C-419/02 - BUPA Hospitals u Goldsborough Developments

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

tal-21 ta' Frar 2006 (*)

"Sitt Direttiva VAT – Artikolu 12(2) – Data ta' meta l-VAT għandha titħallas – Hlas ta' akkonti – Ħlas bil-quddiem għall-kunsinna futura ta' prodotti farmaċewtiċi u ta' proteżi"

Fil-kawża C-419/02

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Renju Unit), permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta' Novembru 2002 li fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta' Novembru 2002, fil-proċedimenti:

BUPA Hospitals Ltd,

Goldsborough Developments Ltd

vs

Commissioners of Customs & Excise,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann, J. Makarczyk, Presidenti ta' Awla, S. von Bahr (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, u K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Novembru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati :

–       għal BUPA Hospitals Ltd. u Goldsborough Developments Ltd, minn R. Venables, QC, assistit minn T. Lyons, barrister, mandatarji minn D. Garcia, solicitor,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn C. Vajda, QC,

–       għall-Irlanda, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. M. Collins, SC,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Id-domanda għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 2(1), ta' l-Artikolu 4 (1) u (2), ta' l-Artikolu 5(1), ta' l-Artikolu 10(2), u ta' l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE ta' l-10 ta' April 1995 (ĠU L 102, p. 18, iktar 'il quddiem "is-Sitt Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża mressqa minn BUPA Hospitals Ltd. (iktar 'il quddiem "BUPA Hospitals") u Goldsborough Developments Ltd (iktar 'il quddiem "Goldsborough Developments"), żewġ kumpanniji tal-grupp BUPA, kontra l-Commissioners of Customs & Excise (iktar 'il quddiem "il-Commissioners") dwar ir-rifjut ta' dawn ta' l-aħħar li jawtorizzaw it-tnaqqis, lill-BUPA Hospitals u lill-Goldsborough Developments, tas-somma ta' 17.5 miljun GBP (bejn wieħed u ieħor EUR 26.2 miljun) bħala taxxa fuq il-valur miżjud fis-sors (iktar 'il quddiem "VAT") imħallsa fuq akkonti magħmula għall-kunsinni futuri effettwati minn żewġ kumpanniji oħra tal-grupp BUPA.

 Il-Kuntest Ġuridiku

  Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jimponi l-VAT fuq il-kunsinna ta' oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

4       Skond l-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva hija meqjusa bħala persuna taxxabbli kull persuna li b'mod indipendenti twettaq attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-imsemmi Artikolu 2 jiddefinixxi l-kunċett ta' "attivitajiet ekonomiċi" bħala li jinkludi l-attivitajiet kollha ta' produtturi, kummerċjanti u persuni li jipprovdu serviżżi u, b'mod partikolari, tranżazzjonijiet li jinvolvu l-isfruttament ta' proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta' dħul minnha fuq bażi kontinwa.

5       It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

"Bla ħsara għall-konsultazzjonijet imsemmija fl-Artikolu 29, kull Stat Membru jista' jqis bħala persuna taxxabbli waħedha persuni stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż li, filwaqt li huma indipendenti legalment, ikollhom x'jaqsmu mill-qrib ma' xulxin b'rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi."

6        Skond l-Artikolu 5(1) ta' din l-istess Direttiva " 'Provvista [kunsinna] ta' oġġetti' tfisser it-trasferiment tad-dritt ta' sid li jiddisponi minn proprjetà korporali."

7       L-Artikolu 10 (1) u (2) tas-Sitt Direttiva jgħid dan li ġej:

"1.      […]

a)      "Fatt taxxabbli" tfisser fatt li permezz tiegħu l-kundizzjonijet legali neċessarji biex ikun hemm taxxa jiġu sodisfatti;

b)      Ikun hemm taxxa meta l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata bil-liġi f'mument partikolari biex tiġbor it-taxxa mill-persuna suġġetta li tħallasha, għalkemm iż-żmien għall-ħlas jista' jkun pospost.

2.      Ikun hemm fatt taxxabbli u jkun hemm taxxa meta l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw. Konsenja ta' oġġetti, ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 5(4)(b), u [kunsinni] ta' servizzi li jwasslu għal prospetti ta' kontijiet jew ħlasijiet suċċessivi għandhom jitqiesu bħala kompluti fiż-żmien meta l-perjodi relattivi għal dawn il-prospetti ta' kontijiet jew ħlasijiet jiskadu.

Iżda meta ħlas isir akkont qabel ma l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw, ikun hemm taxxa mal-wasla tal-ħlas u fuq l-ammont riċevut.

Permezz ta' deroga mid-disposizzjonijiet ta' hawn fuq, Stati Membri jistgħu jipprovdu li jkun hemm taxxa għal ċerti [tranżazzjonijiet] jew għal ċerti kategoriji ta' persuni taxxabbli, jew:

–       mhux iktar tard mill-ħruġ tal-fattura jew tad-dokument li jservi bħala fattura, jew

–       mhux iktar tard minn meta jasal il-prezz, jew

–       fejn fattura jew dokument li jservi bħala fattura ma jinħarġux, jew jinħarġu tard, f'perjodu speċifikat mid-data tal-fatt taxxabbli."

8       L-Artikolu 13A (1) (b) sa' (e), ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jeżentaw ċerti attivitajiet fis-settur tas-servizzi mediċi.

9       L-Artikolu 17(1) ta' din l-istess Direttiva jipprovdi li "Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli".

10     Skond il-paragrafu 2(a) ta' dan l-istess Artikolu :

"Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

a)      taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fir-rigard ta' oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;".

11     Skond it-termini ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 28(2)(a) tas-Sitt Direttiva, matul il-perjodu ta' transazzjoni previst fl-Artikolu 28(l) "eżenzjonijet bi ħlasijiet lura ta' taxxa mħallsa fl-istadju preċedenti u r-rati mnaqqsa li jkunu anqas mir-rati fissi stabbiliti fl-Artikolu 12(3) f'dak li jirrigwarda r-rati mnaqqsa, li kienu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1991, u li jissodisfaw il-kundizzjonijet msemmija fl-aħħar daħla ta' l-Artikolu 17 tat-tieni Direttiva tal-Kunsill tal-11 ta' April 1967, jistgħu jinżammu."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12     L-Artikolu 6(4) tal-Liġi ta' l-1994 dwar il-VAT (Value Added Tax Act 1994) jipprovdi :

"Jekk, qabel it-terminu preskritt fil-paragrafi (2) u (3) iktar 'il fuq, il-persuna li teffettwa l-kunsinna toħroġ fattura tal-VAT fir-rigward tagħha jew jekk, qabel it-terminu preskritt fil-paragrafu 2(a) jew (b) jew (3) iktar 'il fuq, hija tirċievi l-ħlas ta' din il-kunsinna, din tkun ikkunsidrata, sa' l-ammont kopert mill-fattura jew mill-ħlas, bħala li ġiet effettwata fid-data ta' meta nħarġet il-fattura jew ta' meta seħħ il-ħlas." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13     Skond l-Artikolu 30(1) ta' din l-istess liġi, fil-verżjoni tagħha ta' qabel l-1 ta' Jannar 1998:

"Meta persuna taxxabbli tipprovdi oġġetti jew servizzi u l-kunsinna hija taxxabbli bir-rata zero, kemm jekk din il-kunsinna tkun suġġetta għall-VAT skond xi dispożizzjoni oħra u kemm jekk le –

(a) din il-kunsinna m'għandiex tiġi suġġetta għall-VAT; iżda

(b) għall-finijiet l-oħra kollha għandha tiġi meqjusa bħala kunsinna taxxabbli;

u konsegwentement ir-rata li għandha tiġi applikata fuq din il-kunsinna għandha tkun zero." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14     Mid-deċiżjoni ta' rinviju jirriżulta li BUPA Hospitals u BUPA Gatwick Park Hospitals Ltd (iktar 'il quddiem "BUPA Gatwick Park") jiffurmaw parti mill-grupp BUPA, kif ukoll, skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva, tal-grupp tal-VAT BUPA.

15     Matul diversi snin u preċiżament sa' l-aħħar ta' l-1997, BUPA Hospitals, b'mod partikolari, amministrat numru kbir ta' sptarijiet privati. Skond deċiżjoni tal-Court of Appeal, fil-kuntest ta' proċedimenti bejn BUPA Hospitals u l-Commissioners sa' mill-1993, il-kunsinni ta' mediċini u ta' proteżi minn BUPA Hospitals lill-pazjenti ta' dawn l-isptarijiet kienu suġġetti għal rata ta' VAT zero, u dan kien jippermetti lil BUPA Hospitals li tieħu lura l-VAT imħallsa wara fuq ix-xiri ta' dawn l-istess prodotti mingħand il-fornituri tagħha.

16     Wara li, fl-24 ta' Lulju 1997, il-House of Lords ċaħdet l-appell tal-Commissioners, il-Gvern tar-Renju Unit, fit-13 ta' Awwissu 1997, ħabbar li kien beħsiebu joħroġ liġi malajr sabiex itaffi l-effetti tad-deċiżjoni tal-Court of Appeal.

17     Il-qorti ta' rinviju tirrileva li, wara t-tħabbir ta' din il-leġiżlazzjoni ġdida, il-grupp BUPA ddeċieda li jagħmel użu minn arranġamenti ta' ħlas bil-quddiem. Il-ħsieb kien li operatur, li l-kunsinni tiegħu huma ntaxxati bir-rata zero u li jista' għalhekk jieħu lura l-VAT imħallsa bil-quddiem fuq il-kunsinni ta' mediċini u ta' proteżi, sakemm dawn huma jew għad ikunu s-suġġett ta' kunsinni taxxabbli, jagħmel kuntratti ta' xiri ta' oġġetti u ta' servizzi bi-tħejjija għall-emendi leġiżlattivi. Dan l-operatur wara jitlob li jiġi meħlus mill-VAT imħallsa bil-quddiem li kienet tikkorrispondi għall-perjodu li matulu ġie effettwat il-ħlas jew li nħarġet il-fattura, anki jekk il-kunsinna sseħħ matul perjodu bażi tal-kontijiet ieħor.

18     Fil-kuntest ta' dawn l-arranġamenti, ġie deċiż li kumpannija tal-grupp BUPA jkollha r-rwol ta' fornitur sabiex il-pagamenti bil-quddiem jinżammu fi-ħdan il-grupp. Din kienet il-BUPA Medical Supplies Ltd, (li sa dak iż-żmien kien għadha jisimha Goldsborough Retirement Property Services Ltd, iktar 'il quddiem "BUPA Medical"), kumpannija tal-grupp Goldsborough mixtrija fil-bidu ta' Awwissu mill-grupp BUPA u li wara saret qoxra vojta. Din il-kumpannija għalkemm kienet tagħmel parti mill-grupp BUPA, ma kinitx tagħmel parti mill-istess grupp tal-VAT tal-BUPA Hospitals.

19     Id-deċiżjoni ta' rinviju tippreċiża li, sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-Commissioners ikollhom raġuni biex idewmu l-ħlas lura tal-VAT, ġie deċiż li kumpannija oħra tal-grupp Goldsborough, jiġifieri Goldsborough Developments, kumpannija li tamministra erba' sptarijiet privati u li wkoll tagħmel parti minn grupp tal-VAT differenti minn dak ta' BUPA Hospitals, tilħaq ftehim ta' ħlas bil-quddiem, bl-istess ammont u matul l-istess perjodu bażi tal-kontijiet bħal ta' din ta' l-aħħar, ma fornitur li jagħmel parti mill-grupp tal-VAT tal-BUPA. Il-kumpannija BUPA Gatwick Park, li f'dak iż-żmien kienet qoxra vojta oħra, intgħażlet bħala t-tieni fornitur fil-kuntest ta' l-arranġamenti ta' ħlas bil-quddiem.

20     Fil-5 ta' Settembru 1997, inżammu laqgħat tal-bordijiet tad-diretturi ta' l-erba' kumpanniji in kwistjoni. Il-bordijiet tad-diretturi ta' BUPA Hospitals u BUPA Medical iddeċidew li jikkonkludu żewġ kuntratti li jikkonċernaw xiri u kunsinni rispettivament ta' mediċini u ta' proteżi.

21     Matul il-laqgħa tal-bord tad-diretturi tal-BUPA Hospitals ġie deċiż li jiġu effettwati ħlasijiet bil-quddiem ta' 60 miljun GBP flimkien mall-VAT għax-xiri ta' mediċini u ta' 40 miljun GBP flimkien mall-VAT għax-xiri ta' proteżi mingħand il-BUPA Medical.

22     Fl-istess ġurnata, ġiet adottata riżoluzzjoni speċjali li fiha ġie deċiż li l-isem ta' Goldsborough Retirement Property Services Ltd isir BUPA Medical u li ġie emendat l-għan soċjali ta' din ta' l-aħħar sabiex jinkludi attività ta' negozju ta' prodotti farmaċewtiċi u ta' proteżi.

23     Fl-istess 5 ta' Settembru 1997, BUPA Medical bagħtet lil BUPA Hospitals fatturi li jammontaw għal 60 miljun GBP flimkien ma' 10.5 miljun GBP bħala VAT għal kunsinna ta' mediċini, u li jammontaw għal 40 miljun GBP flimkien ma' 7 miljun GBP bħala VAT għall-proteżi.

24     F'din l-istess data, il-bordijiet ta' diretturi ta' Goldsborough Developments u ta' BUPA Gatwick Park ikkonkludew żewġ kuntratti li jikkonċernaw xiri u kunsinni rispettivament ta' mediċini u ta' proteżi.

25     Il-bord tad-diretturi ta' Goldsborough Developments iddeċieda li jħallas immedjatament lil BUPA Gatwick Park 50 miljun GBP flimkien mall-VAT għax-xiri tal-mediċini u 50 miljun GBP flimkien mal-VAT għax-xiri tal-proteżi.

26     Fl-istess ġurnata, BUPA Gatwick Park bagħtet żewġ fatturi lil Goldsborough Developments li jammontaw għal 50 miljun GBP flimkien ma' 8.75 miljun GBP bħala VAT għall-kunsinna ta' mediċini, u l-istess ammont ta' 50 miljun GBP flimkien ma' 8.75 miljun GBP bħala VAT għall-proteżi.

27     Mid-deċiżjoni ta' rinviju jirriżulta li l-kuntratti li fuq il-bażi tagħhom ġew effettwati l-ħlasijiet bil-quddiem kienu jixtiebħu. Dawn il-kuntratti jippreċiżaw li:

–       ix-xerrej għandu jħallas il-prezz ta' l-appalt lill-bejjiegħ mal-kuntratt,

–       il-prodotti koperti huma dawk deskritti fl-anness, liema anness jista' jiġi emendat bil-kunsens tal-partijiet,

–       il-bejjiegħ jipprovdi l-imsemmija prodotti f'daqqa jew f'parti skond l-istruzzjonijiet ulterjuri tax-xerrej sakemm il-valur totali tal-kunsinna tkun l-istess bħal dak tal-prezz ta' l-appalt,

–       kull parti tista' tirrexxindi l-kuntratt permezz ta' preavviż ta' sebat ijiem, u

–        f'dan il każ, ix-xerrej jieħu lura l-prezz ta' l-appalt imnaqqas bil-valur li jkun diġà ġie provvidut sad-data tar-rexissjoni.

Skond il-qorti ta' rinviju, l-anness kien l-istess għad-diversi kuntratti u kien fiħ lista eteroġenea li tinvolvi diversi mijiet ta' mediċini, ta' proteżi u ta' prodotti varji. Il-qorti ta' rinviju tosserva li kien evidenti li ebda wieħed mid-diriġenti ta' dawn l-erba' kumpanniji ma kien ta' kas tal-kontenut ta' dan id-dokument.

28     Skond din l-istess deċiżjoni, dawn l-arranġamenti, kieku kellhom jirnexxu, kienu jippermettu li l-grupp BUPA jevità telf ta' likwidità u li jħallas lill-Commissioners il-paġamenti kollha tal-VAT f'dan il-kuntest. Fil-fatt, il-grupp tal-VAT BUPA setgħa, fid-dikjarazzjoni tal-VAT tiegħu għall-perjodu li jagħlaq f'Novembru 1997, ibati VAT fis-sors ta' 17.5 miljun GBP, li jikkonċerna l-kunsinna ta' BUPA Hospitals lil BUPA Medical, ibbilanċjat minn VAT fl-aħħar ta' 17.5 miljun GBP, li jikkonċerna l-bejgħ ta' BUPA Gatwick Park lil Goldsborough Developments. Il-grupp Goldsborough, separat mill-grupp tal-VAT BUPA, setgħa jipproċedi bl-istess mod: id-dikjarazzjoni tal-VAT tiegħu kienet tinkludi VAT fis-sors ta' 17.5 miljun GBP, li jikkonċerna l-kunsinna ta' Goldsborough Developments lil BUPA Gatwick Park, u VAT fl-aħħar ta' 17.5 miljun GBP, li jikkonċerna l-bejgħ ta' BUPA Medical lil BUPA Hospitals.

29     Fit-8 ta' Settembru 1997, Midland Bank intalbet tittrasferixxi mill-kont ta' kumpannija oħra tal-grupp BUPA, BUPA Investments Ltd (iktar 'il quddiem "BIL"), is-somma totali ta' 235.5 miljun GBP u takkredita fuq il-kontijiet rispettivi ta' BUPA Hospitals u ta' Goldsborough Developments l-ammonti ta' 118 u 117.5 miljun GBP. Gie ffatturat interess mensili bir-rata medja ta' kuljum għal kull xahar.

30     Fl-istess ġurnata, Midland Bank intalbet tittrasferixxi s-somma ta' 117.5 miljun GBP, minn naħa, mill-kont ta' BUPA Hospitals f'dak ta' BUPA Medical u, min-naħa l-oħra, mill-kont ta' Goldsborough Developments f'dak ta' BUPA Gatwick Park u, wara tittrasferixxi mill-ġdid dawn l-istess sommom lil BIL. BUPA Medical u BUPA Gatwick Park ġew akkreditati bl-interessi fuq is-somom li kellhom iddepożitati ma' BIL.

31     Fit-18 ta' Novembru 1997, tressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament ir-regolament relatat ma' l-applikazzjoni tal-VAT għall-mediċini, prodotti farmaċewtiċi u apparat għal persuni b'diżabilità [VAT (Drugs, Medicines and Aids for the Handicapped) Order (SI 1997/2744)]. Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1998 u emenda l-grupp 12 ta' l-anness 8 tal-liġi ta' l-1994 dwar il-VAT billi eskluda mil-lista tal-prodotti taxxabbli bir-rata żero l-kunsinni ta' prodotti mediċi effettwati fir-Renju Unit minn fornituri privati. Illum il-ġurnata dawn il-kunsinni huma eżenti. Minn dan jirriżulta li, bħala prinċipju, il-VAT imħallsa fis-sors fuq dawn il-prodotti m'għadiex tista' tiġi mnaqqsa.

32     L-arranġamenti intiżi għall-implementazzjoni tat-termini tal-ftehim ta' ħlas bil-quddiem li sar bejn BUPA Hospitals u BUPA Medical ġew imwettqa f'Settembru ta' l-1998. Id-deċiżjoni ta' rinviju tindika li BUPA Medical ingħatat il-permess għall-bejgħ gross ta' prodotti mediċi fid-19 ta' Awwissu 1998 u li l-isptarijiet kollha amministrati minn BUPA Hospitals għaddew f'idejn BUPA Medical lejn il-bidu ta' Diċembru 1998. Skond din l-istess deċiżjoni, BUPA HOSPITAL tuża dawn il-ħlasijiet bil-quddiem b'ritmu li jippermettulha żżomm ir-rata żero għal sitta jew seba' snin li jibdew jiddekorru minn Settembru 1998.

33     Dwar il-ftehim ta' ħlasijiet bil-quddiem li saru bejn Goldsborough Developments u BUPA Gatwick Park, l-arranġamenti li jikkonċernaw il-kunsinni ta' proteżi ġew imwettqa f'nofs l-2001 u dawk li jikkonċernaw il-mediċini twettqu f'Novembru 2001. Mid-deċiżjoni ta' rinviju jirriżulta li qamu problemi serji wara x-xiri tal-grupp Goldsborough u li dawn il-problemi kellhom jiġu solvuti qabel l-implementazzjoni tas-sistema ta' l-ipproċessar ta' l-ordnijiet. Għal din ir-raġuni, BUPA Gatwick Park kisbet il-permess għall-bejgħ tal-mediċini biss fit-8 ta' Ġunju 2001.

34     Id-deċiżjoni ta' rijviju tippreċiża wkoll li, sabiex tieħu sehem fl-arranġament ta' xiri bil-quddiem, Goldsborough Developments kellha tissellef 117.5 miljun GBP mingħand BIL, jiġifieri madwar 7 darbiet aktar il-fatturat tagħha għall-1997, fatt li żied għal madwar 270% is-sitwazzjoni ta' indebitament tagħha. Il-Commissioners iqisu li Goldsborough Developments għandha bżonn minn 50 sa' 100 sena sabiex tuża l-ħlasijiet bil-quddiem tagħha.

35     B'deċiżjoni ta' l-14 ta' Settembru 2000, il-Commissioners irrifjutaw li jawtorizzaw għal BUPA Hospitals kif ukoll għal Goldsborough Developments it-tnaqqis tal-VAT imħallsa fis-sors minn kull waħda minn dawn il-kumpanniji fil-kuntest tal-ħlasijiet bil-quddiem ta' Settembru 1997 għall-kunsinni effettwati minn BUPA Medical u BUPA Gatwick Park.

36     Fil-25 ta' Frar 2002, il-VAT and Duties Tribunal, London, ċaħad ir-rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tal-Commissioners, minħabba li BUPA Medical u BUPA Gatwick park ma kinux jeżerċitaw attività ekonomika u ma kinux jagħmlu kunsinni fis-sens tas-sistema komuni tal-VAT. Huwa kkonkluda li l-miżuri kollha meħuda fil-kuntest ta' l-arranġamenti ta' xiri ta' qabel Settembru 1997 kienu intiżi biss sabiex jiġi evitat li titħallas il-VAT. Ir-rwol ta' BUPA Medical u ta' BUPA Gatwick Park f'dawn l-arranġamenti kien biss dak li jippermetti t-twettieq ta' dan l-għan.

37     Il-Vat and Duties Tribunal madankollu ċaħad it-teżi tal-Commissioners li prinċipju ta' abbuż ta' dritt iċaħħad lil BUPA Hospitals u lil Goldsborough Developments mid-dritt li jnaqqsu VAT imħallsa fis-sors.

38     BUPA Hospitals u Goldsborough Developments appellaw quddiem il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division, u l-Commissioners ressqu appell inċidentali.

39     Peress illi kemm id-deċiżjoni tal-VAT and Duties Tribunal u kemm l-appell quddiem il-High Court kienu jippreżentaw ċertu numru ta' kwistjonijiet ta' dritt komunitarju, il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti, ta' l-operazjonijiet rilevanti u tas-sitważżjoni ta' l-impriżi li biegħu, kif għandha tiġi interpretata l-espressjoni 'attività ekonomika' li tinsab fl-Artikolu 4 (1) u (2) [tas-Sitt Direttiva]?

2)      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti, ta' l-operazjonijiet rilevanti u tas-sitważżjoni ta' l-impriżi li biegħu, kif għandha tiġi interpretata l-espressjoni 'Provvista [kunsinna] ta' oġġetti' li tinsab fl-Artikolu 5(1) [tas-Sitt Direttiva]?

3)      

a)      Jeżisti prinċipju ta' abbuż ta' dritt li (indipendentement mill-interpretazzjoni mogħtija lis-[Sitt] Direttiva) jista' jeskludi d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT imħallsa fis-sors?

b)      Jekk dan il-prinċipju jeżisti, f'liema ċirkustanzi għandu jkun applikabbli?

c)      Għandu dan ikun applikabbli fiċ-ċirkustanzi bħal dawk li ġew stabbiliti mill-VAT and Duties Tribunal?

4)      Ir-risposta għall-mistoqsijiet 1 sa' 3 iktar 'il fuq tkun differenti jekk il-ħlas relatat ma' t-tranżazzjonijiet rilevanti jseħħ fi żmien meta kull kunsinna fl-aħħar ta' oġġetti kienet kunsinna eżenti, bil-ħlas lura tal-VAT imħallsa fi-stadju preċedenti hekk kif jippermetti l-Artikolu 28(2)(a) tas-[Sitt] Direttiva?

5)      Kif għandha tiġi interpretata s-[Sitt] Direttiva fil-kuntest partikolari tal-kwistjonijiet li ġejjin? F'ċirkustanżi bħal dawk ta' dan il-każ, u f'dak li jirrigwarda operazzjonijiet bħat-tranżazzjonijiet rilevanti, kunsinni għandhom jiġu meqjusa

a)      bħala li ġew effettwati mill-fornituri esterni lill-kumpannija li tixtri mingħajr ma jiġu effettwati kunsinni lill-kumpanniji li jbiegħu jew mingħandhom.

jew

b)      bħala li ġew effettwati mill-fornituri esterni lill-kumpannijia li tbiegħ mingħajr ma jiġu effettwati kunsinni mill-kumpanniji li jbiegħu lill-kumpanniji li jixtru.

6)      Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 17 tas-[Sitt] Direttiva u r-regoli relatati mat-tnaqqis peress li kull kumpannija li tbiegħ, matul attivita ekonomika, teffettwa kunsinni lil kumpannija li tixtri u li

a)      il-kumpannija li tixtri tkun għamlet ftehim mall-kumpanniji li jbiegħu fir-rigward tal-kunsinna ta' oġġetti; li

b)      dawn l-oġġetti ġew fatturati u mħallsa qabel il-kunsinna; li

c)      il-VAT ġiet fatturata fuq il-ħlasijiet bil-quddiem skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 10(2) tas-[Sitt] Direttiva; li

d)      l-oġġetti għandhom iservu lill-kumpanniji li jixtru sabiex jeffettwaw kunsinni li, kieku seħħu mall-ħlas kienu jkunu kunsinni eżenti li jkollhom magħhom dritt ta' ħlas lura tal-VAT imħallsa fi-stadju preċedenti, iżda li

e)      kull waħda mill-kumpanniji li jixtru għandha l-intenzjoni li tieħu kunsinna ta' l-oġġetti intiżi mill-ftehim biss fl-ipoteżi fejn ikun hemm emendi leġiżlativi bis-saħħa ta' liema l-kumpanniji li jixtru jkunu jistgħu jużaw l-oġetti biss sabiex jagħmlu kunsinni eżenti, mingħajr dritt għall-ħlas lura,

[dwar il-punt e), għandu jiġi osservat li, jekk l-emenda leġiżlattiva deskritta ma sseħħx, il-kumpanniji li jixtru jkollhom id-dritt jirrexindu l-kuntratti li huma kkonkludew mall-kumpanniji li jbiegħu u li jitolbu l-ħlas lura tas-sommom li diġà jkunu tħallsu, il-kuntratti konklużi bejn il-kumpanniji li jixtru u l-kumpanniji li jbiegħu fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet rilevanti fihom klawżoli li jippermettu tali rexissjoni].

7)      Il-VAT and Duties Tribunal stabbilixxa (fil-punt 89 tad-deċiżjoni tiegħu) li, 'ħadd mill-amministraturi ta' [BUPA Medical u ta' BUPA Gatwick Park] […] ma kellu raġuni jew għan reali barra minn dak li jtemm b'suċċess il-pjan ta' evażjoni fiskali'. Fir-rikorsi ta' appell tagħhom quddiem il-High Court, il-partijiet appellanti kkontestaw din il-konstatazzjoni ta' fatt. Fl-ipoteżi li din tiġi miċħuda fi stadju ta' appell, ikun hemm xi differenza fir-risposti tal-mistoqsijiet 1 sa' 6, u fiex?"

 Osservazzjonijiet preliminari

40     Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti ta' rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk tranżazzjonijiet bħal dawk tal-kawża prinċipali, li għandhom bħala għan il-ksib ta' vantaġġ fiskali, jikkostitwixxux kunsinni ta' oġġetti u attività ekonomika fis-sens ta' l-Artikolu 2(1), ta' l-Artikolu 4(1) u (2), u ta' l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva u, min-naħa l-oħra jekk din id-Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi d-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT imħallsa fis-sors meta t-tranżazzjonijiet li fuqhom huwa bbażat dan id-dritt ikunu jikkostitwixxu prassi abbużiva.

41     Madankollu, jirriżulta mid-deċiżjoni ta' rinviju, u b'mod partikolari, miċ-ċirkustanzi tal-fatti deskritti fir-raba' u fis-sitt domandi preliminari, li l-element fundamentali ta' l-arranġamenti magħmula mill-grupp BUPA jinstab fil-fatturazzjoni tal-VAT tal-ħlas bil-quddiem skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva.

42     Issa, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti li tkun għamlet rinviju preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tasal tikkunsidra prinċipji ta' dritt komunitarju li ma jikkostitwixxux il-bażi tad-domandi preliminari tal-qorti nazzjonali (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta' Ottubru 2004, Wolff & Müller, C-60/03, Ġabra p. I-9553, punt 24, u tas-7 ta' Lulju 2005, Weide, C-153/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).

43     Għalhekk, fil-kuntest tar-raba' u tas-sitt domandi, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien u fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni li jsir magħruf jekk ħlasijiet bil-quddiem bħal dawk tal-kawża prinċipali jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 10 (2) tas-Sitt Direttiva.

 Dwar ir-raba' u s-sitt domandi

44     Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li jkun hemm fatt taxxabbli u jkun hemm VAT meta l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw

45     It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva, li jgħid li meta ħlas isir akkont qabel ma' l-oġġetti jitwasslu jew qabel ma' s-servizzi jingħataw, ikun hemm VAT mall-ħlas u fuq l-ammont riċevut, jikkostitwixxi deroga mir-regola stabbilita fl-ewwel inċiż ta' din l-istess dispożizzjoni u, bħala tali, għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta.

46     Wara dan, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 10(1)(a) tas-Sitt Direttiva, jiddefinixxi l-"fatt taxxabli" tal-VAT bħala fatt li permezz tiegħu l-kundizzjonijet legali neċessarji jiġu sodisfatti sabiex it-taxxa tkun dovuta. Minn dan jirriżulta li jista' ikun hemm taxxa fl-istess ħin jew wara li jkun seħħ il-fatt taxxabbli, iżda, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet kuntrarji, mhux qabel ma dan iseħħ.

47     B'hekk, it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva jipprovdi tliet ipoteżijiet fejn l-Istati Membri huma awtorizzati jipprovdu li jkun hemm VAT f'data posterjuri għal dik tal-fatt taxxabbli: mhux iktar tard mill-ħruġ tal-fattura, mhux iktar tard minn meta jitħallas il-prezz, fejn fattura ma tinħariġx, jew tinħareġ tard, f'terminu li għandu jiġi ddeterminat u li jiddekorri mid-data tal-fatt taxxabbli.

48     It-tieni inċiż ta' l-imsemmi paragrafu 2 jitbiegħed minn dan l-ordni kronoloġiku meta jipprovdi li, fil-każ ta' ħlas akkont ikun hemm VAT mingħajr ma' l-kunsinna jew l-għoti tas-servizzi jkunu ġew effettwati. Sabiex ikun hemm taxxa f'tali sitwazzjoni, hemm bżonn li l-elementi kollha rilevanti tal-fatt taxxabbli, jiġifieri tal-kunsinna futura jew ta' l-għoti futur ta' servizz, ikunu diġà magħrufa u għalhekk, b'mod partikolari, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, mal-ħlas ta' l-akkont, l-oġġetti jew is-servizzi jkunu deskritti bi-preċiżjoni.

49     Min-naħa l-oħra, din il-konklużjoni hija kkorroborata min-nota ta' spjegazzjoni tal-proposta tas-Sitt Direttiva (Bulettin tal-Komunitajiet Ewropej, supplement 11/73, p. 13) li fiha l-Kummissjoni tirrileva li, "ikun hemm ħlas ta' taxxa fuq il-ħlas ta' akkonti ladarba dawn jiġu mħallsa qabel il-fatt taxxabbli, għaliex b'hekk il-kontraenti jħabbru l-intenzjoni tagħhom li jieħdu, antiċipatament, il-konsegwenzi finanzjarji kollha marbuta mar-realizazzjoni tal-fatt taxxabbli". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

50     F' dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi mfakkar li huma l-kunsinni ta' oġġetti u l-għoti tas-servizzi li huma suġġetti għall-VAT u mhux il-ħlasijiet effettwati minflok dawn (ara s-sentenza tad-9 ta' Ottubru 2001, Cantor Fitzgerald International, C-108/99, Ġabra p. I-7257, punt 17). A fortiori, ma jistgħux jiġu suġġetti għall-VAT l-akkonti mħallsa għal kunsinni ta' oġġetti jew għoti ta' servizzi li għadhom ma ġewx identifikati b'mod ċar.

51     Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba' u għas-sitt domanda għandha tkun li ħlasijiet bil-quddiem, bħal dawk fil-kawża prinċipali, ta' somma mħallsa f'daqqa, magħmula għal oġġetti indikati b'mod ġeneriku f'lista li tista' tiġi modifikata f'kull waqt bil-qbil komuni bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ u li minnha x-xerrej jista' eventwalment jagħżel artikoli, fuq il-bażi ta' ftehim li huwa jista' f'kull mument jirrexindi unilateralment u jieħu lura l-ħlasijiet bil-quddiem kollha li ma jkunux intużaw, ma jaqgħux fil-kamp ta' aplikazzjoni tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva

 Dwar l-ewwel, it-tieni, it-tielet, il-ħames u s-seba' domanda

52     Fid-dawl tar-risposta għar-raba' u s-sitt domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel, it-tieni, it-tielet, il-ħames u s-seba' domanda

 Dwar l-ispejjeż

53     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta u tiddeċiedi li:

Ħlasijiet bil-quddiem, bħal dawk fil-kawża prinċipali, ta' somma mħallsa f'daqqa, magħmula għal oġġetti indikati b'mod ġeneriku f'lista li tista' tiġi modifikata f'kull waqt bil-qbil komuni bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ u li minnha x-xerrej jista' eventwalment jagħżel artikoli, fuq il-bażi ta' ftehim li huwa jista' f'kull mument jirrexindi unilateralment u jieħu lura l-ħlasijiet bil-quddiem kollha li ma jkunux intużaw, ma jaqgħux fil-kamp ta' aplikazzjoni tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE ta' l-10 ta' April 1995.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.