C-74/08 - PARAT Automotive Cabrio

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ April 2009 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid – Taxxa relatata max-xiri ssussidjat ta’ tagħmir – Dritt għal tnaqqis – Esklużjonijiet previsti minn liġi nazzjonali fil-mument tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva – Possibbiltà għall-Istati Membri li jżommu esklużjonijiet”

Fil-Kawża C‑74/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Nógrád Megyei Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Jannar 2008, fil-proċedura

PARAT Automotive Cabrio Textiltetőket Gyártó Kft.

vs

Adó- és Pénzügyi Ellenőrzési Hivatal Hatósági Főosztály Észak-magyarországi Kihelyezett Hatósági Osztály,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ungeriż, minn R. Somssich, J. Fazekas K. Borvölgyi u M. Fehér, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) u (6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-impriża PARAT Automotive Cabrio Textiltetöket Gyártó Kft (iktar ’il quddiem “PARAT”) u l-Adó- és Pénzügyi Ellenőrzési Hivatal Hatósági Főosztály Észak-magyarországi Kihelyezett Hatósági Osztály (uffiċċju fiskali lokali dipendenti mill-uffiċċju fiskali tar-reġjun tal-Ungerija ta’ Fuq tal-amministrazzjoni tal-kontribuzzjonijiet u tal-verifika finanzjarja, iktar ‘il quddiem l-“APEH”) dwar id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt fiskali nazzjonali dwar id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) dwar ix-xiri ta’ oġġetti ssussidjati.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE tal-11 ta’ April 1967 fuq l-armonizazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ [bejgħ mid-dħul] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 3) jaqra kif ġej:

“Il-prinċipju tas-sistema komuni [tal-VAT] tinvolvi d-dħul ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq oġġetti u servizzi. Din it-taxxa għandha tkun eżattament proporzjonali għall-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi, hu x’inhu n-numru ta’ transazzjonijet li jkunu saru waqt il-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-isadju li fih titħallas it-taxxa.

Fuq kull transazzjoni, [il-VAT], kalkulata fuq il-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali oġġetti jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-valur miżjud li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.

[…]”

4        Skont l-Artikolu 17(2), (6) u (7) tas-Sitt Direttiva, kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE tal-10 ta’ April 1995 (ĠU L 102, p. 18):

“2. Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu [tagħha], il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

(a)      il-[VAT] dovuta jew mħallsa fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu [lilha] minn persuna taxxabbli oħra;

[…]

6.      Qabel perjodu ta’ erba’ snin ta’ l-inqas ikunu għaddew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kunsill, jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema nefqa m’għandiex tkun eleġġibli għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud. It-taxxa fuq il-[VAT] fl-ebda ċirkostanza m’għandha tkun imnaqqsa fuq spejjeż li mhux strettament nefqa tan-negozju, bħal dik fuq il-lussu, pjaċiri jew divertiment.

Sa kemm ir-regoli ta’ fuq jidħlu fis-seħħ, Stati Membri jistgħu iżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti taħt il-liġijiet nazzjonali meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ.

7.      Soġġett għall-konsultazzjoni pprovduta fl-Artikolu 29, kull Stat Membru jista’ għal raġunijiet ċikliċi ekonomiċi, totalment jew parzjalment jeskludu l-oġġetti kapitali kollha jew xi uħud mis-sistema tat-tnaqqis. Biex iżommu kondizzjonijiet identiċi ta’ kompetizzjoni, Stati Membri jistgħu, minflok jirrifjutaw it-tnaqqis, jintaxxaw l-oġġetti fabbrikati mill-persuna taxxabbli nnifisha jew li huwa xtara fil-pajjiż jew importa, b’tali mod li t-taxxa ma teċċedix il-[VAT] li kellha tinġabar fuq l-akwisizzjoni ta’ oġġetti simili.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5        Il-Kapitolu VIII tal-liġi Ungeriża Nru LXXIV tal-1992 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“liġi fuq il-VAT”) fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2004 – data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Ungerija mal-Unjoni Ewropea – kien jinkludi, fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali, fl-Artikolu 38(1)(a) tagħha, fir-rigward tat-tqassim tat-taxxa tal-input, taħt it-titolu “Tnaqqis tat-taxxa”, id-dispożizzjoni li ġejja:

“Tqassim tat-taxxa tal-input

Il-persuna taxxabbli għandha tindika fil-kontijiet tagħha b’mod separat l-ammont tat-taxxa tal-input deduċibbli u mhux deduċibbli […] Il-persuna taxxabbli li tibbenefika minn sussidji minn fondi pubbliċi li ma jaqgħux taħt il-bażi taxxabbli […] tista’, sa fejn il-liġi finanzjarja annwali ma tipprovdix mod ieħor,

a)      fil-każ ta’ sussidji miksuba fid-dawl tax-xiri ta’ ċerti oġġetti, teżerċita d-dritt tagħha għat-tnaqqis unikament fid-dawl tax-xiri inkwistjoni u għal mhux iktar mill-ammont massimu ekwivalenti għall-parti mhux issussidjata.

[…]”

6        Id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq tħassret b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006. Din il-miżura madankollu ma kinitx retroattiva. B’hekk, l-implementazzjoni tal-kalkolu prorata tas-sussidji ffinanzjati b’fondi pubbliċi ma tapplikax għal kull xiri ta’ beni effettwat qabel il-31 ta’ Diċembru 2005.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ sussidju konkluż fil-11 ta’ Mejju 2005 mal-Magyar Fejlesztési Bank (Bank Ungeriż tal-Iżvilupp), għan-nom ta’ Gazdasági és Közlekedési Minisztérium (Ministeru tal-Ekonomija u t-Trasport), PARAT għamlet investiment sabiex tkabbar il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha ta’ soqfa dekapottabbli għal karozzi matul is-sena 2005. L-imsemmi kuntratt kien ta lil PARAT sussidju mhux rimborsabbli ekwivalenti għal 47 % tal-ammont totali tal-ispejjeż ta’ investiment.

8        Fuq il-bażi ta’ dan l-investiment, PARAT daħħlet fil-kotba tagħha erba’ riċevuti maħruġa għax-xiri ta’ magni ta’ ammont totali ta’ HUF 43 882 853, billi naqqset it-totalità tal-VAT indikata fir-riċevuti tagħha, jiġifieri HUF 10 971 718, fid-dikjarazzjoni tagħha tal-VAT għax-xahar ta’ Settembru 2005.

9        Sussegwentement, in-Nógrád Megyei Igazgatóság Kiutalás Előtti Ellenőrzési Osztálya (diviżjoni tal-verifika tad-direzzjoni tal-amministrazzjoni fiskali tal-kumitat ta’ Nógrád) wettqet verifika tad-dikjarazzjoni msemmija iktar ’il fuq, u kkonkludiet li PARAT kellha tnaqqas l-ammont ta’ VAT imnaqqas fir-rigward tax-xiri ta’ magni fil-kuntest tal-investiment magħmul, minħabba s-sussidju mhux rimborsabbli li kienet irċiviet.

10      Għalhekk, l-APEH ikkalkolat l-ammont ta’ VAT deduċibbli, fuq il-bażi tal-parti tal-finanzjament li rċiviet (47 %), u kkonstatat li, minflok l-ammont ta’ HUF 10 971 718 li PARAT kienet naqqset bħala VAT fuq it-tagħmir mixtri, din tal-aħħar kellha dritt għal tnaqqis ta’ HUF 5 748 000. Għalhekk, l-APEH iffissat l-ammont tal-VAT mhux deduċibbli, wara l-kalkolu prorata li jibqa’, għal HUF 5 223 718, liema ammont ġie addebitat lil PARAT bħala dejn fiskali. Barra minn hekk, ma’ dan l-ammont ġiet miżjuda multa u penali ta’ dewmien.

11      Fl-ilment tagħha kontra din id-deċiżjoni, PARAT talbet l-annullament tal-imsemmi dejn fiskali kif ukoll tal-multa u tal-penali ta’ dewmien. Hija b’mod partikolari sostniet li l-liġi nazzjonali applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali kienet tikkostitwixxi limitu għad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT li kien inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva. L-ilment ta’ PARAT ġie miċħud mill-APEH.

12      Għalhekk, PARAT ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li tordna l-irkupru tad-dejn fiskali, biż-żieda ta’ multa u ta’ penali ta’ dewmien. Hija enfasizzat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva jippermettilha tnaqqas it-totalità tal-VAT li tidher fir-riċevuti korrispondenti mat-tagħmir mixtri.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nógrád Megyei Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Ungerija mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, is-sistema stabbilita mill-Artikolu 38(1)(a) tal-liġi (fuq il-VAT) kienet kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva [...]?

2)       Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-konvenut jista’ jinvoka direttament, fl-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis, l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva għas-sistema stabbilita mill-Artikolu 38(1)(a) tal-liġi [fuq il-VAT]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

14      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva jipprekludux Stat Membru milli jeskludi d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għall-parti tal-prezz tax-xiri ta’ oġġetti li joriġina minn sussidju ffinanzjat minn fondi pubbliċi.

15      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar preliminarjament li d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT jikkostitwixxi, bħala parti inerenti mill-mekkaniżmu tal-VAT, prinċipju fundamentali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT u bħala regola ma jistax jiġi limitat (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa, C‑110/98 sa C‑147/98, Ġabra p. I‑1577, punti 43 u 44, tat-8 ta’ Jannar 2002, Metropol Treuhand, C‑409/99, Ġabra p. I‑81, punt 42, kif ukoll tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik, C‑465/03, Ġabra p. I‑4357, punt 33).

16      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fl-imsemmija punti tas-sentenzi ċċitati qabel, li, skont il-prinċipji li jirregolaw is-sistema komuni tal-VAT, din it-taxxa tapplika għal kull tranżazzjoni ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, meta tkun tnaqqset il-VAT li tinġarr direttament mit-tranżazzjonijiet tal-input. Id-dritt għal tnaqqis japplika immedjatament għat-totalità tat-taxxi li jinġarru mit-tranżazzjonijiet tal-input. Jirriżulta minn dan li kull limitu għad-dritt għal tnaqqis tal-VAT għandu effett fuq il-livell tat-taxxa u għandu japplika b’mod simili fl-Istati Membri kollha.

17      Għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi, f’termini ċari u preċiżi, il-prinċipju tat-tnaqqis mill-persuna taxxabbli tal-ammonti mitluba mingħandha bħala VAT għall-oġġetti jew is-servizzi pprovduti lilha, sa fejn dawn l-oġġetti jew servizzi huma użati għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha (ara s-sentenzi Metropol Treuhand, iċċitata qabel, punt 43, tal-11 ta’ Diċembru 2008, Danfoss u AstraZeneca, C‑371/07, Ġabra p. I‑9549, punt 27, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, Magoora, C‑414/07, Ġabra p. I‑10921, punt 29).

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma permessi derogi biss fil-każijiet espressament previsti mis-Sitt Direttiva (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Ampafrance u Sanofi, C‑177/99 u C‑181/99, Ġabra p. I‑7013, punt 34, kif ukoll is-sentenzi ċċitati qabel Danfoss u AstraZeneca, punt 26, u Magoora, punt 28).

19      Fir-rigward ta’ liġi nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bit-titolu “Tnaqqis tat-taxxa”, għandu jiġi osservat li din fiha limitu ġenerali tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT li huwa applikabbli għal kull xiri ta’ beni li jibbenefika minn sussidju ffinanzjat minn fondi pubbliċi.

20      Tali liġi tintroduċi, f’dak li jikkonċerna x-xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi ffinanzjati minn sussidju, limitu tad-dritt għat-tnaqqis li mhuwiex awtorizzat mill-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑204/03, Ġabra p. I‑8389, punti 26 u 27, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑243/03, Ġabra p. I‑8411, punt 32).

21      Il-prinċipju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT huwa madankollu mtaffi mid-dispożizzjoni derogratorja msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva. Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri huma awtorizzati jżommu l-liġi tagħhom eżistenti, fil-qasam, tal-esklużjoni tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, sakemm il-Kunsill ikun iddetermina l-ispejjeż li ma jaqgħux taħt l-imsemmi dritt (ara s-sentenzi ċċitati qabel Metropol Treuhand, punt 44, kif ukoll Danfoss u AstraZeneca, punt 28).

22      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva fih klawżola “standstill” li tipprevedi ż-żamma tal-esklużjonijiet nazzjonali tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT li kienu applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva għall-Istat Membru kkonċernat. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri, sakemm tiġi stabbilita mill-Kunsill is-sistema Komunitarja tal-esklużjonijiet tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, li jżommu kull regola tad-dritt nazzjonali li twassal għall-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis effettivament applikat mill-awtoritajiet pubbliċi fil-mument meta tkun daħlet fis-seħħ is-Sitt Direttiva (ara s-sentenzi ċċitati qabel Metropol Treuhand, punt 48, Danfoss u AstraZeneca, punti 30 u 31, kif ukoll Magoora, punt 35).

23      Madankollu, fir-rigward ta’ sistema li tipprevedi deroga mill-prinċipju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, li huwa stabbilit b’mod ġenerali fil-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, u li tiggarantixxi n-newtralità ta’ din it-taxxa, għandu jkun hemm interpretazzjoni stretta (ara s-sentenzi ċċitati qabel Metropol Treuhand, punt 59, u Magoora, punt 28).

24      F’dak li jikkonċerna din il-kawża u l-applikabbiltà tas-sistema derogatorja msemmija qabel, għandu jiġi osservat l-ewwel nett li s-Sitt Direttiva daħlet fis-seħħ fl-Ungerija fid-data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri fl-1 ta’ Mejju 2004. Għalhekk, din id-data hija rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 17(6) tal-imsemmija direttiva f’dak li jikkonċerna dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Magoora, iċċitata qabel, punt 27).

25      Sabiex tiġi evalwata l-liġi nazzjonali inkwistjoni fid-dawl tal-imsemmija sistema derogatorja Komunitarja, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, din tikkostitwixxi miżura ta’ natura ġenerali li tirrestrinġi d-dritt għat-tnaqqis integrali tal-input tal-VAT mogħtija f’ammont relatat ma’ kull xiri ta’ oġġetti ffinanzjat minn sussidju provenjenti minn fondi pubbliċi.

26      Issa, l-imsemmija liġi fiha limitu tad-dritt għat-tnaqqis li jmur lil hinn minn dak li huwa awtorizzat mill-Artikolu 17(6) tad-Direttiva.

27      Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva għandu jinqara fid-dawl tal-ewwel subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni, li tagħti lill-Kunsill il-kompetenza sabiex jiddetermina, fuq proposta tal-Kummissjoni, l-ispejjeż li ma jagħtux dritt għat-tnaqqis tal-VAT, filwaqt li jippreċiża, fi kwalunkwe każ, li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ tali dritt l-ispejjeż li ma jkollhomx natura strettament professjonali, bħal ma huma l-ispejjeż ta’ lussu, ta’ divertiment jew ta’ rappreżentanza.

28      Konsegwentement, u fid-dawl tal-interpretazzjoni stretta li għandha tingħata lit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, minħabba li din hija dispożizzjoni derogatorja, ma tistax titqies li tawtorizza Stat Membru li jżomm restrizzjoni tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT li tista’ tapplika b’mod ġenerali għal kwalunkwe spiża marbuta max-xiri ta’ beni, indipendentement min-natura jew l-iskop tagħhom.

29      Tali interpretazzjoni tapplika wkoll fid-dawl tal-iżvilupp storiku ta’ din id-dispożizzjoni, li tittraduċi rieda kontinwa tal-leġiżlatur Komunitarju li tiġi awtorizzata biss l-esklużjoni ta’ ċerti oġġetti jew servizzi mis-sistema ta’ tnaqqis, u mhux tal-esklużjonijiet ġenerali ta’ din is-sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1999, Royscot et, C‑305/07, Ġabra p. I‑6671, punt 22,u tal-14 ta’ Lulju 2005, Charles u Charles-Tijmens, C‑434/03, Ġabra p. I‑7037, punti 32 u 35).

30      Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(2) u (6) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ xiri ta’ oġġetti ssussidjati minn fondi pubbliċi, ma tippermettix li titnaqqas il-VAT relatata miegħu ħlief sa ammont ekwivalenti għall-parti mhux issussidjata ta’ dan ix-xiri.

 Fuq it-tieni domanda

31      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk persuna taxxabbli tistax tinvoka l-implementazzjoni tal-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva kontra liġi nazzjonali li tillimita d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT b’mod mhux kompatibbli mal-Artikolu 17(2) u (6).

32      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Lulju 1995, BP Soupergaz (C‑62/93, Ġabra p. I‑1883, punt 35), irrilevat li l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva jindika bi preċiżjoni l-kundizzjonijiet meta jirriżulta dan id-dritt u l-portata tiegħu, u ma jħalli lill-Istati Membri l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implementazzjoni tiegħu.

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, iddeċidiet, fil-punti 35 u 36 tal-imsemmija sentenza, li l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva jagħti lill-individwi drittijiet li jistgħu jinvokaw quddiem il-qorti nazzjonali sabiex jopponu liġi nazzjonali li tkun inkompatibbli mal-imsemmija dispożizzjoni.

34      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, sa fejn esklużjoni mis-sistema tat-tnaqqis ma tkunx ġiet stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva, l-awtoritajiet fiskali nazzjonali ma jistgħux ma japplikawx għal persuna taxxabbli dispożizzjoni derogatorja għall-prinċipju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Stradasfalti, C‑228/05, Ġabra p. I‑8391, punt 66).

35      Il-persuna taxxabbli li kienet suġġetta għal din il-miżura, għalhekk, għandha tkun tista’ tikkalkola mill-ġdid l-ammont ta’ VAT dovut, skont l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, sa fejn il-beni u s-servizzi ikunu ġew użati għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli (ara s-sentenza Stradasfalti, iċċitata qabel, punt 68).

36      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva jagħti lill-persuni taxxabbli drittijiet li jistgħu jinvokaw quddiem il-qorti nazzjonali sabiex jopponu liġi nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan l-artikolu.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 17(2) u (6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ xiri ta’ beni ssussidjati minn fondi pubbliċi, ma tippermettix li titnaqqas il-VAT relatata miegħu ħlief sa ammont ekwivalenti għall-parti mhux issussidjata ta’ dan ix-xiri.

2)      L-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva jagħti lill-persuni taxxabbli drittijiet li jistgħu jinvokaw quddiem il-qorti nazzjonali sabiex jopponu liġi nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan l-artikolu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.