dan ix-xandar għandu dritt għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa jew dovuta fi stadju preċedenti tan-negozju. Dan huwa s-suġġett tat-tielet u r-raba’ domanda preliminari. Issa, l-analiżi tat-tieni domanda ser tippermetti li ssir distinzjoni bejn l-attività ta’ xandar pubbliku eżerċitata fl-interess pubbliku (23) u l-attività kummerċjali tagħha.
L-attività kummerċjali tax-xandara pubbliċi
41. L-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112 jimponi li jiġu eżentati mill-VAT “l-attivitajiet, għajr dawk ta’ natura kummerċjali, imwettqa minn korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni”. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (24) msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll skont il-proposta tiegħi għal risposta għall-ewwel domanda preliminari, is-servizzi pprovduti mix-xandara pubbliċi (korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni) ma humiex suġġetti għall-VAT sa fejn ma jistgħux jiġu kkunsidrati li ġew ipprovduti bi ħlas. Madankollu, huma suġġetti għal din it-taxxa (fis-sens li huma taxxabbli u ma humiex eżentati mit-taxxa) it-tranżazzjonijiet imwettqa minn dawn ix-xandara fil-kuntest tal-“attivitajiet kummerċjali” tagħhom. Għalhekk, l-applikazzjoni korretta tas-sistema komuni tal-VAT għat-tranżazzjonijiet imwettqa minn dawn ix-xandara teħtieġ li tiġi ddeterminata t-tifsira tal-kunċett ta’ “attività kummerċjali”.
42. La l-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112 u ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “attività kummerċjali”. B’mod partikolari, dan il-kunċett ma jistax jiġi ekwiparat ma’ dak ta’ “attività ekonomika”, kif iddefinita fl-imsemmi Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, peress li dan il-kunċett ikopri wkoll it-tranżazzjonijiet eżentati. Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “attività kummerċjali” għandha għalhekk titfassal skont l-istruttura u l-għanijiet tal-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112.
43. L-ewwel nett, fil-fehma tiegħi, huma biss it-tranżazzjonijiet imwettqa bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/112, li għandhom jitqiesu bħala attivitajiet kummerċjali. Fil-fatt, peress li l-attività kummerċjali tax-xandara pubbliċi tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali ta’ eżenzjoni tal-attivitajiet tagħhom, din għandha tikkonċerna tranżazzjonijiet taxxabbli u għalhekk imwettqa bi ħlas, peress li huma biss tali tranżazzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni. Fid-dawl ta’ dan, is-servizzi pprovduti mix-xandara pubbliċi li, minħabba l-mod ta’ finanzjament tagħhom, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma pprovduti bi ħlas ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “attività kummerċjali” ta’ dawn ix-xandara. Fi kliem ieħor, l-attività ta’ xandar pubbliku ffinanzjata minn sussidju mill-baġit tal-Istat ma tistax titqies bħala attività kummerċjali tiegħu fis-sens tal-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112.
44. L-attività prinċipali tax-xandara bir-radju u bit-televiżjoni tikkonsisti fix-xandir ta’ programmi (25). Fil-każ tax-xandara pubbliċi, din l-attività hija ta’ spiss iffinanzjata minn żewġ tipi ta’ sorsi. Tal-ewwel huma riżorsi pubbliċi, kemm jekk fil-forma ta’ abbonament, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza Český rozhlas (26), jew fil-forma ta’ sussidju, bħal f’din il-kawża. It-tieni sors huwa x-xandir ta’ reklami u ta’ “komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi” oħrajn (sponsorizzazzjoni, teleshopping u inklużjoni ta’ prodotti kummerċjali), sabiex tintuża t-terminoloġija tad-Direttiva 2010/13/UE (27), jew l-ekwivalenti radjofoniċi tagħhom.
45. Sa fejn tali tip ta’ trażmissjonijiet jixxandru bi ħlas, hekk kif iseħħ bħala regola ġenerali, minħabba r-rwol tagħhom, huma jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 u jaqgħu taħt l-attività kummerċjali ta’ xandara pubbliċi, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(q) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, bħala prinċipju, dawn huma intaxxati, u l-bażi taxxabbli hija kkostitwita mill-prezz li min jirreklama jħallas għax-xandir ta’ dan il-kontenut.
46. Madankollu, huwa evidenti li d-dħul iġġenerat minn dawn ix-xandiriet ma jintużax biss sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ dan ix-xandir, li huma barra minn hekk minimi meta mqabbla mal-ispejjeż kollha ta’ funzjonament tal-organizzazzjonijiet tax-xandir. L-għan tax-xandir ta’ reklamar u ta’ komunikazzjonijiet simili bi ħlas huwa li tiġi ffinanzjata l-attività prinċipali tax-xandara, bħalma huwa x-xandir, jiġifieri, b’mod ġenerali, kull kontenut, bl-eċċezzjoni tal-komunikazzjonijiet kummerċjali, meta x-xandar ma jirċevix ħlas għax-xandir ta’ dawn ix-xandiriet mingħand min jirċevihom. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar kif ix-xandir ta’ dawn ix-xandiriet mix-xandara pubbliċi, sa fejn dan huwa ffinanzjat mid-dħul mix-xandir tal-komunikazzjonijiet kummerċjali, għandu jiġi ttrattat mill-perspettiva tal-VAT.
47. Fil-każ tax-xandara privati ffinanzjati totalment mid-dħul minn komunikazzjonijiet kummerċjali bi ħlas, l-attività tagħhom kollha kemm hi, jiġifieri kemm ix-xandir ta’ dawn il-komunikazzjonijiet bi ħlas kif ukoll dak ta’ kontenut ieħor, hija kkunsidrata li tikkostitwixxi l-istess attività waħda. Konsegwentement, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-VAT, l-ispiża tal-attività tax-xandir kollha kemm hi hija kkunsidrata bħala l-ispiża tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, li huma s-servizzi ta’ trażmissjoni ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali bi ħlas (28).
48. Fil-każ tax-xandara pubbliċi, is-sitwazzjoni hija iktar ikkumplikata. Fil-fatt, l-ewwel nett, dawn huma normalment iffinanzjati parzjalment minn fondi pubbliċi (fil-forma ta’ abbonament jew sussidju), b’tali mod li, skont il-ġurisprudenza preżenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (29) u l-proposta tiegħi ta’ risposta għall-ewwel domanda preliminari, l-attività tagħhom f’din il-parti ma hijiex taxxabbli. It-tieni, anki sa fejn l-attività tagħhom hija taxxabbli, din hija, bħala prinċipju, eżentata skont l-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet kummerċjali. Il-kwistjoni li tqum hija għalhekk dik dwar jekk ix-xandir ta’ programmi minbarra l-komunikazzjonijiet kummerċjali bi ħlas, sa fejn huwa ffinanzjat mid-dħul iġġenerat minn dawn il-komunikazzjonijiet, jaqax taħt l-attività kummerċjali tax-xandara pubbliċi.
Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat
49. L-att li, fis-sistema tad-dritt tal-Unjoni, jirregola preċiżament il-kwistjoni tad-delimitazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ xandara pubbliċi fl-interess pubbliku u l-attivitajiet kummerċjali tagħhom huwa l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għax-xandir tas-servizz pubbliku (30) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”). Il-qari tagħha juri li, skont il-Kummissjoni, għandhom jiġu kkunsidrati bħala attività kummerċjali, b’mod partikolari, ix-xandir ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali bi ħlas, l-attività ta’ kummerċ elettroniku u s-servizzi simili (31), kif ukoll is-servizzi li għalihom ix-xandar jiffattura lill-konsumaturi. Madankollu, ix-xandir b’xejn tal-kontenut l-ieħor jikkostitwixxi, jew fi kwalunkwe każ jista’ jikkostitwixxi, attività fl-interess pubbliku (32).
50. Fl-ipoteżi fejn dawn il-kriterji jiġu applikati abbażi tal-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112, dan ikun ifisser li l-attività taxxabbli tikkostitwixxi biss xandir ta’ komunikazzjonijiet bi ħlas, filwaqt li kull attività oħra ta’ xandir jew ma tkunx taxxabbli jew inkella tiġi eżentata bħala attività fl-interess pubbliku.
51. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma ssegwix l-istess għan bħad-Direttiva 2006/112 u b’mod partikolari l-Artikolu 132(1)(q) tagħha. Din il-komunikazzjoni għandha l-għan, minn naħa, li tiżgura libertà għall-Istati Membri fid-determinazzjoni tal-hekk imsejħa missjoni tax-xandara pubbliċi (33) u, min-naħa l-oħra, li tevita aġir antikompetittiv, bħall-kumpens żejjed tal-ispejjeż tat-twettiq ta’ din il-missjoni u tal-hekk imsejħa sussidji trażversali tal-attività kummerċjali (34). Madankollu, ma huwiex problematiku li l-attività tal-missjoni tiġi ffinanzjata permezz tad-dħul li ġej minn attività kummerċjali. Mill-perspettiva ta’ dawn l-għanijiet, huwa leġittimu li jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività kkunsidrata bħala kummerċjali.
52. Madankollu, l-għan tal-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112 huwa, minn naħa, li jnaqqas l-ispejjeż tal-attività ta’ interess pubbliku billi jeżentahom mill-VAT u, min-naħa l-oħra, li jevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw mill-eżenzjoni tal-attività eżerċitata f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni max-xandara privati. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, ma huwiex neċessarju li l-portata tal-kunċett ta’ “attività kummerċjali” tax-xandara pubbliċi tiġi ddefinita b’mod daqshekk strett bħal fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, mill-perspettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni, huwa biżżejjed li l-attività ta’ dawn ix-xandara tiġi ntaxxata fir-rigward tas-servizzi pprovduti minnhom bi ħlas, jiġifieri s-servizzi ta’ xandir ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali. Dan jiggarantixxi, fil-fatt, li dawn ix-xandara joperaw f’dan is-suq bl-istess regoli tax-xandara privati. Madankollu, il-klassifikazzjoni tax-xandir ta’ kontenut ieħor, sa fejn dan huwa ffinanzjat mid-dħul li ġej mix-xandir ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali bi ħlas, bħala mhux taxxabbli jew eżentat, b’ebda mod ma tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-imsemmi Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112. Għall-kuntrarju, dan jista’ jikkontribwixxi għaż-żieda fl-ispejjeż ta’ din l-attività, peress li l-uniku effett ta’ tali klassifikazzjoni jkun li jiġi miċħud id-dritt tax-xandara pubbliċi li jnaqqsu t-taxxa mħallsa jew dovuta fi stadju preċedenti tan-negozju għall-oġġetti u s-servizzi użati għall-finijiet ta’ din l-attività.
53. Fir-rigward ta’ dan inqis li l-kriterji ta’ delimitazzjoni tal-attività ta’ xandara pubbliċi eżerċitata fl-interess pubbliku u l-attivitajiet kummerċjali tagħhom, kif stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, ma għandhomx jiġu trasposti għall-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112.
L-interpretazzjoni proposta minn BNT
54. F’dak li jirrigwarda din id-demarkazzjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha BNT tesprimi opinjoni interessanti. Jekk qiegħed nifhem sew il-pożizzjoni tagħha, hija tikkunsidra bħala attività ta’ xandir għal finijiet kummerċjali x-xandiriet kollha li, fil-fehma tagħha, jattiraw it-telespettaturi u b’hekk jippermettu l-bejgħ tal-ħin ta’ xandir għar-reklamar. Dan huwa, primarjament, ix-xandir ta’ avvenimenti sportivi, films barranin jew programmi ta’ divertiment. Fuq din il-bażi, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali BNT naqqset kompletament il-VAT imħallsa u dovuta fuq l-elementi tal-ispejjeż tax-xandir ta’ dawn il-programmi. Iżda, fil-fehma ta’ BNT ix-xandir ta’ tipi oħra ta’ programmi mwettqa jaqa’ fil-kuntest ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku u, bħala tali, ma huwiex suġġett għall-VAT.
55. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din il-pożizzjoni hija żbaljata għal żewġ raġunijiet.
56. L-ewwel nett, id-diviżjoni tal-programmi magħmula minn BNT bejn dawk li jiġġeneraw dħul mir-reklamar u dawk li ma jiġġenerawhx jidhirli li hija arbitrarja u mhux neċessarjament konformi mar-realtà. Huwa faċli li wieħed jindika l-kategoriji ta’ xandiriet li, par excellence, jissodisfaw il-kriterji tal-missjoni ta’ servizz pubbliku filwaqt li spiss jattiraw bosta telespettaturi u huma “mezz” eċċellenti ta’ reklamar, pereżempju programmi ta’ informazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-kategoriji ta’ xandiriet li BNT tqis li huma kummerċjali jistgħu perfettament jaqgħu taħt l-attività tax-xandara pubbliċi mwettqa fl-interess pubbliku. Dan l-interess huwa marbut mal-“ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali [tas-]soċjetà” (35), u dawn il-bżonnijiet ikopru wkoll oqsma bħall-film, l-isport jew id-divertiment.
57. It-tieni, il-metodu rrakkomandat minn BNT għall-klassifikazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi li hija tipprovdi ma jiħux inkunsiderazzjoni l-element li fuqu hija bbażata s-sistema tal-VAT u li huwa r-rabta bejn l-oġġetti u s-servizzi li l-persuna taxxabbli tixtri għall-bżonnijiet tal-attività tagħha u l-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi taxxabbli li hija twettaq fil-kuntest ta’ din l-attività. Fi kliem ieħor, sabiex l-oġġetti u s-servizzi akkwistati mill-persuna taxxabbli fi stadju preċedenti tan-negozju jkunu jistgħu jitqiesu bħala użati għall-iskopijiet tal-attività tagħha, l-ispiża tal-akkwist tagħhom għandha, bħala prinċipju, tifforma parti mill-prezz tat-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa minn din il-persuna taxxabbli fi stadju ulterjuri tan-negozju (36).
Proposta għal deċiżjoni
58. Fir-rigward tal-ispejjeż ta’ akkwist ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li ma humiex direttament użati għall-bżonnijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli, bħalma huwa l-każ ta’ xandiriet mingħajr ħlas li għandhom biss rabta indiretta mal-provvista ta’ servizzi ta’ xandir ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali bi ħlas (37), dan l-għan jista’ jintlaħaq b’żewġ modi. L-ewwel wieħed jikkonsisti fl-allokazzjoni stretta ta’ ċertu dħul mill-attività taxxabbli għall-akkwist ta’ ċerti oġġetti jew servizzi intiżi għax-xandir ta’ programmi mingħajr ħlas, pereżempju l-akkwist ta’ drittijiet ta’ xandir ta’ films jew ta’ kompetizzjonijiet sportivi. Madankollu, kif ġustament josservaw l-awtoritajiet fiskali fil-kawża prinċipali, dan jimplika ż-żamma ta’ kontabbiltà separata li tippermetti tali rabta bejn id-dħul u l-ispejjeż.
59. It-tieni metodu jikkonsisti fil-kalkolu tal-proporzjon li fih l-attività tax-xandar pubbliku hija ffinanzjata minn sussidji mill-baġit tal-Istat (jew minn abbonamenti) u tal-proporzjon iffinanzjata mid-dħul li jirriżulta minn tranżazzjonijiet taxxabbli. Din it-tieni ċifra, wara li jitnaqqas id-dħul eventwali li joriġina minn tranżazzjonijiet eżentati abbażi tal-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112 tkun tirrifletti l-involviment tal-attività kummerċjali tax-xandar pubbliku fl-attivitajiet kollha tiegħu. F’tali proporzjon, sussegwentement ikun possibbli li għal din l-attività jiġu allokati l-ispejjeż sostnuti mix-xandar pubbliku, mingħajr ma jkun neċessarju li l-elementi individwali tal-ispiża għal attività kummerċjali jew għal attività mwettqa fl-interess pubbliku jiġu allokati b’mod strett (38).
60. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “attività kummerċjali” tax-xandara pubbliċi, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112 ikopri mhux biss is-servizzi pprovduti bi ħlas, fis-sens strett tal-kelma, bħax-xandir ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali, iżda wkoll is-servizzi li għalihom id-destinatarji tas-servizzi ma jħallsux, b’mod partikolari x-xandir ta’ programmi mqiegħed għad-dispożizzjoni bla ħlas, sa fejn dawn huma ffinanzjati mid-dħul li ġej minn din l-ewwel kategorija ta’ servizzi.
61. Jiena tal-fehma li din il-pożizzjoni tikkoinċidi ma’ dik tal-Gvern Spanjol u tal-Kummissjoni espressa fl-osservazzjonijiet tagħhom f’din il-kawża (39). Fil-fehma tiegħi din il-pożizzjoni hija sostnuta wkoll mill-Kumitat tal-VAT li jirriżulta mit-52 seduta, tat-28-29 ta’ Mejju 1997 (40). Hemmhekk, l-Istati Membri, b’mod “kważi unanimu”, irrikonoxxew li l-unika attività pubblika tax-xandara li ma hijiex attività kummerċjali, hija x-xandir ta’ programmi ffinanzjat minn mezzi pubbliċi (jiġifieri b’abbonamenti jew sussidji). B’hekk, loġikament, ix-xandir ta’ programmi, sa fejn huwa ffinanzjat mid-dħul provenjenti minn attivitajiet kummerċjali, għandu jitqies bħala attività kummerċjali.
62. Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “attività kummerċjali” ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-tranżazzjonijiet imwettqa bi ħlas u li ma jikkostitwixxux attivitajiet fl-interess pubbliku, kif ukoll is-servizzi pprovduti mingħajr ħlas, sa fejn dawn huma ffinanzjati mid-dħul minn dawn it-tranżazzjonijiet bi ħlas.
Fuq it-tielet u r-raba’ domanda preliminari
63. Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda preliminari tagħha, li nipproponi li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob li tiġi stabbilita l-portata tad-dritt tax-xandar pubbliku li jnaqqas it-taxxa dovuta jew imħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi akkwistati minn dan tal-aħħar għall-bżonnijiet tal-attività tiegħu, meta din l-attività hija ffinanzjata kemm minn sussidji mill-baġit tal-Istat kif ukoll minn dħul li joriġina minn attività kummerċjali.
64. Diġà analizzajt din il-kwistjoni fid-dettall, fir-rigward ta’ xandar pubbliku ffinanzjat mill-abbonament, fil-konklużjonijiet fil-kawża Český rozhlas (41). Madankollu, din il-problema kienet tmur lil hinn mill-portata tad-domandi preliminari f’din il-kawża u ma kinitx ġiet deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha. Il-konstatazzjonijiet li rriżultaw fl-imsemmija konklużjonijiet huma, fil-fehma tiegħi, applikabbli għal din il-kawża. Fid-dawl ta’ din il-kawża, nixtieq inżid il-kummenti segwenti.
Regoli dwar it-tnaqqis tat-taxxa għall-attivitajiet imħallta
65. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tranżazzjonijiet imwettqa minn persuna taxxabbli li ma humiex suġġetti għall-VAT, pereżempju għaliex ma jitwettqux bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/112, ma jagħtux dritt għal tnaqqis tat-taxxa dovuta jew imħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi akkwistati għall-finijiet ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Dan huwa l-istess prinċipju li jirregola t-tranżazzjonijiet eżentati (42).
66. Dan il-prinċipju huwa faċilment applikabbli għall-oġġetti u għas-servizzi akkwistati minn persuna taxxabbli għall-finijiet biss tat-tranżazzjonijiet mhux taxxabbli tagħha – il-persuna taxxabbli ma tiksibx id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa fuq dawn l-oġġetti u servizzi.
67. Id-diffikultà tqum fir-rigward tal-oġġetti u tas-servizzi li l-persuna taxxabbli tuża kemm għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha kif ukoll għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet eżentati u mhux taxxabbli. F’tali sitwazzjoni, id-dritt għal tnaqqis jingħata lill-persuna taxxabbli proporzjonalment għall-parti tal-oġġetti u tas-servizzi li hija akkwistat fit-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa minnha.
68. Madankollu, sa fejn fir-rigward tat-tranżazzjonijiet eżentati mill-VAT, l-Artikoli 173 sa 175 tad-Direttiva 2006/112 jinkludu modalitajiet speċifiċi ta’ kalkolu ta’ dan il-proporzjon, dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għat-tranżazzjonijiet mhux suġġetti għal din it-taxxa. F’din is-sitwazzjoni, huwa d-dritt nazzjonali tal-Istati Membri li għandu jirregola l-modalitajiet tal-kalkolu tiegħu, b’osservanza tal-istruttura u tal-għanijiet tas-sistema komuni tal-VAT. Dawn il-modalitajiet għandhom jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni oġġettiv tal-parti tal-ispejjeż fit-tranżazzjonijiet taxxabbli u mhux taxxabbli (43).
Applikazzjoni għax-xandara pubbliċi
69. F’dak li jirrigwarda din il-kawża, kif jirriżulta mir-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda preliminari, xandar pubbliku ma jwettaqx tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT sa fejn l-attività tiegħu hija ffinanzjata minn sussidji mill-baġit ġenerali tal-Istat. Għaldaqstant, din l-attività ma tagħtihx dritt għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi użati għall-ħtiġijiet ta’ din l-attività.
70. Madankollu, kif jirriżulta mill-proposta tiegħi ta’ risposta għat-tieni domanda preliminari, sa fejn l-attività ta’ xandar pubbliku hija ffinanzjata mid-dħul provenjenti mix-xandir bi ħlas ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali u minn tranżazzjonijiet taxxabbli oħra, din l-attività tikkostitwixxi attività kummerċjali tiegħu fis-sens tal-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112. Din l-attività għandha, kollha kemm hi, tiġi kkunsidrata bħala attività bi ħlas u għalhekk attività li tagħti dritt għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa jew dovuta għall-oġġetti u s-servizzi użati għall-bżonnijiet ta’ din l-attività.
71. Minn dan isegwi li xandar pubbliku li l-attività tiegħu hija ffinanzjata kemm minn sussidji mill-baġit tal-Istat u minn eventwali tranżazzjonijiet eżentati kif ukoll mid-dħul mit-tranżazzjonijiet taxxabbli għandu d-dritt li jnaqqas it-taxxa dovuta jew imħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi użati għall-finijiet ta’ din l-attività, sa fejn l-attività tiegħu hija ffinanzjata minn dan l-aħħar dħul.
72. Kif semmejt, id-Direttiva 2006/112 ma tiddefinixxix il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-proporzjon tal-ispejjeż li jikkorrispondu għall-attivitajiet mhux taxxabbli. Għaldaqstant huwa d-dritt nazzjonali tal-Istati Membri li għandu jagħmel dan. Fl-istess waqt, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni espressa fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-Istati Membri jistgħu, mingħajr ma huma obbligati, japplikaw b’analoġija r-regoli stabbiliti fl-Artikoli 173 sa 175 ta’ din id-direttiva għat-tranżazzjonijiet taxxabbli u t-tranżazzjonijiet eżentati.
73. L-adozzjoni tad-definizzjoni tal-attività kummerċjali tax-xandara pubbliċi li qiegħed nipproponi ser tippermetti, b’mod partikolari, li jiġi applikat il-metodu ġenerali ta’ kalkolu ta’ dan il-proporzjon, kif iddefinit fl-Artikolu 174(1) tad-Direttiva 2006/112. Skont dan il-metodu, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT dovuta jew imħallsa fi stadju preċedenti huwa miftuħ proporzjonalment għad-dħul mill-bejgħ magħmul mit-tranżazzjonijiet taxxabbli meta mqabbel mat-totalità tad-dħul mill-bejgħ tal-persuna taxxabbli. Meta dan il-metodu jiġi applikat għax-xandara pubbliċi ffinanzjati kemm minn sussidji mill-baġit tal-Istat kif ukoll minn tranżazzjonijiet imwettqa bi ħlas, fin-numeratur għandha tiġi inkluża l-parti tad-dħul miksub minn tali tranżazzjonijiet, u fid-denominatur l-ammont ta’ dan id-dħul kif ukoll l-ammont ta’ sussidji. Sussegwentement, meta x-xandar iwettaq tranżazzjonijiet bi ħlas, iżda eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112, għal dan il-proprorzjon hekk miksub għandhom jiġu applikati r-regoli li jinsabu fl-Artikoli 173 sa 175 ta’ din id-direttiva, u dan sabiex jinkiseb il-proporzjon finali li għalih dan ix-xandar għandu d-dritt għal tnaqqis tal-VAT imħallsa jew dovuta fi stadju preċedenti.
74. Ċertament, l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli oħra għall-kalkolu ta’ dan il-proporzjon, sakemm jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
75. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda preliminari tkun li l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li xandar pubbliku li l-attività tiegħu hija ffinanzjata kemm minn sussidji mill-baġit tal-Istat kif ukoll minn dħul minn tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT għandu d-dritt inaqqas il-VAT dovuta jew imħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi użati għall-bżonnijiet ta’ din l-attività, sa fejn l-attività tiegħu hija ffinanzjata minn dħul li joriġina minn tranżazzjonijiet taxxabbli.
Konklużjoni
76. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li jingħataw ir-risposti li ġejjin għad-domandi preliminari magħmula mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija):
1) L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ xandar pubbliku bit-televiżjoni, li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi tal-midja televiżivi, sa fejn hija ffinanzjata minn sussidju mill-baġit tal-Istat, ma tikkostitwixxix provvista ta’ servizzi bi ħlas fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
2) L-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “attività kummerċjali” ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-tranżazzjonijiet imwettqa bi ħlas u li ma jikkostitwixxux attivitajiet fl-interess pubbliku, kif ukoll is-servizzi pprovduti mingħajr ħlas, sa fejn dawn huma ffinanzjati mid-dħul minn dawn it-tranżazzjonijiet bi ħlas.
3) L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li xandar pubbliku li l-attività tiegħu hija ffinanzjata kemm minn sussidji mill-baġit tal-Istat kif ukoll minn dħul minn tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT għandu d-dritt inaqqas il-VAT dovuta jew imħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi użati għall-bżonnijiet ta’ din l-attività, sa fejn l-attività tiegħu hija ffinanzjata minn dħul li joriġina minn tranżazzjonijiet taxxabbli.
1 Lingwa oriġinali: il-Pollakk.
2 Ara: Ch.E. Berg, A.B. Lund, Financial Public Service Broadcasting: A Comparative Perspective, Journal of Media Business Studies, Nru 9/2012, p. 7; Ch.M. Bron, Le financement et le contrôle des offres des radiodiffuseurs de service public, fi: Observatoire européen de l’audiovisuel, IRIS Plus 2010-4. Médias de service public : pas de contenu sans financement, Strasbourg 2010, p. 7.
3 Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470, dispożittiv).
4 ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2207, L 335, p. 60.
5 Minkejja li din id-dispożizzjoni ma ġietx trasposta espressament fid-dritt Bulgaru, il-Varhoven administrativen sad qieset li għandha effett dirett. Fl-opinjoni tiegħi, dwar dan l-aħħar punt, din il-qorti għandha raġun peress li l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/112 jikkostitwixxi element fid-definizzjoni ta’ servizz fis-sens ta’ din id-direttiva u bħala tali ma jeżiġix traspożizzjoni individwali fid-dritt nazzjonali. Madankollu, dan ma japplikax għall-attivitajiet tal-BNT iffinanzjati mis-sussidji mill-baġit tal-Istat, kif ser naraw iktar ’l isfel (ara l-punti 33 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
6 Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, C‑151/13, EU:C:2014:185.
7 Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, C‑11/15, EU:C:2016:470.
8 Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, C‑11/15, EU:C:2016:470.
9 Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, C‑11/15, EU:C:2016:470.
10 Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23). Attwalment, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi, l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112.
11 Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470, punt 21).
12 Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470, punt 22).
13 Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470, punti 23 sa 27).
14 Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470, punti 29 u 30).
15 Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, C‑151/13, EU:C:2014:185.
16 Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470, punti 34 u 35).
17 Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470, dispożittiv).
18 Għall-finijiet ta’ kompletezza, dwar ir-relazzjoni ta’ xandar pubbliku mal-Istat, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:181, punti 30 sa 35).
19 Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, C‑151/13, EU:C:2014:185.
21 Għalkemm, f’dan il-każ, dawn il-provvisti jistgħu jiġu eżentati mill-VAT abbażi tal-Artikolu 132(1)(q) tad-Direttiva 2006/112.
22 Sa fejn, f’tali sitwazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni juża l-kliem “l-Istati Membri jistgħu jitrattaw”, bħal fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2006/112, jew formulazzjoni simili.
23 L-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl–interess pubbliku”.
24 Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470).
25 F’dawn il-konklużjonijiet, ser niffoka fuq l-attività prinċipali tax-xandara pubbliċi, li hija wkoll is-suġġett tad-domandi preliminari, jiġifieri fuq l-attività ta’ xandir li tikkonsisti fix-xandir ta’ programmi. Dawn ix-xandara jistgħu jwettqu wkoll tranżazzjonijiet oħra, bħall-bejgħ ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, is-servizzi ta’ kiri ta’ tagħmir, l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti kulturali, eċċ. Dawn it-tranżazzjonijiet huma ġeneralment imwettqa bi ħlas u jaqgħu, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, taħt l-attività kummerċjali tax-xandara pubbliċi, jiġifieri huma taxxabbli. Madankollu, jiena ninjorahom fil-bqija tal-espożizzjoni tiegħi, sa fejn dawn ma jwasslux għal diffikultajiet ta’ interpretazzjoni bħall-attività ta’ xandir.
26 Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, C‑11/15, EU:C:2016:470.
27 Ara l-Artikolu 1(1)(h) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15).
28 Dwar dan il-punt, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:181, punt 53).
29 Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470).
30 ĠU 2009, C 257, p. 1.
31 Ara, b’mod partikolari, il-punti 48 u 49 kif ukoll il-punt 57 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.
32 Ara, b’mod partikolari, il-punt 65 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.
33 Ara, b’mod partikolari, il-punt 47 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.
34 Ara, b’mod partikolari, il-punti 70 sa 76 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.
35 Protokoll (Nru 29) dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri, anness mat-Trattati UE u FUE.
36 Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, Sonaecom (C‑42/19, EU:C:2020:913, punti 41 u 42).
37 Din ir-rabta tiddependi mill-fatt li, minn naħa, dawn il-programmi jattiraw lill-pubbliku li bis-saħħa tiegħu x-xandir tal-komunikazzjonijiet kummerċjali jagħmel sens u, min-naħa l-oħra, ix-xandir tagħhom huwa ffinanzjat mid-dħul mix-xandir tal-imsemmija komunikazzjonijiet kummerċjali.
38 Għal finijiet ta’ ċarezza nżid ngħid li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipprojbixxi, bħala prinċipju, li l-finanzjament pubbliku tax-xandara pubbliċi jiġġenera profitt fil-konfront tagħhom (ara l-punti 72 sa 74 ta’ din il-komunikazzjoni). Konsegwentement, jekk l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-VAT għandha fl-istess waqt tosserva r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, kull eċċess ta’ dħul fuq l-ispejjeż, barra mill-kamp awtorizzat minn din il-komunikazzjoni, għandu jiġi imputat lil attivitajiet kummerċjali.
39 Madankollu għandi nenfasizza li ma naqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li tgħid li, meta l-attività tax-xandar tkun iffinanzjata, kompletament jew parzjalment, mid-dħul provenjenti mix-xandir ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali, ix-xandiriet huma anċillari għax-xandir ta’ dawn il-komunikazzjonijiet kummerċjali u l-uniċi destinatarji tas-servizzi ta’ dan ix-xandar huma min jirreklama. Fil-fehma tiegħi, din hija pjuttost sitwazzjoni li fiha s-servizzi pprovduti lit-telespettaturi jew lis-semmiegħa (xandir) huma ffinanzjati mill-benefiċjarji ta’ servizzi oħra, jiġifieri s-servizzi ta’ xandir ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali. Madankollu, dan ma jibdilx il-klassifikazzjoni ta’ dawn is-servizzi mill-perspettiva tal-VAT.
40 Dokument XXI/1500/96.
41 Konklużjonijiet fil-Kawża C‑11/15, EU:C:2016:181, punti 44 sa 63.
42 Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Związek Gmin Zagłębia Miedziowego (C‑566/17, EU:C:2019:390, punti 26 u 27).
43 Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Związek Gmin Zagłębia Miedziowego (C‑566/17, EU:C:2019:390, punti 28 u 29).