C-33/03 - Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta' Marzu 2005 (*)

"Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 17 u 18 tas-Sitt Direttiva tal-VAT – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil min iħaddem li jnaqqas il-VAT fuq il-provvista ta’ fjuwil lill-impjegati tiegħu meta huwa jħallashom lura l-ispiża tiegħu"

Fil-kawża C-33/03,

li għandha bħala għan rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit- 28 ta' Jannar 2003 , fl-ismijiet

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Lyal, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' fuq, irrappreżentat minn P. Ormond u  C. Jackson, bħala aġenti, assistiti minn N. Pleming, QC, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn  P. Jann, President ta' Awla,  K. Lenaerts (Relatur),  N. Colneric,  K. Schiemann u E. Juhász, Mħallfin

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur:  M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal- 11 ta' Novembru 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l- 14 ta' Diċembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi ta, lil dawk li huma soġġetti għat- taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn 'il quddiem "il-VAT") id-dritt li jnaqqsu l-VAT fuq ċerta provvista ta' fjuwil lil persuni li mhumiex soġġetti għal din it-taxxa, kontra d-dispożizzjonijiet ta'  l-Artikoli 17 u 18 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (77/388/KEE), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu taħt it-Trattat KE.

 Il-kuntest legali

 Il-Leġislazzjoni Komunitarja

2       Skond l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva:

"1.      "Persuna taxxabbli" tfisser kull persuna li b'mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x'ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

[...]

4.      L-użu tal-frażi "b'mod indipendenti" fil-paragrafu 1 għandha teskludi mit-taxxa persuni mpjegati jew persuni oħra sakemm huma jkunu marbutin ma’ min jimpjega b’kuntratt ta’ impjieg jew b’kull irbit legali ieħor li joħloq ir-relazzjoni ta' bejn min jimpjega u impjegat dwar kondizzjonijiet ta’ xogħol, ħlas u responsabbiltà ta' min jimpjega.

[...]"

3       L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-VAT, li huwa intitolat «Oriġini u skop tad-dritt li tnaqqas», jipprovdi li:

"1.      Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.

2.       Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

(a)       [Il-VAT] dovuta jew mħallsa fir-rigard ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;

[...]"

4       L-Artikolu 18 tas-Sitt Direttiva, intitolat "Regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt li tnaqqas", jipprovdi li:

" 1.      Biex teżerċita d-dritt li tnaqqas, il-persuna taxxabbli trid:

(a)       fir-rigward tad-deduzzjonijet taħt Artikolu 17 (2) (a), iżomm fattura, miktuba b’mod konformi ma’ Artikolu 22 (3);

[...]"

 Il-Leġiżlazzjoni Nazzjonali

5       L-Artikoli 2 u 3 tal-VAT (Input Tax) (Person Supplied) Order 1991 (ordni ta' l-1991 fuq il-VAT, minn hawn 'il quddiem, "l-Ordni fuq il-VAT", li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 1991, jipprovdu li:

"2.       L-Artikolu 3 japplika meta jiġi pprovdut fjuwil lil persuna li m'hijiex soġġetta għall-VAT u meta l-persuna soġġetta għall-VAT tħallas lil din l-imsemmija persuna:

a)      l-ispejjeż effettivament inkorsi minnha sabiex tixtri l-fjuwil; jew

b)      bħala rimbors, is-somma, kollha jew parti minnha, li tirrappreżenta, bejn wieħed u ieħor, l-ispiża għall-fjuwil, liema somma hija determinata b'riferenza:

i)      għad-distanza totali koperta mill-vettura li tikkonsma l-fjuwil (kemm jekk f'din id-distanza huma inklużi d-distanzi koperti għal bżonnijiet differenti minn dawk ta' l-attività soġġetta għat-taxxa, kemm jekk le), u

ii)      għaċ-ċilindrata tal-vettura, kemm jekk il-persuna soġġetta għat-taxxa tħallas jew le kumpens bħala rimbors ta' l-ispejjeż l-oħra kollha.

3.      Meta l-Artikolu preżenti japplika, il-fjuwil huwa kkunsidrat, għall-finijiet ta' l-Artikolu 14(3) tal-Value Added Tax Act 1983 (liġi ta' l-1983 fuq il-VAT) li ġie pprovdut lill-persuna soġġetta għat-taxxa għall-finijiet ta' attività li huwa jeżerċita u għal ammont ugwali għal dak li jitħallas lilu skond l-Artikolu 2(a) jew (b), skond il-każ (bl-esklużjoni tar-rimbors ta' kull spiża oħra għajr dik għall-fjuwil)."

6       Jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, minn dak iż-żmien, l-Artikolu 14(3) tal-Value Added Tax Act 1983 ġie sostitwit mill-Artikolu 24(1) tal-Value Added Tax Act 1994 (liġi ta' l-1994 fuq il-VAT).

7       Għalkemm l-Artikoli 2 u 3 ta' l-Ordni fuq il-VAT huma ta' tenur ġeneriku, hekk kif joħroġ minn Nota ta' Spjegazzjoni segwenti mehmuża ma' dan l-ordni, jidher li d-dritt ta' tnaqqis tal-VAT previst minn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċerna l-fjuwil rimborsat minn min iħaddem lill-impjegati tiegħu:

«Dan l-ordni, li jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 1991, jirregolarizza prattika amministrattiva li kienet ilha titwettaq. Huwa jipprevedi li l-fjuwil mixtri mill-impjegati jiġi kkunsidrat li ġie pprovdut lil min iħaddem, meta dawn ta' l-ewwel huma rimborsati permezz ta' kumpens abbażi tal-kilometraġġ jew abbażi tal-prezz effettivament imħallas [...]"

 Il-proċedura pre-kontenzjuża

8       Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, prevista mill-Artikolu 226 KE billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni fl-10 ta' Mejju 1995 lill-Gvern tar-Renju Unit fejn hija llimitat ruħha, bħala pass inizjali, li tiddenunzja ksur ta' l-Artikolu 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva. Hija fil-fatt ikkunsidrat li l-konċessjoni tad-dritt ta' tnaqqis previst mill-Artikoli 2 u 3 ta' l-Ordni fuq il-VAT, mingħajr il-bżonn tal-preżentazzjoni ta' rċevuta, ma kienx konformi ma' l-eżiġenzi ta' l-imsemmi Artikolu 18.

9       Wara eżami aktar approfondit, il-Kummissjoni ikkonkludiet li l-konċessjoni ta' dritt għal deduzzjoni, fiċ-ċirkustanzi previsti mill-Artikoli 2 u 3 ta' l-Ordni fuq il-VAT, imur ukoll kontra l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva. Fis-17 ta' Ottubru 1996, hija indirizzat lir-Renju Unit ittra ta' intimazzjoni supplementari. Sabiex tneħħi kull dubju fuq il-fatt li hija kienet tikkunsidra li d-dritt ta' min iħaddem li, skond l-Artikolu 2(a) u (b) ta' l-imsemmi ordni, inaqqas il-VAT meta jħallas lura lill-impjegat l-ispiża tal-fjuwil, imur kontra l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva, fit-3 ta' Diċembru 1997, il-Kummissjoni indirizzat lir-Renju Unit ittra  supplementari oħra ta' intimazzjoni.

10     Ir-Renju Unit ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu b'ittri fit-13 ta' Lulju 1995, fis-16 ta' Diċembru 1996 u fit-28 ta' Jannar 1998.

11     Peress li dawn it-tweġibiet ma ssodisfawx il-Kummissjoni, hija indirizzat opinjoni motivata lir-Renju Unit li bih stednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma' tali opinjoni fit-terminu ta' xahrejn minn notifika tiegħu.

12     Fit-tweġiba tiegħu tal-15 ta' Diċembru 1998 għal din l-opinjoni motivata, ir-Renju Unit reġa' esprima n-nuqqas ta' qbil tiegħu mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur  ta' l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva

13     Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 2 u 3 ta' l-Ordni fuq il-VAT jiksru l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva peress li huma jagħtu lill-persuna soġġetta għall-VAT id-dritt li jnaqqas il-VAT għal fjuwil li jiġi pprovdut lil persuna li mhijiex soġġetta għall-VAT. Barra minn dan, l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali ma jissottomettux it-tnaqqis tal-VAT mill-persuna soġġetta għall-VAT għall-kundizzjoni li l-fjuwil ikun utilizzat mill-persuna li mhijiex soġġetta għall-VAT għall-bżonnijiet ta' l-operazzjonijiet tal-persuna soġġetta għall-VAT li huma soġġetti għat-taxxa.

14     Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li s-sistema ta' tnaqqis prevista mis-Sitt Direttiva hija ntiża sabiex teżonera għal kollox dawk li huma soġġetti għall-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest ta' l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom (sentenza ta' l-14 ta' Frar 1985, Rompelman, 268/83, Ġabra p. 688, punt 19).  Sakemm persuna twettaq attività ekonomika, l-oġġetti u s-servizzi kollha li huma pprovduti lilu għall-finijiet ta' tali attività għandhom ikunu elementi ta' l-ispiza ta' l-operazzjonijiet tiegħu, u l-VAT kollha li kienet applikata qabel għal dawn l-operazzjonijiet għandha għaldaqstant tkun tista' titnaqqas.

15     Hija prattika kummerċjali kurrenti li min iħaddem – li huwa persuna soġġetta għall-VAT – jafda lill-impjegati tiegħu – li huma persuni li mhumiex soġġetti għat-taxxa – l-akkwist ta' oġġetti intiżi sabiex jintużaw fil-kuntest ta' l-attività professjonali tiegħu. Sabiex ikun garantit li min iħaddem ikun jista' jeżerċita d-dritt tiegħu ta' tnaqqis tal-VAT fuq l-oġġetti kollha li uża għall-finijiet ta' l-operazzjonijiet taxxabbli tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li meta impjegat jaġġixxi għan-nom ta' min iħaddmu u jakkwista oġġetti li se jiġu użati minn min iħaddem għall-bżonnijiet ta' l-attivitajiet professjonali tiegħu, il-provvista, fil-verità , issir lil min iħaddem.

16     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva jindikaw bi preċiżjoni l-kundizzjonijiet ta' l-oriġini u l-iskop tad-dritt ta' tnaqqis. Huma ma jħallu l-ebda diskrezzjoni lill-Istati Membri f'dak li jirrigwarda d-dħul tagħhom fis-seħħ (ara s-sentenzi  tas-6 ta' Lulju 1995, BP Soupergaz, C-62/93, Ġabra p. I-1883, punt 35, u tat-8 ta' novembru 2001, il-Kummissjoni/l-Olanda, C-338/98, Ġabra, pġ. I-8265, punt 43).

17     Barra minn dan, mill-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li persuna soġġetta għall-VAT hija awtorizzata tnaqqas il-VAT dovuta jew imħallsa għal oġġetti li ġew ipprovduti lilha jew servizzi li ngħatawlha minn persuna oħra soġġetta għall-VAT safejn dawn l-oġġetti u servizzi jiġu użati għall-bżonnijiet ta' l-operazzjonijiet taxxati.

18     Fil-kawża preżenti, l-Artikoli 2 u 3 ta' l-Ordni fuq il-VAT, jippermettu lil persuna soġġetta għat-taxxa, jiġifieri lil min iħaddem, li jnaqqas il-VAT fuq il-fjuwil ipprovdut lil persuna li mhijiex soġġetta għall-VAT, jiġifieri, l-impjegati, meta min iħaddem iħallas lura lill-impjegati l-ispejjeż tal-fjuwil.

19     Ċertament, kif jenfasizza l-Gvern tar-Renju Unit, l-impjegati, fl-eżerċizzju ta' l-attività professjonali tagħhom, ġeneralment jaġixxu għan-nom ta' min iħaddem. Għaldaqstant, skond dan il-Gvern, min iħaddem għandu jkollu d-dritt ta' tnaqqis tal-VAT għall-fjuwil mixtri mill-impjegat għall-bżonnijiet ta' l-operazzjonijiet ta' min iħaddem li huma soġġetti għall-VAT.

20     Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Ordni fuq il-VAT ma jissottomettix id-dritt ta' tnaqqis previst minnu għall-kundizzjoni li l-fjuwil mixtri minn persuna li mhijiex soġġetta għall-VAT jiġi użat għall-finijiet ta' l-operazzjonijiet taxxabbli tal-persuna li hija soġġetta għall-VAT. Fil-fatt, la l-Ordni fuq il-VAT u lanqas in-Nota ta' Spjegazzjoni ma jimponu, bħala kundizzjoni sabiex wieħed ikun jista' jibbenefika mit-tnaqqis tal-VAT, li l-fjuwil mixtri mill-impjegat jiġi użat għall-bżonnijiet ta' l-operazzjonijiet taxxabbli ta' min iħaddmu. Għall-kuntrarju, l-Artikoli 2(b)(i) u 3 ta' dan l-Ordni, moqrija flimkien, jippermettu lil min iħaddem li jnaqqas il-VAT fuq l-ammont ta' fjuwil rimborsat lill-impjegat, ikkalkulat fuq id-distanza totali koperta mill-vettura ta' l-impjegat "kemm jekk f'din id-distanza huma inklużi d-distanzi koperti għal bżonnijiet differenti minn dawk ta' l-attività soġġetta għat-taxxa, kemm jekk le".

21     Bi tweġiba għall-mistoqsija miktuba tal-Qorti, il-Gvern tar-Renju Unit irrikonoxxa espliċitament li "[l-]ordni stess ma jipprevedix rabta obbligatorja bejn id-dritt ta' min iħaddem ta' tnaqqis tal-VAT fuq il-fjuwil mixtri mill-impjegat, u l-użu mill-impjegat tal-fjuwil għall-bżonnijiet ta' l-operazzjonijiet taxxabbli ta' min iħaddmu".

22     Għaldaqstant, minn dan isegwi li l-Artikoli 2 u 3 ta' l-Ordni fuq il-VAT mhumiex kompatibbli ma' l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva safejn jippermettu lill-persuna li hija soġġetta għall-VAT, jiġifieri lil min iħaddem, li tnaqqas il-VAT fuq il-fjuwil ipprovdut lil persuni li mhumiex soġġetti għal VAT, jiġifieri, lill-impjegati, taħt kundizzjonijiet li ma jassigurawx li l-VAT li hija mnaqqsa tirreferi esklużivament għal fjuwil użat għall-bżonnijiet ta' l-operazzjonijiet taxxabbli tal-persuna soġġetta għall-VAT.

23     Il-Gvern tar-Renju Unit madankollu josserva li r-rabta neċessarja bejn id-dritt ta' tnaqqis tal-VAT u l-użu tal-fjuwil għall-operazzjonijiet taxxabbli tal-persuna soġġetta għall-VAT hija garantita mid-dispożizzjonijiet tal-Value Added Tax act 1994, hekk kif inhuma applikati mill-amministrazzjoni tat-taxxa Brittanika. Rigward dan il-punt, dan il-Gvern jispjega li s-sistema ta' rimbors li twassal għad-dritt ta' tnaqqis tal-VAT, li hija rrikonoxxuta mill-amministrazzjoni tat-taxxa, taħdem bil-mod segwenti. L-impjegat, l-ewwel nett, jagħti lil min iħaddmu rendikont dettaljat tal-kilometraġġ, filwaqt li jindika liema distanzi saru għal skopijiet professjonali u l-kilometraġġ li jikkorrispondi, kif ukoll iċ-ċilindrata tal-vettura użata. L-impjegat għandu jagħti wkoll il-kontijiet marbuta max-xiri tal-fjuwil lil min iħaddmu. Imbagħad, min iħaddem juża lista stabbilita mir-Royal Automobile Club, mill-Automobile Association jew mill-UK Customs (is-servizzi tad-dwana tal-Gran Brittanja), ibbażata fuq rati approvati mill-Inland Revenue (l-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Gran Brittanja), abbażi ta' informazzjoni dettaljata pprovduta mill-produtturi tal-vetturi, sabiex jistabbilixxi l-prezz tal-fjuwil għal kull kilometru għat-tip ta' vettura kkonċernata. Din is-sistema toffri garanzija suffiċjenti sabiex l-ammont rimborsat lill-impjegat ikun jikkorrispondi mal-prezz tal-fjuwil realment użat minn dan ta' l-aħħar għall-bżonnijiet professjonali ta' min iħaddmu.

24     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Value Added Tax Act 1994 hija leġiżlazzjoni ġenerali li tirrigwarda l-VAT li, fl-Artikoli 24 sa 26 tagħha, tistabbilixxi l-prinċipji ta' tnaqqis ta' l-imsemmija taxxa. Anke jekk, bis-saħħa ta' din il-liġi, id-dritt ta' tnaqqis tal-VAT jirreferi, fil-prinċipju, għall-oġġetti u s-servizzi użati mill-persuna soġġetta għat-taxxa għall-bżonnijiet ta' l-operazzjonijiet taxxabbli tagħha, huwa mhuwiex ta' natura li jirrendi d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 3 ta' l-Ordni fuq il-VAT kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, peress li, konformement ma' l-Artikolu 3 ta' l-imsemmi Ordni, il-fjuwil, li l-prezz tiegħu huwa rimborsat minn min iħaddem lill-impjegati tiegħu, huwa kkunsidrat awtomatikament għall-finijiet tal-Value Added tax Act 1994 bħala li ġie pprovdut lil persuna soġġetta għat-taxxa għall-bżonnijiet ta' l-attività professjonali tagħha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tiggarantix li d-dritt ta' tnaqqis tal-VAT li hija tipprovdi jikkonċerna biss il-fjuwil effettivament użat mill-impjegati għall-finijiet ta' l-operazzjonijiet taxxabbli ta' min iħaddimhom.

25     F'dak li jirrigwarda l-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li l-prattika segwita mill-amministrazzjoni fiskali tiggarantixxi l-eżistenza ta' rabta obbligatorja bejn id-dritt ta' min iħaddem li jnaqqas il-VAT u l-użu tal-fjuwil minn impjegati għall-operazzjonijiet ta' min iħaddimhom li huma soġġetti għall-VAT, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-inkompatibbiltà ta' leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet komunitarji tista' tkun biss definittivament eliminata permezz ta' dispożizzjonijiet interni ta' karattru li jorbot, li għandhom l-istess valur legali ta' dawk id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu emendati. Prattiċi amministrattivi sempliċi ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu l-eżekuzzjoni valida ta'  l-obbligi li joħorġu mid-dritt komunitarju (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenzi tat-13 ta' Marzu 1997, il-Kummissjoni/Franza, C-197/96, Ġabra p. I-1489, punt 14; tad-9 ta' Marzu 2000, il-Kummissjoni/l-Italja, C-358/98, Ġabra, p. I-1255, punt 17, u tas-7 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni/l-Italja, C-145/99, Ġabra p. I-2235, punt 30).

26     Għaldaqstant, minn dak li ntqal qabel joħroġ li, billi jagħtu lill-persuni li huma soġġetti għall-VAT id-dritt li jnaqqsu l-istess taxxa fuq ċerti provvisti ta' fjuwil lil persuni li mhumiex soġġetti għal din it-taxxa, taħt kundizzjonijiet li ma jassigurawx li l-VAT imnaqqsa tirrigwarda esklużivament il-fjuwil użat għall-bżonnijiet ta' l-operazzjonijiet taxxabbli tal-persuna soġġetta għall-VAT, l-Artikoli 2 u 3 ta' l-Ordni fuq il-VAT huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva.

27     Jirriżulta, minn dak kollu li jippreċedi, li l-ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur  ta' l-Artikolu 18 tas-Sitt Direttiva

28     Il-Kummissjoni ssostni li t-tnaqqis previst fl-Artikoli 2 u 3 ta' l-Ordni fuq il-VAT, li jingħata mingħajr il-bżonn tal-preżentazzjoni ta' rċevuta, imur kontra l-Artikolu 18 (1)(a) tas-Sitt Direttiva.

29     Il-Gvern tar-Renju Unit jikkontesta biss dan l-ilment fl-ipoteżi li l-ewwel ilment ma jkunx fondat.

30     F'dawn il-kundizzjonijiet, l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandu wkoll jiġi kkunsidrat bħala fondat.

31     Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ta lil persuni li huma soġġetti għall-VAT, id-dritt li jnaqqsu l-istess taxxa fuq ċerti provvisti ta' fjuwil lil min mhuwiex soġġetti għal din it-taxxa kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 17(2)(a) u 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu bis-saħħa ta' din id-Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

32     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, jekk issir talba f'dan ir-rigward. Peress li l-Kummissjoni kienet għamlet talba għall-kundanna tar-Renju Unit sabiex ibati l-ispejjeż u, peress li r-Renju Unit tilef il-kawża, hemm lok li jiġi kkundannat li jħallas l-ispejjeż.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Billi ta lil dawk li huma soġġetti għat- taxxa fuq il-valur miżjud id-dritt li jnaqqsu l-VAT fuq ċerti provvisti ta' fjuwil lil min mhuwiex soġġetti għal din it-taxxa kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 17(2)(a) u 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (77/388/KEE), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu bis-saħħa ta' din id-Direttiva.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.