C-106/05 - L.u.p.

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

8 ta’ Ġunju 2006(*)

"Sitt Direttiva VAT – Eżenzjonijiet – Artikolu 13, A, paragrafi 1(b) u (ċ) u 2(a) – Kuri mediċi pprovduti minn organizzazzjonijiet oħra barra minn dawk irregolati mid-dritt pubbliku – Kuri lill-persuni mwettqa fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju ta’ professjoni medika – Analiżi medika mwettqa minn laboratorju rregolat mid-dritt privat estern fi stabbiliment ta’ kura fuq preskrizzjoni ta’ tabib ġeneralista – Kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni – Setgħa ta’ evalwazzjoni ta’ l-Istati Membri – Limiti"

Fil-kawża C-106/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz tad-Deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Marzu 2005, fil-proċedura

L.u.P. GmbH

vs

Finanzamt Bochum-Mitte,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. Malenovský, J.-P. Puissochet, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       L.u.P. GmbH, inizjalment minn R. Todtenhöfer u N. Bohn, conseillers fiscaux, wara minn W. Krieger, Rechtsanwalt,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13, A, paragrafi (1)(b) u (ċ), u 2(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (77/388/KEE) (ĠU L 145, p. 1, iktar’ il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn L.u.P. GmbH (iktar ’il quddiem "L.u.P.") kontra l-Finanzamt Bochum‑Mitte (iktar ’il quddiem il-"Finanzamt"), dwar ir-rifjut ta’ din ta’ l-aħħar li teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-"VAT") analiżi mediċi mwettqa minn L.u.P. għall-kumpanniji li joperaw laboratorji li magħhom huma assoċjati t-tobba ġeneralisti li ordnaw l-imsemmija analiżi fil-kuntest tal-kura li huma jipprovdu.

 Il-Qafas Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) u (ċ), tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

"Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin, taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:

[…]

b)      sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin mmexxija minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew, taħt kondizzjonijet soċjali komparabbli għal dawk applikati lill-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku, mill-isptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili rikonoxxuti regolarment;

ċ)      id-disposizzjonijiet tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru kkonċernat".

4       It-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 13, A, paragrafu 2(a), ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

"2. a)  L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti lill-entitjajiet għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta’ kull eżenzjoni pprovduta f’(1) (b) […] ta’ dan l-Artikolu soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijet li ġejjin:

[…]

–       [l-entitajiet in kwistjoni] għandhom iżommu prezzijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi jew li ma jeċċedux it-tali prezzijiet approvati jew, fir-rigward ta’ dawk is-servizzi li m’humiex soġġetti għall-approvazzjoni, prezzijiet inqas minn dawk miżmuma għal servizzi simili minn [impriżi] kummerċjali soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud".

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5       Il-liġi dwar it-taxxa fuq il-fatturat (Umsatzsteuergesetz 1980/1993, iktar ’il quddiem l-"UStG") tipprevedi, fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4, punt 14 tagħha, eżenzjoni għall-"attivitajiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-professjoni tat-tabib, dentist, fiżjoterapista, kinesiterapista, qabla jew ta’ kull attività oħra medika analoga, skond l-Artikolu 18(1) punt 1, tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteurgesetz), u ta’ l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ kimiku kliniku".

6       Skond il-qorti tar-rinviju, laboratorju mediku li għandu l-forma ġuridika ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata ("Gesellschaft mit beschränkter Haftung") jista’ jibbenefika minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, skond il-Bundesverfassungsgericht, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jipprojbixxi kull differenza fit-trattament fil-qasam ta’ eżenzjoni tat-taxxa fuq il-fatturat ibbażat biss fuq il-forma ġuridika ta’ kumpannija.

7       L-Artikolu 4, punt 16(c), ta’ l-UStG jipprovdi:

"Fost l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), punti 1 sa 3, huma eżenti:

[…]

16. l-attivitajiet li juru rabta mill-viċin ma’ l-operat ta’ sptarijiet, ta’ kliniċi speċjalizzati fl-eżami ta’ monitoraġġ u ta’ stabbilmenti oħra ta’ kura medika, ta’ djanjostika jew ta’ eżamijiet mediċi, […] meta:

[…]

c)      fir-rigward ta’ kliniċi speċjalizzati fl-eżami ta’ monitoraġġ, u ta’ stabbilimenti oħra ta’ saħħa medika, ta’ djanjożi jew ta’ eżamijiet mediċi, is-servizzi huma pprovduti taħt kontroll mediku u li, għas-sena preċedenti, għall-inqas 40 % tas-servizzi jkunu ġew mogħtija lill-persuni elenkati fil-punt 15(b)".

8       Il-persuni msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni huma l-persuni assigurati ta’ organizzazzjoni ta’ siġurtà soċjali, il-benefiċjarji ta’ għajnuna soċjali u t-titulari ta’ pensjoni ta’ l-irtirar (jew tal-vittmi tal-gwerra).

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9       L.u.P. hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt il-liġi Ġermaniża, li fiha l-unika soċja hija Dr. Scharmann, tabiba bijoloġista. Hija twettaq analiżi mediċi, b’mod partikolari, għall-kumpanniji li joperaw laboratorji li magħhom huma assoċjati t-tobba ġeneralisti li jordnaw l-imsemmija analiżi fil-kuntest tal-kura li huma jipprovdu.

10     Il-Finanzamt qieset li dawn is-servizzi għandhom ikunu suġġetti għall-VAT.

11     Id-deċiżjoni tal-Finanzamt ġiet ikkonfermata mill-Finanzgericht għar-raġuni li, minn naħa, peress li L.u.P. hija "stabbiliment ieħor ta’ eżami mediku" skond l-Artikolu 4, punt 16, ta’ l-UStG, is-servizzi in kwistjoni ma ġewx ipprovduti "taħt kontroll mediku" skond din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, L.u.P. ma ressqitx il-prova li, għal kull sena ċivili preċedenti, għall-inqas 40 % tas-servizzi tagħha ġew mogħtija lill-persuni elenkati fl-Artikolu 4, punt 15(b) ta’ l-UStG.

12     L.u.P. ippreżentat rikors ta’ "reviżjoni" kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof.

13     Fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju, il-Bundesfinanzhof tikkonstata li huwa ġġustifikat li l-Finanzgericht qieset li s-servizzi in kwistjoni mhumiex eżenti fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 4, punt 16(c), ta’ l-UStG, peress li huwa stabbilit li s-servizzi ma kinux ta’ benefiċċju fil-proporzjon meħtieġ għall-kategoriji tal-persuni previsti fil-punt 15 ta’ din id-dispożizzjoni.

14     Din il-qorti madankollu tesprimi xi dubji, l-ewwel nett, fuq il-punt dwar jekk is-servizzi in kwistjoni għandhom ikunu kkunsidrati bħala "attivitajiet relatati mill-viċin" mal-"kura medika" pprovduta minn organizzazzjonijiet "ta’ sptar" skond l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b), tas-Sitt Direttiva jew bħala "servizzi ta’ kura lill-persuna effettwati fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi" skond il-paragrafu 1(ċ) ta’ l-istess artikolu.

15     Minn naħa, il-Bundesfinanzhof tqis li, peress li l-analiżi mediċi jikkontribwixxu għad-djanjożi tal-morda u għalhekk jistgħu jammontaw għal kura lill-persuna skond il-paragrafu 1(ċ) ta’ l-Artikolu 13, A, tas-Sitt Direttiva, il-laboratorji li jwettqu dawn l-analiżi bħala regola ġenerali ma jipprovdux is-servizzi tagħhom fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ fiduċja mal-pazjent, li jeskludi l-applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni (sentenza ta’ l-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C‑141/00, Ġabra p. I‑6833, punt 35). Min-naħa l-oħra, din il-qorti tosserva li, kif jirriżulta mis-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑76/99, Ġabra p. I‑249, punt 20) li l-analiżi mediċi jammontaw, skond il-Qorti għall-attivitajiet relatati mill-viċin mal-kura medika skond l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b), ta’ l-imsemmija direttiva, is-servizzi tat-tobba li jordnaw l-imsemmija analiżi huma, fl-opinjoni tagħha, eżenti bis-saħħa ta’ l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(ċ), ta’ din l-istess direttiva. Issa, din l-aħħar dispożizzjoni mhijiex applikabbli għall-attivitajiet relatati mill-viċin mal-kura medika.

16     Skond il-qorti tar-rinviju, fl-ipoteżi li fiha s-servizzi in kwistjoni jkunu eżenti bis-saħħa ta’ l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(ċ), tas-Sitt Direttiva, l-Artikolu 4, punt 16(c), ta’ l-UStG tittrasponi b’mod mhux xieraq id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, jekk dawn is-servizzi kienu jiddependu fuq il-paragrafu 1(b) ta’ l-Artikolu 13, A, ta’ l-imsemmija direttiva, din il-qorti ssaqsi jekk l-eżenzjoni ta’ attivitajiet relatati mill-viċin ma’ trattament fl-isptar u għall-kura medika tistax tiġi rrifjutata fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet previsti f’dan il-paragrafu u fil-paragrafu 2 ta’ l-imsemmi Artikolu, filwaqt li l-kuri mediċi stess huma eżenti jekk huma ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet. Ċertament, il-kliem ta’ l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b), jawtorizzaw din l-interpretazzjoni. Madankollu, il-kundizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni għal dak li jikkonċerna l-istabbilimenti tal-kura eliġibbli jistgħu wkoll jiġu interpretati li jkopru biss il-kura fl-isptar u l-kuri mediċi u mhux l-attivitajiet li huma relatati mill-viċin magħhom. Minbrarra dan, l-aċċess għall-kuri mediċi u ta’ l-isptarijiet ikunu aktar diffiċli jekk l-eżiġenzi aktar stretti jkunu applikati għall-eżenzjoni ta’ l-attivitajiet relatati mill-viċin mal-kura fl-isptar u għall-imsemmija kuri. Peress li din is-sitwazzjoni tkun ukoll kuntrarja għall-prinċipju tan-newtralità fiskali, l-isptarijiet, kif ukoll iċ-ċentri tal-kura medika u tad-djanjostika jkunu żvantaġġati f’dik li hija taxxa peresss li ma jwettqux huma stess l-analiżi mediċi tagħhom.

17     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof ddeċidiet li tissospendi l-proċedimeti u li ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

"Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b), u l-paragrafu 2, tas-[Sitt Direttiva] jippermettu li l-eżenzjoni ta’ l-analiżi medika tal-laboratorji, ordnati mit-tobba ġeneralisti, tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, anki jekk il-kuri mogħtija mit-tobba huma xorta eżenti?"

 Fuq id-domanda preliminari

18     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex essenzjalment li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-Artikolu 13, A, tas-Sitt Direttiva tippermetti li tissuġġetta l-għoti ta’ l-eżenzjoni tal-VAT għal dak li jikkonċerna l-analiżi mediċi mwettqa mil-laboratorji rregolati mid-dritt privat esterni għal stabbiliment tal-kura fuq ordni ta’ tobba ġeneralisti.

19     Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk, kif tippreżumi l-imsemmija qorti, din id-dispożizzjoni effettivament tippermettix lill-Istati Membri li jeżentaw, bħal fil-każ ta’ dak li tipprovdi l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni, ta’ analiżi mediċi bħal dawn u, fl-affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet din l-eżenzjoni tista’ tkun suġġetta.

 Fuq l-eżenzjoni mis-serivizzi in kwistjoni fil-kawża prinċipali

20     Kif osservat il-qorti tar-rinviju, is-servizzi ta’ natura medika jistgħu ikunu suġġetti għall-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva.

21     Skond l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jeżentaw, b’mod partikulari, il-kuri mediċi u l-attivitajiet li huma relatati mill-viċin magħhom, ipprovduti minn organizzazzjonijet tad-dritt pubbliku jew, f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli għal dawk li jiswew għal dawn ta’ l-aħħar, permezz ta’ stabbilimenti ta’ sptarijiet, taċ-ċentri tas-saħħa medika u tad-djanjożi u ta’ stabbilimenti oħra ta’ l-istess natura debitament irrikonoxxuta. Fir-rigward tal-paragrafu 1(ċ), ta’ dan l-Artikolu, dan jipprovdi l-eżenzjoni tas-servizzi tas-saħħa lill-persuna mwettqa fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi bħal dawk li huma ddefiniti mill-Istat membru kkonċernat.

22     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti, il-kriterji li jridu jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ każijiet ta’ eżenzjoni huma inqas marbuta man-natura tas-servizz milli mal-post tal-provvista tagħha. Fil-fatt, l-Artikolu 13, A, paragrafu 1, (b), tas-Sitt Direttiva jeżenta servizzi li jinkludu ġabra ta’ kuri mediċi fi stabbilimenti li għandhom għanijiet soċjali, bħall-protezzjoni tas-saħħa umana, kif ukoll l-istess paragrafu (ċ), jipprovdi għall-eżenzjoni tas-servizzi mwettqa barra mill-organizzazzjonijet ta’ sptarijiet, bħal fir-residenza privata ta’ minn jagħti s-servizz, fir-residenza tal-pazjent jew f’kull post ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 353/85, Ġabra p. 817, punti 32 u 33; Kügler, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 36, u tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier, C‑45/01, Ġabra p. I‑12911, punt 47).

 Fuq in-natura tas-servizzi fil-kawża prinċipali

23     F’dan il-każ partikolari, għalkemm il-qorti tar-rinviju, fid-deċiżjoni tagħha, kif ukoll L.u.P. u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fin-nota ta’ l-osservazzjonijiet tagħhom, jidhru li jaqblu li l-analiżi mediċi bħal dawk fil-kawża prinċipali huma suġġetti li jammontaw għall-"attivitajiet […] relatati mill-viċin" mal-kuri mediċi skond l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b), tas-Sitt Direttiva, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk dawn l-analiżi ma jammontawx almenu għal "kuri mediċi" fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ "servizzi ta’ kura lill-persuna" fis-sens tal-paragrafu 1(ċ) ta’ dan l-istess Artikolu. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, l-imsemmija analiżi kienu jkunu eżenti bis-saħħa tas-Sitt Direttiva, ikun x’ikun il-post fejn huma mwettqa, filwaqt li din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni ma tipprovdix espressament l-eżenzjoni ta’ l-attivitajiet relatati mill-viċin mal-kuri mediċi (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Dornier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

24     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva huma ta’ interpretazzjoni stretta, peress li huma jammontaw għal derogi għall-prinċipju ġenerali li skond dawn il-VAT hija riċevuta fuq kull għoti ta’ servizzi mwettqa b’titolu oneruż mill-persuna suġġetta għat-taxxa. Madankollu, l-interpretazzjoni tat-termini użati minn din id-dispożizzjoni trid tkun konformi ma’ l-għanijiet mħaddna mill-imsemmija eżenzjonijiet u jiġu rrispettati l-eżiġenzi tal-prinċipju tan-newtralità fiskali inevitabbli għal sistema komuni ta’ VAT (is-sentenzi Dornier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello, C‑498/03, Ġabra p. I‑4427, punt 29).

25     Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva u fl-istess paragrafu, (ċ), għandhom bħala għan komuni t-tnaqqis ta’ l-ispiża tal-kuri tas-saħħa (sentenzi Dornier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43, u ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, D’Ambrumenil u Dispute Resolution Services, C‑307/01, Ġabra p. I‑13989, punt 58).

26     Fir-rigward tas-servizzi ta’ natura medika, jirriżulta mill-ġurisprudenza li t-termini "kuri mediċi" li jidhru fl-Artikolu 13 A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati f’dan is-sens li jkopru s-servizzi kollha tal-kuri lill-persuni previsti fl-istess paragrafu (ċ) (is-sentenza Dornier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50), dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom bħala għan li jirregolaw it-totalità ta’ l-eżenzjonijiet tas-servizzi mediċi fis-sens strett (sentenza Kügler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

27     Konsegwentement, il-kunċett ta’ "kuri mediċi" li jidhru fl-Artikolu 13 A, paragrafu 1 (b), tas-Sitt Direttiva u dawk tas-"servizzi ta’ kura lill-persuna" li jidhru fl-istess paragrafu sub (ċ), ikopru ż-żewġ servizzi li għandhom bħala għan li jagħmlu djanjożi, li jieħdu ħsieb u, safejn possibbli, li jfejqu l-mard jew anomaliji tas-saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dornier, ċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

28     F’dan il-każ partikolari, il-qorti tar-rinviju turi dubju fuq il-punt dwar jekk analiżi mediċi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jammontawx għal kuri bħal dawn, anki jekk hija taċċetta li l-imsemmija analiżi jikkontribwixxu għad-djanjożi tal-mard. Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija fl-istess waqt issostni, skond interpretazzjoni funzjonali u teloloġika tad-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Sitt Direttiva, li laboratorju li jwettaq analiżi bħal din ma jistax jiġi mqabbel ma’ ċentru ta’ djanjożi peress li kull ma tagħmel l-imsemmija analiżi huwa li tippermetti t-twaqqif tad-djanjożi u, skond interpretazzjoni sistematika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li dawn l-analiżi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kuri mediċi, peress li huma jippermettu t-twaqqif tad-djanjożi u huma inerenti għaliha.

29     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, jekk il-"kuri mediċi" u s-"servizzi tal-kura lill-persuna" għandhom ikollhom għan terapewtiku, l-għan terapewtiku ta’ servizz mhux bil-fors irid ikun inkluż f’aċċettazjoni partikolarment stretta. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenża tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-servizzi mediċi mwettqa għall-finijiet ta’ prevenzjoni jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(ċ) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, anki fil-każ fejn il-persuni li huma s-suġġett ta’ eżami jew ta’ interventi mediċi oħra ta’ natura preventiva ma jsofru minn ebda marda jew anomalija ta’ saħħa, l-inklużjoni ta’ l-imsemmija servizzi fil-kunċetti ta’ "saħħa medika" u ta’ "servizzi ta’ kura lill-persuna" hija konformi ma’ l-għan tat-tnaqqis ta’ l-ispiża tal-kuri tas-saħħa, li huma komuni kemm għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva kif ukoll għal dik prevista fl-istess paragrafu (ċ). Għalhekk, is-servizzi mediċi mwettqa bil-għan li jipproteġu, inklużi dawk għaż-żamma jew l-irkpru, is-saħħa tal-persuni li jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) u (c), ta’ l-imsemmija Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, Unterpertinger, C‑212/01, Ġabra p. I‑13859, punti 40 u 41, kif ukoll D’Ambrumenil u Dispute Resolution Services, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 59).

30     Issa, analiżi mediċi li, bħal f’dan il-każ partikolari, huma ordnati minn tobba ġeneralisti fil-kuntest tal-kuri li huma jordnaw huma ta’ tip li jikkontribwixxu għaż-żamma tas-saħħa tal-persuni, peress li, bħal kull servizz mediku mwettaq għal skop ta’ prevenzjoni, huma għandhom l-għan li jippermettu l-osservazzjoni u l-eżami tal-pazjenti anki qabel ma jkun neċessarju d-djanjostikar, li tingħata l-kura jew li tiġi mfejqa marda eventwali.

31     F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif L.u.P. sostniet fis-seduta, u kif il-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni ammettew il-possibilità tagħha, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, kif jirriżulta mill-għan tat-tnaqqis ta’ l-ispiża tal-kuri tas-saħħa magħmula permezz ta’ l-eżenzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ta’ l-analiżi mediċi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li għandhom bħala għan l-osservazzjoni u l-eżami tal-pazjenti għal skop ta’ prevenzjoni, huma suġġetti li jammontaw għal "spejjeż mediċi" skond l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva jew tas-"servizzi tas-saħħa lill-persuna" skond l-istess paragrafu sub(ċ) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

32     Din l-interpretazzjoni hija, minbarra dan, konformi għall-prinċipju tan-newtralità fiskali, li tipprojbixxi li servizzi simili, li huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin, ikunu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑109/02, Ġabra p. I‑12691, punt 20, kif ukoll Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54). Fil-fatt, dan il-prinċipju ma jiġix irrispettat jekk l-analiżi mediċi ordnati mit-tobba ġeneralisti jkunu suġġetti għal sistema ta’ VAT differenti skond il-post fejn huma mwettqa biex b’hekk il-kwalità tagħhom tkun ekwivalenti kif jirriżulta mill-formazzjoni ta’ dawk li jagħtu s-servizzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dornier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, u tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C‑443/04 u C‑444/04, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 40 u 41).

 Fuq il-kwalità ta’ l-istabbilimenti li jipprovdu s-servizzi fil-kawża prinċipali

33     F’dan il-każ partikolari, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-analiżi mediċi in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma mwettqa barra mill-klinika professjonali tat-tabib ġeneralista li ordnahom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-imsemmija analiżi jitsgħux jaqgħu taħt l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva.

34     Skond il-Kummissjoni, laboratorju bħal dik fil-kawża prinċipali la hu stabbiliment ta’ sptar, u lanqas "ċentru tal-kuri mediċi u ta’ djanjostika" skond l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva. Ma jkunx aktar stabbiliment "ta’ l-istess tip" peress li n-natura ta’ din it-tip ta’ dispożizzjoni tirreferi għal stabbilimenti mgħammra minn organizzazzjoni elaborata. Fl-aħħar nett, ma jistgħax ikun ikkunsidrat bħala ċentru tad-djanjożi għaliex l-analiżi ma jippermettux l-istabbiliment tad-djanjożi.

35     Din it-teżi ma tistax tiġi ammessa. Fil-fatt, peress li l-analiżi mediċi jirriżultaw, fir-rigward tal-finalità terapewtika tagħhom, mill-kunċett ta’ "kuri mediċi" previst fl-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b), ta’ Sitt Direttiva, laboratorju bħal dak fil-kawża prinċipali jrid jiġi kkunsidrat bħala stabbiliment ta’ "l-istess tip" li l-"istabbilimenti ta’ l-isptar" u ċ-"ċentri tal-kura medika u ta’ djanjożi" skond din id-dispożizzjoni.

36     Minbarra dan, kif jirriżulta mill-punti 31 u 32 tas-sentenza preżenti, kemm l-għan tat-tnaqqis ta’ l-ispiża tal-kuri tas-saħħa previsti fl-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) u (ċ), tas-Sitt Direttiva kif ukoll il-prinċipju tan-newtralità fiskali tipprojbixxi dak li analiżi mediċi jkunu suġġetti għal sistema tal-VAT differenti skond il-post fejn huma mwettqa, meta l-kwalità tagħhom hija ekwivalenti kif tirriżulta mill-formazzjoni ta’ dawk li jipprovdu s-servizzi kkonċernati.

37     Fir-rigward it-teżi tal-Kummissjoni li tgġid li jirriżulta mill-ġurisprudenza fil-qasam ta’ eżenzjonijiet li l-attivitajiet imwettqa fis-sors minn dawk ipprovvduti mill-aħħar fornitur tas-servizzi mhumiex eżenti (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 107/84, Ġabra p. 2655, punt 20; tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia, C‑240/99, Ġabra p. I‑1951, punti 40 u 41; tat-13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services, C‑235/00, Ġabra p. I‑10237, punti 39 u 40, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Arthur Andersen, C‑472/03, Ġabra p. I‑1719, punt 39), b’mod li l-analiżi mediċi biss imwettqa minn laboratorji għal pazjenti fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali diretta ma’ dawn ta’ l-aħħar li joħorġu mill-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva, trid tiġi skartata wkoll, din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ eżenzjonijiet oħra li fihom il-kliem użat kif ukoll l-għanijiet huma differenti minn dawk mħaddna minn dik l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

38     Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ l-eżenzjoni mit-trasferiment tat-teħid ta’ kampjuni mil-laboratorji għall-finijiet ta’ analiżi mediċi, li huwa irrilevanti, għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva, li l-laboratorju li jwettaq l-imsemmi teħid ta’ kampjun jipproċedi wkoll għall-analiżi jew jissuġġetta lil din l-aħħar imsemmija għal laboratorju ieħor filwaqt li jibqa’ responsabbli fir-rigward tal-pazjent, jew, fid-dawl tan-natura ta’ l-analiżi mwettqa jkun marbut li jittrażmetti l-kampjun għal laboratorju speċjalizzat (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). Fl-istess mod, jirriżulta mill-punt 67 tas-sentenza D’Ambrumenil u Dispute Resolution Services, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kontrolli mediċi għandhom l-għan prinċipali li jippermettu l-prevenzjoni u l-monitoraġġ tal-mard kif ukoll il-monitoraġġ ta’ l-istat ta’ saħħa tal-ħaddiema jew dawk li għandhom polza ta’ assigurazzjoni jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13, A, paragrafu 1(ċ) tas-Sitt Direttiva, anki jekk iseħħu fuq talba għad-domanda ta’ terzi.

39     Jirriżulta wkoll minn dak li ntqal li l-analiżi mediċi mwettqa minn laboratorju rregolat mid-dritt privat bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandhom bħala għan l-osservazzjoni u l-eżami ta’ pazjenti għal skop ta’ prevenzjoni, jistgħu jaqgħu taħt l-eżenzjoni tal-kuri mediċi previsti fl-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva.

40     Konsegwentement jeħtieġ ukoll li jiġi eżaminat b’liema kundizzjonijiet din id-dispożizzjoni tippermetti li tissuġġetta eżenzjoni bħal din.

 Fuq il-kundizzjonijiet ta’ l-eżenzjoni

41     Jirriżulta mill-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva li laboratorji rregolati mid-dritt privat li, bħal dawk fil-kawża prinċipali, jiddependu mill-kunċett ta’ "stabbilimenti oħrajn ta’ natura simili" previst f’din id-dispożizzjoni, għandhom iridu jkunu "debitament rikonoxxuti" sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni imposta minn din.

42     Kif diġà ġie deċiż, l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva ma jippreċiżax il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ dan ir-rikonoxximent. Għalhekk bħala prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali ta’ kull pajjiż Membru li għandu jistabbilixi r-regoli li fuqhom għarfien bħal dan jista’ jiġi mogħti lill-istabbilimenti li jitolbuha. L-Istati Membri jiddisponu minn setgħa ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward (sentenza Dornier, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64 u 81).

43     Minbarra dan, l-Artikolu 13, A, paragrafu 2(a) tas-Sitt Direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jissuġġettaw il-konċessjoni ta’ l-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1(b) għall-organizzazzjonijet oħra minn dawk tad-dritt pubbliku fir-rigward ta’ kull waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija in segwitu ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dornier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65). Dawn il-kundizzjonijiet fakoltattivi jistgħu jiġu imposti liberament u b’mod supplementari mill-Istati Membri għall-konċessjoni ta’ l-imsemmija eżenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kingscrest Associates et Montecello, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

44     Jirriżulta mill-kliem tad-domanda preliminari li l-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk dawn id-dispożizzjonijiet jippermettux li tiġi suġġettata l-eżenzjoni ta’ analiżi mediċi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali għall-kundizzjonijiet li fihom mhijiex suġġetta l-eżenzjoni tal-kuri prattiċi mit-tobba ġeneralisti li ordnaw dawn l-analiżi.

45     F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li jirriżulta mill-kliem ta’ l-istess Artikolu 13, A, paragrafu 2 tas-Sitt Direttiva li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tagħha jistgħu jkunu applikati biss għas-servizzi mediċi rilevanti tal-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu, u mhux għall-kuri eżenti bis-saħħa tal-paragrafu 1(ċ) tiegħu. Minbarra dan, din l-aħħar dispożizzjoni tissuġġetta l-eżenzjoni ta’ l-imsemmija kuri, mhux għall-istatut tal-liġi pubblika jew għall-għarfien mill-Istat Membru kkonċernat ta’ l-organizzazzjoni fejn l-istabbiliment jipprovdi dan, iżda għall-kundizzjoni li dawn il-kuri jkunu mogħtija fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi bħal dawk iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza Solleveld et van den Hout-van Eijnsbergen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

46     Għalhekk huwa inerenti għal dawn id-dispożizzjonijiet li l-eżenzjoni ta’ l-analiżi mediċi jistgħu jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet li ma japplikawx għat-tobba li ordnaw l-imsemmija analiżi.

47     Minbarra dan, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, jirriżulta kemm mis-setgħa ta’ evalwazzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri fl-għarfien ta’ stabbilimenti irregolati mid-dritt privat għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2(a) ta’ dan l-Artikolu, li ma tobbligax lill-imsemmija Stati jimponu l-kundizzjonijiet li huma msemmija hemmhekk, iżda li tippermettilhom li jimponu, każ b’każ, kundizzjonijiet tali li dawn l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, jissuġġettaw l-eżenzjoni ta’ l-analiżi mediċi bħala kura medika għal kundizzjonijiet differenti minn dawk meqjusa għall-eżenzjoni ta’ l-attivitajiet relatati mill-viċin ma’ kuri bħal dawn.

48     Skond ġurisprudenza kostanti, madankollu, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jeżaminaw jekk l-Istati Membri, meta jimponu kundizzjonijiet bħal dawn, ma’ jinjorawx il-limiti tas-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni fl-osservanza tal-prinċipji tal-liġi komunitarja, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jissarraf, fil-qasam tal-VAT, fil-prinċipju tan-newtralità fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Dornier, punt 69; Kingscrest Associates u Montecello, punt 52, u Solleveld et van den Hout-van Eijnsbergen, punt 36).

49     F’dan il-każ partikolari, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-eżenzjoni ta’ l-analiżi mediċi mwettqa minn laboratorju bħal dak fil-kawża prinċipali hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni nazzjonali bil-kundizzjoni li l-imsemmija analiżi, minn naħa, jkunu pprovduti taħt kontroll mediku u, min-naħa l-oħra, jikkonċernaw, almenu għal 40 % minnhom, lil persuni assigurati ta’ organizzazzjoni ta’ sigurtà soċjali.

50     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li mill-ewwel jintqal li l-osservanza tal-prinċipju tan-newtralità fiskali teżiġi mill-bidu li l-kategoriji kollha ta’ stabbilimenti rregolati mid-dritt privat previsti fl-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b), tas-Sitt Direttiva jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-finijiet ta’ l-għarfien tagħhom għall-provvista ta’ servizzi simili. F’dan il-każ partikolari, konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi ma’ din il-ħtieġa jew jekk, kuntrarjament, hija tillimitax l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet in kwistjoni għal ċerti tipi ta’ stabbilimenti, peress li oħrajn huma esklużi minn din l-applikazzjoni.

51     Minbarra dan, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-eżenzjoni tal-kuri mediċi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali għal dawn il-kundizzjonijiet, li jridu jiġi stabbiliti mill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjoni dwar il-kontroll mediku, safejn hija teskludi mill-benefiċċju l-eżenzjoni tas-servizzi mwettqa taħt ir-responsabbiltà biss tal-professjonisiti paramediċi, jeċċedu l-limiti ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni kkonsentit lill-Istati Membri fl-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, il-kunċett ta’ "kuri mediċi" li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni jkopru mhux biss is-servizzi mogħtija direttament mit-tobba jew minn professjonisti oħra tas-saħħa taħt kontroll mediku, iżda wkoll is-servizzi paramediċi mogħtija permezz ta’ sptar taħt ir-responsabbiltà biss ta’ persuni li mhumiex tobba (sentenza Dornier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

52     Jirriżulta wkoll li, għall-finijiet ta’ l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva, Stat Membru ma jistgħax validament jissuġġetta l-għarfien ta’ l-istabbilimenti rregolati mid-dritt privat għall-kundizzjoni li teżiġi li l-analiżi mwettqa minn dawn l-aħħar imsemmija jkunu pprovduti taħt kontroll mediku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dornier, iċċitata iktar ’il fuq, punti 71 u 82).

53     Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li, sabiex jiġi stabbilit jekk stabbilimenti rregolati mid-dritt privat jistgħux jiġu rrikonoxxuti għall-finijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13, A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, skond id-dritt komunitarju, u suġġett għall-kontroll tal-qrati nazzjonali, jieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, barra n-natura ta’ interess ġenerali ta’ l-attivitajiet ta’ persuna suġġetta għat-taxxa kkonċernata u l-fatt li persuni oħra suġġetti għat-taxxa għandhom l-istess attivitajiet li diġà jibbenefikaw minn għarfien simili, il-fatt li l-ispejjeż tas-servizzi in kwistjoni huma eventwalment meħuda fil-parti l-kbira minn fond ta’ assigurazzjoni kontra l-mard jew minn organizzazzjonijiet oħra ta’ sigurtà soċjali (sentenza Dornier, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 u 73).

54     Konsegwentement, billi jeżiġi, għall-finijiet ta’ l-għarfien bħala laboratorji rregolati mid-dritt privat għall-applikazzjoni ta’ l-imsemmija eżenzjoni, li l-analiżi mediċi mwettqa mil-laboratorji kkonċernati jkunu, almenu għal 40 % minnhom, iddestinati għall-persuni assigurati ta’ organizzazzjoni ta’ assigurazzjoni soċjali, l-Istat Membru kkonċernat ma eċċediex is-setgħa ta’ evalwazzjoni li hija kkonsentita lilu mill-imsemmija dispożizzjoni.

55     Fir-rigward ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li:

–       L-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva trid tiġi interpretata fis-sens li l-analiżi mediċi li għandhom bħala għan l-osservazzjoni u l-eżami tal-pazjenti għal skop ta’ prevenzjoni, li huma mwettqa, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, minn laboratorju rregolat mid-dritt privat estern għal stabbiliment ta’ kura fuq ordni ta’ tabib ġeneralista, huma suġġetti li jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni bħala kuri mediċi mogħtija minn stabbiliment ieħor irregolat mid-dritt privat debitament irrikonoxxut skond l-imsemmija dispożizzjoni.

–       L-Artikolu 13, A, paragrafi 1(b) u 2(a) ta’ l-imsemmija direttiva ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżenzjoni ta’ analiżi mediċi bħal dawn għall-kundizzjonijiet li, minn naħa, ma tapplikax għall-eżenzjoni ta’ kuri mogħtija mit-tobba ġeneralisti li ordnawhom u, min-naħa l-oħra, huma differenti minn dawk applikabbli għall-attivitajiet relatati mill-viċin mal-kuri mediċi fis-sens ta’ l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

–       L-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) ta’ din l-istess direttiva tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżenzjoni ta’ l-analiżi mediċi mwettqa minn laboratorju rregolat mid-dritt privat estern għal stabbiliment ta’ kura għall-kundizzjoni li huma jkunu mwettqa taħt kontroll mediku. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li din l-istess leġiżlazzjoni tissuġġetta l-eżenzjoni ta’ l-imsemmija analiżi għall-kundizzjoni li huma jkunu, almenu għal 40 % minnhom, iddestinati għall-persuni assigurati ta’ organizzazzjoni ta’ sigurtà soċjali.

 Fuq l-ispejjeż

56     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (77/388/KEE) – trid tiġi interpretata fis-sens li l-analiżi mediċi li għandhom bħala għan l-osservazzjoni u l-eżami tal-pazjenti għal skop ta’ prevenzjoni, li huma mwettqa, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, minn laboratorju rregolat mid-dritt privat estern għal stabbiliment ta’ kura fuq ordni ta’ tabib ġeneralista, huma suġġetti li jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni bħala kuri mediċi mogħtija minn stabbiliment ieħor irregolat mid-dritt privat debitament irrikonoxxut skond l-imsemmija dispożizzjoni.

L-Artikolu 13, A, paragrafi 1(b) u 2(a) ta’ l-imsemmija direttiva ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżenzjoni ta’ analiżi mediċi bħal dawn għall-kundizzjonijiet li, minn naħa, ma tapplikax għall-eżenzjoni ta’ kuri mogħtija mit-tobba ġeneralisti li ordnawhom u, min-naħa l-oħra, huma differenti minn dawk applikabbli għall-attivitajiet relatati mill-viċin mal-kuri mediċi fis-sens ta’ l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

L-Artikolu 13, A, paragrafu 1(b) ta’ din l-istess direttiva tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżenzjoni ta’ l-analiżi mediċi mwettqa minn laboratorju irregolat mid-dritt privat estern għal stabbiliment ta’ kura għall-kundizzjoni li huma jkunu mwettqa taħt kontroll mediku. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li din l-istess leġiżlazzjoni tissuġġetta għall-eżenzjoni ta’ l-imsemmija analiżi bil-kundizzjoni li huma jkunu, almenu għal 40 % minnhom, iddestinati għall-persuni assigurati ta’ organizzazzjoni ta’ sigurtà soċjali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.