C-128/05 - Il-Kummissjoni vs L-Awstrija

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

28 ta’ Settembru 2006(*)

"Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sitt Direttiva VAT – Impriżi ta’ trasport internazzjonali ta’ persuni stabbiliti f’Stat Membru ieħor – Dħul mill-bejgħ annwali fl-Awstrija ta’ 22,000 EUR jew inqas – Proċeduri semplifikati għall-intaxxar u l-ġbir tal-VAT"

Fil-kawża C-128/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-18 ta’ Marzu 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, inizjalment irrappreżentata minn H. Dossi, wara minn M. Fruhmann, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J.-P. Puissochet, A. Borg Barthet (Relatur), U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, bil-fatt li tawtorizza persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Awstrija, li jwettqu trasport ta’ persuni f’dan l-Istat Membru, li ma jippreżentawx dikjarazzjoni tat-taxxa u li ma jħallsux l-ammont nett tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT"), meta d-dħul mill-bejgħ fis-sena magħmul minnhom fl-Awstrija huwa inqas minn 22,000 EUR, billi tikkunsidra li, f’dan il-każ, l-ammont tal-VAT dovuta huwa ugwali għal dak tal-VAT li trid titnaqqas, u bil-fatt li tissuġġetta l-applikazzjoni tal-proċeduri semplifikati għall-kundizzjoni li din it-taxxa ma tissemmiex fuq il-fatturi jew id-dokumenti li jservu ta' fatturi, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 2, 6, 9(2)(b), 17, 18 u 22(3) sa (5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

 Il-kuntest ġuridiku

 Is-Sitt Direttiva

2       Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, kull provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għall-VAT.

3       Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 6(1) ta’ l-imsemmija Direttiva, "'provvista tas-servizzi' tfisser kull operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5".

4       L-Artikolu 9(2)(b) ta’ l-istess Direttiva jiddisponi li "il-post fejn ikun hemm provvista ta’ servizzi tat-trasport għandu jkun il-post fejn isir it-trasport, wara li jitqiesu d-distanzi involuti".

5       L-Artikoli 17 u 18 tas-Sitt Direttiva jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw l-oriġini, il-portata u l-modalitajiet ta' l-eżerċizzju tad-dritt li tnaqqas, li jikkostitwixxu l-element fundamentali tas-sistema tal-VAT.

6       L-Artikolu 18(1)(a), jipprovdi, b’mod partikolari, li, biex teżerċita d-dritt li tnaqqas, il-persuna taxxabbli trid "fir-rigward tad-deduzzjonijet taħt l-Artikolu 17(2)(a), iżomm fattura, miktuba b’mod konformi ma’ l-Artikolu 22(3)". Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 18(2), "il-persuna taxxabbli għandha teffetwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovut għall-perjodu partikolari ta’ taxxa l-ammont totali fir-rigward ta’ [liema], matul l-istess perjodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u jista’ jkun eserċitat taħt id-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 1".

7       Il-paragrafi (3), (4) u (5) ta' l-Artikolu 22 tas-Sitt Direttiva jipprovdu, rispettivament, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-fatturi, il-modalitajiet għas-sottomissjoni ta’ prospetti perijodiċi u l-obbligu għall-persuni taxxabbli li jħallsu l-ammont nett tal-VAT dovut meta jissottomettu kull prospett perijodiku.

8       L-Artikolu 24 ta’ l-imsemmija Direttiva, intitolat "Skema speċjali għall-impriżi żgħar", jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:

"L-Istati Membri li jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-applikazzjoni ta’ l-iskema tat-taxxa normali għall-impriżi żgħar minħabba l-attivitajiet jew l-istruttura tagħhom għandhom l-għażla, taħt t-tali kondizzjonijiet u fit-tali limiti li huma jistgħu jistabbilixxu imma soġġett għall-konsultazzjoni ppprovduta fl-Artikolu 29, ta’ l-applikazzjoni tal-proċeduri simplifikati bħal skemi b’rata fissa għall-intaxxar u l-ġbir tat-taxxa dejjem jekk huma ma jwasslux għal tnaqqis b’dan."

9       Minbarra dan, l-imsemmi Artikolu 24, fil-paragrafi (2) sa (7), jawtorizza lill-Istati Membri jżommu jew jintroduċu eżenzjonijet jew iffrankar ta’ VAT gradwata għall-persuni taxxabbli li d-dħul mill-bejgħ fis-sena tagħhom huwa inqas minn 5,000 EUR.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10     Ir-Regolament tal-Ministru tal-Finanzi Federali dwar it-twaqqif ta’ rati medji għall-kalkolu ta’ l-ammonti li jridu jitnaqqsu f’dak li jirrigwarda l-impriżi barranin li jwettqu trasport internazzjonali tal-persuni (BGBl. II, 166/2002, iktar 'il quddiem ir-"Regolament tal-Ministru tal-Finanzi") jiddisponi:

"Abbażi ta’ l-Artikolu 14(1)(2) ta' l-Umsatzsteuergesetz [Liġi dwar id-dħul mill-bejgħ] 1994, BGBl. 663/1994, fil-verżjoni tal-Liġi Federali BGBl. I, 56/2002, huwa pprovdut dan li ġej:

Artikolu 1. L-intraprendituri li fit-territorju nazzjonali la għandhom domiċilju (uffiċċju reġistrat), la residenza abitwali u lanqas stabbiliment, u li d-dħul mill-bejgħ tagħhom, skond l-Artikolu 1(1)(1) u (2), huwa inqas minn 22,000 EUR għall-perijodu taxxabbli, jistgħu, għar-rigward tad-dħul mill-bejgħ magħmul mit-trasport internazzjonali ta’ persuni li okkażjonalment iseħħ b'vetturi bil-mutur u bi trejlers mhux irreġistrati fl-Awstrija, jikkalkulaw l-ammonti li jridu jitnaqqsu, skond l-Artikolu 12 tal-Liġi fuq id-dħul mill-bejgħ 1994, billi japplikaw rata medja ta’ 10% tad-dħul mill-bejgħ miksub mill-attività fuq imsemmija (l-Artikolu 1(1)(1) u (2) tal-Liġi fuq id-dħul mill-bejgħ 1994), jekk ma joħorġux fatturi fis-sens ta’ l-Artikolu 11 tal-Liġi fuq id-dħul mill-bejgħ 1994 għall-provvista tas-servizzi fuq imsemmija li ġejjin mit-trasport internazzjonali ta’ persuni.

Artikolu 2. Ir-rata medja tikkumpensa l-ammonti kollha li jridu jitnaqqsu, li huma marbuta mal-provvista tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 1 li ġejjin mit-trasport internazzjonali ta’ persuni.

Artikolu 3. Jekk l-ammont li jrid jitnaqqas huwa kkalkulat skond l-Artikolu 1, l-intraprenditur huwa eżentat mill-obbligu li jżomm il-kotba skond l-Artikolu 18(2)(5) u (6) tal-Liġi fuq id-dħul mill-bejgħ 1994.

Artikolu 4. Dan ir-Regolament japplika għat-tranżazzjonijiet u ġrajjiet li jseħħu wara l-31 ta’ Marzu 2002."

 Il-proċedura prekontenzjuża

11     Il-Kummissjoni, b’ittri tat-13 ta’ Marzu 2000 u tas-17 ta’ Ottubru 2003, rispettivament, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni u ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lir-Repubblika ta’ l-Awstrija fejn talbet lil din ta’ l-aħħar li tissottomettilha l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn mill-aħħar waħda minn dawn iż-żewġ ittri.

12     Wara li ħadet in kunsiderazzjoni r-risposta tar-Repubblika ta’ l-Awstrija għal din l-ittra, il-Kummissjoni, fid-9 ta' Lulju 2004, ħarġet opinjoni motivata li fiha stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha. L-awtoritajiet Awstrijaċi rrispondew din l-opinjoni motivata b’ittra tas-6 ta’ Settembru 2004.

13     Billi kkunsidrat li din ir-risposta ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq il-portata tal-kawża

14     Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika ta’ l-Awstrija li, bir-Regolament tal-Ministru tal-Finanzi, kisret l-Artikoli 2, 6, 9(2)(b), 17, 18 u 22(3) sa (5) tas-Sitt Direttiva. L-imsemmi Stat Membru jibbaża d-difiża tiegħu kompletament fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 24(1) ta’ din id-Direttiva.

15     Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 24 sa 26 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dispożizzjonijiet invokati mill-Kummissjoni mhumiex kollha rilevanti fil-kuntest tar-rikors li hija ppreżentat. Fil-fatt, l-Artikoli 2, 6, 9(2)(b) u 17 tas-Sitt Direttiva jipprovdu prinċipji li fid-dawl tagħhom għandhom jiġu applikati l-kundizzjonijiet proċedurali previsti fl-Artikoli 18 u 22 ta’ din id-Direttiva. Issa, fl-atti bil-miktub tal-Kummissjoni, mhuwiex indikat f’hiex ir-Regolament tal-Ministeru tal-Finanzi kiser il-prinċipji li skondhom il-provvista tas-servizzi hija suġġetta għall-VAT (l-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija Direttiva); it-trasport tal-persuni huwa provvista ta’ servizzi (l-Artikolu 6); il-post fejn ġie pprovdut it-trasport internazzjonali ta’ persuni huwa stabbilit skond id-distanza koperta f’kull Stat Membru [l-Artikolu 9(2)(b)], u persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas l-input VAT imħallsa mill-output VAT dovuta, jew, jekk ikun il-każ, li tingħata rimbors tat-taxxa fuq l-input (l-Artikolu 17). Is-sistema implementata taħt l-imsemmi Regolament jippresupponi, għall-kuntrarju, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji kollha. Madankollu, jista’ jirriżulta li huwa jmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 18 u 22 ta’ l-istess Direttiva dwar l-fatturazzjoni tal-VAT, il-kontabbiltà relattiva għal din ta' l-aħħar u s-sottomissjoni tal-prospetti.

16     Konsegwentement, jekk ir-raġunijiet tad-difiża ppreżentati mir-Repubblika ta’ l-Awstrija, li huma bbażati kompletament fuq l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 24(1) tas-Sitt Direttiva għall-imsemmija sistema, ikollhom jiġu miċħuda, jista' biss jiġi kkonstatat ksur ta’ l-Artikoli 18(1)(a) u (2) u 22(3) sa (5) tas-Sitt Direttiva.

17     Ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq tliet argumenti prinċipali li jfittxu li jistabbilixxu li s-sistema ta’ deroga stabbilita mir-Regolament tal-Ministeru tal-Finanzi ma jistax jaqa' taħt l-Artikolu 24(1) tas-Sitt Direttiva. L-ewwel nett, din is-sistema tapplika għall-impriżi li jwettqu fl-Awstrija dħul mill-bejgħ fis-sena inqas minn 22,000 EUR, li ma jikkorrispondix għall-kunċett ta’ "impriżi żgħar" kif previst minn din id-dispożizzjoni. It-tieni nett, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ma pprovatx li tali sistema ma twassalx għal tnaqqis tat-taxxa. Fl-aħħar nett, l-imsemmija dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri jwettqu semplifikar, iżda ma tippermettilhomx jagħtu eżenzjoni totali lill-impriżi kkonċernati.

18     Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tikkonfuta dawn l-oġġezzjonijiet billi ssostni li s-sistema speċifika pprovduta għall-intraprendituri li jeżerċitaw attività ta’ trasport internazzjonali ta’ persuni mhux stabbiliti fl-Awstrija u li d-dħul mill-bejgħ tagħhom fl-Awstrija huwa inqas minn 22,000 EUR hija koperta mill-Artikolu 24(1) tas-Sitt Direttiva.

19     Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tar-rikors, għandu l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 24(1) tas-Sitt Direttiva, is-sistema stabbilita mir-Regolament tal-Ministru tal-Finanzi jistax ikun ikkunsidrat li stabbilixxa "proċeduri simplifikati [...] għall-intaxxar u l-ġbir tal-VAT", jekk dan jirriżulta fi tnaqqis tat-taxxa u jekk japplika biss għal "impriżi żgħar". F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li din is-sistema ma tissodisfax wieħed minn dawn il-kriterji sabiex l-imsemmija dispożizzjoni ma tkunx applikabbli.

 F’dak li jirrigwarda l-proċeduri semplifikati għall-intaxxar u l-ġbir tal-VAT

 L-argumenti tal-partijiet

20     Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema stabbilita mir-Regolament tal-Ministru tal-Finanzi tiddispensa lill-impriżi kkonċernati mill-obbligu li joħorġu fatturi, li jikkalkolaw il-VAT u li, konsegwentement, jiddikjarawha u jħallsuha. Billi r-rata tat-taxxa applikabbli għat-trasport ta’ persuni hija ta’ 10% u billi ġie aċċettat tnaqqis ta’ l-istess perċentwali, jirriżulta, skond il-Kummissjoni, li d-dejn fiskali huwa miġjub fix-xejn. Għalhekk, tali sistema ma tikkostitwixxix proċedura semplifikata għall-intaxxar u l-ġbir tal-VAT, iżda tekwivali għal eżenzjoni, ħaġa li tmur lil hinn minn dak li jippermetti l-Artikolu 24(1) tas-Sitt Direttiva.

21     Fir-rigward ta’ l-argument li d-dispensa stabbilita mill-imsemmija sistema tikkostitwixxi l-aspett formali ta’ semplifikazzjoni eċċessiva li tekwivali għal eżenzjoni, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tirrispondi li l-Artikolu 24(1) tas-Sitt Direttiva ma jipprovdi l-ebda restrizzjoni fuq dan il-punt. Barra minn hekk, hija tqis li din id-dispożizzjoni tagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward ta’ l-introduzzjoni ta’ rati fissi jew ta’ proċeduri semplifikati oħra għall-intaxxar u l-ġbir tal-VAT għall-impriżi ż-żgħar, u f'dan ir-rigward tirreferi għas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1988, Direct Cosmetics u Laughtons Photographs (138/86 u 139/86, Ġabra p 3937, punt 41).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22     Preliminarjament, għandu jiġi rilevat li l-Artikolu 24(1) tas-Sitt Direttiva jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-fakultà li japplikaw sistema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, li tikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema ġenerali stabbilita minn din id-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Madgett u Baldwin, C-308/96 u C-94/97, Ġabra p. I-6229, punt 34). Bħas-sistemi speċjali l-oħra previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 25 u 26 ta’ din id-Direttiva, is-sistema prevista fl-imsemmi Artikolu 24 għandha tiġi applikata biss safejn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C-280/04, Ġabra p. I-10683, punt 35). Barra minn dan, skond ġurisprudenza stabbilita, eċċezzjoni jew deroga għal regola ġenerali għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-83/99, Ġabra p. I‑445, punt 19, u tal-15 ta’ Lulju 2004, Harbs, C-321/02, Ġabra p. I‑7101, punt 27).

23     Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika ta’ l-Awstrija, ma jistax jiġi dedott mis-sentenza Direct Cosmetics u Laughtons Photographs, iċċitata iktar 'il fuq, li l-Istati Membri jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-proċeduri semplifikati għall-intaxxar li jiddeċiedu li jintroduċu fir-rigward tal-VAT. Fil-fatt, jirriżulta mill-punt 41 ta’ l-imsemmija sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja, f'din is-sentenza, eżaminat biss il-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandu Stat Membru fid-deċiżjoni tiegħu li jadotta jew le miżuri semplifikati fil-kuntest ta’ l-Artikolu 24(1) tas-Sitt Direttiva.

24     Is-sistema stabbilita mir-Regolament tal-Ministru tal-Finanzi teżenta lill-intraprendituri li jwettqu attività ta’ trasport internazzjonali ta’ persuni u li jissodisfaw ċerti kriterji mill-obbligu li jinżammu l-kotba fir-rigward tal-VAT. Billi huma ddispensati milli joħorġu fatturi li jindikaw il-VAT, dawn l-intraprendituri jistgħu japplikaw rata medja fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul fl-Awstrija li tekwivali għal dik li għandha titnaqqas, iżda, f’dan il-każ, ma jistgħux jippretendu ammonti oħra li għandhom jitnaqqsu fil-kuntest tal-proċedura ta’ rimbors. Għalhekk, tali eżenzjoni tirriżulta fil-fatt li l-VAT la hija ddikjarata u lanqas imħallsa, ħaġa li, barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ma tikkontestax.

25     Issa, l-Artikolu 24(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li "[j]applika[w] proċeduri simplifikati bħal skemi b'rata fissa għall-intaxxar u l-ġbir tat-taxxa". Ma jirriżultax mill-kliem użat f'din id-dispożizzjoni li huma jistgħu jeżentaw kompletament lill-impriżi ż-żgħar mill-obbligu tagħhom li jħallsu l-VAT, billi l-proċeduri għall-intaxxar jistgħu biss jiġu semplifikati, mingħajr madankollu mhija prevista l-possibbiltà li titneħħa kompletament is-suġġezzjoni għall-VAT ta’ l-impriżi kkonċernati. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ eżenzjoni bħal dik prevista mir-Regolament tal-Ministru tal-Finanzi, il-VAT ma tiġix imħallsa, b’mod li dan mhuwiex iktar każ ta’ "proċeduri għall-ġbir", lanqas ferm semplifikati, li għalihom, madankollu, din id-dispożizzjoni tagħmel referenza espliċita. Minbarra dan, l-"iskemi b'rata fissa" msemmija bħala eżempju ta’ proċeduri semplifikati għall-intaxxar juru li, taħt is-sistema prevista minn din id-dispożizzjoni, l-impriżi huma effettivament obbligati li jħallsu l-VAT. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ "proċeduri simplifikati" ma jistax jinkludi nuqqas totali ta' ntaxxar u ta' ġbir ta’ din it-taxxa.

26     Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 24(2) sa (5) tas-Sitt Direttiva, dispożizzjonijiet li jsemmu espliċitament il-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw "eżenzjoni mit-taxxa", meta dawn it-termini ma jinsabux fl-Artikolu 24(1). Tali nuqqas ta’ referenza jimplika li l-eżenzjonijiet mit-taxxa mhumiex fost il-proċeduri semplifikati għall-intaxxar li jistgħu jiġu implementati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 24(1).

27     Jirriżulta mill-osservazzjonijiet preċedenti li s-sistema stabbilita mir-Regolament tal-Ministru tal-Finanzi tmur lil hinn mis-setgħa li għandhom l-Istati Membri b'applikazzjoni ta’ l-Artikolu 24(1) tas-Sitt Direttiva, safejn hija ma tistabbilixxix "proċeduri simplifikati [...] għall-intaxxar u l-ġbir tat-taxxa", iżda teżenta l-impriżi kkonċernati mill-obbligu li jiddikjaraw u li jħallsu l-VAT. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ l-argumenti l-oħra invokati mill-Kummissjoni biex turi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika ta’ l-Awstrija, din is-sistema ma tistax tiġi ġġustifikata b'referenza għall-imsemmija dispożizzjoni.

28     Għalhekk, l-imsemmija sistema għandha tiġi kkunsidrata li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva.

29     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, bil-fatt li tawtorizza persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Awstrija, li jwettqu trasport ta’ persuni f’dan l-Istat Membru, li ma jippreżentawx dikjarazzjoni tat-taxxa u li ma jħallsux l-ammont nett tal-VAT, meta d-dħul mill-bejgħ fis-sena magħmul minnhom fl-Awstrija huwa inqas minn 22,000 EUR, billi tikkunsidra li, f’dan il-każ, l-ammont tat-taxxa dovut huwa ugwali għal dak tal-VAT li trid titnaqqas, u bil-fatt li tissuġġetta l-applikazzjoni tal-proċeduri semplifikati għall-kundizzjoni li din it-taxxa ma tissemmiex fuq il-fatturi jew id-dokumenti li jservu ta' fatturi, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 18(1)(a) u (2) u 22(3) sa (5) tas-Sitt Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

30     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika ta’ l-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Bil-fatt li tawtorizza persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Awstrija, li jwettqu trasport ta’ persuni f’dan l-Istat Membru, li ma jippreżentawx dikjarazzjoni tat-taxxa u li ma jħallsux l-ammont nett tat-taxxa fuq il-valur miżjud, meta d-dħul mill-bejgħ fis-sena magħmul minnhom fl-Awstrija huwa inqas minn 22,000 EUR, billi tikkunsidra li, f’dan il-każ, l-ammont tat-taxxa dovuta huwa ugwali għal dak tat-taxxa li trid titnaqqas, u bil-fatt li tissuġġetta l-applikazzjoni tal-proċeduri semplifikati għall-kundizzjoni li din it-taxxa ma tissemmiex fuq il-fatturi jew id-dokumenti li jservu ta' fatturi, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 18(1)(a) u (2) u 22(3) sa (5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.