C-111/05 - Aktiebolaget NN

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ Marzu 2007 (*)

“Sitt Direttiva VAT – Provvista ta’ oġġetti – Artikolu 8(1)(a) – Kejbil tal-fibri ottiċi li jgħaqqad żewġ Stati Membri u li jinsab in parti barra mit-territorju tal-Komunità – Kompetenza fiskali ta’ kull Stat Membru limitata għat-tul tal-kejbil installat fit-territorju tiegħu – Nontassazzjoni tal-parti li tinstab fiż-żona ekonomika esklużiva, fuq il-blata kontinentali u fil-baħar miftuħ”

Fil-kawża C-111/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Regeringsrätten (l-Iżvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-24 ta’ Frar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 2005, fil-proċeduri

Aktiebolaget NN

vs

Skatteverket,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, U. Lõhmus (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Aktiebolaget NN, minn U. Grefberg Nyberg, processansvarig,

–       għal Skatteverket, minn B. Persson, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Ström van Lier u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 2(1), 3(1), 5, 6, 8(1)(a) u 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/338/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2002/93/KE, tat-3 ta’ Diċembru 2002 (ĠU L 331, p. 27, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2       Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju tqajmu fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn Aktiebolaget NN (iktar ’il quddiem il-“kumpannija NN”), stabbilita fl-Iżvezja, kontra opinjoni preliminari mogħtija mill-iSkatterättsnämnden (kummissjoni tad-dritt fiskali) fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għal tranżazzjoni li tikkonsisti fl-installazzjoni, bejn l-Iżvezja u Stat Membru ieħor, ta’ kejbil tal-fibri ottiċi li parti minnu għandha titqiegħed f’qiegħ il-baħar fl-ilmijiet internazzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”

4       L-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva jipprovdi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

–       ‘territorju ta’ Stat Membru’ tfisser it-territorju tal-pajjiż kif iddefinit għal kull Stat Membru fil-paragrafi 2 u 3,

–       ‘Komunità’ u ‘territorju tal-Komunità’ ifissru t-territorju ta’ l-Istati Membri kif iddefinit għal kull Stat Membru fil-paragrafi 2 u 3,

[…]

2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-‘territorju tal-pajjiż’ se tkun iż-żona ta’ fejn jgħodd it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea kif iddefinita għal kull Stat Membru fl-Artikolu [299 KE].

[…]”

5       Skond l-Artikolu 5 ta’ l-imsemmija Direttiva:

“1. ‘Provvista ta’ oġġetti’ tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali.

[…]”

6       L-Artikolu 6 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“1. ‘Provvista tas-servizzi’ tfisser kull operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5.

[…]”

7       L-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva jispeċifika:

“1.      Il-post tal-provvista ta’ l-oġġetti għandu jitqies li hu:

a)      fil-każ ta’ oġġetti mibgħuta jew trasportati jew mill-fornitur jew mill-akkwirent jew minn persuna terza: il-post fejn ikunu jinsabu l-oġġetti fil-ħin meta jintbagħtu jew jibda t-trasport għall-akkwirent. Fejn l-oġġetti huma installati jew immontati, bi jew mingħajr prova, minn jew f’isem il-fornitur, il-post tal-provvista għandu jitqies li jkun fejn l-oġġetti jkunu installati jew immontati. Fil-każijiet fejn l-installazzjoni jew il-montaġġ isir fi Stat Membru ieħor barra [dak] tal-fornitur, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu issir l-istallazzjoni jew it-tagħqid flimkien [l-immontar] għandu jieħu kull miżura meħtieġa biex jevita taxxa doppja f’dak l-Istat;

[…]”

8       L-Artikolu 9 ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi:

“1. Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

2.      Iżda:

a)      il-post tal-provvista ta’ servizzi konness ma’ proprjetà immobbli, inklużi s-servizzi ta’ aġenti tal-proprjetà u esperti, u ta’ servizzi għat-tħejjija u l-koordinazzjoni ta’ xogħolijiet ta’ kostruzzjoni, bħalma huma s-servizzi ta’ periti arkitetti u ta’ ditti li jipprovdu superviżjoni fuq il-post tax-xogħol, għandhom ikunu l-post fejn tkun tinsab il-proprjetà;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9       Jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (mervärdesskattelagen, SFS 1994, Nru 200, iktar ’il quddiem il-“ML”), li din it-taxxa hija dovuta, b’mod partikolari, meta tranżazzjoni hija kkunsidrata li twettqet fit-territorju tal-pajjiż.

10     Skond l-Artikolu 6 tal-Kapitolu 1 tal-ML, “oġġett” tfisser l-“oġġetti korporali” li jinkludu l-immobbli kif ukoll il-gass u s-sħana, il-kesħa u l-enerġija elettrika. Skond l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 5 ta’ l-istess liġi, oġġett li, skond il-kuntratt konkluż bejn il-venditur u l-akkwirent, għandu jiġi ttrasportat sa l-akkwirent, huwa mibjugħ fit-territorju tal-pajjiż jekk dan l-oġġett jinsab fil-pajjiż meta l-venditur, l-akkwirent jew terz jintrabat li jittrasportah sa l-akkwirent (punt 1) jew, meta l-oġġett ma jinsabx fil-pajjiż fil-mument meta jibda t-trasport, jekk huwa mmuntat jew installat mill-venditur jew għan-nom tiegħu (punt 2).

11     Skond l-Artikolu 6 tal-Kapitolu 1 tal-ML, “servizz” ifisser dak kollu li mhux ikkunsidrat bħala oġġett u li jista’ jkun pprovdut fil-kuntest ta’ attività professjonali. Skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 5 ta’ din il-liġi, is-servizzi li jirrigwardaw immobbli huma pprovduti fit-territorju tal-pajjiż jekk l-immobbli jinsab hemmhekk. Skond il-punt 4 ta' l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 6 tal-Kapitolu 5 ta’ l-imsemmija liġi, is-servizzi huma pprovduti fit-territorju tal-pajjiż jekk jitwettqu fl-Iżvezja u jikkonċernaw xogħlijiet fuq oġġetti mobbli, inklużi servizzi ta’ sorveljanza jew ta’ analiżi ta' tali oġġetti. L-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 8 tal-Kapitolu 5 tal-ML jipprovdi b’mod partikolari li, għal servizzi oħra minbarra dawk previsti fl-Artikoli 4 sa 6(a) jew 7(a) (iżda dan ma japplikax, b’mod partikolari, għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni), it-tranżazzjoni hija kkunsidrata li twettqet fit-territorju tal-pajjiż jekk il-fornitur għandu s-sede ta’ l-attività ekonomika tiegħu, jew stabbiliment fiss li minnu huwa jipprovdi s-servizzi, fl-Iżvezja. Minbarra dan, l-istess inċiż jipprovdi li s-servizzi li mhuma pprovduti la mis-sede jew mill-istabbiliment fiss fl-Iżvezja u lanqas barra mill-pajjiż, huma kkunsidrati li twettqu fit-territorju tal-pajjiż jekk il-fornitur huwa domiċiljat fl-Iżvezja jew għandu r-residenza ordinarja tiegħu hemmhekk.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     Il-kumpannija NN twettaq, fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, attivitajiet li jikkonsistu b’mod partikolari fit-tqegħid, fil-manutenzjoni u fit-tiswija tal-kejbils tal-fibri ottiċi. Hija għandha l-intenzjoni li tikkonkludi kuntratti għall-provvista u l-installazzjoni, bejn l-Iżvezja u Stat Membru ieħor, ta’ kejbil tal-fibri ottiċi taħt il-baħar li jkun użat sabiex l-akkwirent joffri servizzi ta' trażmissjoni lil diversi operaturi tat-telekomunikazzjoni. Il-kumpannija NN sejra tixtri l-kejbil u l-bqija tal-materjal neċessarju mingħand diversi produtturi, tinnoleġġa bastiment bl-ekwipaġġ tiegħu u tingaġġa persunal speċjaliżżat fit-tqegħid tal-kejbils.

13     Il-kejbil ser jitwaħħal u jindifen fit-territorju kontinentali Żvediż sabiex imbagħad jitqiegħed u, skond il-każ, jindifen f’qiegħ il-baħar, l-ewwel fl-ilmijiet interni u fil-baħar territorjali ta’ l-Iżvezja, imbagħad fuq il-blata kontinentali ta’ l-Iżvezja u ta’ l-Istat Membru l-ieħor bħala Stati kostali u, fl-aħħar nett, fil-baħar territorjali u fl-ilmijiet interni ta’ l-Istat Membru l-ieħor, sabiex finalment jitwaħħal u jindifen fit-territorju kontinentali ta’ dan ta' l-aħħar. Kif jirriżulta mid-distanzi bejn il-punti ta’ ankraġġ, f’ċerti każijiet jista’ jkun neċessarju li jittawwal il-kejbil, liema operazzjoni tikkostitwixxi proċedura teknika relattivament kumplessa. F’ċirkustanzi normali, l-ispiża tal-materjal tista’ tammonta għal 80 sa 85 % ta’ l-ispiża totali. Jekk iċ-ċirkustanzi jkunu sfavorevoli, per eżempju minħabba li jkun hemm it-tempesti, il-parti ta' l-ispiża totali relattiva għall-materjal tonqos.

14     Wara t-tqegħid u ċerti provi preliminari, id-dritt tal-proprjetà fuq il-kejbil jiġi trasferit lill-akkwirent. Ix-xogħol imbagħad ikompli permezz ta’ provi addizzjonali li jieħdu madwar tletin jum u l-kumpannija NN issewwi l-eventwali difetti.

15     Il-kumpannija NN talbet opinjoni preliminari lill-iSkatterättsnämnden sabiex issir taf, minn naħa, jekk it-tranżazzjoni prevista tammontax għal servizz fuq immobbli fis-sens ta' l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 5 tal-ML, jew xogħol fuq oġġett mobbli fis-sens ta' l-Artikolu 6 tal-Kapitolu 5 ta’ l-istess liġi, jew inkella tip ieħor ta’ servizz u, min-naħa l-oħra, jekk l-Iżvezja huwiex il-pajjiż ta’ eżekuzzjoni tas-servizz.

16     L-iSkatterättsnämnden tat l-opinjoni tagħha fit-13 ta’ Ġunju 2003. Hija kkunsidrat li t-tranżazzjoni prevista kellha tkun ikkunsidrata bħala servizz ipprovdut fl-Iżvezja skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 8 tal-Kapitolu 5 tal-ML peress li m'għandhiex karatteristiċi li jippermettu li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet speċjali ta’ rabta previsti fl-Artikoli 4 sa 6(a) u 7 (a) tal-Kapitolu 5 tal-ML.

17     Il-kumpannija NN appellat mill-imsemmija opinjoni preliminari quddiem ir-Regeringsrätten. Hija ssostni li t-tqegħid tal-kejbil in kwistjoni fil-kawża prinċipali jammonta għal servizz li jirrigwarda oġġett immobbli fis-sens ta’ l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 5 tal-ML, u li, konsegwentement, il-VAT hija dovuta biss għas-servizzi pprovduti fit-territorju kontinentali, fl-ilmijiet interni u fil-baħar territorjali ta’ l-Iżvezja.

18     Peress li qies li interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju kienet neċessarju għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, ir-Regeringsrätten iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Tranżazzjoni taxxabbli li tirrigwarda l-provvista u t-tqegħid ta' kejbil installat fit-territorji ta’ żewġ Stati Membri u wkoll barra mit-territorju tal-Komunità, li fiha l-kejbil innifsu jirrappreżenta kjarament il-parti prinċipali ta’ l-ispejjeż totali, għandha tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ oġġett għall-applikazzjoni tar-regoli tas-Sitt Direttiva [...] dwar il-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli?

2)      Jekk għal kuntrarju tranżazzjoni bħal din għandha tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ servizzi, għandu jiġi kkunsidrat li dan is-servizz għandu rabta ma’ oġġett immobbli b’mod li l-post tal-provvista għandu jiġi determinat b'applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva?

3)      Jekk ir-risposta għall-ewwel jew għat-tieni domanda hija fl-affermattiv, l-Artikolu 8(1)(a) tas-[Sitt] Direttiva jew, sussidjarjament, l-Artikolu 9(2)(a) tagħha għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tranżazzjoni għandha tkun diviża abbażi tal-post ġeografiku tal-kejbil?

4)      Jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija fl-affermattiv, l-Artikolu 8(1)(a) tas-[Sitt] Direttiva jew, sussidjarjament, l-Artikolu 9(2)(a), flimkien ma’ l-Artikoli 2(1) u (3)(1) tagħha għandhom jinftiehmu fis-sens li l-VAT mhijiex dovuta għall-parti tal-provvista ta' l-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi li tirrigwarda żona li ma tagħmilx parti mit-territorju tal-Komunità?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

19     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, għall-finijiet tal-ġbir tal-VAT, tranżazzjoni li tirrigwarda l-provvista u t-tqegħid ta’ kejbil tal-fibri ottiċi li jgħaqqad żewġ Stati Membri u li jinsab in parti barra mit-territorju tal-Komunità, li fiha l-prezz tal-kejbil innifsu jirrappreżenta kjarament il-parti prinċipali ta’ l-ispejjeż totali, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ oġġetti fis-sens ta' l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva.

20     Preliminarjament, għandu jiġi stabbilit jekk, mill-perspettiva tal-VAT, il-provvista u t-tqegħid ta’ kejbil, fiċ-ċirkustanzi deskritti mill-qorti tar-rinviju, għandhomx ikunu trattati bħala żewġ tranżazzjonijiet taxxabbli distinti jew bħala tranżazzjoni kumplessa waħda magħmula minn diversi elementi.

21     Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tranżazzjoni tkun ikkostitwita minn sensiela ta’ elementi u ta’ azzjonijiet, għandhom jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha li fihom isseħħ it-tranżazzjoni in kwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat, minn banda, jekk humiex involuti żewġ provvisti distinti jew aktar jew jekk hijiex involuta provvista waħda u, mill-banda l-oħra, jekk, fil-każ imsemmi l-aħħar, din il-provvista waħda għandhiex tiġi kkunsidrata bħala provvista ta' oġġetti jew bħala provvista ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Mejju 1996, Faaborg‑Gelting Linien, C-231/94, Ġabra p. I‑2395, punti 12 sa 14; tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 28, kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C-41/04, Ġabra p. I‑9433, punt 19).

22     Meta titqies iċ-ċirkustanza doppja li, minn banda, isegwi mill-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva li, normalment, kull tranżazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala separata u indipendenti u li, mill-banda l-oħra, tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda fil-livell kummerċjali m’għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali sabiex il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT ma tiġix alterata, għandhom fl-ewwel lok jiġu individwalizzati l-elementi karatteristiċi tat-tranżazzjoni in kwistjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna taxxabbli tipprovdix lill-klijent tagħha diversi provvisti prinċipali separati jew provvista waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq CPP, punt 29, u Levob Verzekeringen u OV Bank, punt 20).

23     F’dan ir-rigward, il-Qorti ddeċidiet li hemm provvista waħda meta żewġ elementi jew azzjonijiet, jew aktar minn tnejn, ipprovduti mill-persuna taxxabbli lill-klijent għandhom konnessjoni tant stretta li jiffurmaw, oġġettivament, provvista kummerċjali waħda li ma tistax tiġi sseparata u li kieku kellha tiġi sseparata tingħata xejra artifiċjali (sentenza Levob Verzekeringen u OV Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

24     F’dan il-każ, il-kuntratt previst mill-kumpannija NN għandu bħala oġġett it-trasferiment ta’ kejbil imqiegħed u fi stat li jaħdem, wara li titlesta l-installazzjoni u jsiru l-provi.

25     Jirriżulta minn din il-konstatazzjoni li, minn naħa, l-elementi kollha li jifformaw it-tranżazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru li huma neċessarji għat-twettiq tagħha u li, min-naħa l-oħra, huma strettament konnessi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat, mingħajr ma tingħata interpretazzjoni artifiċjali, li l-klijent l-ewwel ser jakkwista l-kejbil tal-fibri ottiċi u, imbagħad, mill-istess fornitur, ser jingħata s-servizzi relatati mat-tqegħid ta’dan il-kejbil (ara, b’analoġija, is-sentenza Levob Verzekeringen u OV Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

26     Konsegwentement, il-provvista u t-tqegħid ta’ kejbil, fiċ-ċirkustanzi deskritti mill-qorti tar-rinviju, għandhom ikunu kkunsidrati bħala li jiffurmaw tranżazzjoni waħda fir-rigward tal-VAT.

27     Minbarra dan, sabiex jiġi stabbilit jekk tranżazzjoni kumplessa waħda, bħal dik fil-kawża prinċipali, għandhiex tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi, hemm lok li jiġu identifikati l-elementi predominanti tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenżi ċċitati iktar ’il fuq Faaborg-Gelting Linien, punti 12 u 14, kif ukoll Levob Verzekeringen u OV Bank, punt 27).

28     Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-każ ta’ tranżazzjoni kumplessa waħda, provvista għandha tkun ikkunsidrata bħala aċċessorja għall-provvista prinċipali meta hija ma jkollhiex skop fiha nfisha għall-klijent, iżda tkun il-mezz sabiex is-servizz prinċipali tal-fornitur jitgawda fl-aħjar kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1998, Madgett u Baldwin, C-308/96 u C-94/97, Ġabra p. I-6229, punt 24, u CPP, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

29     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li t-tqegħid tal-kejbil in kwistjoni fil-kawża prinipali jeħtieġ l-użu ta’ proċeduri tekniċi kumplessi, jeħtieġ l-użu ta’ tagħmir speċjalizzat, jeħtieġ konoxxenzi speċifiċi u jidher li huwa mhux biss inseparabbli mill-provvista ta’ l-oġġett fi tranżazzjoni ta’ dan id-daqs, iżda wkoll indispensabbli għall-użu u għat-tħaddim ulterjuri ta’ l-imsemmi oġġett. Minn dan isegwi li t-tqegħid ta' dan il-kejbil ma jammontax għal sempliċi element aċċessorju tal-provvista.

30     Madankollu jibqa’ biex jiġi stabbilit jekk, fid-dawl ta’ l-elementi li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, hijiex il-provvista tal-kejbil jew huwiex it-tqegħid tiegħu li għandu jipprevali sabiex it-tranżazzjoni tiġi kklassifikata jew bħala provvista ta’ oġġetti jew bħala provvista ta' servizzi.

31     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva, “'Provvista ta’ oġġetti' tfisser it-trasferiment tad-dritt ta' sid li jiddisponi minn proprjetà korporali”.

32     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li l-kunċett ta' provvista ta’ oġġett ma jirreferix għat-trasferiment tal-proprjetà fil-forom previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli, iżda jinkludi kull tranżazzjoni ta' trasferiment ta’ proprjetà korporali minn parti li tagħti s-setgħa lill-parti l-oħra li effettivament tiddisponi minnu bħallikieku kienet il-proprjetarju ta’ dan l-oġġett. L-għan tas-Sitt Direttiva jista’ jiġi kompromess jekk il-konstatazzjoni ta’ provvista ta’ oġġetti, li hija waħda mit-tliet tranżazzjonjiet taxxabbli, tkun suġġetta għat-twettiq ta' kundizzjonijiet li jvarjaw skond id-dritt ċivili ta’ l-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe, C-320/88, Ġabra p. I-285, punti 7 u 8; ta’ l-4 ta’ Ottubru 1995, Armbrecht, C-291/92, Ġabra p. I-2775, punti 13 u 14; tas-6 ta’ Frar 2003, Auto Lease Holland, C-185/01, Ġabra p. I-1317, punti 32 u 33, kif ukoll tal-21 ta’ April 2005, HE, C‑25/03, Ġabra p. I‑3123, punt 64).

33     Jirriżulta mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju li l-kuntratt previst jirrigwarda oġġett korporali, jiġifieri kejbil tal-fibri ottiċi, li għandu jinxtara u jitqiegħed mill-fornitur, u li, wara li jsiru provi minn dan ta' l-aħħar, huwa destinat li jiġi ttrasferit lill-klijent, li jista’ jiddisponi minn dan il-kejbil bħala proprjetarju.

34     Il-fatt li l-provvista ta’ l-imsemmi kejbil hija akkumpanjata mill-installazzjoni ta’ dan ta' l-aħħar ma jipprekludix, fil-prinċipju, li t-tranżazzjoni taqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva.

35     Fil-fatt, fl-ewwel lok, jirriżulta mill-Artikolu 8(1)(a) tas-Sitt Direttiva li oġġett korporali jista’ jiġi installat jew immuntat, bi jew mingħajr prova, minn jew f'isem il-fornitur, mingħajr ma t-tranżazzjoni neċessarjament titlef il-klassifikazzjoni tagħha bħala “provvista ta’ oġġett”. Fit-tieni lok, kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn il-modi ta’ installazzjoni, b’mod li l-inkorporazzjoni fl-art ta’ oġġett mobbli m'għandhiex neċessarjament taqa’ taħt il-kunċett ta’ “xogħlijiet ta' kostruzzjoni” fis-sens ta' l-Artikolu 5(5) tas-Sitt Direttiva.

36     Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li jekk t-tqegħid tal-kejbil fil-kawża prinċipali jseħħ fiċ-ċirkustanzi normali, il-fatturat li l-fornitur sejjer jiġġenera mit-tranżazzjoni tkun magħmula, għall-parti l-kbira tagħha, mill-ispiża tal-kejbil innifsu u tal-kumplament tal-materjal, li tirrapreżenta 80 sa 85 % ta’ l-ammont totali ta’ l-imsemmija tranżazzjoni, filwaqt li jekk il-kundizzjonijiet ikunu sfavorevoli, per eżempju minħabba d-diffikultà ta’ l-art, ta’ l-istat ta’ qiegħ il-baħar, tan-neċessità li jittawwal il-kejbil jew għaliex ikun hemm tempesti, il-parti ta’ l-ispiża tal-materjal ikkomparata ma' l-ispiża totali tonqos.

37     F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li r-relazzjoni bejn il-prezz ta’ l-oġġett u dak tas-servizzi hija element ta' informazzjoni oġġettiv li jikkostitwixxi indizju li jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tat-tranżazzjoni fil-kawża prinċipali, jibqa' l-fatt li, kif issostni l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzjonijiet tagħha, l-ispiża tal-materjal u tax-xogħlijiet m'għandhiex, waħedha, ikollha importanza determinanti.

38     Għalhekk, sabiex tiġi kklassifikata t-tranżazzjoni prevista, għandha tiġi eżaminata wkoll l-importanza tal-provvista tas-servizzi fir-rigward tal-provvista tal-kejbil.

39     F’dan ir-rigward, anki jekk huwa indispensabbli li l-kejbil ikun installat sabiex ikun jista’ jiġi użat, u anki jekk, minħabba, b’mod partikolari, id-distanza u d-diffikultà tas-superfiċi, l-inkorporazzjoni tal-kejbil fl-art tinvolvi, kif jirriżulta mill-punt 29 tas-sentenza preżenti, kumplessità kbira u teħtieġ mezzi kbar, madankollu minn dan ma jirriżultax li l-provvista tas-servizzi tippreżenta natura predominanti fuq il-provvista ta’ l-oġġett. Fil-fatt, jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-klawsoli tal-kuntratt li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju li x-xogħlijiet li għandhom jitwettqu mill-fornitur huma limitati għat-tqegħid tal-kejbil in kwistjoni fil-kawża prinċipali u la għandhom bħala għan jew bħala riżultat li jalteraw in-natura ta' l-imsemmi kejbil u lanqas li dan ta' l-aħħar jiġi adattat għall-bżonnijiet speċifiċi tal-klijent (ara, b’analoġija, is-sentenza Levob Verzekeringen u OV Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 29).

40     Fid-dawl ta' dawn l-elementi kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li tranżazzjoni li tirrigwarda l-provvista u t-tqegħid ta’ kejbil tal-fibri ottiċi li jgħaqqad żewġ Stati Membri u li jinsab in parti barra mit-territorju tal-Komunità, għandha tiġi kkunsidrata bħala provvista ta' oġġetti fis-sens ta' l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva, meta jkun jidher li, wara li jsiru provi mill-fornitur, il-kejbil jiġi ttrasferit lill-klijent, li jkun jista’ jiddisponi minnu bħala proprjetarju, li l-prezz tal-kejbil innifsu jirrappreżenta kjarament il-parti prinċipali ta’ l-ispiża totali ta' l-imsemmija tranżazzjoni, u li s-servizzi tal-fornitur huma limitati għat-tqegħid tal-kejbil, mingħajr ma tiġi alterata n-natura tiegħu u mingħajr ma jiġi adattat għall-bżonnijiet speċifiċi tal-klijent.

 Fuq it-tieni domanda

41     It-tieni domanda saret biss fl-eventwalità li t-tranżazzjoni taxxabbli tammonta għal provvista ta’ servizzi. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, m’hemmx lok li din tiġi eżaminata.

 Fuq it-tielet domanda

42     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, sabiex tistabbilixxi l-post ta’ tranżazzjoni suġġetta għall-VAT li tirrigwarda l-provvista u tqegħid ta’ kejbil tal-fibri ottiċi li jgħaqqad żewġ Stati Membri u li jinsab in parti barra mit-territorju tal-Komunità, jekk l-Artikolu 8(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kompetenza fiskali ta’ kull Stat Membru hija limitata għall-parti tal-kejbil li tinsab fit-territorju tiegħu.

43     Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li t-Titolu VI tas-Sitt Direttiva jikkontjeni d-dispożizzjonijiet iddedikati għad-determinazzjoni tal-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, jiġifieri, l-Artikolu 8 għall-provvista ta’ oġġetti u l-Artikolu 9 għall-provvista tas-servizzi. L-għan imħaddan minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest tas-sistema ġenerali tad-Direttiva, kif jista’ jiġi dedott mis-seba’ premessa tagħha, ifittex li tiġi stabbilita diviżjoni razzjonali ta’ l-isferi ta’ applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali fil-qasam tal-VAT, billi jiġi stabbilit b’mod uniformi l-post tar-rabta fiskali tal-provvisti ta’ oġġetti u tal-provvista tas-servizzi. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ukoll bħala għan li jevitaw il-kunflitti ta’ kompetenza li jistgħu jwasslu kemm għal sitwazzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja kif ukoll għan-nuqqas ta' tassazzjoni ta' dħul (ara, b’analoġija, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Lulju 1985, Berkholz, 168/84, Ġabra p. 2251, punt 14; tat-12 ta’ Mejju 2005, RAL (Channel Islands) et, C-452/03, Ġabra p. I‑3947, punt 23, u tal-15 ta’ Settembru 2005, Köhler, C‑58/04, Ġabra p. I‑8219, punt 22).

44     Għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-post fejn provvista ta’ oġġetti titqies li seħħet, l-Artikolu 8 tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi bosta punti ta’ konnessjoni speċifiċi skond jekk huwiex il-każ ta’ provvista ta’ oġġetti bit-trasport jew mingħajru, ta' provvista ta’ oġġetti fuq bastiment, ajruplan jew ferrovija, ta’ provvista ta’ gass jew ta’ elettriku permezz ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni jew inkella, tal-provvista ta’ oġġett li huwa installat jew immuntat, bi jew mingħajr prova, minn jew f'isem il-fornitur. F’dan l-aħħar każ, skond it-tieni sentenza tal-paragrafu (1)(a) ta' dan l-artikolu, il-post tal-provvista għandu jitqies li jkun fejn l-oġġetti jkunu installati jew immuntati.

45     Huwa veru li sabiex tkun operattiva, regola ta’ kunflitt għandha tippermetti l-attribuzzjoni tal-kompetenza fiskali sabiex tranżazzjoni tkun suġġetta għall-VAT lil wieħed biss mill-Istati Membri kkonċernati. F’dan is-sens, meta l-oġġett huwa s-suġġett ta’ installazzjoni, il-provvista titqies li sseħħ biss, fil-prinċipju, fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u, meta l-installazzjoni ta’ l-oġġett tikkonsisti fl-inkorporazzjoni fl-art, huwa l-post ta’ din l-inkorporazzjoni li jiddetermina l-Istat kompetenti sabiex jintaxxa l-provvista.

46     Madankollu, dan ma jfissirx li t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 8(1)(a) tas-Sitt Direttiva ma tapplikax fil-każ fejn l-installazzjoni ta’ oġġett fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri tkompli fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Fil-fatt, meta dan l-oġġett, jiġifieri fil-kawża prinċipali kejbil tal-fibri ottiċi, huwa s-suġġett ta’ installazzjoni fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru mbagħad f’dak ta’ tieni wieħed, il-post tal-provvista jkun suċċessivament fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati.

47     Minn dan isegwi li, f’każ bħal dan, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kompetenza sabiex tiġi ntaxxata t-tranżazzjoni għandha tkun rikonoxxuta lil kull Stat Membru għall-parti tal-kejbil installata fit-territorju tiegħu.

48     Din il-kompetenza fiskali rispettiva ta’ kull Stat Membru dwar it-tranżazzjoni kollha kemm hi tinkludi mhux biss l-eżiġibbiltà tat-taxxa dovuta fuq il-prezz tal-kejbil innifsu iżda tinkludi wkoll is-setgħa li jiġu ntaxxati s-servizzi relatati ma’ l-installazzjoni.

49     Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, is-servizzi relatati ma’ l-installazzjoni tal-kejbil tal-fibri ottiċi jinkludu mhux biss it-tqegħid veru u proprju u l-eventwali estensjoni ta' dan il-kejbil, iżda wkoll it-testijiet regolari mwettqa waqt it-tqegħid u ċerti provi preliminari mwettqa meta jitlesta t-tqegħid kif ukoll it-twettiq ta’ provi addizzjonali li jdumu jsiru għal madwar tletin jum wara t-tqegħid fis-servizz ta' l-imsemmi kejbil, li matulhom il-fornitur isewwi l-eventwali difetti. Dawn is-servizzi kollha, li wħud minnhom mhumiex marbuta ma’ post ġeografiku preċiż, jibbenefikaw lit-totalità tal-kejbil u għalhekk għandhom, bħall-prezz tal-kejbil innifsu u tal-kumplament tal-materjal, jiġu ntaxxati minn kull Stat Membru proporzjonalment għat-tul tal-kejbil li jinsab fit-territorju tiegħu.

50     Għalhekk ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet ta' l-intaxxar tal-provvista u tat-tqegħid ta’ kejbil tal-fibri ottiċi li jgħaqqad żewġ Stati Membri u li jinsab in parti barra mit-territorju tal-Komunità, kull Stat Membru għandu l-kompetenza proporzjonalment għat-tul tal-kejbil li jinsab fit-territorju tiegħu kemm għal dak li jikkonċerna l-prezz tal-kejbil innifsu u tal-kumplament tal-materjal kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-ispiża tas-servizzi marbuta mat-tqegħid ta’ dan ta' l-aħħar.

 Fuq ir-raba’ domanda

51     Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk l-Artikolu 8(1)(a) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 2(1) u 3 ta’ l-istess Direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-provvista u t-tqegħid ta’ kejbil tal-fibri ottiċi li jgħaqqad żewġ Stati Membri mhumiex suġġetti għall-VAT għall-parti tat-tranżazzjoni li tkopri żona li ma tagħmilx parti mit-territorju tal-Komunità.

52     L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jobbliga lill-Istati Membri jissuġġettaw għall-VAT il-provvista ta’ oġġetti magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

53     Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tas-Sitt Direttiva huwa stabbilita fl-Artikolu 3 tagħha, li skondu, “territorju ta’ Stat Membru” tfisser it-territorju tal-pajjiż kif iddefinit għal kull Stat Membru fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu u, “territorju tal-Komunità” tfisser it-territorju ta’ l-Istati Membri kif iddefinit għal kull Stat Membru fl-imsemmija paragrafi. B'eċċezzjoni ta’ ċerti territorji nazzjonali esklużi espressament fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 3, skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, it-"territorju tal-pajjiż" huwa ż-żona ta’ fejn jgħodd it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea kif iddefinita għal kull Stat Membru fl-Artikolu 299 KE.

54     Fin-nuqqas, fit-Trattat, ta’ definizzjoni aktar preċiża tat-territorju li jaqa' taħt is-sovranità ta’ kull Stat Membru, huwa kull wieħed mill-Istati Membri li jrid jistabbilixxi l-estensjoni u l-limiti ta’ dan it-territorju, b’mod konformi mar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku.

55     Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li s-sistema ta' din id-Direttiva tapplika b’mod vinkolanti u mandatorju għat-territorju nazzjonali kollu ta’ l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 1986, Trans Tirreno Express, 283/84, Ġabra p. 231, punt 20).

56     Skond l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982, li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994 u ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU L 179, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar”), is-sovranità ta’ l-Istat kostali testendi sal-baħar territorjali, sal-qiegħ ta’ dan il-baħar u sa l-istrata ta' l-art taħt dik tal-qiegħ tiegħu.

57     It-territorju nazzjonali ta’ l-Istati Membri skond l-Artikolu 299 KE huwa b’hekk ukoll magħmul mill-baħar teritorjali, mill-qiegħ ta’ dan il-baħar u mill-istrata ta' l-art taħt dik tal-qiegħ tiegħu, iżda huwa kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-wisa' ta’ dan il-baħar fil-limitu ta’ 12-il mil nawtiku, f’konformità ma’ l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar.

58     Konsegwentement, Stat Membru għandu l-obbligu li jissuġġetta għall-VAT provvista ta’ oġġetti li sseħħ fil-baħar territorjali tiegħu, fil-qiegħ ta’ dan il-baħar u fl-istrata ta' l-art taħt dik tal-qiegħ tiegħu (ara wkoll, għal dak li jikkonċerna l-provvista ta' servizzi ta' trasport, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-331/94, Ġabra 1996 p. I-2675, punt 10).

59     Min-naħa l-oħra, is-sovranità ta’ l-Istat kostali fuq iż-żona ekonomika esklużiva kif ukoll fuq il-blata kontinentali hija biss funzjonali u, bħala tali, hija limitata għad-dritt li jiġu eżerċitati l-attivitajiet ta’ esplorazzjoni u ta’ sfruttament previsti fl-Artikoli 56 u 77 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Billi l-provvista u t-tqegħid ta’ kejbil ta' taħt il-baħar ma jinsabx fost l-attivitajiet elenkati fl-imsemmija artikoli, il-parti tat-tranżazzjoni mwettqa f’dawn iż-żewġ żoni ma taqax taħt is-sovranità ta’ l-Istat kostali. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-Artikoli 58(1) u 79(1) ta’ din l-istess Konvenzjoni li jirriżervaw, taħt xi kundizzjonijiet, id-dritt għal kull Stat ieħor li jqiegħed kejbils ta' taħt il-baħar f’dawn iż-żoni.

60     Minn dan isegwi li din il-parti tat-tranżazzjoni ma tistax tkun ikkunsidrata bħala li twettqet fit-territorju tal-pajjiż fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva. L-istess japplika, a fortiori, għall-parti tat-tranżazzjoni li titwettaq fil-baħar miftuħ, żona li, skond l-Artikolu 89 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, hija eskluża mis-sovranità ta’ l-Istati (ara wkoll, fil-qasam tal-provvista ta' servizzi ta' trasport, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs Franza C‑30/89, Ġabra p. I-691, punt 17).

61     Għalhekk ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(a) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 2(1) u (3) ta' din ta' l-aħħar, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista u t-tqegħid ta’ kejbil tal-fibri ottiċi li jgħaqqad żewġ Stati Membri mhumiex suġġetti għall-VAT għall-parti tat-tranżazzjoni li titwettaq fiż-żona ekonomika esklużiva, fuq il-blata kontinentali u fil-baħar miftuħ.

 Fuq l-ispejjeż

62     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Tranżazzjoni li tirrigwarda l-provvista u t-tqegħid ta’ kejbil tal-fibri ottiċi li jgħaqqad żewġ Stati Membri u li jinsab in parti barra mit-territorju tal-Komunità, għandha tiġi kkunsidrata bħala provvista ta' oġġetti fis-sens ta' l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/338/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2002/93/KE, tat-3 ta’ Diċembru 2002, meta jkun jidher li, wara li jsiru provi mill-fornitur, il-kejbil jiġi ttrasferit lill-klijent, li jkun jista’ jiddisponi minnu bħala proprjetarju, li l-prezz tal-kejbil innifsu jirrappreżenta kjarament il-parti prinċipali ta’ l-ispiża totali ta' l-imsemmija tranżazzjoni, u li s-servizzi tal-fornitur huma limitati għat-tqegħid tal-kejbil, mingħajr ma tiġi alterata n-natura tiegħu u mingħajr ma jiġi adattat għall-bżonnijiet speċifiċi tal-klijent.

2)      L-Artikolu 8(1)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet ta' l-intaxxar tal-provvista u tat-tqegħid ta’ kejbil tal-fibri ottiċi li jgħaqqad żewġ Stati Membri u li jinsab in parti barra mit-territorju tal-Komunità, kull Stat Membru għandu l-kompetenza proporzjonalment għat-tul tal-kejbil li jinsab fit-territorju tiegħu kemm għal dak li jikkonċerna l-prezz tal-kejbil innifsu u tal-kumplament tal-materjal kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-ispiża tas-servizzi marbuta mat-tqegħid ta’ dan ta' l-aħħar.

3)      L-Artikolu 8(1)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 2(1) u (3) ta' din ta' l-aħħar, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista u t-tqegħid ta’ kejbil tal-fibri ottiċi li jgħaqqad żewġ Stati Membri mhumiex suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-parti tat-tranżazzjoni li titwettaq fiż-żona ekonomika esklużiva, fuq il-blata kontinentali u fil-baħar miftuħ.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.