C-321/02 - Harbs

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

15 ta' Lulju 2004 (*)

"Sitt Direttiva VAT – Artikolu 25 – Skema komuni b'rata fissa għall-bdiewa – Kiri ta' parti minn impriża agrikola"

Fil-kawża C-321/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 234 KE mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

Finanzamt Rendsburg

u

Detlev Harbs,

dwar l'interpretazzjoni ta' l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p.1),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' Awla, A. Rosas u S. von Bahr (Relatur),  R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

għas-Sur Harbs, irrappreżentat minn G. Flock u U. Fischer, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn W.- D. Plessing u M. Lumma, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u K. Gross, bħala aġenti, assistiti minn A. Böhlke, Rechtsanwalt,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet is-sottomissjonijiet orali tas-Sur Harbs u tal-Kummissjoni  fis-seduta tat-12 ta' Frar 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-11 ta' Marzu 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' digriet ta' l-4 ta' Lulju 2002, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta' Settembru 2002, il-Bundesfinanzhof għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p.1, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Din id-domanda ġiet magħmula fil-kuntest tal-kawża bejn is-Sur Harbs u l-Finanzamt Rendsburg (il-Ġermanja) (iktar 'il quddiem il-"Finanzamt") dwar l-applikazzjoni ta' l-iskema komuni b'rata fissa għall-bdiewa prevista fl-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva għad-dħul mill-kirja mogħtija mill-persuna kkonċernata fuq parti mill-assi ta' l-impriża agrikola tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Dritt Komunitarju

3       L-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva jiddisponi li:

"Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw […]:

[…]

b) il-kiri jew l-aljenazzjoni [kiri għall-użu biss] ta’ proprjetà immobbli […]".

4       L-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva, intitolat "Skema komuni [b']rata fissa għall-bdiewa", jipprovdi li:

"1. Fejn l-applikazzjoni għall-bdiewa għall-iskema normali tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jew l-iskema simplifikata pprovduta fl-Artikolu 24, twassal għal ċertu diffikultajiet, Stati Membri jistgħu japplikaw għall-iskema [b']rata fissa għall-bdiewa li għandha it-tendenza li tagħmel tajjeb għat-taxxa fuq il-valur miżjud miġbura fuq ix-xiri ta’ l-oġġetti u s-servizzi magħmula mill-bdiewa [li jgawdu minn] rata fissa skond dan l-Artikolu.

2. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, id-definizjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

–       "bidwi": persuna taxxabbli li twettaq l-attività tagħha f’waħda mill-impriżi definiti taħt,

–       "impriżi agrikol[i], tal-foresti u tas-sajd": impriża kkonsidrata li tkun tali minn kull Stat Membru fl-istruttura ta’ l-attivitajiet tal-produzzjoni mniżżla fl-Anness A,

–       "bidwi [li jgawdi minn] rata fissa": bidwi soġġett għall-iskema [b']rata fissa pprovduta f’paragrafi 3 et seq.,

–       "prodotti agrikoli": oġġetti maħduma minn impriża agrikola, [tal-]forest[i] jew [tas-]sajd f’kull Stat Membru bħala riżultat ta’ l-attivitajiet mniżżlin fl-Anness A,

–       "servizz agrikolu": kwalunkwe servizz stabbilit fl-Anness B provdut minn bidwi li juża’ x-xogħol tiegħu u/jew permezz ta’ tagħmir normalment disponibbli mill-impriża agrikola, [tal-]forest[i] jew [tas-]sajd imħaddma minnu,

–       “ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-inputs": l-ammont totali tat-taxxa fuq il-valur miżjud li għandu x’jaqsam ma’ l-oġġetti u s-servizzi mixtrija mill-impriżi agrikoli, tal-forest[i] u tas-sajd ta’ kull Stat Membru soġġett għall-iskema [b']rata fissa li għandha titnaqqas taħt Artikolu 17 minn bidwi soġġett għall-iskema normali tat-taxxa fuq il-valur miżjud,

–       "persentaġġi kompensatorji [b']rata fissa": il-persentaġġi ffissati mill-Istati Membri b’mod konformi ma’ paragrafu 3 u applikati minnhom fil-każijiet speċifikati f’paragrafu 5 biex jgħinu lill-bdiewa [li jgawdu minn] rata fissa jagħmlu tajjeb għar-rata fissa tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-inputs,

–       "rata fissa kompensatorja": l-ammont li tasal għalih billi tapplika l-persentaġġ kompensatorju [b']rata fissa pprovduta f’paragrafu 3 għad-dħul mill-bejgħ tal-bidwi [li jgawdi minn] rata fissa fil-każijiet riferuti f’paragrafu 5.

3. L-Istati Membri għandhom jiffissaw l-persentaġġi kompensatorji [b']rata fissa, fejn neċessarju, u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni qabel japplikawhom. It-tali persentaġġi għandhom ikunu ibbażati fuq l-istatistika makro-ekonomika għall-bdiewa [li jgawdu minn] rata fissa waħedhom għat-tliet snin preċedenti. Huma jistgħu ma jkunux użati biex jiksbu għall-bdiewa [li jgawdu minn] rata [fissa] ħlas lura ikbar mill-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-inputs. L-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jnaqqsu t-tali persentaġġi għar-rata ta' xejn. Il-persentaġġ jista’ jsir f’ċifra tonda ‘l fuq jew ‘l isfel sa l-eqreb nofs punt.

L-Istati Membri jistgħu jiffissaw il-persentaġġi li jvarjaw tal-kumpens b’rata fissa għall-forest[i], għal sotto-diviżjonijiet differenti ta’ agrikoltura u għas-sajd.

[…]

5. Il-persentaġġi [b']rata fissa li hemm pprovduti f’paragrafu 3 għandhom ikunu applikati għall-prezz, esklużi mit-taxxa, tal-prodotti agrikoli u servizzi agrikoli pprovduti mill-bdiewa [li jgawdu minn] rata fissa lill-persuni taxxabbli għajr bidwi [li jgawdi minn] rata fissa. Dan il-kumpens għandu jeskludi l-forom l-oħra kollha tat-tnaqqis.

6. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-kumpens [b']rata fissa li għandu jkun mħallas:

a) jew minn persuna taxxabbli għal min l-oġġetti jew is-servizzi huma pprovduti. F’dan il-każ, il-persuna taxxabbli għal min l-oġġetti jew is-servizzi huma pprovduti għandhom ikunu awtorizzati, wara proċedura stabbilita mill-Istati Membri, biex tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud għal liema huwa responsabbli, l-ammont ta’ kumpens b’rata fissa għandu jkun imħallas lill-bdiewa [li jgawdu minn] rata fissa;

b) jew mill-awtoritajiet pubbliċi.

[…]

8. Fir-rigward tal-provvisti kollha ta’ prodotti agrikoli u servizzi agrikoli għajr dawk koperti b’paragrafu 5, il-kumpens b’rata fissa hu meqjus li hu mħallas mix-xerrej jew mill-klijent.

[…]

10. Kull bidwi [li jgawdi minn] rata fissa jista’ jagħżel, soġġett għar-regoli u l-kondizzjonjiet stabbiliti minn kull Stat Membru, għall-applikazzjoni ta’ l-iskema normali tat-taxxa fuq il-valur miżjud jew, kif il-każ jista’ jkun, l-iskema simplifikata pprovduta fl-Artikolu 24 (1).

[…]"

5       L-Anness A tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

"Lista ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni agrikola:

I. Produzzjoni ta’ ħxejjex

1. Agrikoltura ġenerali, inkluża l-vitikultura;

[…]

II. Trobbija ta’ bhejjem flimkien ma’ kultivazzjoni

1. Trobbija ġenerali ta’ bhejjem;

[…]

III. Forest[i]

IV. Sajd

[…]

V. Fejn bidwi jipproċessa, billi juża mezzi normalment użati fl-impriżi ta’ agrik[o]ltura, ta’ forest[i] jew ta’ sajd prodotti li jiġu essenzjalment [m]il[l]-produzzjoni agrikola tiegħu, tali proċessar għandu jkun meqjus bħala produzzjoni agrikola."

6       L-Anness B ta' l-istess Direttiva tistipula kif ġej:

"Lista ta’ servizzi agrikoli:

Provvisti ta’ servizzi agrikoli li normalment jagħmlu parti mill-produzzjoni agrikola għandhom jkunu kkonsidrati il-provvista ta’ servizzi agrikoli, u jinkludu li ġejjin b’mod partikolari:

–       xogħol ta’ l-għalqa, ħsad u ħart, driż, tagħmel f’qatet, ġbir, ħsad, żrigħ u taħwil,

–       ippakkjar u preparazzjoni għas-suq, per eżempju tinxif, tindif, tifrik, disinfettar u siġillar ta’ prodotti agrikoli,

–       ħażna ta’ prodotti agrikoli,

–       indukrar tal-bhejjem, trobbija u simna,

–       il-kiri [għall-użu biss], għal skopijiet agrikoli, ta’ tagħmir normalment użat f’impriżi agrikoli, tal-foresti u tas-sajd,

–       għajnuna teknika,

–       distruzzjoni ta’ ħaxix u dud, trab u bexx tal-ħaxix u ta’ l-art,

–       operazzjoni ta’ irrigazzjoni u tagħmir ta’ drenaġġ,

–       lopjar, qtugħ ta’ siġar u servizzi oħrajn ta’ forest[i]."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       Fil-liġi Ġermaniża, l-iskema tal-kumpens b'rata fissa previst fl-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva huwa implementat mill-Artikolu 24 ta' l-Umsatzsteuergesetz 1991 (il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, iktar 'il quddiem l-"UStG") fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8       Fl-1992, is-Sur Harbs kien is-sid ta' impriża agrikola li kienet tinkludi, minbarra art ta' 92 ettaru u bini intiż għal din l-impriża, madwar 60 barri għall-qatla, 65 baqra tal-ħalib u 120 frat ieħor. Huwa kien jibbenifika minn kwantità ta' referenza tal-ħalib (kwota tal-ħalib) ta' 321 367 kg.

9       Permezz ta' żewġ kuntratti tat-12 ta' Novembru 1992, is-Sur Harbs kera lit-tifel tiegħu parti mill-impriża agrikola mill-15 ta' Novembru 1992 sat-30 ta' Ġunju 2005, għall-ħlas ta' somma flus. L-ewwel nett, permezz ta' "kuntratt ta' kiri ta' impriża agrikola", tah artijiet ta' madwar 31 ettaru, il-65 baqra tal-ħalib u l-kwota tal-ħalib tiegħu. It-tieni nett, permezz ta' "kuntratt għall-użu ta' mqajjel", huwa kera lit-tifel tiegħu maqjel għall-baqar b'75 post. Is-Sur Harbs kompla jmexxi l-bqija ta' l-impriża agrikola tiegħu.

10     Is-Sur Harbs sostna li l-korrispettiv miftiehem fil-kuntest tal-kuntratt ta' kiri ta' impriża agrikola kien taxxabbli bir-rati medji previsti fl-Artikolu 24 ta' l-UStG u li, skond dan it-test, it-taxxa fuq id-dħul minn impriża agrikola kienet ikkumpensata mill-input tax ta' ammont korrispondenti, b'tali mod li ma kien hemm l-ebda taxxa x'tiġi miġbura. Għaldaqstant, huwa ma ddikjara ebda dħul taxxabbli għas-sena finanzjarja 1992 fid-dikjarazzjoni tat-taxxa ta' l-20 ta' Jannar 1995 li kien ġie mitlub jippreżenta.

11     Il-Finanzamt sostna li, għalkemm il-kiri ta' artijiet u ta' bini huwa eżenti mit-taxxi skond il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, id-dħul li s-Sur Harbs għamel fl-1992 mill-kiri tal-kwota tal-ħalib u tal-baqar tal-ħalib ma jaqax taħt attività agrikola skond l-Artikolu 24 ta' l-UStG u, għaldaqstant, kellu jiġi ntaxxat skond id-dispożizzjonijiet ġenerali ta' l-UStG. Għalhekk, huwa ntaxxa id-dħul fuq l-ammont nett tal-korrispettiv imħallas skond il-kuntratti ta' kiri u, fl-10 ta' Lulju 1996, huwa bagħat avviż ta' taxxa għal 361 DEM.

12     Wara li ġiet miċħuda l-oġġezzjoni tiegħu, is-Sur Harbs ippreżenta rikors quddiem il-Finanzgericht Schleswig-Holstein (il-Ġermanja), li ddeċidiet li t-talba kienet fondata. Il-Finanzamt appella fuq punt ta' dritt ("Revision") quddiem il-Bundesfinanzhof.

13     Billi s-soluzzjoni għall-kawża prinċipali tirrikjedi interpretazzjoni ta' l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva, din il-qorti ddeċidiet tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

"Is-sid ta' impriża agrikola,

-li jċedi parti mill-impriża tiegħu (dik li għandha x'taqsam mal-baqar tal-ħalib kollha) u li jagħti b'kiri l-assi ekonomiċi neċessarji għal dan il-għan lill-bidwi ieħor, u

-li jkompli attività bħala bidwi mhux fuq bażi negliġibbli anki wara l-kiri,

jista' jqis id-dħul mill-kiri – bħad-dħul l-ieħor tiegħu – bħala dħul li jaqa' taħt l-iskema komuni b'rata fissa għall-bdiewa prevista fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 77/388/KEE, jew inkella l-parti tad-dħul mill-kiri għandha tkun suġġetta għall-iskema ġenerali ta' taxxa fuq id-dħul?"

 Fuq id-domanda preliminari

14     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob sostanzjalment jekk l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li bidwi, li jkun ta b'kiri u/jew b'kiri għall-użu biss parti mill-impriża agrikola tiegħu u li jkompli jwettaq, b'dak li jifdal mill-impriża agrikola, l-attività tiegħu ta' bidwi li għaliha tapplika l-iskema komuni b'rata fissa prevista f'dan l-Artikolu, jista' japplika din l-iskema għad-dħul mill-kiri jew inkella jekk dan id-dħul għandux jaqa' taħt l-iskema ġenerali tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT").

 L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

15     Is-Sur Harbs isostni li l-Artikolu 24(1) ta’ l-UStG ma jipprovdix li d-dħul mill-kiri u mill-kiri għall-użu biss ta’ ċerti assi ekonomiċi huwa soġġett għall-iskema komuni ta’ tassazzjoni. Bidwi li jagħti b'kiri u b'kiri għall-użu biss oġġetti speċifiċi ta’ l-impriża tiegħu lanqas m’għandu, taħt din id-dispożizzjoni, japplika l-persentaġġ ta' kumpens b’rata fissa meta jagħti dak is-servizz lil bidwi ieħor li jgawdi minn rata fissa peress li l-kumpens għall-input VAT huwa meqjus li huwa inkluż fil-prezz totali tas-servizzi.

16     Is-Sur Harbs isostni li l-Bundesfinanzhof tammetti hija stess, fil-ġurisprudenza tagħha, li huwa biss fil-każ li l-bidwi jagħti għall-kiri l-impriża kollha tiegħu li huwa ma jkollux iktar impriża agrikola skond l-Artikolu 24 ta’ l-UStG.

17     Huwa jsostni wkoll li l-fatt li huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala bidwi skond l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva huwa inkontestabbli, peress li huwa jeżerċita kuljum l-attivitajiet imsemmija fl-Anness A ta’ din id-Direttiva u din il-kwalità ma tistax tiġi affettwata mill-kiri għall-użu biss jew mill-kiri ta' ċerti oġġetti ta' l-impriża. Barra minn hekk, l-iskema b'rata fissa prevista f'dan l-Artikolu tapplika għall-prezz ta' "servizzi agrikoli", li, skond il-ħames inċiż ta' l-Anness B tas-Sitt Direttiva, jinkludu dawk li, bħal fil-kawża prinċipali, jikkontribwixxu għall-produzzjoni agrikola, b'mod partikolari "il-kiri [għall-użu biss], għal skopijiet agrikoli, ta’ tagħmir normalment użat f’impriżi agrikoli". L-Artikolu 25 u l-Anness B ta' din id-Direttiva ma jirrikjedux li l-persuna kkonċernata għandha hija stess tuża wkoll u b'mod simultanju, fl-impriża agrikola tagħha, l-assi ekonomiċi li jingħataw "għal skopijiet ta' użu". Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva, il-kiri jikkostitwixxi għoti ta' servizzi.

18     Skond il-Gvern Ġermaniż, id-dħul in kwistjoni mill-kiri ma jaqax taħt l-iskema komuni b'rata fissa għall-bdiewa prevista fl-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva. Huwa suġġett għall-iskema ġenerali ta' taxxa fuq id-dħul.

19     Il-kunċett ta' "kiri [għall-użu biss], għal skopijiet agrikoli, ta’ tagħmir normalment użat f’impriżi agrikoli, tal-foresti u tas-sajd" imsemmi fil-ħames inċiż ta' l-Anness B tas-Sitt Direttiva ma jkoprix il-kiri ta' parti mill-impriża. Tali kiri, għall-kuntrarju ta' servizz speċifiku ta' kiri għall-użu biss ta' assi speċifiċi, jinkludi numru ta' servizzi kumplessi għall-benefiċċju tal-kerrej li jingħata mhux biss l-użu iżda wkoll l-użufrutt tal-ħaġa.

20     Barra minn hekk, is-Sitt Direttiva toħloq distinzjoni ċara bejn iż-żewġ kategoriji ġuridiċi ta' kiri u kiri għall-użu biss, kif jirriżulta minn paragun bejn id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness B u ta' l-Artikolu 13B(b) ta' din id-Direttiva. Barra minn hekk, peress li l-kiri mhuwiex xi ħaġa rari fl-agrikoltura, il-leġiżlatur Komunitarju kien jinkludih espressament f'dan l-Anness B li kieku kellu l-intenzjoni li tkun tapplika l-iskema b'rata fissa.

21     Il-fatt li l-imsemmi Anness B fih biss eżempji ta' servizzi agrikoli u għalhekk mhuwiex eżawrjenti ma jfissirx li l-kiri jista' jiġi inkluż f'dan l-Anness. Tali inklużjoni, f'dak li jirrigwarda l-kiri ta' art, toħloq inkoerenza fis-sistema tas-Sitt Direttiva li teżenta, skond l-Artikolu 13B(b) tagħha, il-kiri u l-kiri għall-użu biss ta' proprjetà immobbli. Barra minn hekk, bħal kull skema li fiha derogi, dik ta' l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva għandha tiġi implementata skond interpretazzjoni restrittiva ta' dan l-Artikolu u ta' l-Anness B ta' l-istess Direttiva. Fl-aħħar nett, jekk il-kiri jiġi inkluż fl-iskema b'rata fissa ta' l-imsemmi Artikolu 25, ikun hemm ir-riskju li dan iwassal għal "kumpens żejjed" li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva, li tobbliga l-Istati Membri jistabbilixxu persentaġġi ta' kumpens b'rati fissi li ma jistgħux ikollhom l-effett li jagħtu lill-bdiewa li jgawdu minn rati fissi kumpens li jeċċedi l-ammont tal-VAT.

22     Għall-Gvern Ġermaniż, is-sors ta' l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva jikkonferma li l-kiri għall-użu biss ta' parti minn impriża agrikola ma taqax taħt l-iskema b'rata fissa msemmija f'dan l-Artikolu. Fil-fatt, minn naħa, il-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 1973 għas-Sitt Direttiva kienet tagħmel referenza, fil-ħames inċiż ta' l-Anness B tas-Sitt Direttiva, għall-"kiri għall-użu biss ta' magni agrikoli". Għaldaqstant, hija ma inkludietx il-kiri għall-użu biss ta' artijiet, kif jidher ukoll mid-diskussjonijiet ulterjuri u, b'mod partikolari, mill-proposti għall-emendi ssuġġeriti dak iż-żmien mill-Gvern Ġermaniż. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva għandu jkun interpretat b'mod strett jemana mill-ftehim milħuq mill-Istati membri li, dak iż-żmien, kienu ftehmu sabiex jagħmlu iktar sforz fl-applikazzjoni b'mod progressiv ta' l-iskema normali tal-VAT għal ċerti kategoriji ta' bdiewa.

23     Il-Kummissjoni ssostni li l-iskema b'rata fissa għall-bdiewa, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-istatus tagħha bħala skema speċjali, għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv (ara, għall-iskema speċjali ta' l-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva, is-sentenza tat-22 ta' Ottubru 1998, Madgett u Baldwin, C-308/96 u C-94/97, Ġabra p. I-6229).

24     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm din l-iskema hija bbażata fuq kriterju formali inkwantu hija indirizzata għall-"bdiewa", hija fiha wkoll element funzjonali li, skond l-Artikolu 25(5) tas-Sitt Direttiva, jorbot il-kumpens b'rata fissa ma' "prodotti agrikoli" jew ma' "servizzi agrikoli". Hija tosserva li, kuntrarjament għall-Artikolu 13B(b) ta' l-imsemmija Direttiva, li jsemmi kemm il-kiri kif ukoll il-kiri għall-użu biss, il-lista ta' "servizzi agrikoli" fl-Anness B ta' l-istess Direttiva, li għaliha l-Artikolu 25 jagħmel referenza, ma ssemmix kiri.

25     Skond il-Kummissjoni, filwaqt li l-istess Anness B isemmi fost is-servizzi agrikoli "il-kiri [għall-użu biss], għal skopijiet agrikoli, ta’ tagħmir normalment użat f’impriżi agrikoli", huwa ma jkoprix il-kiri għall-użu biss ta' l-impriża agrikola fiha nnifisha jew ta' parti awtonoma ta' l-impriża. It-"tagħmir" ikkonċernat huwa dak li għandu jservi biss għal skopijiet agrikoli, b'mod li dawn jiġu ffaċilitati jew isiru possibbli, bħall-magni agrikoli, li barra minn hekk kien l-uniku tagħmir li ssemma fil-proposti għas-Sitt Direttiva. Punt V ta' l-Anness A ta' din id-Direttiva jirreferi għal dan l-istess kunċett. Huwa f'dan is-sens ukoll li għandhom jinqraw il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn ta' l-imsemmi Anness B.

26     Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, skond il-ħames inċiż ta' l-Artikolu 25(2) tas-Sitt Direttiva, is-servizzi agrikoli msemmija huma dawk li huma pprovduti minn bidwi "li juża’ x-xogħol tiegħu u/jew permezz ta’ tagħmir normalment disponibbli mill-impriża agrikola, [tal-]forest[i] jew [tas-]sajd imħaddma minnu". Tali kundizzjoni mhijiex sodisfatta f'ċirkustanzi, bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn bidwi jieqaf iżomm il-baqar tal-ħalib u jagħtihom b'kiri għal żmien twil peress li l-assi mogħtija b'kiri m'għadhomx jintużaw għall-attività agrikola ta' sid il-kera.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

27     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 25(1) tas-Sitt Direttiva rrikonoxxa lill-Istati Membri l-fakultà li japplikaw skema komuni b'rata fissa għall-bdiewa fejn, fir-rigward tagħhom, l-applikazzjoni ta' l-iskema normali tal-VAT jew ta' l-iskema ssemplifikata prevista fl-Artikolu 24 ta' din id-Direttiva, kienet toħloq diffikultajiet. Għaldaqstant, din l-iskema speċjali, applikabbli għal ċerti bdiewa, tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-iskema ġenerali ta' l-imsemmija Direttiva. In-natura tagħha derogatorja hija kkonfermata, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, permezz tad-doppja ċirkustanza li, skond l-Artikolu 25(9) u (10) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeskludu minn din l-iskema ċerti kategoriji ta' bdiewa u li kull bidwi li jgawdi minn rata fissa għandu d-dritt jagħżel l-iskema normali jew l-iskema ssemplifikata. Bħall-iskemi speċjali l-oħrajn previsti fl-Artikoli 24 u 26 ta' l-istess Direttiva, l-iskema prevista fl-Artikolu 25 tagħha għandha għalhekk tiġi applikata biss safejn hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-objettiv tagħha (ara, għall-applikazzjoni ta' l-iskema ta' l-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva, is-sentenza Madgett u Baldwin, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34). Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti, kull deroga jew eċċezzjoni għal regola ġenerali għandha tiġi interpretata b'mod strett (sentenza tat-18 ta' Jannar 2001, il-Kummissjoni vs Spanja, C-83/99, Ġabra p. I-445, punt 19).

28     Għandu jiġi mfakkar ukoll li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta' dispożizzjoni tad-Dritt Komunitarju, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-istess ħin il-kliem, il-kuntest u l-objettivi tagħha (sentenzi tal-15 ta' Ottubru 1992, Tenuta il Bosco, C-162/91, Ġabra p. I-5279, punt 11, u tas-16 ta' Jannar 2003, Maierhofer, C-315/00, Ġabra p. I-563, punt 27). Barra minn hekk, jirriżulta mill-eżiġenzi kemm ta' applikazzjoni uniformi tad-Dritt Komunitarju u kif ukoll tal-prinċipju ta' ugwaljanza li l-kliem ta' dispożizzjoni tad-Dritt Komunitarju li ma tagħmilx referenza espressa għal-liġijiet ta' l-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sinifikat u l-portata tagħhom, għandhom normalment jingħataw, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-objettiv imfittex mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta' Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; tad-19 ta' Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43; tad-9 ta' Novembru 2000, Yiadom, C-357/98, Ġabra p. I-9265, punt 26; tas-27 ta' Frar 2003, Adolf Truley, C-373/00, Ġabra p. I-1931, punt 35, u tas-27 ta' Novembru 2003, Zita Modes, C-497/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).

29     Skond l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva, l-iskema komuni b'rata fissa hija intiża sabiex tagħmel tajjeb għat-taxxa fuq ix-xiri ta’ oġġetti u servizzi ta' bdiewa permezz tal-ħlas ta' kumpens b'rata fissa lill-bdiewa li jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-kuntest ta' impriża agrikola, tal-foresti jew tas-sajd, meta huma jipprovdu prodotti jew servizzi agrikoli. Dan il-kumpens huwa kkalkulat billi jiġi applikat persentaġġ, stabbilit mill-Istati Membri, fir-rigward tal-prezz mingħajr taxxa ta' prodotti jew servizzi pprovduti mill-bidwi li jgawdi minn rata fissa lil persuna taxxabbli li qiegħda tixtri l-oġġetti jew tirċievi s-servizzi iżda li mhijiex bidwi li jgawdi minn rata fissa. Il-kumpens jitħallas jew mill-awtoritajiet pubbliċi jew mill-persuna taxxabbli li qiegħda tixtri l-oġġetti jew tirċievi s-servizzi u jeskludi kull forma oħra ta' tnaqqis ta' l-input VAT.

30     Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni uniformi ta' l-iskema fil-Komunità kollha, il-leġiżlatur Komunitarju, salv fil-każ ta' referenza espressa għal-liġijiet ta' l-Istati Membri f'dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta' l-impriżi kkonċernati, ħassu fid-dmir li jagħti definizzjoni, b'mod partikolari, għall-kunċetti ta' "bidwi", ta' "prodotti agrikoli" u ta' "servizzi agrikoli".

31     Il-leġiżlatur Komunitarju ma kellux l-intenzjoni li jibbaża l-applikazzjoni ta' l-imsemmija skema fuq kriterju wieħed biss, jiġifieri l-istatus formali tal-bidwi, iżda rriżerva din l-applikazzjoni għall-bdiewa li s-sitwazzjoni tagħhom hija definita mid-dispożizzjonijiet kollha ta' l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza waħedha li wieħed ikun bidwi ma tippermettix li huwa jitlob l-applikazzjoni esklużiva ta' din l-iskema, hi x'inhi n-natura ta' l-attivitajiet ekonomiċi li huwa jwettaq.

32     F'dan ir-rigward, skond l-Artikolu 25(2) tas-Sitt Direttiva, is-servizzi agrikoli huma dawk is-servizzi elenkati fl-Anness B ta' l-imsemmija Direttiva li huma pprovduti minn bidwi li juża’ x-xogħol tiegħu u/jew permezz ta’ tagħmir normalment disponibbli mill-impriża agrikola, tal-foresti jew tas-sajd imħaddma minnu. Skond dan l-Anness B, is-servizzi agrikoli huma dawk is-servizzi li normalment jagħmlu parti mill-produzzjoni agrikola, b'mod partikolari "il-kiri [għall-użu biss], għal skopijiet agrikoli, ta’ tagħmir normalment użat f’impriżi agrikoli".

33     La l-Artikolu 25(2) u lanqas l-Anness B tas-Sitt Direttiva ma jkopru b'mod espliċitu l-kiri. Għall-kuntrarju, għandu jiġi nnutat li fl-Artikolu 13B(b) ta' l-istess Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju pprovda espressament, għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, is-sitwazzjoni ta' kiri minbarra dik tal-kiri għall-użu biss.

34     Barra minn hekk, jirriżulta mill-ħames inċiż ta' l-Artikolu 25(2) tas-Sitt Direttiva u mill-Anness B tagħha – li, peress li jirreferu għal xulxin, għandhom jinqraw flimkien – li kiri għall-użu biss tista' tiġi inkluża fost is-servizzi koperti mill-ħames inċiż ta' l-imsemmi Artikolu 25(2) biss jekk hija tirrigwarda l-mezzi li l-bidwi juża normalment sabiex imexxi l-impriża agrikola tiegħu. Minn dan jirriżulta li, b'mod partikolari, il-kiri għall-użu biss, il-kiri jew il-ħolqien ta' dritt ta' użufrutt li permezz tiegħu bidwi jagħti t-tgawdija esklużiva ta' proprjetà immobbli, bħal artijiet jew bini, lil bidwi ieħor sabiex dan ta' l-aħħar jirċievi l-benefiċċji, ma jaqgħux taħt l-istess ħames inċiż ta' l-Artikolu 25(2), peress li l-bidwi li qiegħed jagħmel it-trasferiment ma jistax ikompli juża regolarment l-assi kkonċernati. Għall-istess raġuni, dan għandu japplika wkoll għall-kiri għall-użu biss għal żmien twil ta' kull oġġett ieħor ta' l-impriża li minnhom jibbenefika l-kerrej b'mod esklużiv.

35     Għaldaqstant, f'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, meta bidwi jagħti b'kiri għall-użu biss, għal iktar minn tnax-il sena, elementi fondamentali ta' l-impriża tiegħu bħal artijiet, bini, il-baqar u l-kwota tal-ħalib, u b'hekk jissepara ruħu mit-tagħmir li qabel kien juża regolarment fl-eżerċizzju ta' l-attività tiegħu bħala produttur tal-ħalib, huwa ma jistax jiġi kkunsidrat bħala wieħed li jipprovdi servizzi fis-sens ta' l-Artikolu 25(2) tas-Sitt Direttiva.

36     Din l-attività ta' kiri għall-użu biss, għalhekk, ma taqax taħt l-iskema komuni b'rata fissa għall-bdiewa. Għaldaqstant, id-dħul li jirriżulta minn din l-attività ma jistax ikun suġġett għall-iskema speċjali ta' l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva, anki jekk il-bidwi kkonċernat ikompli attività ta' trobbija ta' annimali fuq ir-raba' li jifdal, u, konsegwentement, jaqa' taħt l-iskema normali tal-VAT jew, skond il-każ, taħt l-iskema ssemplifikata. Barra minn hekk, il-bidwi kkonċernat jista', konformement ma' l-Artikolu 25(10) tas-Sitt Direttiva, jagħżel l-iskema normali jew, jekk ikun il-każ, l-iskema ssemplifikata fir-rigward l-attivitajiet kollha tiegħu.

37     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li bidwi, li jkun ta' b'kiri u/jew b'kiri għall-użu biss għal żmien twil parti mill-elementi fondamentali ta' l-impriża agrikola tiegħu u li jkompli, b'dak li jifdal minnha, l-attività tiegħu bħala bidwi li għaliha huwa suġġett għall-iskema komuni b'rata fissa prevista f'dan l-Artikolu, ma jistax japplika din l-istess skema b'rata fissa għad-dħul mill-kiri u/jew mill-kiri għall-użu biss. Dan id-dħul għandu jkun suġġett għall-iskema normali jew, jekk ikun il-każ, għall-iskema ssemplifikata tal-VAT.

 Fuq l-ispejjeż

38     L-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, li ssottomettiet osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

b'risposta għad-domanda magħmula lilha mill-Bundesfinanzhof, permezz ta' digriet ta' l-4 ta' Lulju 2002, taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li bidwi, li jkun ta b'kiri u/jew b'kiri għall-użu biss għal żmien twil parti mill-elementi fondamentali ta' l-impriża agrikola tiegħu u li jkompli, b'dak li jifdal minnha, l-attività tiegħu bħala bidwi li għaliha huwa suġġett għall-iskema komuni b'rata fissa prevista f'dan l-Artikolu, ma jistax japplika din l-istess iskema b'rata fissa għad-dħul mill-kiri u/jew mill-kiri għall-użu biss. Dan id-dħul għandu jkun suġġett għall-iskema normali jew, jekk ikun il-każ, għall-iskema ssemplifikata tat- taxxa fuq il-valur miżjud.

Jann

Rosas

von Bahr

Silva de Lapuerta

 

Lenaerts

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Lulju 2004.

Reġistratur

 

President

R. Grass

 

P. Jann


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.