C-172/03 - Heiser

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

3 ta' Marzu 2005 (*)

"VAT – Eżenzjoni tas-servizzi tas-saħħa lill-persuna mogħtija fil-kuntest tal-professjonijiet mediċi – Aġġustament tat-tnaqqis"

Fil-kawża C-172/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta' deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ April 2003, fil-proċedimenti

Wolfgang Heiser

vs

Finanzamt Innsbruck,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta' l-Awla, C. Gulmann, R. Schintgen, J. Makarczyk u J. Klučka Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta' Settembru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati :

għal W. Heiser, minn R. Kapferer, Steuerberater,

għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u J. Bauer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz, V. Di Bucci u K. Gross, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar, l-Artikolu 87 KE).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn W. Heiser u l-Finanzamt Innsbruck (l-Awstrija) dwar deċiżjoni ta’ dan ta’ l-aħħar fir-rigward ta’ aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ‘il quddiem il-"VAT").

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3       Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6(1)(19) ta’ l-Umsatzsteuergesetz 1994 (Liġi ta’ l-1994 dwar it-Taxxa fuq il-Fatturat, BGBl. 663/1994, iktar ‘il quddiem l-"UStG 1994"), l-operazzjonijiet marbuta ma’ l-attività ta’ tabib huma eżenti mill-VAT, peress illi t-tnaqqis ta' l-input tax huwa eskluż. Skond l-Artikolu 29(5) ta’ l-UStG 1994, din l-eżenzjoni tapplika biss madankollu għall-operazzjonijiet imwettqa wara il-31 ta’ Diċembru 1996. Is-servizzi mediċi mogħtija qabel l-1 ta’ Jannar 1997 kienu suġġetti għal VAT u intaxxati bir-rata normali.

4       Din it-tranżizzjoni minn sistema ta' suġġetar għal sistema ta' eżenzjoni tikkostitwixxi l-implementazzjoni ta' l-Anness XV, Parti IX, punt 2(a), it-tieni inċiż, ta’ l-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994 C 241, p.21, u ĠU 1995 L 1, p. 1). Fil-fatt skond dan l-Anness, id-dħul fis-seħħ ta’ l-eżenzjoni mill-VAT skond l-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, "is-Sitt Direttiva"), ġie pospost sa l-1 ta’ Jannar 1997, b'mod partikolari għas-servizzi ta' kura tas-saħħa mogħtija minn tobba fil-qasam tas-saħħa pubblika u għajnuna soċjali.

5       Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, meta servizzi mediċi li jieħdu fit-tul, bħall-kuri ortodontiċi, jkunu nbdew qabel l-1 ta’ Jannar 1997, imma ntemmu biss wara l-31 ta’ Diċembru 1996, dawn għandhom ikunu kkunsidrati bħala li ġew mogħtija wara din l-aħħar data u għalhekk huma eżenti mill-VAT. Meta t-tabib ikun irċieva, qabel l-1 ta’ Jannar 1997, depożiti għal dawn is-servizzi, u l-VAT marbuta magħhom ġiet imħallsa, dawn id-depożiti għandhom jibbenefikaw b’mod retroattiv mill-eżenzjoni. It-tnaqqis tat-taxxa għandu jingħata għas-sena fiskali 1997.

6       L-Artikolu 12(10), ta’ l-UStG 1994 jipprovdi li:

"Meta, fir-rigward ta’ oġġett użat mill-imprenditur fl-impriża tiegħu bħala oġġett kapitali, ikun hemm, matul l-erba’ snin kalendarji ta' wara l-ewwel sena ta’ l-użu tiegħu, bidla fiċ-ċirkustanzi li ddeterminaw it-tnaqqis matul l-ewwel sena kalendarja ta’ l-użu tiegħu, (paragrafu 3), kumpens għandu jingħata għal kull sena kkonċernata mill-bidla billi jiġi rregolarizzat it-tnaqqis.

Din ir-regola tapplika mutatis mutandis għall-input tax fuq l-ispejjeż żejda ta’ akkwist jew ta' manifattura, l-ispejjeż li jridu jiġu kkapitalizzati u l-ispejjeż ta’ tiswijiet kbar fuq il-bini; il-perijodu ta' aġġustament jibda għaldaqstant is-sena kalendarja ta' wara dik li matulha s-servizzi li taw lok għal dawn l-ispejjeż u infiq ġew użati għall-ewwel darba b’konnessjoni ma' l-oġġett kapitali.

F’dak li jikkonċerna l-immobbli skond l-Artikolu 2 tal-Grunderwerbssteuergesetz 1987 [Liġi ta’ l-1987 fuq it-Taxxi ta’ Reġistrazzjoni] (li jinkludu l-ispejjeż li jridu jiġu kkapitalizzati u l-ispejjeż għal tiswijiet kbar), il-perijodu ta’ erba’ snin kalendarji huwa sostitwit b'perijodu ta’ disa’ snin kalendarji.

Sabiex isir l aġġustament, li għandu jsir għal kull sena kkonċernata mill-bidla, parti minn ħamsa tat-total ta' input tax fuq l-oġġett, l-ispejjeż jew l-infiq, u parti minn għaxra fir-rigward ta’ immobbli (li jinkludu l-ispejjeż li jridu jiġu kkapitalizzati u l-ispejjeż għal tiswijiet kbar) hija miżmuma, għall kull sena kkonċernata; jekk l-oġġett ikun ġie mibjugħ jew ittrasferit, l-aġġustament isir għal bqija tal-perijodu, sa mhux aktar tard mill-aħħar dikjarazzjoni perijodika tas-sena li fiha jkun sar il-bejgħ."

7       L-Artikolu XIV(3) tal-Liġi Federali 21/1995, kif emendata mil-Liġi Federali 756/1996 (iktar ‘il quddiem il-"Liġi Federali 21/1995"), jiddikjara li:

"L-applikazzjoni, li saret għall-ewwel darba wara l-31 ta' Diċembru 1996, tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(1) [punt] […] 19 […] ta’ l-UStG [1994]. […] ma tagħtix lok għal aġġustament tat-tnaqqis. "

8       Bis-saħħa tal-Gesundheits- und Sozialbereich-Beihilfengesetz (Liġi fuq l-Għajnuniet lis-Settur tas-Saħħa u Soċjali, BGBl. 746/1996, iktar ‘il quddiem il-«GSBG 1996»), it-tobba għandhom dritt għal kumpens ta' l-input tax.

9       L-Artikolu 3 tal-GSBG 1996 jgħid kif ġej:

"1)      It-tobba, id-dentisti ["Dentisten"] u partijiet kontraenti oħra għandhom jirċievu kumpens li għandu jiġi ddeterminat abbażi tar-remunerazzjonijiet imħallsa mill-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali, istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard jew korpi ta’ assistenza pubblika għal servizzi skond l-Artikolu 6(1)(19), ta’ l-UStG [1994].

[...]

3)      Il-Ministru Federali tal-Finanzi, bi ftehim mall-Ministru Federali tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali, għandu jiffissa, permezz ta’ digriet, ir-rati ta’ kumpens abbażi ta’ l-esperjenza fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika tal-grupp ta’ imprendituri kkonċernat."

10     L-ammont tal-kumpens gie stabbilit mill-Verordnung des Bundesministers für Finanzen zu den Beihilfen- und Ausgleichsprozentsätzen, die im Rahmen des Gesundheits- und Sozialbereich-Beihilfengesetzes (GSBG 1996) anzuwenden sind (Digriet tal-Ministru Federali tal-Finanzi li jikkonċerna r-rati ta’ għajnuniet u ta’ kumpens applikabbli fil-kuntest tal-GSBG 1996, BGBl. II 56/1997, iktar ‘il quddiem id-"Digriet 56/1997").

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11     W. Heiser, rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa tabib speċjalist fid-dentistrija.

12     Minħabba t-tranżizzjoni tiegħu għas-sistema ta' eżenzjoni mill-VAT, W. Heiser talab, fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-VAT għas-sena 1997, tnaqqis ta’ madwar ATS 3,5 miljun li jikkorrispondi għall-kuri ortodontiċi li jieħdu fit-tul mibdija fl-1991 u li sa l-1 ta’ Jannar 1997 kienu għadhom ma tlestewx, liema kuri kienu s-suġġett ta’ depożiti li taw lok għal ħlas tal-VAT.

13     L-uffiċċju tal-kontribuzzjonijiet kompetenti kkunsidra li, f’dak li jikkonċerna l-kuri ortodontoniċi li jieħdu fit-tul, is-servizz jieħu madwar sena. Fl-istima ta' taxxa tiegħu dwar il-fatturat għas-sena 1997, ta’ l-4 ta’ Ottubru 1999 (iktar ‘il quddiem l-istima ta' taxxa), dan l-uffiċċju ta tnaqqis mill-VAT biss fir-rigward tal-kuri li nbdew fl-1996. Għalhekk huwa laqa' t-talba għal tnaqqis biss sa ATS 1 460 000.

14     Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq rikors kontra l-istima ta' taxxa.

15     Il-Finanzlandesdirektion für Tirol (Bord ta' l-Appell, iktar 'il quddiem il-«Finanzlandesdirektion») konvenut fil-kawża prinċipali li issa ġie sostitwit minn Finanzamt Innsbruck, ordna lill-uffiċċju tal-kontribuzzjonijiet, b’ittra ta’ l-1 ta’ Marzu 2002, jivverifika, b'mod partikolari, safejn, f'każ ta' tranżizzjoni minn sistema ta' suġġettar għall-VAT għal sistema ta' eżenzjoni li teskludi t-tnaqqis ta' l-input tax, huwa neċessarju li jsir aġġustament tat-tnaqqis fl-1 ta’ Jannar 1997, skond l-Artikolu 12(10), ta' l-UStG 1994.

16     Wara konstatazzjonijiet li saru mill-uffiċċju tal-kontribuzzjonijiet bi ftehim ma’ W. Heiser, il-Finanzlandesdirektion, fid-19 ta’ Settembru 2002, ta deċiżjoni li tiċħad l-appell imressaq quddiemu u li taggrava s-sitwazzjoni fiskali tal-persuna taxxabbli kif kienet tirriżulta mill-istima ta' taxxa. F’din id-deċiżjoni, il-kreditu fiskali ta’ W. Heiser ġie mnaqqas b' ATS 89 635.94 u ATS 164 870.15, li jikkorrispondu għal aġġustament tat-tnaqqis.

17     Fir-rikors li huwa ppreżenta quddiem il-Verwaltungsgerichtshof, W. Heiser jilmenta, b'mod partikolari li l-Finanzlandesdirektion għamel aġġustamenti. Dan ir-rikors huwa b’mod partikolari bbażat fuq il-fatt li l-Artikolu XIV (3) tal-Liġi Federali 21/1995 jeskludi espressament li t-tobba jkunu obbligati jagħmlu aġġustament tat-tnaqqis fl-1 ta’ Jannar 1997.

18     Fir-risposta tiegħu quddiem din il-qorti, il-Finanzlandesdirektion jgħid li, waqt l-eżami tar-rikors li sar kontra l-stima ta' taxxa, huwa ma applikax l-Artikolu XIV (3), tal-Liġi Federali 21/1995, peress li n-nuqqas ta’ aġġustament tat-tnaqqis jikkostitwixxi għajnuna mhux notifikata skond l-Artikolu 92 tat-Trattat. Skond l-Artikolu 93(3), tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88 (3), KE), l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux idaħħlu fis-seħħ għajnuniet mhux notifikati. Dan l-Artikolu XIV (3), għalhekk imur kontra l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva.

19     Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Verwaltungsgerichtshof tiddikjara li l-istruttura tas-sistema tal-VAT, definita fl-Unjoni Ewropea mid-Direttivi Komunitarji, u b’mod partikolari, mis-Sitt Direttiva, timplika li l-issuġġettar ta' operazzjonijiet għall-VAT imur id f’id mad-dritt ta' l-imprenditur li jnaqqas kompletament l-input tax, filwaqt li, għall-kuntrarju, l-imprendituri li l- operazzjonijiet tagħhom huma eżenti ma jibbenefikawx, bħala regola ġenerali, minn dan id-dritt. Meta jkun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi li ddeterminaw it-tnaqqis, l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva jimponi li t-tnaqqis ikun aġġustat. Din il-qorti tikkonstata li, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 20(2), aġġustament għandu jsir f’dak li jikkonċerna oġġetti kapitali jekk, matul is-snin sussegwenti għal dik li matulha dawn ġew akkwistati, ikun hemm tibdil fid-dritt ta’ tnaqqis in konfront ma’ dak fis-seħħ fid-data ta’akkwist ta’ dawn l-oġġetti.

20     Il-qorti tar-rinviju żżid illi l-Artikolu XIV(3), tal-Liġi Federali 21/1995 jipprevedi, f’dak li jikkonċerna s-servizzi fil-qasam mediku u, b’mod partikolari, dawk tat-tobba, li, bil-kontra għall-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, it-tranżizzjoni mill-issuġġettar ta’ dawn is-servizzi għall-VAT, li kienet is-sistema applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 1996, għal sistema ta’ eżenzjoni, mill-1 ta’ Jannra 1997, ma twassalx għall-aġġustament tat-tnaqqis mwettaq għal oġġetti akkwistati fiż-żmien ta' l-issuġġettar għal din it-taxxa, anke jekk dawn l-oġġetti jibqgħu jintużaw taħt sistema ta’ eżenzjoni, jiġifieri huma użati sabiex jitwettqu operazzjonijiet eżenti. Din id-dispożizzjoni jkollha bħala riżultat li jinżamm it-tnaqqis għal oġġetti li huma użati fil-kuntest ta’ dawn l-operazzjonijiet.

21     Skond il-Verwaltungsgerichtshof, ma jistax jiġi eskluż li ortodontisti stabbiliti fl-Awstrija huma f’kompetizzjoni ma' ortodontisti li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fi Stati Membri oħra ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ fiż-żoni tal-fruntiera. Billi adotta l-Artikolu XIV(3), tal-Liġi Federali 21/1995, jiġifieri regola li teskludi riduzzjoni tat-tnaqqis – li hija imposta mill-istruttura tal-VAT u espressament preskritta fl-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva - , il-leġiżlatur Awstrijak ikkonferrixxa vantaġġ lit-tobba stabbilti f’dan l-Istat Membru.

22     Il-miżura ta’ tnaqqis tikkostitwixxi vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi Statali u li jsaħħaħ il-pożizzjoni kompettitiva ta’ l-imprendituri li jibbenefikaw minnu meta mqabbla ma' imprendituri oħra li huma f’kompetizzjoni magħhom u li ma jistgħux jagħmlu tali tnaqqis.

23     Barra minn hekk, il-Verwaltungsgerichtshof tiddubita kemm l-Artikolu XIV (3) tal-Liġi Federali 21/1995, li bih ir-Repubblika ta’ l-Awstrija irrinuċjat, fil-qasam tal-VAT, għal aġġustament tat-tnaqqis mwettaq mit-tobba sal-31 ta’ Diċembru 1996 (iktar ‘il quddiem il-"miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali"), huwa oġġettivament ġustifikabbli fis-sens tal-punt 42 tas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke Ġabra p. I-8365). Dan aktar u aktar meta l-persuni kkonċernati xorta waħda jkunu kkumpensati għal inkonvenjenzi li jirriżultaw mit-tneħħija tad-dritt għat-tnaqqis permezz tal-kumpens mogħti mill-Istat Membru kkonċernat bl-applikazzjoni tal-GSBG 1996 u tad-Digriet 56/1997.

24     F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Verwaltungsgerichtshof ddċidiet li tissospendi l-proċedimenti u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

"Regola bħal dik stipulata fl-Artikolu XIV(3) tal-Liġi Federali […] 21/1995, kif emendata mill-[Liġi Federali] 756/1996, jiġifieri regola li bis-saħħa tagħha l-fatt, għal tobba, li jaqilbu minn sistema ta’ operazzjonijiet suġġetti għat-taxxa fuq il-fatturat għal sistema ta’ operazzjonijiet eżenti ma jimplikax ir-riduzzjoni, preskritta fl-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva […], tat-tnaqqis diġa mwettaq fir-rigward ta' oġġetti li jibqgħu jiġu użati fl-impriża, għandha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87 KE ( li qabel kien l-Artikolu 92 tat-Trattat KE)?"

 Fuq id-domanda prelimimnari

25     Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna biss l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat.

26     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li tabib speċjalist fid-dentistrija, bħal W. Heiser, għandu jiġi kkunsidrat bħala impriża skond din id-dispożizzjoni peress illi huwa joffri, fil-kwalità tiegħu ta' operatur ekonomiku independenti, servizzi f'suq, li huma servizzi mediċi speċjalizzati fid-dentistrija (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Settembru 2000, Pavlov et, C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I-6451, punti 76 u 77).

27     It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, il-kundizzjonijiet segwenti għandhom jiġu sodisfatti sabiex miżura tkun tista' tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat. It-tieni nett, dan l-interventi għandu jkun jista' jaffetwa l-iskambji bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, din għandha tagħti vantaġġ lil benefiċċjarju tagħha. Ir-raba' nett, din għandha tiddistorti jew thedded li tiddistorti l-kompetizzjoni (sentenza ta' l-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, Ġabra p. I-7747, punt 75).

28     Issa, fir-rigward ta' l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, ma jistax jiġi kkontestat li miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi intervent mill-Istat.

29     Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni mfakkra fil-punt 27 ta' din is-sentenza, W. Heiser u l-Gvern Awstrijak isostnu li l-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax f'kull każ, taffettwa l-iskambji bejn l-Istati Membri minħabba li l-ammonti kkonċernati bir-rinunzja għall-aġġustament tat-tnaqqis huma, bħala regola ġenerali, insinfjikant. Il-kawża prinċipali tikkonċerna ammont massimu ta' EUR 30 000 għal perijodu kollu li jikkonċerna s-snin 1997 sa 2004, ammont li huwa ħafna inqas mil-limitu minimu ta' EUR 100 000 fuq perijodu ta' tliet snin, kif previst fll-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tas-6 ta' Marzu 1996, dwar l-għajnuniet de minimis (ĠU C 68, p. 9), u applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ, fl-1996, ta' din il-miżura.

30     Il-Gvern Awstrijak isostni wkoll li l-effett tal-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri mhuwiex sinjifikattiv meta jiġu kkunsidrati l-partikularitajiet tal-kuri mediċi, li huma primarjament ta' natura reġjonali.

31     Madankollu dawn l-argumenti ma jurux li t-tieni kundizzjoni imsemmija fil-punt 27 ta' din is-sentenza mhijiex sodisfatta.

32     Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jeżisti ebda limitu jew perċentwali li taħtu jista' jiġi kkunsidrat li l-iskambji bejn l-Istati Membri mhumiex effettwati. Fil-fatt, l-importanza relattivament żgħira ta' għajnuna jew id-daqs relattivament modest ta' l-impriża benefiċċjarja ma jeskuldux a priori l-eventwalità li dawn l-iskambji jkunu effettwati (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33     Għaldaqstant, it-tieni kundizzjoni ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 92(1), tat-Trattat, li teħtieġ li l-għajnuna għandha tkun ta' natura li teffetwa l-iskambji bejn l-Istati, tista' tiġi sodisfatta indipendentement minn natura lokali jew reġjonali tas-servizzi pprovduti jew mill-importanza tal-qasam ta' attività kkonċernat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 82).

34     Fir-rigward tal-limitu de minimis previst fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Marzu 1996, mill-inkartament mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju ma jirriżultax li l-ammont tat-tnaqqis li tabib jista' jibbenefika minnu permezz ta' miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa, f'kull każ, inqas mill-ammont de minimis li huwa stabbilit għal EUR 100 000 fuq perijodu ta' tliet snin. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedi, hekk kif tirrileva tajjeb il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-ebda limitu għall-ammont li minnu jista' jibbenefika tabib, bħala impriża individwali, taħt ir-rinunzja għall- aġġustament tat-tnaqqis. F'dawn il-kundizzjonijiet, mhuwiex stabbilit li tali miżura tista' tibbenefika mir-regola de minimis istitwita b'din il-komunikazzjoni.

35     Konsegwentement, peress illi ma jistax jiġi eskluż, hekk kif tikkonstata l-Verwaltungsgerichtshof fid-deċiżjoni tar-rinviju, li tobba speċjalizzati fid-dentristrija, bħal W. Heiser, ikunu f'kompetizzjoni mal-kollegi tagħhom stabbiliti fi Stat Membru ieħor, it-tieni kundizzjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 92(1), tat-Trattat għandha tiġi kkunsidrata sodisfatta.

36     Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni imsemmija fil-punt 27 ta' din is-sentenza, dwar l-eżistenza ta' vantaġġ, skond ġurisprudenza kostanti l-kunċett ta' għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, imma wkoll miżuri li, taħt forom diversi, itaffu l-spejjeż li huma normalment huma inklużi fil-badġit ta' impriża u li, b'hekk, mingħajr m'huma sussidji fil-veru sens tal-kelma, huma ta' l-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38 u ġurisprudenza ċċitata).

37     W. Heiser jsostni, essenzjalment, li l-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix vantaġġ sempliċiment minħabba l-fatt li l-aġġustament fih innifsu huwa, f'kull każ, kuntrarju għad-dritt Komunitarju.

38     Issa, anki kieku kellu jiġi preżunt li l-leġiżlazzjoni li tipprevedi l-aġġustament tat-tnaqqis, jiġifieri l-Artikolu 12(10), ta' l-UStG 1994 fil-kawża prinċipali, hija illegali, xorta waħda jibqa' l-fatt li din il-leġiżlazzjoni tista' tipproduċi l-effetti tagħha matul il-perijodu kollu li fih mhijiex abrogata jew, minn ta' lanqas, sakemm l-illegalità tagħha mhijiex ikkonstatata. Konsegwentement, din hija ta' natura li toħloq spiża li normalment hija inkluża fil-badġit ta' tabib speċjalist fid-dentistrija, bħal W. Heiser. Il-fatt li r-Repubblika Awstrijaka rrinunċjat, suċċessivament, għall-aġġustament tat-tnaqqis, permezz ta' miżura oħra barra dik li tipprevedi dan l-aġġustament, itaffi għaldaqstant l-ispejjeż li normalment huma inklużi fil-badġit ta' tabib bħal dan u minħabba hekk tikkostitwixxi vantaġġ li huwa jibbenefika minnu.

39     Il-Gvern Awstrijak madankollu jsostni li l-fatt li jiġi rrinunċjat l-aġġustament tat- tnaqqis ma jikkostitwixxix għajnuna peress li t-tobba kollha huma involuti, b'mod partikolari t-tobba speċjalisti fid-dentistrija, il-psikoterapisti, il-majjistri u l-prattikanti l-oħra kollha indipendenti skond il-Krankenpflegegesetz (Liġi fuq il-Kuri lill-Morda), kif ukoll l-isptarijiet. Għaldaqstant, tali rinunzja ma tistax tiffavorixxi ċertu tobba.

40     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 92(1) tat-Trattat jimponi l-obbligu li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta' sistema ġuridika partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta' tali natura li tiffavorixxi "ċerti impriżi jew ċerti produtturi" fil-konfront ta' oħrajn li jinsabu, fir-rigward ta' l-għan li l-imsemmija sistema tfittex li tilħaq, f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli. Jekk dan ikun il-każ, il-miżura kkonċernata tissodisfa l-kundizzjoni ta' selettività li hija element kostituttiv tal-kunċett ta' għajnuna mill-Istat previst f'din id-dispożizzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta' April 2004, ġurisprudenza ċċitata).

41     Għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi vantaġġ mhux biss fir-rigward tat-tobba speċjalizzati fid-dentristrija, bħal W. Heiser, imma wkoll għall-benefiċċju ta' operaturi oħra attivi fil-qasam mediku, kif ukoll fir-rigward ta' l-operaturi kollha attivi f'dan il-qasam, ma jimplikax li din il-miżura ma tissodisfax il-kundizzjoni ta' selettività.

42     Fil-fatt, il-fatt li n-numru ta' impriżi li jistgħu jibbenefikaw mill-miżura in kwistjoni huwa sinjifikattiv ħafna, jew li dawn l-impriżi jappartjenu għal setturi ta' attivtà differenti, ma jistax ikun biżżejjed sabiex tiġi kkontestata n-natura selettiva tagħha u, għaldaqstant, li tiġi eskluża l-kwalifikazzjoni ta' għajnuna mill-Istat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta' Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-409/00, Ġabra p. I-1487, punt 48 u ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod għajnuniet jistgħu jikkonċernaw settur ekonomiku sħiħ u xorta waħda jaqgħu taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta' Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, Ġabra p. I-3671, punt 33 u ġurisprudenza ċċitata).

43     Il-każ ikun mod ieħor jekk miżura, għalkemm tikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċċjarju tagħha, kienet iġġustifikata minn natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema li minnha hija tifforma parti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata, punt 42 u ġurisprudenza ċċitata).

44     F'dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak isostni li miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tiffavorixxi s-solidarjetà bejn organizzazzjonijiet ta' assigurazzjoni għall-mard, minħabba l-fatt li, fir-realtà, hija tibbenefika lilhom stess. Fil-fatt, żieda fl-ispejjeż tat-tobba indipendenti minħabba bidla fit-tassazzjoni tal-fatturat tagħhom indirittemant toħloq spejjeż li huma ta' piż fuq dawn l-organizzazzjionijiet. Dawn ta' l-aħħar madankollu ma jistgħux iżidu d-dħul tagħhom, peress li r-rati ta' kontribuzzjoni ta' l-assigurati huma ffissati bil-liġi. Waqt is-seduta, dan il-Gvern ippreċiża, kif kien għamel ukoll W. Heiser fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, li l-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiżdiedx mal-kumpens imħallas taħt il-GSBG 1996 u id-Digriet 56/1997, peress illi dan il-kumpens ma japplikax għat-tobba privati bħal W. Heiser.

45     Madankollu, argument bħal dan ma jippermettix li jiġi konkluż li miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali m'għandhiex tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat.

46     Minn naħa, is-sempliċi fatt li r-rinunzja għall-aġġustament tat-tnaqqis għandha għan soċjali, jekk dan il-fatt jiġi stabbilit, mhuwiex suffiċjenti sabiex jeskludi ipso facto tali miżura mill-kwalifikazzjoni ta' għajnuna skond l-Artikolu 92 tat-Trattat. Fl-fatt, l-Artikolu 92(1) ma jiddistigwixxix l-interventi Statali skond il-kawżi jew l-għanijiet tagħhom, imma jiddefinixxihom skond l-effetti tagħhom (sentenza tad-29 ta' April 2004, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-159/01, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 51 u ġurisprudenza ċċitata).

47     Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' l-effetti ta' miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi rrilevat li, mil-lat ġuridiku, it-tobba huma l-uniċi benefiċċjarji tagħha. M'hemm l-ebda indikazzjoni fl-inkartament li ġie sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li l-benefiċċju ta' miżura bħal din ikun sistematikament ittrasferit minn dawn ta' l-aħħar lill-organizzazzjonijiet ta' assigurazzjoni għall-mard, b'tali mod li l-vantaġġ ikun, fl-aħħar mill-aħħar, newtralizzat fir-rigward tat-tobba.

48     Barra minhekk, il-Gvern Awstrijak ma jispjegax għaliex il-vantaġġ li jirriżulta mill-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali jista' jkun iġġustifikat mill-fatt li t-tobba privati huma mċaħħda mill-kumpens previst fl-Artikolu 3 tal-GSBG 1996 u li l-ammont tiegħu kien ġie ffissat bid-Digriet 56/1997. Fil-fatt, xejn fl-inkartament ma jippermetti li jiġi konkluż li t-tobba privati, li jibbenefikaw minn dan il-kumpens, ma japprofittawx ukoll minn din ir-rinunzja.

49     Għaldaqstant, fin-nuqqas ta' motivi oħra rilevanti invokati mill-Gvern Awstrijak, mill-inkartament mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata minn natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema li minnha hija tifforma parti.

50     Safejn il-Gvern Awstrijak jinvoka l-Artikolu 90(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 86(2) KE) sabiex jiċħad li l-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha n-natura ta' vantaġġ, l-argument tiegħu ma jistax jiġi milqugħ.

51     Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 90(2) tat-Trattat ma tippermettix li tiġi eskluża l-kwalifikazzjoni ta' miżura bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92 ta' dan it-Trattat. Lanqas ma tista', ladarba tali kwalifikazzjoni tkun ġiet stabbilita, tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat ma jinnotifikax din il-miżura b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 93(3, ta' dan it-Trattat (ara s-sentenza tal-21 ta' Ottubru, Van Calster et, u, C-262/01, Ġabra p. I-12249, punt 61 u ġurisprudenza ċċitata).

52     W. Heiser isostni wkoll li miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix vantaġġ peress illi l-uniku effet tagħha huwa li telimina żvantaġġ li kien jeżisti qabel għad-detriment tat-tobba privati stabbiliti fl-Awstrija meta mqabbla mal-kollegi tagħhom stabbiliti fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, filwaqt illi s-servizzi mediċi pprovduti f'dawn ta' l-aħħar ma kinux suġġetti għall-VAT, dawk pprovduti fl-1995 u fl-1996 mit-tobba privati stabbiliti fl-Awstrija kienu suġġetti għal din it-taxxa.

53     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jiġi preżunt li l-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali kellha bħala għan li tikkumpensa l-iżvantaġġ li jirreferi għalih W. Heiser, tali miżura ma tistax, f'kull każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, tiġi ġġustifikata mill-fatt li hija intiża sabiex tipprova tikkoreġi distorsjonijiet tal-kompetizzjoni eżistenti fis-suq Komunitarju tas-servizzi mediċi.

54     Fil-fatt, hemm lok li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilta sew, il-fatt li Stat Membru jipprova japprossima, permezz ta' miżuri unilaterali, il-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni eżistenti f'ċertu settur ekonomiku ma' dawk li jipprevalu fi Stati Membri oħra ma jistax ineħħi minn dawn il-miżuri l-karattru ta' għajnuniet (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta' April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 67 u ġurisprudenza ċċitata).

55     Fir-rigward tar-raba' kundizzjoni msemmija fil-punt 27 ta' din is-sentenza, li tgħid li l-intervent ta' l-Istat għandu jiddistortajew jhedded li jiddistorta l-kompetizzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-għajnuniet li huma intiżi sabiex jilliberaw lil impriża mill-ispejjeż li normalment kien ikollha tbati fil-kuntest ta' t-tmexxija tagħha ta' kuljum jew mill--attivitajiet normali tagħha, bħala regola ġenerali jiddistortu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tad-19 ta' Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 30 u ġurisprudenza ċċitata).

56     L-argument ta' W. Heiser u tal-Gvern Awstrijak li r-raba' kundizzjoni ma tistax tkun sodisfatta minħabba li t-tobba benefiċċjari ta' miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhumiex ikkonfrontati b'kompetizzjoni bbażata fuq il-prezzijiet ma jistax jiġi milqugħ.

57     Fil-fatt, anki jekk, kif jirrilevaw W. Heiser u l-Gvern Awstrijak, l-għażla tat-tabib mill-pazjenti tista' tkun influwenzata minn kriterji oħra għajr il-prezz tat-trattament mediku, bħal per eżempju l-kwalità tiegħu u r-relazzjoni kunfidenzjali mat-tabib, xorta waħda jibqa' l-fatt li dan il-prezz jista' jinfluwenza, anke b'mod sinjifikanti, l-għażla tat-tabib mill-pazjent. Dan huwa b'mod partikolari l-każ, meta, hekk kif jirriżulta mill-inkatrament sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jikkonċerna tobba privati bħal W. Heiser, il-pazjent għandu jħallas huwa stess iktar minn 50% tal-prezz ta' dan it-trattament.

58     Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

59     Għalhekk ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 92 tat-Trattat għandu jiġi interpretat fis-sens li regola bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri regola li bis-saħħa tagħha l-fatt, għal tobba, li jaqilbu minn sistema ta' operazzjonijiet suġġetti għall-VAT għal sistema ta' operazzjonijiet eżenti ma jimplikax ir-riduzzjoni, preskritta fl-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, tat-tnaqqis diġa mwettaq fir-rigward ta' oġġetti li jibqgħu jiġu użati fl-impriża, għandha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat.

 Fuq l-ispejjeż

60     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigwrad tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 87 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li regola bħal dik imsemmija fl-Artikolu XIV(3) tal-Liġi Fedrali 21/1995, kif emendata mil-Liġi Federali 756/1996, jiġifieri regola li bis-saħħa tagħha l-fatt, għal tobba, li jaqilbu minn sistema ta' operazzjonijiet suġġetti għat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għal sistema ta' operazzjonijiet eżenti ma jimplikax ir-riduzzjoni, preskritta fl-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, tat-tnaqqis diġa mwettaq fir-rigward ta' oġġetti li jibqgħu jiġu użati fl-impriża, għandha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.