C-243/03 - Il-Kummissjoni vs Franza

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

6 ta' Ottubru 2005 (*)

"VAT – Tnaqqis ta' l-input tax – Oġġetti kapitali iffinanzjati permezz tas-sussidji"

Fil-kawża C-243/03

li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fis-6 ta' Ġunju 2003,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa, bħala aġent, assistit minn N. Coutrelis, Avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u C. Jurgensen-Mercier, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn:

ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentata minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

intervenjenti

IL-QORTI (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, S. von Bahr (Relatur), J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-10 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li, billi introduċiet regola partikolari li tillimita t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT") fir-rigward tax-xiri ta' oġġetti kapitali minħabba li ġew iffinanzjati permezz tas-sussidji, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, l-Artikoli 17 u 19 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill Nru 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendat mid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE ta' l-10 ta' April 1995 (ĠU L 102, p. 18, iktar il quddiem is-"sitt Direttiva").

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE tal-11 ta' April 1967, fuq l-armonizazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (ĠU 1967, 71, p. 1301), kif emendat mis-Sitt Direttiva (iktar 'il quddiem l-"Ewwel Direttiva"), jistipola li, "[F]uq kull transazzjoni, it-taxxa fuq il-valur miżjud, kalkulata fuq il-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali oġġetti jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-valur miżjud li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz".

3       L-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva jistipola li l-ammont taxxabbli huwa magħmul minn:

"fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi […], dak kollox li jikkostitwixxi l-kunsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti ".

4       L-Artikolu 17(2)(a) ta' l-imsemmija Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f, ta' l-istess Direttiva, jipprevedi, li "sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas […]taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa ġewwa t-territorju tal-pajjiz rigward l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti jew li għad għandhom jiġu forniti lilu minn persuna taxxabli oħra ".

5       Il-paragrafu 5 ta' l-istess Artikolu jippreċiża:

"Fir-rigward ta’ oġġetti u servizzi li għandhom ikunu wżati minn persuna taxxabbli kemm għal operazzjonijiet koperti b’paragrafi 2 u 3, fir-rigward ta’ li[ema] t-taxxa fuq il-valur miżjud titnaqqas, u għal operazzjonijiet fir-rigward ta’ li[ema] t-taxxa fuq il-valur miżjud ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandu jkun imnaqqas kif hu attribwit għall-operazzjonijiet ta’ qabel.

Dan il-proporzjon għandu jkun determinat, skond l-Artikolu 19, għall-operazzjonijiet kollha mwettqa minn persuna taxxabbli.

[…]"

6       L-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva, intitolat "Kalkulazzjoni tal-proporzjon imnaqqas [tnaqqis prorata]", jiddisponi:

"Il-proporzjon imnaqqas [tnaqqis prorata] taħt l-ewwel sub-paragrafu ta’ Artikolu 17 (5) għandu jkun magħmul minn frazzjoni li jkollha:

–       bħala numeratur, l-ammont totali, esklussiv mit-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-bejgħ kull sena attribwit għat-transazzjonijet li fuqhom it-taxxa fuq il-valur miżjud titnaqqas taħt Artikolu 17 (2) u (3),

–       bħala denominatur, l-ammont totali, esklussiv tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-bejgħ kull sena attribwit lill-operazzjonijiet inklużi fin-numeratur u lill-operazzjonijiet fir-rigward ta’ li t-taxxa fuq il-valur miżjud mhux imnaqqas. L-Istati Membri jistgħu ukoll jinkludu fid-denominatur l-ammont ta’ sussidji, għajr dawk speċifikati fl-Artikolu 11 A (1) (a).

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       L-Artikolu 271 tal-code général des impôts (kodiċi ġenerali tad-dazji, iktar 'il quddiem il-"KĠD") jistipola:

"I. 1. It-taxxa fuq il-valur miżjud, li żżid fuq l-elementi tal-prezz ta' operazzjoni taxxabbli, titnaqqas mit-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għal din it-operazzjoni.

[…]

II. 1. Fil-miżura fejn l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-bżonnijiet ta' l- operazzjonijiet taxxabbli tagħhom, u bil-kundizzjoni li dawn l-operazzjonijiet jagħtu dritt għal tnaqqis, it-taxxa fuq liema d-debituri jistgħu joperaw tnaqqis hija [b'mod partikolari]:

a) Dik li tidher fil-kontijiet tax-xiri li ġew ipprovduti lilhom mill-bejjiegħa tagħhom, fil-miżura fejn dawn ta' l-aħħar kienu legalment awtorizzati li juruhom fuq dawn il-kontijiet;

[…]"

8       L-Artikolu 212 ta' l-Anness II tal-KĠD, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-digriet Nru 94‑452, tat-3 ta' Ġunju 1994 (JORF tal-5 ta' Ġunju 1994, p. 8143), jipprevedi:

"1.      Id-debituri li, fil-kuntest ta' l-attivitajiet tagħhom li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ma jwettqux biss operazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis, huma awtorizzati li jnaqqsu parti mit-taxxa fuq il-valur miżjud (imposta) fuq l-oġġetti li jiffurmaw immobbli użati biex jitwettqu l-attivitajiet tagħhom.

Din il-parti trid tkun ugwali għall-ammont tat-taxxa mnaqqas miksub wara l-applikazzjoni, jekk ikun il-każ, tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 207A, immultiplikat skond il-proporzjon eżistenti bejn:

a)      bħala numeratur, l-ammont totali annwali tad-dħul min-negozju, taxxa fuq il-valur miżjud eskluża, relatat ma' l-operazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis li jinkludu sussidji direttamenti relatati mal-prezz ta' dawn l-operazzjonijiet;

b)      bħala denominatur, l-ammont totali annwali tad-dħul min-negozju, taxxa fuq il-valur miżjud eskluża, relatat ma' l-operazzjonijiet li jidhru fin-numeratur kif ukoll għall-operazzjonijiet li ma jagħtux dritt għal tnaqqis, u tas-sussidji kollha, inkluzi dawk li mhumiex direttament relatati mal-prezz ta' dawn l-operazzjonijiet.

[…]"

9       Id-direttiva tas-servizz tal-leġiżlazzjoni fiskali, tat-8 ta' Settembru 1994 (Ġurnal uffiċjali tad-dazji, numru speċjali 3 CA-94, tat-22 ta' Settembru 1994, iktar 'il quddiem id-"direttiva tat-8 ta' Settembru 1994") tippreċiża, fit-tieni ktieb tagħha, dwar ir-regoli għad-dritt għal tnaqqis:

"150.          Il-kunċett ta' sussidji għal oġġetti kapitali.

Jirrigwarda sussidji mhux taxxabbli li huma, fil-mument tal-ħlas tagħhom, allokati għall-finanzjament ta' oġġetti kapitali determinati.

[…]

151.      Ir-regoli applikabbli għas-sussidji ta' l-oġġetti kapitali.

It-taxxa fuq l-investimenti ffinanzjati mis-sussidji tista' tkun fil-fatt mnaqqsa fil-kundizzjonijiet normali meta d-debitur jinkludi fil-prezz ta' l-operazzjonijiet tiegħu l-iżvalutar ta' l-oġġetti kapitali iffinanzjati kollu jew parzjalment b'dan is-sussidju.

Jekk jirriżulta li mhijiex sodisfatta l-kundizzjoni tal-konsegwenzi ta' dan l-iżvalutar ta' dawn l-oġġetti fil-prezz, il-VAT relatat ma' dawn l-oġġetti ma tkunx tista' titnaqqas għal parti ta' l-ammont iffinanzjat mis-sussidju għall-oġġetti kapitali.

Eżempju:

Oġġett kapitali li l-prezz tax-xiri tiegħu huwa ta' 1 186 000 F (taxxi inklużi), VAT 186 000 F, huwa parzjalment iffinanzjat (20 %) minn sussidju għall-oġġetti kapitali ta' l-ammont ta' 237 200 F.

Id-debitur ma trasferiex fil-prezz ta' dawn l-operazzjonijiet taxxabbli l-parti ta' l-iżvalutar ta' l-oġġetti li jikkorrispondi għall-parti ffinanzjata mis-sussidju għall-oġġetti kapitali. Konsegwentement, it-taxxa imposta fuq l-oġġetti (186 000 F) tista titnaqqas biss bi: 186 000 F x 80 % = 148 800 F.

Id-debitur japplika, jekk neċessarju u fil-kundizzjonijiet normali, il-perċentwali ta' tnaqqis għall-impriża fuq it-taxxa hekk ikkalkulata."

 Il-proċedura prekontenzjuża

10     In segwitu għal ilment, il-Kummissjoni, fit-23 ta' April 2001, bagħtet lill-Gvern Franċiż ittra ta' intimazzjoni fejn akkużat li r-Repubblika Franċiża kisret l-Artikoli 17(2) u (5), u 19 tas-Sitt Direttiva, min-naħa, billi applikat tnaqqis prorata tal-VAT għal kull min huwa taxxabbli, li jinkludu dawk li jeffettwaw biss operazzjonijiet taxxabbli, li jagħtu dritt għal tnaqqis (iktar 'il quddiem il-"persuni taxxabbli totalment "), u, min-naħa l-oħra, billi llimitat, bis-sistema ta' sussidji għal oġġetti kapitali, id-dritt għal tnaqqis għall-kundizzjonijiet previsti minn din id-Direttiva.

11     Billi ma rċeviet ebda risposta għal din l-ittra ta' intimazzjoni fit-terminu mogħti, il-Kummissjoni, fl-20 ta' Diċembru 2001, ħarġet opinjoni motivata li biha stiednet l-imsemmi Stat Membru biex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu fi terminu ta' xahrejn minn meta jiġi nnotifikat.

12     Bl-ittra tas-7 ta' Jannar 2002, il-Gvern Franċiż ippreċiża b'mod partikolari li, b'risposta għall-ittra ta' intimazzjoni tal-Kummissjoni, li t-tnaqqis prorata japplika biss għal persuni taxxabbli li jwettqu kemm operazzjonijiet taxxabbli u kif ukoll operazzjonijiet eżentati mill-VAT (iktar 'il quddiem il-"persuni taxxabbli b'mod imħallat") u mhux għall-persuni taxxabbli totalment.

13     Fis-26 ta' Ġunju 2002, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata kumplimentari, fejn ma segwietx l-ewwel talba, bbażata fuq l-applikazzjoni ta' tnaqqis prorata għall-persuni taxxabbli totalment, waqt li rriproponiet it-tieni talba, bbażata fuq il-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq l-oġġetti ffinanzjati mis-sussidji.

14     Billi ma kinitx sodisfatta mir-risposta mogħtija mill-Gvern Franċiż għal din l-opinjoni motivata kumplimentari, il-Kummissjoni ddeċidiet tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

15     Il-Kummissjoni ssib li l-Gvern Franċiż introduċa, fil-punti 150 u 151 tad-direttiva tat-8 ta' Settembru 1994, limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT mhux previst mis-Sitt Direttiva, li lanqas ma jista' jkun ġġustifikat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 2 ta' l-Ewwel Direttiva.

16     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li, f'dak li jirrigwarda l-persuni taxxabbli b'mod imħallat, skond is-Sitt Direttiva, it-tnaqqis tal-VAT huwa limitat għall-operazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis, kemm jekk tiġi applikata prorata globali għall-impriża kif indikata fl-Artikolu 19(1) ta' din id-Direttiva, kemm jekk ikun il-każ, jekk l-Istat Membru jrid, b'mod partikolari biex jiġi evitat abbuż, skond wieħed mill-metodi indikati fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 17(5) ta' l-imsemmija Direttiva (prorata distinta għal diversi oqsma ta' attività ta' l-impriża, jew għoti dirett ta' oġġett għal attività preċiża). Meta Stat Membru japplika tnaqqis prorata, l-ebda dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva ma tippermetti, qabel l-applikazzjoni ta' din, li tnaqqas il-bażi ta' stima tal-VAT għal liema tiġi applikata din il-prorata billi tibbaża fuq l-oriġini tal-fondi użati għax-xiri ta' l-oġġetti, jew fuq il-metodu tal-kalkolu tal-prezz ta' l-operazzjonijiet taxxabbli effettwati mill-persuna taxxabbli kkonċernata.

17     F'dak li jirrigwarda l-persuni taxxabbli totalment, l-ebda dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva ma tippermetti li tissoġġetta t-tnaqqis tal-VAT relatat ma' l-oġġetti kapitali għal limitazjoni relatata ma' l-oriġini tal-fondi li jippermettu x-xiri ta' dawn l-oġġetti jew għall-metodi ta' kalkolu tal-prezz ta' l-operazzjonijiet effettwati.

18     Fir-rigward ta' sussidji li tirċievi persuna taxxabbli, ħlief għall-Artikolu 11(A)(l)(a) u l-Artikolu 19, is-Sitt Direttiva ma tipprevedi l-ebda teħid in kunsiderazzjoni tas-sussidji fil-likwidazzjoni tal-VAT li għad għandhom jagħtu l-persuni taxxabbli. Iżda skond ġurisprudenza kostanti, l-limitazzjonijet ta' dritt għal tnaqqis mhumiex ammessi ħlief fil-każijiet espressament previsti mis-Sitt Direttiva (ara s-sentenzi tal-21 ta' Settembru 1988, il-Kummissjoni vs Franza, 50/87, Ġabra p. 4797, punti 16 u 17, u tas-6 ta' Lulju 1995, BP Soupergaz, C‑62/93, Ġabra p. I-1883).

19     F'dak li jirrigwarda t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 ta' l-Ewwel Direttiva, il-Kummissjoni tistqarr li din id-dispożizzjoni ma tinkludi xejn għajr l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva.

20     Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet relativi għas-sussidji ta' l-oġġetti kapitali, u b'mod partikolari l-kundizzjoni relatata ma' l-iżvalutar ta' l-oġġetti, jikkostitwixxu biss l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali għal dritt għat-tnaqqis taħt it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 ta' l-Ewwel Direttiva u żviluppati mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva.

21     Fil-fatt, joħroġ mid-dispożizzjonijiet magħquda ta' dawn iż-żewġ Artikoli li d-dritt għat-tnaqqis huwa mħaddem meta oġġett huwa użat għat-twettiq ta' attivitajiet li jagħtu dritt għal tnaqqis u meta l-prezz ta' l-operazzjonijiet effettwati bħala output suġġetti għall-VAT jinkludi l-kost ta' dan l-oġġett, indipendentement jekk huwiex iffinanzjat minn sussidju għall-oġġetti kapitali jew minn kull riżorsa oħra tal-persuna taxxabbli.

22     Fil-fatt, skond il-Gvern Franċiż, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li biss l-ammont tal-VAT imposta direttament fuq il-kost tad-diversi elementi li jiffurmaw l-prezz ta' operazzjoni taxxabbli jista' jitnaqqas u li, biex jagħti dritt għal tnaqqis, l-ispejjeż inkorsi minn persuna taxxabbli jrid ikollhom rabta diretta u immedjata ma' l-operazzjoni suġġetta għall-VAT jew għal operazzjoni simili (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta' Mejju 1982, Schul, 15/81, Ġabra p. 1409, punt 10, u tas-27 Settembru 2001, Cibo Participations, C‑16/00, Ġabra p. I‑6663, punti 31 sa 33).

23     Il-Gvern Franċiż jippreċiża ukoll li l-użu tal-possibiltà indikata mill-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva li jiġu inklużi s-sussidji għall-oġġetti kapitali mad-denominatur tat-tnaqqis prorata, jwassal għar-restrizzjoni ta' l-użu tad-dritt għal tnaqqis għall-ispejjeż kollha sostnuti mill-persuna taxxabbli, meta, neċessarjament, l-għoti ta' dawn is-sussidji jippreżenta karattru speċifiku.

24     Minbarra dan, l-użu ta' din l-istess possibiltà, li tikkonċerna biss l-persuni taxxabbli b'mod imħallat, tista' toħloq tgħawwiġ fil-kompetizzjoni bejniethom u l-persuni taxxabbli totalment.

25     Il-Gvern Franċiż iżid li l-kundizzjoni rigward it-trasferiment ta' l-ispejjeż sostnuti mill-persuna taxxabbli fil-prezz ta' l-operazzjonijiet suġġetti għall-VAT tippermetti lil benefiċjarji ta' sussidji mhux taxxabbli li abbużivament idawwru favur tagħhom il-mekkaniżmu tat-tnaqqis ta' din it-taxxa. F'dan ir-rigward, dan il-Gvern iqis li dan il-metodu jista', b'mod partikolari, f'dak li jirrigwarda oġġetti kapitali ffinanzjati minn sussidji għall-oġġetti kapitali, ikun applikat b'tali mod li l-VAT bħala input tax li titnaqqas tkun għola mill-VAT bħala output tax miġbura.

26     Il-Gvern Spanjol isostni li l-limitazzjoni diretta tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT sostnuta għax-xiri ta' oġġetti kapitali ffinanzjati minn sussidji jikkostitwixxi applikazzjoni konkreta tal-prinċipji li jinkludu l-inklużjoni, skond l-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva, mad-denominatur tat-tnaqqis prorata tas-sussidji li ma jagħmlux parti mill-ammont taxxabbli skond l-Artikolu 11(A)(1)(a) ta' l-imsemmija Direttiva. Din il-limitazzjoni hija għalhekk kompatibbli mad-dritt Komunitarju u hija ġġustifikata permezz tar-regoli tas-Sitt Direttiva.

27     Dan il-Gvern isostni ukoll li l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva indipendendament mill-Artikolu 17(5) ta' din u li, għaldaqstant, jistgħu japplikaw din id-dispożizzjoni mhux biss għal persuni taxxabbli b'mod imħallat, iżda għall-persuni taxxabbli kollha.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, id-dritt għal tnaqqis previst skond l-Artikoli 17 et seq. tas-Sitt Direttiva jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u ma jistax fil-prinċipju jkun limitat. Huwa għandu jiġi effettwat mill-ewwel fuq it-taxxi kollha imposti fuq l-operazzjonijiet effettwati bħala input. Kull limitazzjoni tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għandu effett fuq il-livell tal-piż tat-taxxa u jrid ikun applikat b'mod simili fl-Istati Membri kollha. Konsegwentement, derogi mhumiex permessi ħlief fil-każijiet espressament previsti mis-Sitt Direttiva (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punti 15 sa 17; BP Soupergaz, iċċitata iktar il fuq, punt 18, u tat-8 ta' Jannar 2002, Metropol et Stadler, C‑409/99, Ġabra p. I‑81, punt 42).

29     F'dan ir-rigward, l-Artikolu 17(1) ta' din id-Direttiva jipprovdi li d-dritt għal tnaqqis iseħħ fil-mument meta t-taxxa mnaqqsa hija imposta u l-Artikolu 17(2) jawtorizza lill-persuna taxxabbli, safejn l-oġġetti u s-servizzi użati għall-bżonnijiet ta' l-operazzjonijiet taxxabbli tiegħu, jnaqqas mill-VAT li jrid iħallas it-taxxa dovuta jew mħallsa rigward l-oġġetti li ġew jew li jridu jiġu pprovduti lilu u għas-servizzi li ġew jew li għad għandhom jiġu forniti lilu minn persuna taxxabli oħra.

30     F'dak li jirrigwarda persuni taxxabbli b'mod imħallat, joħroġ mill-ewwel u t-tieni paragrafi ta' l-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva, li d-dritt għal tnaqqis huwa kkalkulat skond prorata determinata skond l-Artikolu 19 ta' din l-istess Direttiva. L-istess tielet paragrafu ta' l-Artikolu 17(5) jawtorizza lill-Istati Membri li jipprevedu wieħed mill-metodi l-oħra ta' determinazzjoni tad-dritt għal tnaqqis elenkati f'dan il-paragrafu, b'mod partikolari għall-istabbiliment ta' prorata distinta għal kull settur ta' attività jew għal tnaqqis skond l-użu sħiħ jew ta' parti mill-beni u s-servizzi għall-attività preċiża.

31     L-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li s-sussidji direttament relatati mal-prezz ta' oġġett jew ta' servizz huma taxxabbli bl-istess mod bħalu. Fir-rigward tas-sussidji barra dawk direttament relatati mal-prezz, inklużi dawk in kwistjoni f'din il-kawża, l-Artikolu 19(1) ta' din l-istess Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom il-possibiltà li jinkluduhom fid-denominatur tal-kalkolu tal-prorata applikabbli meta persuna taxxabbli teffettwa fl-istess ħin operazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis u operazzjonijiet eżentati.

32     Kif il-Kummissjoni ġustament fakkret, barra minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, is-Sitt Direttiva bl-ebda mod ma tipprovdi għat-teħid in kunsiderazzjoni tas-sussidji fil-kalkolu tal-VAT.

33     Iżda, jeħtieġ jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni jissuġġettaw id-dritt għal tnaqqis tal-VAT, meta l-akkwist ta' l-oġġett ikkonċernat huwa ffinanzjat minn sussidju, għall-kundizzjoni li l-iżvalutar ta' dan l-oġġett ikunu trasferiti fil-prezz ta' l-operazzjonijiet effettwati mill-persuna taxxabbli, kundizzjoni li mhijiex prevista mis-Sitt Direttiva u li b'konsegwenza, tikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis mhux permess minn din.

34     F'dan ir-rigward, min-naħa, l-argument tal-Gvern Franċiż ibbażat fuq l-Artikolu 2(3) ta' l-Ewwel Direttiva għandu jiġi respint. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni, li tillimita ruħha sabiex tistabbilixxi l-prinċipju tad-dritt għal tnaqqis, fejn is-sistema hija s-suġġett tad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva, ma tistax isservi bħala bażi għal limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis mhux prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara s-sentenza il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).

35     Min-naħa l-oħra, jeħtieġ jiġi ppreċiżat li, kif stqarr l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri jridu japplikaw is-Sitt Direttiva anki jekk jikkunsidraw li tista' titjieb. Fil-fatt, jirriżulta mis-sentenza tat-8 ta' Novembru 2001, il-Kummissjoni vs l-Olanda, C‑338/98, Ġabra p. I‑8265, punti 55 u 56, li, anki jekk l-interpretazzjoni proposta minn uħud mill-Istati Membri tippermetti li ċertu skopijiet tas-Sitt Direttiva, bħan-newtralità tat-taxxa, jiġu rispettati b'mod aħjar l-Istati Membri li ma jistgħux jevitaw id-dispożizzjonijiet espressament previsti minn din.

36     F'dak li jirrigwarda l-argumenti tar-Renju ta' Spanja, ibbażati fuq l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, jeħtieġ jiġi kkonstatat, min-naħa, li din id-dispożizzjoni hija biss applikabbli għall-persuni taxxabbli b'mod imħallat u, min-naħa l-oħra, li tiġi biss applikata għas-sitwazzjonijiet li hija tipprevedi (ara s-sentenza ta' llum, il-Kummissjoni vs Spanja, C‑204/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 24 u 25).

37     Konsegwentement huwa neċessarju li jiġi kkonstatat li, billi ntroduċiet regola partikolari li tillimita t-tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri ta' oġġetti kapitali minħabba fil-fatt li ġew iffinanzjati permezz ta' sussidji, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, l-Artikoli 17 u 19 tas-Sitt Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

38     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn jiġu mitluba. Peress illi l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Franċiża tiġi kkundannata għall-ħlas ta' l-ispejjeż u peress illi din tilfet il-kawża, għalhekk hija għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż. Skond l-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 69(4), ir-Renju ta' Spanja, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeciedi:

1)      Billi introduċiet regola partikolari li tillimita t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq ix-xiri ta' oġġetti kapitali minħabba fil-fatt li ġew iffinanzjati permezz ta' sussidji, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, l-Artikoli 17 u 19 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill Nru 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, kif emendat mid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE ta' l-10 ta' April 1995.

2)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż.

3)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.