C-401/06 - Il-Kummissjoni vs Il-

Printed via the EU tax law app / web

Kawża C-401/06

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Tassazzjoni — Sitt Direttiva tal-VAT — Provvista ta’ servizzi — Eżekutur testamentarju — Post tal-provvista ta’ servizzi — Artikoli 9(1) u (2)(e)”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2007 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Provvista ta’ servizzi – Determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e))

Il-fatt li Stat Membru jżomm fis-seħħ leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-post tal-provvista ta’ servizzi pprovduta minn eżekutur testamentarju għandu jitqies li huwa l-post fejn il-fornitur iwettaq l-attività tiegħu ma jiksirx id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva 77/388 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ. Fil-fatt, il-provvista ta’ servizz ta’ eżekutur testamentarju ma taqax taħt it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e), tas-Sitt Direttiva, peress li hija speċifika u għalhekk hija distinta minn dawk li huma prinċipalment u normalment imwettqa minn avukat, intiżi għar-rappreżentanza u d-difiża ta’ l-interessi ta’ persuna waħda u mhux għall-implementazzjoni ta’ volontà stabbilita. Barra minn hekk, is-servizzi ta’ eżekutur testamentarju u dawk ta’ avukat ma jistgħux jitqiesu li huma simili, peress li huma m’għandhomx l-istess għan. Fil-fatt, filwaqt li fil-biċċa l-kbira, l-eżekutur testamentarju jevalwa u jaqsam il-patrimonju tad-de cujus għal benefiċjarji tas-servizz, u xi drabi, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ l-amministrazzjoni tal-beni ta’ tfal minuri, jipproteġi u jrendi dan il-patrimonju, is-servizzi mogħtija minn avukat għandhom qabel xejn l-għan li tintrebaħ pretensjoni ġuridika.

(ara l-punti 36-37, 39-40, 42)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Tassazzjoni – Sitt Direttiva tal-VAT – Provvista ta’ servizzi – Eżekutur testamentarju – Post tal-provvista ta’ servizzi – Artikoli 9(1) u (2)(e)”

Fil-kawża C-401/06,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-26 ta’ Settembru 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, P. Lindh u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: H. von Holstein,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi ma ddeterminatx il-post tal-provvista ta’ servizzi mogħtija minn eżekutur testamentarju skond l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ ? Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), meta l-provvisti ta’ servizzi jingħataw lill-klijenti li huma stabbiliti barra mill-Komunità jew lil persuni taxxabbli fil-Komunità, imma mhux fl-istess pajjiż bħal dak tal-fornitur, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha minn din id-dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

2       Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, il-provvisti ta’ servizzi “magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

3       L-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li l-“post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz […]”.

4       Madankollu, it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi :

“e) il-post fejn jingħataw is-servizzi li ġejjin, meta jsiru għal konsumaturi [klijenti] stabbiliti barra l-Komunità jew għal persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess pajjiż bħal tal-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur [klijent] stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss li lilu jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu ikollu [jkollu] l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti :

-      servizzi ta’ konsulenti, enġiniera [inġiniera], uffi[ċ]ċji ta’ konsulenza, avukati, accountants u servizzi simili, kif ukoll l-ipproċessar ta’ data u l-għoti ta’ informazzjoni”.

5       Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11 tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi l-ammont taxxabbli fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi permezz ta’ dak kollox “li jikkostitwixxi l-kunsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur […], il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti […]”.

 Id-dritt nazzjonali

6       L-Artikolu 3a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ (Umsatzsteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“UstG”) tas-26 ta’ Novembru 1979 (BGB1. I 1979, 1953), kif emendata mil-Liġi tal-21 ta’ Frar 2005 (BGB1. I 2005, 386), jipprovdi:

“Il-provvista ta’ servizzi tingħata fil-post fejn jopera l-kummerċjant, salv għall-Artikoli 3b u 3f […]

[…]

3. Għalkemm il-klijent ta’ wieħed mis-servizzi l-oħra msemmija fil-paragrafu 4 tkun impriża, b’deroga mill-paragrafu 1, il-provvista hija meqjusa li tingħata fil-post fejn jopera l-klijent […]

4. Għall-finijiet tal-paragrafu 3, il-kliem ‘servizzi l-oħra’ jfissru: […] 3. is-servizzi l-oħra fil-kuntest tax-xogħol ta’ l-avukat, […], ta’ konsulent fiskali […] u b’mod partikolari, il-provvista ta’ pariri legali, finanzjarji u tekniċi”.

7       F’dan ir-rigward, il-Bundesfinanzhof ippreċiża li l-Artikolu 3a(1) ta’ l-UStG japplika għall-provvista ta’ servizzi ta’ l-eżekutur testamentarju, filwaqt li l-provvisti speċifiċi ta’ l-avukat u tal-konsulent fiskali jaqgħu taħt l-Artikolu 3a(4) ta’ l-UStG (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2003, V R 25/02, BStB1. II, 2003, 734).

8       It-Titolu 6 tas-Sezzjoni 3 tal-Ktieb 5 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jirrigwarda l-eżekutur testamentarju.

9       Skond l-Artikolu 2221 tal-BGB, l-eżekutur testamentarju jista’ jitlob kumpens xieraq għat-twettiq tal-mandat tiegħu, bil-kundizzjoni li d-decujus ma jkunx talab mod ieħor.

 Il-proċedura prekontenzjuża

10     Fl-ittra ta’ intimazzjoni tat-12 ta’ April 2005, innotifikata fid-19 ta’ April 2005, il-Kummissjoni indikat li, fil-fehma tagħha, id-dispożizzjonijiet fiskali nazzjonali ċċitati huma inkompatibbli mat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva u talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xahrejn mid-data li fiha jirċievu n-notifika. Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Ġunju 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet li l-provvista ta’ servizzi ta’ eżekutur testamentarju ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ avukat u ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva.

11     Għalhekk, peress li l-Kummissjoni baqgħet tħaddan l-istess evalwazzjoni, hija bagħtet lill-Istat Membru opinjoni motivata tat-13 ta’ Diċembru 2005 u nnotifikata fid-19 ta’ Diċembru 2005, li biha ordnatu jikkonforma ruħu ma’ l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tikkonforma ruħha ma’ l-imsemmija opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

12     Il-Kummissjoni tqis li mid-dispożizzjonijiet Ġermaniżi ċċitati, mill-interpretazzjoni tagħhom magħmula mill-qrati nazzjonali kif ukoll mill-applikazzjoni amministrattiva tagħhom, jirriżulta li l-provvista ta’ servizzi ta’ eżekutur testamentarju titqies li ssir fil-post fejn huwa jwettaq l-attività tiegħu. L-istess jgħodd għal meta din l-attività titwettaq minn avukati, minn konsulenti fiskali jew minn awdituri ta’ kumpannija. Prassi bħal din tmur kontra l-ispirtu ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva, li tqis li l-post fejn titwettaq il-provvista ta’ servizzi huwa l-post tal-klijent tas-servizzi, meta l-klijent ikun stabbilit barra mill-Komunità jew barra mill-pajjiż tal-fornitur.

13     Il-Kummissjoni ssostni, qabel xejn, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrikonoxxi ebda preminenza ta’ l-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva, peress li tipprovdi għal prinċipju ta’ determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi fir-rigward ta’ l-attività ekonomika tal-fornitur, fl-Artikolu 9(2). Madankollu, peress li l-Artikolu 9(2)(e) ma jipprovdix eċċezzjoni, dan m’għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2001, SPI, C‑108/00, Ġabra p. I‑2361, punt 17).

14     Il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-servizzi mwettqa minn eżekutur testamentarju huma inklużi ma dawk li huma prinċipalment u normalment ipprovduti minn avukat. Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attività ta’ l-eżekutur testamentarju taqax taħt l-Artikolu 9(1) jew (2) tas-Sitt Direttiva, għandu jsir riferiment mhux għall-isem tal-professjoni tal-persuna li tipprovdi s-servizzi in kwistjoni, imma għan-natura ta’ dawn is-servizzi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-professjonijiet imsemmija fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva huma mogħtija biss bħala eżempji u li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiddeskrivi l-kategoriji tas-servizzi.

15     Skond il-Kummissjoni, l-eżekutur testamentarju għandu l-funzjoni li jiddefendi l-interessi ta’ mandant, li jirrappreżentah u li jirregola l-pożizzjoni ġuridika konkreta tiegħu. Dan jikkonferma li l-attivitajiet ta’ l-avukati u ta’ l-eżekuturi testamentarji jikkoinċidu, mingħajr ma huwa eskluż il-fatt li, fl-eżekuzzjoni testamentarja, l-aspetti ekonomiċi jkunu marbuta ma’ l-aspetti ġuridiċi. Effettivament, l-attività ekonomika hija wkoll preżenti fil-kawżi normali li jkollhom l-avukati, u l-amministrazzjoni ta’ suċċessjoni mhijiex unika f’dan ir-rigward.

16     Skond il-Kummissjoni, ftit jimporta jekk is-servizzi humiex ipprovduti lil werrieta bħala klijenti tas-servizzi, peress li l-provvista ta’ servizzi ssir fid-dawl tar-rieda tad-decujus.

17     Hija tosserva li l-evoluzzjoni tal-professjoni ta’ l-avukat irriżultat fi speċjalizzazzjoni, inkluż fil-Ġermanja, b’mod partikolari, fid-dritt tas-suċċessjoni, kif jidher mill-avukati speċjalisti fid-dritt tas-suċċessjoni (“Fachanwalt für Erbrecht”), kull speċjalizzazzjoni tippreżupponi esperjenza prattika fil-qasam ikkonċernat u tagħrif tat-teorija applikabbli għal qasam ta’ l-ispeċjalizzazzjoni.

18     Barra minn hekk, hija tirrileva li t-testatur mhuwiex marbut li jagħżel speċjalista, imma qabel kollox persuna ta’ min jafdaha, għaliex din ir-rabta ta’ fiduċja tikkarratterizza r-relazzjonijet ma’ avukat in ġenerali kif ukoll ma’ eżekutur testamentarju.

19     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika li, anki jekk il-Linji Gwida tal-Kumitat tal-VAT (it-53 laqgħa tal-4 sal-5 ta’ Novembru 1997, Dokument XXI/97/1.658), li jipprovdu li l-post fejn jingħataw is-servizzi magħmula minn riċerkatur tal-werrieta għandu jiġi stabbilit skond l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva, m’humiex vinkolanti, dawn jesprimu sew, fil-każ in kwistjoni, ir-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jissuġġetta r-riċerka tas-suċċessjoni għal din id-dispożizzjoni. Għalhekk, għandu jsir riferiment għar-regoli applikabbli fil-qasam tar-riċerka tas-suċċessjoni sabiex jiġu applikati għall-attività ta’ l-eżekuturi testamentarji, indipendentement mid-diffikultajiet prattiċi eventwali li tista’ timplika d-determinazzjoni tal-post ta’ fejn jingħata s-servizz.

20     Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li r-rikors jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kollha.

21     Hija ssostni li s-servizzi pprovduti minn eżekutur testamentarju ma jistgħux jitqabblu ma dawk imwettqa normalment minn avukat, u li huma distinti mis-servizzi l-oħra msemmija fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva.

22     Hija tippreċiża li kull persuna li għandha kapaċità legali tista’ tintagħżel bħala eżekutur testamentarju. Hija tindika li l-attività ta’ eżekutur testamentarju tiddependi fuq l-istruzzjonijiet li jagħti t-testatur u tkopri bosta sitwazzjonijiet. Hija tirrikonoxxi li l-manifestazzjoni tar-rieda tad-decujus matul il-likwidazzjoni tas-suċċessjoni tippreżupponi konoxxenzi ġuridiċi, li hija r-raġuni għalfejn spiss jitqabbad avukat, imma ssostni li din l-attività ma tikkonċernax l-għoti ta’ pariri legali.

23     Hija żżid tgħid li mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1997, von Hoffman (C-145/96, Ġabra P. I-4857) jirriżulta li huma biss is-servizzi li huma prinċipalment u normalment mogħtija fil-kuntest tal-professjonijiet imsemmija fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva li jaqgħu taħt il-kamp ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, dan ma jgħoddx għas-servizzi mogħtija minn eżekutur testamentarju, peress li l-avukat m’għandux interessi li jrid jiddefendi. Dawn jikkonċernaw il-konċiljazzjoni ta’ interessi u mhux ir-rappreżentanza ta’ waħda mill-partijiet.

24     Barra minn hekk, is-servizzi ta’ avukat jew ta’ eżekutur testamentarju, anki jekk ipprovduti minn avukat, għandhom finijiet differenti; dawk legali u ta’ pariri ġuridiċi fl-ewwel każ, u dawk ekonomiċi u ta’ amministrazzjoni fit-tieni każ.

25     Skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandhom ukoll jittieħdu in kunsiderazzjoni l-għanijiet tas-Sitt Direttiva. F’dan ir-rigward, safejn huwa possibbli, il-provvista ta’ servizzi għandha tkun taxxabbli fil-post fejn tiġi pprovduta jew użata u sfruttata, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT. Minkejja li huwa possibbli li tiġi stabbilita rabta bejn avukat u l-klijent tiegħu, rabta bħal din hija nieqsa fil-kuntest tar-relazzjoni bejn eżekutur testamentarju u l-werriet, peress li l-eżekuzzjoni testamentari għandha fuq kollox rabta mal-post tas-suċċessjoni. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm diffikultajiet fil-każ ta’ l-amministrazzjoni ta’ proprjetà immobbli peress li, skond l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva, il-post suġġett għat-taxxa għandu jkun il-post fejn tinsab il-proprjetà. Il-fatt li werrieta jinsabu fi Stati Membri differenti u barra mill-Komunità jimplika wkoll problema f’dan ir-rigward.

26     Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li din ma tirrigwardax iktar “servizzi simili” fis-sens tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva mhumiex ikkonċernati, minħabba r-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq. Hija tirrifjuta li jsir tqabbil, b’mod partikolari, ma’ l-attivitajiet ta’ ġenealoġista tas-suċċessjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27     Preliminarjament, għandhom isiru l-osservazzjonijiet segwenti.

28     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi neċessarji għall-verifika ta’ l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (sentenzi ta’ l-20 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs Franza, C-62/89, Ġabra p. I-925, punt 37, u ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-341/02, Ġabra p. I-2733, punt 35).

29     It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kawża preżenti huwa intiż biss għas-sitwazzjoni fejn, minn naħa, il-provvista ta’ servizzi ta’ eżekutur testamentarju tingħata bi ħlas, kif jippermetti li jsir l-Artikolu 2221 tal-BGB, u min-naħa l-oħra, li dan is-servizz joriġina minn persuna taxxabbli bħala tali, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, li mingħajrha s-servizz in kwistjoni ma jistax ikun suġġett għal VAT.

30     It-tielet nett, għandu jiġi indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li, fir-rigward tar-rabta bejn l-Artikolu 9(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, l-Artikolu 9(2) jindika postijiet speċifiċi filwaqt li l-Artikolu 9(1) jikkonferixxi regola ġenerali fir-rigward ta’ dan is-suġġett. L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jiġu evitati, minn naħa, il-kunflitti ta’ kompetenza, li jistgħu jirriżultaw f’tassazzjoni doppja, u min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ dħul (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Lulju 1985, Berkholz, 168/84, Ġabra p. 2251, punt 14, tas-26 ta’ Settembru 1996, Dudda, C-327/94, Ġabra p. I-4595, punt 20, u SPI, iċċitata, punt 15).

31     Fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva, l-Artikolu 9(1) m’għandu ebda preċedenza fuq l-Artikolu 9(2). Il-kwistjoni li tqum f’kull sitwazzjoni hija jekk din taqax taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2); fin-nuqqas ta’ dan, din taqa’ taħt l-Artikolu 9(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati Dudda, punt 21, u SPI, punt 16).

32     F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva ma jirreferix għal professjonijiet, bħal ma huma dawk ta’ avukati, konsulenti, accountants jew inġiniera, imma jirreferi għal servizzi. Il-leġiżlatur Komunitarju għamel użu mill-professjonijiet imsemmija f’dik id-dispożizzjoni sabiex jiddefinixxi l-kategoriji ta’ servizzi li huma msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza von Hoffmann, iċċitata, punt 15). Il-kliem “servizzi [oħra] simili” ma jirreferux għall-element komuni ta’ l-attivitajiet varji msemmija fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva, imma għal servizzi simili meta mqabbla ma’ dawn l-attivitajiet, meqjusa waħedhom. Għalhekk, servizz għandu jitqies simili meta mqabbel ma’ waħda mill-attivitajiet imsemmija f’dan l-Artikolu u meta t-tnejn li huma għandhom l-istess għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1997, Linthorst, Pouwels en Scheres, C-167/95, Ġabra p. I-1195, punti 19 sa 22, u von Hoffmann, iċċitata, punti 20 u 21).

33     Huwa fid-dawl ta’ dak li ntqal li għandu jiġi eżaminat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

34     F’din il-kawża l-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja peress li, fil-leġiżlazzjoni tagħha huwa kkunsidrat li l-provvista ta’ servizzi ta’ l-eżekuzzjoni testamentari taqa’ taħt l-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva, filwaqt li, fil-fehma tal-Kummissjoni, peress li huwa servizz prinċipalment u normalment mogħti minn avukat, u peress li huwa servizz li huwa simili għal dak ta’ l-attività ta’ avukat, dan jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva.

35     Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat, qabel xejn, jekk il-provvista ta’ servizz ta’ eżekutur testamentarju taqax taħt is-servizzi li huma prinċipalment u normalment mogħtija fil-kuntest tal-professjoni ta’ avukat.

36     Il-provvista ta’ servizz ta’ eżekutur testamentarju toriġina mir-rieda tad-decujus li jkun hemm persuna jew persuni li jimplementaw id-dispożizzjonijiet testamentarji tiegħu. Il-BGB tipprovdi li l-eżekutur testamentarju jista’ jiġi direttament magħżul mid-decujus, jew minn terza persuna magħżula mid-decujus, jew, f’ċerti każijiet, min-Nachlassgericht (il-qorti tas-suċċessjoni). It-tranżazzjonijiet li jista’ jwettaq ivarjaw fir-rigward tan-natura u tad-dewmien, skond il-mandat li jkun ġie inkarigat lilu.

37     Fir-rigward tas-servizzi li huma prinċipalment u normalment mogħtija fil-kuntest tal-professjoni ta’ avukat, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tippreċiża li dawn kienu intiżi għar-rappreżentanza u d-difiża ta’ l-interessi ta’ persuna waħda (sentenza von Hoffman, iċċitata, punt 17).

38     Issa, għalkemm huwa veru li l-eżekuturi testamentarji huma magħżula minn fost l-avukati, b’mod partikolari fil-Ġermanja, minħabba l-konoxxenzi ġuridiċi tagħhom u peress li huma jitqabbdu fil-kawżi tas-suċċessjoni, jibqa’ l-fatt li l-eżekutur testamentarju ma jirrappreżentax lid-decujus, imma sempliċement iwettaq ir-rieda tiegħu filwaqt li jibqa’ newtrali fir-rigward tal-benefiċjarji tas-servizzi ta’ l-eżekutur testamentarju. Strettament, huwa ma jiddefendix l-interessi tad-decujus, imma jimplementa volontà stabbilita li għandu jinterpreta huwa stess, filwaqt li, fil-kuntest tar-relazzjoni bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, l-avukat għandu l-funzjoni li jaqdi aħjar l-interessi tal-klijenti tiegħu, bħala regola ġenerali, f’kuntest kontradittorju u fil-preżenza ta’ interessi kuntrarji. Minn dan isegwi li s-servizz ta’ eżekutur testamentarju huwa speċifiku u għalhekk huwa distint minn dawk li huma prinċipalment u normalment mwettaq minn avukat.

39     Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk is-servizzi ta’ eżekutur testamentarju mhumiex anqas simili għal dawk ta’ avukat, fis-sens tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva.

40     Għandu jiġi osservat li l-varjetà kunsiderevoli ta’ xogħol li jista’ jwettaq eżekutur testamentarju, mill-amministrazzjoni tal-patrimonju sa’ l-interessi morali, il-fatt li sempliċiment jaqsam is-somom jew il-proprjetà mobbli jew immobbli jirrendi diffiċli li jiġi identifikat servizz ta’ eżekutur testamentarju. Ix-xogħol ta’ eżekutur testamentarju jinvolvi l-implementazzjoni tar-rieda tat-testatur, li tista’ timplika attivitajiet ta’ amministrazzjoni, ta’ atti ġuridiċi u firxa ta’ tranżazzjonijiet materjali jew ġuridiċi. Madankollu, l-attività ekonomika tas-servizz ta’ eżekutur testamentarju hija wiesa’, kif issostni ġustament ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li fil-biċċa l-kbira l-eżekutur testamentarju jevalwa u jaqsam il-patrimonju tad-decujus għal benefiċjarji tas-servizz, u xi drabi, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ l-amministrazzjoni tal-beni ta’ tfal minuri, li jipproteġi u li jrendi dan il-patrimonju. Bil-kuntrarju, anki jekk kunsiderazzjonijiet ekonomiċi mhumiex naturalment imwettqa minn avukat, is-servizzi mogħtija minn avukat għandhom qabel xejn l-għan li tintrebaħ pretensjoni ġuridika. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ servizzi m’għandhomx l-istess għan.

41     F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-servizzi ta’ eżekutur testamentarju u dawk ta’ avukat ma jistgħux jitqiesu li huma simili.

42     Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-provvista ta’ servizzi ta’ eżekutur testamentarju ma tikkostitwixxi la servizz prinċipalment u normalment imwettaq minn avukat u lanqas provvista ta’ servizz li hija simili għal dik ipprovduta minn avukat.

43     Konsegwentement, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li, peress li żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-post tal-provvista ta’ servizzi pprovduta minn eżekutur testamentarju għandu jitqies li huwa l-post fejn il-fornitur iwettaq l-attività tiegħu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Direttiva.

44     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

 Fuq l-ispejjeż

45     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.