C-182/08 - Glaxo Wellcome

Printed via the EU tax law app / web

Kawża C-182/08

Glaxo Wellcome GmbH & Co. KG

vs

Finanzamt München II

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

“Libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-kapital — Taxxa fuq il-kumpanniji — Xiri ta’ ishma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju — Kundizzjonijiet għat-teħid inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli tax-xerrej, tal-iżvalutazzjoni tal-ishma minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-kapital — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni

(Trattat KE, Artikoli 52 u 73 B (li saru l-Artikoli 43 KE u 56 KE))

2.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il‑kumpanniji

(Trattat KE, Artikolu 7 B (li sar l-Artikolu 56 KE))

1.        Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-iżvalutazzjoni ta’ ishma ta’ kumpannija minħabba d‑distribuzzjoni ta’ dividendi ma taffettwax il‑bażi ta’ stima tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli residenti, meta din tal-aħħar xtrat ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti, mingħand detentur tal-ishma mhux residenti, filwaqt li, fil‑każ ta’ xiri ta’ ishma mingħand detentur ta’ ishma residenti, tali żvalutazzjoni tnaqqas il-bażi taxxabbli tax‑xerrej, għandha tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, peress li l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huwa li jipprevjeni li d-detenturi ta’ ishma mhux residenti milli jibbenefikaw minn vantaġġ fiskali indebitu, iġġenerat direttament miċ‑ċessjoni ta’ ishma li jista’ b’mod partikolari jsir biss sabiex jittieħed benefiċċju mill-imsemmi vantaġġ, u mhux għall-iskop tal‑eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jew bħala riżultat tal-eżerċizzju ta’ din il-libertà, għandu jiġi kkunsidrat li l‑aspett tal-moviment liberu tal-kapital ta’ din il‑leġiżlazzjoni jipprevali fuq dak marbut mal‑libertà ta’ stabbiliment. Għalhekk, jekk wieħed jassumi li l‑imsemmija leġiżlazzjoni għandha effetti restrittivi fuq il-libertà ta’ stabbiliment, tali effetti għandhom il‑konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu eventwali għal-moviment liberu tal-kapital u, għaldaqstant, ma jiġġustifikawx eżami awtonomu tal-istess leġiżlazzjoni fid-dawl tal‑Artikolu 52 tat-Trattat KE.

(ara l-punti 50-52)

2.        L-Artikolu 73 B tat-Trattat (li sar l-Artikolu 56 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tipprovdi li l‑iżvalutazzjoni tal-ishma tal‑kumpannija minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi ma taffettwax il-bażi ta’ stima tat-taxxa ta’ persuna taxxabli residenti, meta din tal-aħħar xtrat ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti, mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti, filwaqt li, f’każ ta’ xiri mingħand detentur ta’ ishma residenti, tali żvalutazzjoni tnaqqas il-bażi taxxabbli tax-xerrej. Din il-konstatazzjoni tapplika fil-każijiet fejn tali leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi protett tqassim ibbilanċjat tas‑setgħa fiskali bejn l-Istati Membri kif ukoll sabiex jiġu impediti arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u li l‑uniku għan tagħhom huwa l‑benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk din il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni hijiex limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Fil-fatt, il-fatt li tagħti, lil persuna taxxabbli residenti, il-possibbiltà li mill‑profitti taxxabbli tagħha tnaqqas it-telf relatat mat-tnaqqis parzjali, imsemmi iktar ’il fuq, biss f’każ ta’ xiri ta’ ishma mingħand detentur ta’ ishma residenti ċertament trendi l-ishma miżmuma minn dawk mhux residenti inqas attraenti u, għalhekk, tista’ tiskoraġġixxi l-imsemmija persuna taxxabbli milli tixtrihom. Tali trattament differenti jista’ wkoll jiskoraġġixxi l-investituri mhux residenti milli jixtru ishma fil‑kumpannija residenti u b’hekk dan jikkostitwixxi għall-imsemmija kumpannija ostaklu għall-ġbir ta’ kapital li ġej minn Stati Membri oħra, b’mod li tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 73 B tat-Trattat.

L-imsemmi trattament differenti ma jirriflettix differenza oġġettiva fis‑sitwazzjonijiet tal-imsemmija detenturi ta’ ishma peress li, f’dak li jikkonċerna t-telf li jirriżulta minn tnaqqis parzjali fil‑valur tal-ishma miżmuma f’kumpannija residenti, dawn id-detenturi ta’ ishma jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli kemm jekk l-ishma nxtraw mingħand persuna residenti kemm jekk inxtraw mingħand persuni mhux residenti. Fil‑fatt, id‑distribuzzjoni tal-profitti tnaqqas il-valur ta’ sehem, kemm jekk jinxtara minn qabel mingħand residenti jew mingħand mhux residenti, u, f’dawn iż‑żewġ każijiet, dan it-tnaqqis fil-valur ibatih id‑detentur tal‑ishma residenti.

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill‑ħtieġa li tiġi protetta l‑koerenza tas‑sistema fiskali ta’ imputazzjoni sħiħa. F’dan ir-rigward, l-iżvantaġġi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni huma direttament sostnuti mid-detentur tal-ishma residenti li jkun xtara l-imsemmija ishma mingħand persuni mhux residenti. Għal dan id‑detentur ta’ ishma residenti, l-impossibbiltà li mill-profitti taxxabbli tiegħu jnaqqas it-telf relatat mat-tnaqqis parzjali fil-valur tal‑ishma miżmuma fil-kumpannija residenti, meta t‑tnaqqis fil-valur tal‑ishma jirriżulta mid‑distribuzzjoni tal-profitti, mhija kkumpensata minn ebda vantaġġ fiskali.

Mandankollu, tali leġiżlazzjoni tista’ tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li jinżamm tqassim ibbilanċjat tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri, peress li l-operazzjonijiet apparti mid-distribuzzjoni ta’ dividendi, li jippermettu lid‑detentur ta’ ishma mhux residenti li jikseb l‑istess riżultat mil-lat ekonomiku bħal meta jingħata kreditu tat-taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq il‑kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li fiha għandu l-ishma, jistgħu madankollu jikkompromettu l‑possibbiltà tal-Istat ta’ residenza ta’ dik il‑kumpannija li jeżerċita d‑dritt tiegħu li jintaxxa dħul iġġenerat minn attività ekonomika eżerċitata fit‑territorju tiegħu. Meta llimitat id-dritt tad‑detentur il-ġdid tal-ishma li jnaqqas mill-profitti taxxabbli tiegħu l‑ammont tat-telf ikkawżat mill-iżvalutazzjoni tal‑ishma kkonċernati, sakemm dawn ma jaqbżux ammont ibblukkat li jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tax-xiri mħallas mid‑detentur residenti u l-valur nominali tal‑ishma, din il‑leġiżlazzjoni hija tali li tipprevjeni prattiki li għandhom biss l‑għan d-detentur ta’ ishma mhux residenti jikseb kreditu tat‑taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq il‑kumpanniji mħallsa mill-kumpannija residenti. Barra minn hekk, iż‑żieda tal‑bażi taxxabbli tad-detentur il-ġdid ta’ ishma residenti, li tirriżulta mill‑imsemmija limitazzjoni, hija intiża sabiex jiġi evitat li dħul li ġeneralment huwa ntaxxat fl-Istat Membru jiġi ttrasferit, bħala parti mill-profitt kapitali li jkun sar mid-detentur preċedenti ta’ ishma mhux residenti ugwali għall-kreditu tat-taxxa mhux dovut, mingħajr ma jeħel taxxa f’dan l-Istat Membru. Tali leġiżlazzjoni hija, għalhekk, adatta li tikseb l-għanijiet ta’ żamma ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa fiskali bejn l‑Istati Membri u l-prevenzjoni tal‑arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir‑realtà ekonomika, u li l‑uniku għan tagħhom huwa l-kisba ta’ vantaġġ fiskali.

Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni bħal din tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa. F’dan ir‑rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li, sa fejn il-kalkolu tal‑ammont ibblukkat huwa bbażat fuq l-ispejjeż ta’ xiri tal-ishma kkonċernati, il-konsegwenzi tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma jmorrux lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jiġi żgurat li ammont ekwivalenti għall‑kreditu tat-taxxa ma jkunx ingħata indebitament lid-detentur ta’ ishma mhux residenti. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-ishma nbiegħu b’valur ogħla mill-valur nominali tagħhom għal raġunijiet oħra għajr biex id-detentur ta’ ishma jikseb kreditu fiskali fir-rigward tat‑taxxa fuq il‑kumpanniji residenti imħallsa mill-kumpannija residenti, jew, fi kwalunkwe każ, li l-profitti mhux imqassma kif ukoll il-possibbiltà li jinkiseb kreditu tat-taxxa marbut mal-imsemmija ishma jikkostitwixxu biss element tal‑prezz tax-xiri ta’ dawn l-ishma. Barra minn hekk, it‑teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont ibblukkat u ż-żieda tal‑bażi taxxabbli tad‑detentur tal-ishma residenti jipproduċu konsegwenzi wkoll fir‑rigward ta’ taxxi oħra li l-imsemmi detentur ta’ ishma jista’ jkun suġġett għalihom, u b’mod partikolari, fir-rigward tal‑kalkolu tat‑taxxa fuq in-negozju dovuta minnu, konsegwenzi li jmorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l‑għanijiet imfittxa mil‑leġiżlazzjoni.

Hija wkoll il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-applikazzjoni tal‑limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvalutazzjoni ta’ ishma minħabba d‑distribuzzjoni ta’ dividendi mis-sena tax-xiri tal-imsemmija ishma u matul id-disa’ snin sussigwenti, kif previst mill-leġiżlazzjoni, ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tiġi żgurata l-kisba tal‑għanijiet imfittxa minnha. Fl-aħħar nett, sabiex tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, miżura li ssegwi għan ta’ prevenzjoni ta’ arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u li l-uniku għan tagħhom huwa l‑benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu, għandha tippermetti lill-qorti nazzjonali li tipproċedi għal eżami każ b’każ, waqt li jiġu kkunsidrati l-partikolaritajiet ta’ kull każ, abbażi ta’ elementi oġġettivi, sabiex jiġi evalwat l-aġir abbużiv jew frawdolenti tal-persuni kkonċernati.

Sa fejn il-leġiżlazzjoni ma tippermettix li tiġi llimitata l-applikazzjoni tagħha għal arranġamenti purament artifiċjali, iddeterminati fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, iżda tapplika għall‑każijiet kollha li fihom il-persuna taxxabbli residenti tkun xtrat ishma f’kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti għal prezz li, għal kwalunkwe raġuni, jeċċedi l-valur nominali ta’ dawn l-ishma, l-effetti ta’ tali leġiżlazzjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l‑għan ta’ prevenzjoni ta’ arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir‑realtà ekonomika u li l‑uniku għan tagħhom huwa l-kisba ta’ benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu.

(ara l-punti 56-59, 73, 74, 78, 80, 81, 84, 88, 91-94, 96-102 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Settembru 2009 (*)

“Libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq il‑kumpanniji – Xiri ta’ ishma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju – Kundizzjonijiet għat-teħid inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli tax‑xerrej, tal-iżvalutazzjoni tal-ishma minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi”

Fil-Kawża C‑182/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2008, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit-30 ta’ April 2008, fil-proċedura

Glaxo Wellcome GmbH & Co. KG

vs

Finanzamt München II,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ April 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Glaxo Wellcome GmbH & Co. KG., minn H.‑M. Pott u T. Englert, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tad-9 ta’ Lulju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 52 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) u tal-Artikolu 73 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56 KE).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Glaxo Wellcome GmbH & Co. KG, kumpannija in akkomandita sempliċi rregolata taħt il-liġi Ġermaniża li l‑membri tagħha huma kumpanniji b’responsabbiltà limitata, u l-Finanzamt München II (iktar ’il-quddiem il‑“Finanzamt”) dwar id-determinazzjoni tal-profitti tagħha għas-snin 1995 sa 1998.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3        Skont is-sistema ta’ tassazzjoni magħrufa bħala “imputazzjoni sħiħa”, fis-seħħ fil‑Ġermanja fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, it‑tassazzjoni ekonomika doppja tal-profitti distribwiti mill-kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja lill-persuni li jħallsu t-taxxa residenti fil‑Ġermanja kienet evitata, skont l-Artikolu 36(2)(3) tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l‑“EStG”) u l-Artikolu 49 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz, iktar ’il quddiem il-“KStG”), billi dawn il-persuni li jħallsu t-taxxa ngħataw id-dritt li jaqtgħu kompletament it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpanniji distributriċi kontra t-taxxa fuq id-dħul jew it-taxxa tagħhom fuq il-kumpanniji.

4        Skont l-Artikolu 36(4)(2) tal-EStG, id-dritt għall‑imputazzjoni tat-taxxa fuq il‑kumpanniji, li jibbenefika minnu d‑detentur tal-ishma residenti, inbidel fi dritt għar-rimbors sa fejn id-dejn fiskali tiegħu stess kien inqas mill-ammont bil‑quddiem, fuq is‑somma ddistribwita, tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Jirriżulta mill‑Artikolu 20(1)(3) tal-EStG li dan id-dritt stess ġie kkunsidrat bħala parti mid‑dħul.

5        Jekk is-sehem miżmum f’persuna ġuridika kien jagħmel parti mill‑kapital operattiv tal-persuna taxxabbli residenti, din tal‑aħħar tista’ tnaqqas, minn meta din tirċievi d-dividend, il-valur tal-ishma fil‑bilanċ fiskali tagħha, skont l‑Artikolu 6(1)(1) tal-EStG. Din l‑iżvalutazzjoni, magħrufa bl-espressjoni “tnaqqis fuq il-valur parzjali tal‑ishma” kienet ibbażata fuq l-idea li t-tqassim jikkostitwixxi biss sostituzzjoni tal-assi. Għalhekk, il-valur ta’ sehem tnaqqas bil-valur tad‑distribuzzjoni relatat ma’ dan is-sehem.

6        Minn dan isegwi li d-distribuzzjoni grossa, li tinkludi d-dritt, previst mill-Artikolu 36 tal-EStG, għall-imputazzjoni tat-taxxa fuq il‑kumpanniji, u t-tnaqqis korrispondenti fuq il-valur parzjali tas-sehem kienu ġeneralment tal-istess ammont u kienu jikkanċellaw lil xulxin.

7        Minn dan il-fatt, id-distribuzzjonijiet ma ħolqux, fl-aħħar mill‑aħħar, dħul. Għaldaqstant, ma kienx hemm dejn fiskali korrispondenti ghal kreditu tat-taxxa, li kien jikkonsisti f’parti mid-dħul moħluq mid‑distribuzzjoni. Għalhekk, jekk il‑persuna taxxabbli ma kellhiex, fis-sena kkonċernata, dħul ieħor, dan il‑kreditu ta’ taxxa kien jinbidel fi dritt għal rifużjoni.

8        Il-profitt fuq il-bejgħ tal-ishma, li jikkonsisti fil-bilanċ tal-prezz tal-bejgħ fuq l‑valur nominali tal-ishma, kien jikkostitwixxi dħul skont il-leġiżlazzjoni fiskali u kien suġġett, għall-persuni li jħallsu t-taxxa residenti, għat-taxxa fuq id-dħul, skont l-Artikolu 17 tal-EStG jew għat-taxxa fuq il-kumpanniji, skont l‑Artikolu 8(2) tal‑KStG.

9        Fir-rigward ta’ persuni li jħallsu t-taxxa mhux residenti, id-dħul tagħhom minn distribuzzjonijiet ta’ profitti ta’ kumpanniji residenti, kif ukoll il‑profitti mill‑bejgħ tal-ishma miżmuma minn tali kumpanniji ma kinux suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul jew għat-taxxa fuq il-kumpanniji Ġermaniżi.

10      Il-persuni li jħallsu t-taxxa mhux residenti lanqas ma setgħu jinvokaw l‑applikazzjoni, għall-profitti mqassma lilhom minn kumpanniji residenti, tas‑sistema ta’ imputazzjoni sħiħa u, b’hekk, ma setgħux jibbenefikaw minn kreditu tat-taxxa sal-ammont tat‑taxxa mħallsa mill-kumpannija distributriċi residenti.

11      L-Artikolu 50c(1) u (4) tal-EStG, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-liġi dwar it‑titjib tal-kundizzjonijiet fiskali sabiex jiġi żgurat li r‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja tibqa’, fi ħdan is-suq intern Ewropew, post ta’ stabbiliment għall‑kumpanniji [Gesetz zur Verbesserung der steuerlichen Bedingungen zur Sicherung des Wirtschaftsstandorts Deutschland im Europäischen Binnenmarkt (Standortsicherungsgesetz)], tat-13 ta’ Settembru 1993 (BGBl. 1993 I, p. 1569), kien ifformulat kif ġej:

“1)      Persuna taxxabbli li tibbenefika mid-dritt għall‑imputazzjoni tat‑taxxa fuq il-kumpanniji li tixtri sehem f’kumpannija [...] suġġetta għal obbligu fiskali illimitat mingħand detentur ta’ ishma li ma jibbenefikax minn tali dritt għal imputazzjoni [ ...] ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-profitti t‑tnaqqis fil‑profitti li jirriżulta

1.       mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur parzjali iktar baxx jew

2.       miċ-ċessjoni jew mit-tneħħija tas-sehem,

fis-sena tax-xiri jew matul waħda mid-disa’ snin segwenti, inkwantu dan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur parzjali iktar baxx jew kull tnaqqis ieħor tal-profitti jirriżulta biss mid-distribuzzjoni tal-profitti jew mit-trasferiment ta’ profitti b’implementazzjoni ta’ ftehim ta’ superviżjoni, u t-tnaqqis tal-profitti ma jaqbiżx globalment l-ammont ibblukkat skont il-paragrafu 4.

[…]

4)       L-ammont ibblukkat jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l‑valur nominali tas-sehem […]”

12      Il-liġi li temenda s-sistema fiskali tar-ristrutturazzjoni ta’ kumpanniji (Gesetz zur Änderung des Umwandlungssteuerrechts), tat-28 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3267, iktar ’il quddiem l-“UmwStG”), kienet daħħlet fid‑dritt Ġermaniż il‑possibbiltà ta’ tibdil ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju f’soċjetà filwaqt li jinżammu l-valuri fiskali tal-assi ttrasferiti, mingħajr ma jkun hemm profitti moħbija.

13      Skont l-Artikolu 4(4) tal-UmwStG, jekk il-patrimonju ta’ kumpannija kien ittrasferit lil soċjetà wara l-bidla legali tagħha, il-qligħ jew it-telf li jirriżulta mill‑akkwist għandu jkun iddeterminati fuq il-livell tas‑soċjetà billi jitqabblu l‑valur li bih l-assi ttrasferiti kellhom jinxtraw u l-valur kontabbli ta’ ishma fil‑kumpannija inkorporata. Skont l-Artikolu 14 tal-UmwStG, dan kien jgħodd ukoll fil-każ fejn kumpannija ġiet ittrasformata f’soċjetà.

14      B’hekk iddeterminat (“l-ewwel stadju”), il-qligħ jew it-telf li jirriżulta mill‑akkwist għandu jkun, skont l-Artikolu 4(5) tal-UmwStG, miżjud jew imnaqqas bit-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas skont l-Artikolu 10(1) tal-UmwStG u bl-ammont ibblukkat skont l‑Artikolu 50c tal-EStG sa fejn l-ishma fil-kumpannija akkwistata kienu inklużi, fid-data tat-trasferiment taħt il-liġi tat‑taxxa, fl-assi tas‑soċjetà inkorporata.

15      Jekk ikun baqa’ telf fuq l-akkwist (“it-tieni stadju”), il-valur ta’ assi tanġibbli u intanġibbli ttrasferiti kien jiżdied sal-valur parzjali tagħhom. Jekk xorta jibqa’ telf, dan inaqqas il-profitti tas‑soċjetà li qed tinkorpora, skont l-Artikolu 4(6) tal‑UmwStG.

16      L-Artikolu 10(1) tal-UmwStG kien ifformulata kif ġej:

“It-taxxa fuq il-kumpanniji attribwibbli għall-partijiet tal-kapital stess tal-entità inkorporata, skont l-Artikolu 30(1)(1) u (2) tal-[KStG] li jistgħu jintużaw għat‑tqassim li għandha tinqata’, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tas‑subparagrafu 2, kontra t-taxxa fuq id-dħul jew it-taxxa fuq il‑kumpanniji li għandha titħallas mid-detenturi tal-ishma tas-soċjetà li qed tinkorpora jew fuq it‑taxxa fuq id-dħul tal-persuna fiżika li qed tinkorpora.”

 Il-konvenzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

17      Il-konvenzjoni tas-26 ta’ Novembru 1964, bejn ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda Ta’ Fuq, dwar l‑eliminazzjoni tat-taxxa doppja u l-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa (BGBl 1,966 II, p. 358), fl-Artikolu III(1) tagħha, tistipula li “l-profitti industrijali u kummerċjali ta’ impriża ta’ waħda mit-territorji għandhom ikunu taxxabbli biss f’dak it-territorju, sakemm l-impriża ma teżerċitax, fit-territorju l-ieħor, attività industrijali jew kummerċjali permezz ta’ stabbiliment permanenti sitwat hemmhekk.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ġiet ikkostitwita fil-kuntest tar‑ristrutturazzjoni tal-grupp Glaxo Wellcome, minħabba l-bidla, permezz ta’ tibdil fil-forma ġuridika, fl-1 ta’ Lulju 1995, ta’ Glaxo Wellcome GmbH (iktar ’il quddiem “GmbH GW”), kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata taħt il-liġi Ġermaniża.

19      L-istadji tar-ristrutturazzjoni tal-grupp Glaxo Wellcome jistgħu jiġu deskritti kif ġejjin.

20      Fis-26 ta’ Ġunju 1995, il-kumpannija rregolata taħt il-liġi Ġermaniża Glaxo Verwaltungs GmbH (iktar ’il quddiem “GV GmbH”), li diġà kellha 95 % tal‑ishma ta’ GW GmbH, xtrat, mingħand Glaxo Group Limited (iktar ’il quddiem “GG Ltd”), il-kumpannija parent tagħha stabbilita fir-Renju Unit, 5 % tal-ishma ta’ GW GmbH, u hija saret il‑kumpannija parent waħdanija ta’ din tal-aħħar.

21      Fis-27 ta’ Ġunju u fis-7 ta’ Lulju 1995, GW GmbH u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali xtraw l-ishma kollha ta’ Wellcome GmbH (iktar ’il quddiem “W GmbH”). Il-kumpanniji li biegħu l-ishma kkonċernati huma GG Ltd, li kellha 99.98 % tal-ishma ta’ W GmbH, kif ukoll Burroughs Wellcome Ltd, kumpannija parent ta’ GG Ltd, li kellha 0.02 % tal-imsemmija ishma.

22      Permezz ta’ kuntratt ta’ għaqda tal-25 ta’ Awwissu 1995, W ġiet inkorporata retroattivament fid-29 ta’ Ġunju 1995 mill-azzjonist waħdani tal-ishma tagħha, GW GmbH.

23      Fit-30 ta’ Ġunju 1995, GV GmbH biegħet 1 % tal-ishma li hija kellha f’GW lil Seftonpharm GmbH li kienet 100 % proprjetà tagħha.

24      Fl-1 ta’ Lulju 1995, GW GmbH inbidlet f’kumpannija in akkomandita sempliċi rregolata taħt il-liġi Ġermaniża u issa għandha l-isem Glaxo Wellcome GmbH & Co. KG.

25      Fil-jum ta’ din il-bidla, l-ishma ta’ GW GmbH li kienu jidhru fil-bilanċ ta’ GmbH (li jinkludu Seftonpharm GmbH) kienu vvalutati sa DEM 500 miljun. Skont l‑Artikolu 4(4) u (5) tal-UmwStG, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkalkulat telf fuq l-akkwist ta’ ammont ta’ DEM 328 096 563 filwaqt li ttieħed inkunsiderazzjoni, skont l‑Artikolu 50c tal-EStG, ammont ibblukkat ta’ DEM 22 887 706 iġġenerat mix‑xiri ta’ 5 % tal-ishma ta’ GW GmbH mingħand GG Ltd.

26      Il-Finanzamt ikkunsidrat li x-xiri minn GV GmbH, mingħand GG Ltd, ta’ ishma f’GW GmbH ma kienx l-uniku wieħed li ġġenera ammont ibblukkat fir-rigward tal-ishma mixtrija. Skont il-Finanzamt, l‑ishma ta’ W GmbH mixtrija mir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali mingħand GG Ltd u mingħand Burroughs Wellcome Ltd kienu jirrigwardaw ukoll ammont ibblukkat ta’ DEM 322 565 500. Wara l‑inkorporazzjoni ta’ W GmbH minn GW GmbH, dan it-tieni ammont ibblukkat ma sparixxiex, iżda tressaq fuq l‑ishma ta’ GW GmbH miżmuma minn GV GmbH. Skont il‑Finanzamt, t-telf fuq l-akkwist li jirriżulta mill-bidla tal‑forma legali ta’ GmbH GW għalhekk tnaqqas, meta ttieħed inkunsiderazzjoni l‑ammont ibblukkat, għal DEM 5 531 063.

27      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tikkontesta l-pożizzjoni tal-Finanzamt, essenzjalment, fuq il-kwistjoni dwar jekk it-telf sostnut minn GW GmbH waqt l‑imsemmija inkorporazzjoni huwiex imnaqqas minn ammont ibblukkat, fis-sens tal‑Artikolu 50c tal-EStG, li jirriżulta mix-xiri minn GmbH GW ta’ ishma f’W GmbH.

28      Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, f’dan ir-rigward, rebħet l-kawża quddiem il-Finanzgericht München, il-Finanzamt ressaq appell quddiem il‑Bundesfinanzhof.

29      Kuntrarjament għal dak li kienet ikkunsidrat il-Finanzgericht München, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, skont il-liġi Ġermaniża biss, l‑imsemmi telf għandu jkun imnaqqas bl-ammont ibblukkat li jirriżulta mix-xiri minn GW GmbH ta’ ishma f’W GmbH.

30      Madankollu, skont il-Bundesfinanzhof, il-legalità tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ammont ibblukkat taħt l-Artikolu 50c tal-EStG mhijiex eżenti minn dubju taħt id‑dritt Komunitarju, peress li l‑persuna taxxabbli hija ttrattata b’mod differenti skont jekk din tixtrix l-ishma minn għand detentur ta’ ishma li ma jibbenefikax minn kreditu tat-taxxa jew mingħand detentur ta’ ishma li ma jibbenefikax minn dan il-kreditu.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 52 [...] jew l-Artikolu 73 B tat-Trattat [...] jipprekludu li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li, fil-kuntest ta’ skema nazzjonali tal-imputazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, l‑iżvalutar [żvalutazzjoni] tal-ishma tal-kumpannija, minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi, ma jaffettwax il-bażi ta’ stima tat-taxxa meta persuna taxxabbli li tibbenefika minn kreditu tat-taxxa fuq il‑kumpanniji tkun xtrat sehem f’kumpannija suġġetta għal obbligu fiskali illimitat mingħand detentur ta’ ishma li ma jibbenefikax minn dan it-tnaqqis ta’ taxxa, filwaqt li fil-każ ta’ xiri mingħand detentur ta’ ishma li jibbenefika minn kreditu tat-taxxa, dan l-iżvalutar [żvalutazzjoni] inaqqas il-bażi taxxabbli tax-xerrej?”

 Fuq id-domanda preliminari

32      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-informazzjoni pprovduta mill‑Gvern Ġermaniż, b’mod ġenerali, id-detenturi ta’ ishma mhux residenti fil‑Ġermanja kienu suġġetti biss għal obbligu fiskali limitat u ma kellhomx id-dritt li jwettqu tpaċċija tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Isegwi li l-Artikolu 50c tal-EsTG kien primarjament applikabbli għaċ-ċessjoni ta’ ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti u, konsegwentement, suġġett għal obbligu fiskali illimitat, lil detenur tsl-ishma residenti fil-Ġermanja u, għalhekk, kellu d-dritt li jpaċi t-taxxa, minn detentur ta’ ishma mhux residenti u għaldaqstant li mhuwiex intitolat għall‑imsemmi dritt.

33      Għaldaqstant, għandu jinftiehem li bid-domanda magħmula, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 52 jew 73 B tat-Trattat jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-iżvalutazzjoni ta’ ishma tal‑kumpannija minħabba d‑distribuzzjoni ta’ dividendi ma taffettwax il-bażi ta’ stima tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli residenti, meta din tal-aħħar xtrat ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti, mingħand detentur tal-ishma mhux residenti, filwaqt li, fil‑każ ta’ xiri ta’ dawn l-ishma mingħand detentur ta’ ishma residenti, tali żvalutazzjoni tnaqqas il-bażi taxxabbli tax-xerrej.

34      Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it‑tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw din il-kompetenza fir-rispett tad‑dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, punt 29; tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punt 40; tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C‑374/04, Ġabra p. I‑11673, punt 36, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C‑379/05, Ġabra p. I‑9569, punt 16).

35      Peress li l-qorti tar-rinviju għamlet id-domanda tagħha kemm fir‑rigward tal‑Artikolu 52 kif ukoll tal-Artikolu 73 B tat-Trattat, għandu jiġi ddeterminat preliminarjament jekk, u sa fejn, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tistax taffettwa l‑libertajiet ggarantiti minn dawn l-artikoli.

 Fuq il-libertà inkwistjoni fil-kawża prinċipali

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk liġi nazzjonali taqax taħt waħda jew oħra mil-libertajiet ta’ moviment, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-liġi inkwistjoni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck, C‑157/05, Ġabra p. I‑4051, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l‑miżura inkwistjoni, bħala prinċipju, fir-rigward ta’ waħda biss miż‑żewġ libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, waħda hija kompletament sekondarja għall-oħra u tista’ tingħaqad magħha (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C‑452/04, Ġabra p. I‑9521, punt 34).

38      Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk, fl-ewwel lok, ix-xiri, minn resident, ta’ ishma f’kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti, bħal dak intiż fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxix moviment ta’ kapital skont l‑Artikolu 73 B tat-Trattat.

39      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni, fit-Trattat, tal-kunċett ta’ “moviment tal‑kapital”, il‑Qorti tal-Ġustizzja preċedentement irrikonoxxiet valur indikattiv lin-nomenklatura annessa mad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall‑implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [artikolu mħassar permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10), minkejja li din kienet ġiet adottata fuq il‑bażi tal-Artikoli 69 u 70(1) tat-Trattat KEE (l‑Artikoli 67 sa 73 tat‑Trattat KEE ġew sostitwiti mill-Artikoli 73 B sa 73 G tat-Trattat KE, li min‑naħa tagħhom saru l-Artikoli 56 KE sa 60 KE), bil-kundizzjoni li, skont l‑introduzzjoni tagħha, il-lista inkluża fiha mhijiex ta’ natura eżawrjenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2006, van Hilten-van der Heijden, C‑513/03, Ġabra p. I‑1957, punt 39; tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C‑386/04, Ġabra p. I‑8203, punt 22; tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C‑11/07, Ġabra p. I‑6845, punt 38, kif ukoll tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C‑318/07, Ġabra p. I‑359, punt 24).

40      Għaldaqstant jikkostitwixxu movimenti tal-kapital skont l-Artikolu 73 B(1) tat‑Trattat, b’mod partikolari, l-investimenti diretti taħt il-forma ta’ sehem f’impriża permezz tad-detenzjoni ta’ ishma li jagħtu l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija u fil-kontroll tagħha (investimenti magħrufa bħala “diretti”) kif ukoll ix-xiri ta’ titoli fuq is‑suq tal-kapital magħmul bl‑intenzjoni biss li jitwettaq investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li tiġi influwenzata t‑tmexxija u l‑kontroll tal-impriża (investimenti magħrufa bħala “tal‑portfolio”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1999, Trummer u Mayer, C‑222/97, Ġabra p. I‑1661, punt 21; tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑483/99, Ġabra p. I‑4781, punti 36 u 37; tat-13 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑98/01, Ġabra p. I‑4641, punti 39 u 40, kif ukoll tat-28 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑282/04 u C‑283/04, Ġabra p. I‑9141, punt 19).

41      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-bejgħ mill-ġdid minn azzjonist mhux residenti ta’ azzjonijiet lill-kumpannija li ħarġithom residenti jikkostitwixxi moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 88/361 u tan‑nomenklatura tal-movimenti tal-kapital li tinsab fl‑Anness I ta’ din id‑Direttiva (ara is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich, C‑265/04, Ġabra p. I‑923, punt 29).

42      Fil-fatt, skont ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Anness tad‑Direttiva 88/361, il-moviment liberu tal-kapital ikopri l‑operazzjonijiet biex ikunu likwidati jew assenjati beni kkostitwiti.

43      Għaldaqstant, iċ-ċessjoni ta’ ishma fil-kumpanniji residenti minn investituri mhux residenti tikkostitwixxi moviment tal-kapital fis-sens tal‑Artikolu 1 tal-imsemmija Direttiva, kif ukoll in-nomenklatura tal‑movimenti tal-kapital li tinsab fl-Anness I tal-istess direttiva.

44      Għalhekk, għalkemm ix-xiri minn resident ta’ ishma fil-kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti mhuwiex imsemmi espressament, kif indikat mill-Gvern Ġermaniż, fin‑nomenklatura tal‑movimenti tal-kapital li tinsab fl-Anness I tad‑Direttiva 88/361, din l-operazzjoni tikkostitwixxi moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-moviment liberu tal‑kapital.

45      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 52 tat-Trattat, jirriżulta mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-libertà ta’ stabbiliment, li dan l-Artikolu 43 KE jirrikonoxxi liċ-ċittadini Komunitarji u li jinkludi d-dritt li jibdew u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll li jikkostitwixxu u jmexxu impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-liġijiet tal‑pajjiż ta’ stabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, fir-rigward tal‑kumpanniji stabbiliti skont il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat jew it‑tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l‑Komunità Ewropea, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ kumpannija sussidjarja, fergħa jew aġenzija (sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2006, Keller Holding, C‑471/04, Ġabra p. I‑2107, punt 29; Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA, C‑451/05, Ġabra p. I‑8251, punt 62).

46      Il-kunċett ta’ stabbiliment skont it-Trattat huwa kunċett wiesa’ ħafna, li jimplika l‑possibbiltà għal ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li mhux l-Istat ta’ oriġini tiegħu, u li jikseb profitt minn dan, billi jiffavorixxi għaldaqstant l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan il‑Komunità fil-qasam tal-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati Centro di Musicologia Walter Stauffer, punt 18 u ELISA, punt 63).

47      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw fir‑rigward ta’ ċittadin jew kumpannija fi Stat Membru kkonċernat li jkollu sehem f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li jippermettilu jeżerċita influwenza determinanti fuq id‑deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u li jiddetermina l‑attivitajiet tagħha, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C‑251/98, Ġabra I-2787, punt 22; Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitat iktar ’il fuq, punt 31; tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C‑524/04, Ġabra p. I‑2107, punt 27, kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑207/07, punt 60).

48      Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-gvern Ġermaniż, waħda mill‑ipoteżijiet maħsuba għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija dik li fiha detentur ta’ ishma mhux residenti jikkontrolla diversi kumpanniji sussidjarji stabbiliti fil‑Ġermanja u jittrasferixxi l-ishma miżmuma f’waħda minnhom lill-kumpannija sussidjarja kkontrollata.

49      Madankollu huwa paċifiku li l-applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma tiddependix mill-ammont ta’ ishma mixtrija mid-detentur ta’ ishma mhux residenti u mhijiex limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom id-detentur tal‑ishma jista’ jkollu influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal‑kumpannija kkonċernata u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha.

50      Barra minn hekk, peress li l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li jipprevjeni li detenturi ta’ ishma mhux residenti milli jibbenefikaw minn vantaġġ fiskali indebitu, iġġenerat direttament miċ‑ċessjoni ta’ ishma li jista’ b’mod partikolari jsir biss sabiex jittieħed benefiċċju mill-imsemmi vantaġġ, u mhux għall-iskop tal‑eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jew bħala riżultat tal-eżerċizzju ta’din il-libertà, għandu jiġi kkunsidrat li l-aspett tal-moviment liberu tal-kapital ta’ din il-leġiżlazzjoni jipprevali fuq dak marbut mal‑libertà ta’ stabbiliment.

51      Għalhekk, jekk wieħed jassumi li l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha effetti restrittivi fuq il-libertà ta’ stabbiliment, tali effetti għandhom il‑konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu eventwali għal-moviment liberu tal-kapital u għaldaqstant, ma jiġġustifikawx eżami awtonomu tal-istess leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 52 tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punt 27; Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; Fidium Finanz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, kif ukoll Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

52      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

53      Kif ġie rrilevat mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali għandha l-konsegwenza li, meta persuna taxxabbli residenti tixtri ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti, l-iżvalutazzjoni ta’ dawn l-ishma minħabba d‑distribuzzjoni ta’ dividend ma taffettwax il-bażi taxxabbli tax‑xerrej, filwaqt li, fil-każ ta’ xiri ta’ dawn l-ishma mingħand detentur ta’ ishma residenti, din l-iżvalutazzjoni tnaqqas il‑bażi taxxabbli tax-xerrej.

54      Din il-limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvalutazzjoni tal-ishma minħabba d‑distribuzzjoni tal‑ishma tapplika mis-sena tax-xiri tal-imsemmija ishma u matul id‑disa’ snin ta’ wara, u tikkonċerna biss it-tnaqqis ta’ profitti li jirriżultaw minn operazzjoni ta’ distribuzzjoni jew ta’ trasferiment ta’ profitti skont ftehim ta’ kontroll u sakemm it-tnaqqis fil-profitti ma jaqbżix ċertu ammont, li jissejjaħ “l‑ammont ibblukkat”.

55      Dan l-ammont ibblukkat, li huwa d-differenza bejn il-prezz tax-xiri mħallas mid‑detentur residenti u l-valur nominali tal-ishma, japplika b’hekk għall-ishma mixtrija mingħand persuna mhux residenti, billi essenzjalment jiġu annullati l‑effetti tal-iżvalutazzjoni tal-ishma li jirriżultaw mill-distribuzzjoni tal-profitt.

56      Il-possibbiltà għal persuna taxxabbli li mill‑profitti taxxabbli tagħha tnaqqas it-telf relatat mat-tnaqqis parzjali fil-valur tal-ishma miżmuma mill‑kumpannija, meta t-tnaqqis fil-valur tal-ishma jirriżulta mid-distribuzzjoni tal-profitt, tikkostitwixxi mingħajr dubju vantaġġ fiskali.

57      Issa, il-fatt li tagħti l-imsemmi vantaġġ lil persuna taxxabbli residenti biss f’każ ta’ xiri ta’ ishma f’kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma residenti trendi l-ishma miżmuma minn dawk mhux residenti inqas attraenti u, għalhekk, jista’ jiskoraġġixxi l‑imsemmija persuna taxxabbli milli tixtrihom.

58      Barra minn hekk, tali trattament differenti jista’ wkoll jiskoraġġixxi l-investituri mhux residenti milli jixtru ishma fil‑kumpannija residenti u b’hekk dan jikkostitwixxi għall-imsemmija kumpannija ostaklu għall-ġbir ta’ kapital li ġej minn Stati Membri oħra.

59      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 73 B tat-Trattat.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

60      Madankollu għandu jiġi kkunsidrat jekk tali restrizzjoni fuq il‑moviment liberu tal-kapital tistax tiġi ġġustifikata taħt id‑dispożizzjonijiet tat-Trattat.

61      Skont il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tipprevjeni li detentur ta’ ishma mhux residenti jikseb, permezz ta’ ċerti prattiċi, b’mod partikolari, bħal dawk deskritti mill‑Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, l‑istess riżultat mil-lat ekonomiku bħal jekk ingħatalu kreditu tat-taxxa.

62      Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija għalhekk intiża sabiex tipproteġi l‑koerenza tal-proċedura Ġermaniża ta’ imputazzjoni sħiħa u hija ġġustifikata, inkwantu jirriżulta mis-sentenzi Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, u tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda, C‑284/06, Ġabra p. I‑4571, illi l-fatt li kreditu ta’ taxxa intiż sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja ekonomika mhuwiex mogħti lil azzjonisti mhux residenti li jirċievu dividendi minn kumpanniji residenti ma jistax jitqies bħala kuntrarju għal-liġi Komunitarja.

63      Barra minn hekk kemm il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l‑għoti ta’ kreditu tat-taxxa, mingħajr ma jkun hemm dejn fiskali bħal korrispettiv, lil detentur ta’ ishma mhux residenti li mhuwiex taxxabbli fl-Istat Membru ta’ residenza tal‑kumpannija distributriċi jkun jammonta għall-obbligu minn dan l‑Istat Membru li jirrinunzja għat-taxxa ta’ parti mill-profitti li saru fit-territorju tiegħu. Il‑Kummissjoni żżid, f’dan ir-rigward, li l-ħlas ta’ kreditu fiskali lil detentur ta’ ishma mhux residenti ma jistax jissodisfa l-funzjoni tal‑imsemmi kreditu tat-taxxa, li huwa li jaġġusta t-taxxa ċċarġjat minn qabel fil-livell tal‑kumpannija għar-rata individwali li għaliha hija suġġetta l-imsemmija persuna taxxabbli , iżda għandu l-effett biss li jċaqlaq il-beni taxxabbli nazzjonali għal Stat Membru ieħor.

64      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li la l‑ħtieġa li tiżgura l-operazzjoni tal-proċedura ta’ imputazzjoni, u lanqas dik li tiġi protetta l‑koerenza fiskali jew li tigi ggarantita l-impożizzjoni waħda fil-Ġermanja ma jistgħu jiġġustifikaw il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

65      Din il-leġiżlazzjoni ma tistabbilixxi ebda rabta teknika bejn il-proċedura ta’ imputazzjoni u l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-imsemmija leġiżlazzjoni, u għandha, barra minn hekk, l-effett li żżid it-taxxa fuq in‑negozju tax-xerrej residenti, peress li l-kalkolu tal-profitti wkoll jiddetermina l-ammont ta’ din it-taxxa, li wkoll ma għandux rabta mal‑imputazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

66      Fir-rigward tal-argumenti magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 73D(1)(a) tat‑Trattat KE [li issa sar l-Artikolu 58(1)(a) KE], l-Artikolu 73 B tat-Trattat ma jiksirx id-dritt li għandhom l-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jistabbilixxu distinzjoni bejn il-persuni li jħallsu t-taxxa li ma jkunux fl‑istess sitwazzjoni fir-rigward tar-residenza tagħhom jew il‑post fejn il-kapital tagħhom huwa investit.

67      Madankollu l-Artikolu 73 D (1)(a) tat-Trattat, li, bħala deroga mill‑prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta, ma jistax jiġi interpretat fis‑sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni li jħallsu t-taxxa skont il-post fejn huma jirrisjedu jew l-Istat Membru li fih jinvestu l-kapital tagħhom tkun awtomatikament kompatibbli mat‑Trattat. Fil-fatt, id-deroga tal-Artikolu 73 D(1)(a) tat-Trattat hija fiha nnfisha limitata minn dan l-Artikolu 73 D(3), li jipprovdi li d‑dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu (1) ta’ dan l‑Artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl‑Artikolu 73 B” (ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C‑319/02, Ġabra p. I‑7477, punt 28, u Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

68      Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni bejn it-trattamenti mhux ugwali li huma permessi bis-saħħa tal-Artikolu 73 D (1)(a) tat-Trattat u d‑diskriminazzjonijiet arbitrarji li huma pprojbiti mill-paragrafu 3 ta’ dan l-istess Artikolu. Jirriżulta mill-ġurisprudenza li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat‑Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit‑trattament tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex paragunabbli b’mod oġġettiv jew li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C‑35/98, Ġabra p. I‑4071, punt 43; Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert, C‑512/03, Ġabra p. I‑7685, punt 42).

69      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, f’dak li jikkonċerna għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istat Membru fejn tirrisjedi l‑kumpannija distributriċi li għandu sistema sabiex jipprevjeni jew inaqqas l‑impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew it‑tassazzjoni doppja ekonomika fir‑rigward ta’ dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji residenti, is‑sitwazzjonijiet li fihom jinsabu l‑azzjonisti benefiċjarji residenti ta’ dan l-Istat Membru u l-azzjonisti benefiċjarji residenti fi Stat Membru ieħor mhumiex neċessarjament komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 u 57).

70      Fil-fatt, meta kumpannija distributriċi u l-azzjonist benefiċjarju ma jirrisjedux fl‑istess Stat Membru, l-Istat Membru fejn tirrisjedi l‑kumpannija distributriċi, jiġifieri l-Istat Membru minn fejn joriġinaw il‑profitti, ma jinsabx fl-istess pożizzjoni, għal dak li jikkonċerna l‑prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-impożizzjoni tas-sensiela ta’ taxxi u tat‑tassazzjoni doppja ekonomika, bħall-Istat Membru fejn jirrisjedi l‑azzjonist benefiċjarju (sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

71      Għandu madankollu jiġi nnutat li t-trattament differenti inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma jikkonċernax is-sitwazzjoni ta’ detentur ta’ ishma skont jekk huwiex residenti jew mhux residenti u, għalhekk, il‑possibilità ta’ dan id-detentur ta’ ishma li jibbenefika mill-kreditu tat-taxxa dwar it-taxxa mħallsa mill-kumpannija distributriċi.

72      L-imsemmi trattament differenzjali huwa limitat biss għall-detenturi tal-ishma li jkunu kisbu l-ishma tagħhom fil-kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma residenti jew mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti.

73      Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 139 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’dak li jikkonċerna t-telf li jirriżulta minn tnaqqis parzjali fil‑valur tal-ishma miżmuma f’kumpannija residenti, dawn id-detenturi ta’ ishma jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli kemm jekk ishma inxtraw mingħand persuna resident kemm jekk nxtraw minngħand persuni mhux residenti. Fil‑fatt, id-distribuzzjoni tal-profitti tnaqqas il-valur ta’ sehem, kemm jekk jinxtara minn qabel mingħand persuna residenti jew mingħand persuna mhux residenti, u, f’dawn iż-żewġ każijiet, dan it-tnaqqis fil-valur ibatih id‑detentur tal‑ishma residenti.

74      Għalhekk, tali trattament differenti ma jirriflettix differenza oġġettiva fis‑sitwazzjonijiet tal-imsemmija detenturi ta’ ishma.

75      Għandu wkoll jiġi stabbilit jekk restrizzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tistax tiġi ġġustifikata mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali imsemmija mill-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni.

76      L-argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni, magħmula fil-punti [61 sa 63] ta’ din is-sentenza, jistgħu jkunu marbuta mal‑ħtieġa li tiġi protetta l-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża, li tiġi żgurata t-taxxa fuq id-dħul iġġenerat fit-territorju Ġermaniż u li jiġu evitati l‑arranġamenti artifiċjali li l-għan tagħhom huwa l‑evażjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

77      Rigward, l-ewwel nett, l-argument dwar il-ħtieġa li tiġi protetta l‑koerenza tas‑sistema fiskali Ġermaniża, jeħtieġ li jitfakkar li l‑Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-ħtieġa li tiġi protetta l-koerenza ta’ sistema fiskali nazzjonali tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann, C‑204/90, Ġabra p. I‑249, punt 28; Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon, C‑418/07, Ġabra p. I‑8947, punt 43).

78      Sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkollu suċċess, il-Qorti tal‑Ġustizzja teżiġi madankollu rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dak il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari, fejn din in-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza Papillon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Kif ġie rrilevat mill-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tipprevjeni li, permezz ta’ operazzjoni apparti d‑distribuzzjoni tad‑dividendi, id-detentur mhux residenti jista’ madankollu jibbenefika mill-istess riżultat mil-lat ekonomiku bħall-benefiċċju tal-kreditu tat‑taxxa fuq it-taxxa fuq il‑kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li fiha hu għandu l‑ishma.

80      Issa, huwa paċifiku li l-iżvantaġġi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma direttament sostnuti mid-detentur tal-ishma residenti li jkun xtara l-imsemmija ishma mingħand persuni mhux residenti. Għal dan id‑detentur ta’ ishma residenti, l-impossibbiltà li mill-profitti taxxabbli tiegħu jnaqqas it-telf relatat mat-tnaqqis parzjali fil-valur tal‑ishma miżmuma fil‑kumpannija residenti, meta t‑tnaqqis fil-valur tal‑ishma jirriżulta mid‑distribuzzjoni tal-profitti, mhija kkumpensata minn ebda vantaġġ fiskali. Fil-fatt, il-kunsiderazzjoni li l-profitt li jagħmel il-persuna mhux residenti li biegħet l‑ishma lid-detentur ta’ ishma residenti mhuwiex suġġett għat-taxxa fil‑Ġermanja hija irrilevanti fir‑rigward tad-detentur tal-ishma residenti li jġarrab l-iżvantaġġ.

81      Għalhekk, rabta diretta, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt [78] ta’ din is-sentenza, hija nieqsa f’din il-każ u l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi protetta l‑koerenza tas‑sistema fiskali ta’ imputazzjoni sħiħa.

82      Madankollu, fir-rigward tal-argument dwar il-ħtieġa li tinżamm il‑possibbiltà għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex teżerċita l‑kompetenza fiskali tagħha b’konnessjoni mal-attivitajiet magħmula fit-territorju tagħha, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-tnaqqis fid-dħul fiskali ma għandux jitqies li huwa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżura li, bħala prinċipju, tmur kontra libertà fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Manninen, iċċitata iktar’il fuq, punt 49 u l‑ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal‑Ġustizzja aċċettat ukoll li jista’ jeżisti komportament ta’ natura tali li jikkomprometti d-dritt tal‑Istati Membri li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom fir‑rigward tal-attivitajiet imwettqa fit‑territorju tagħhom u li għalhekk jippreġudika tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46) li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 u 56, kif ukoll tad‑29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C‑347/04, Ġabra p. I‑2647, punt 42).

83      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li jekk l-Istat fejn tirrisjedi l‑kumpannija distributriċi jiġi obbligat jassigura li l-profitti mqassma lil azzjonist mhux residenti ma jkunux suġġetti għal sensiela ta’ taxxi jew għal tassazzjoni doppja ekonomika, jew billi l-profitti jiġu eżentati mit‑taxxa fir-rigward tal-kumpannija distributriċi jew billi jingħata lill‑azzjonist vantaġġ fiskali li jikkorrispondi għat-taxxa mħallsa fuq l‑imsemmija profitti mill-kumpannija distributriċi, dan ikun ifisser fil‑fatt li dan l-Istat ikun obbligat jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa dħul minn attività ekonomika eżerċitata fit-territorju tiegħu (sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

84      Issa, l-operazzjonijiet apparti mid-distribuzzjoni ta’ dividendi, li jippermettu lid‑detentur ta’ ishma mhux residenti li jikseb l‑istess riżultat mil-lat ekonomiku bħal meta jingħata kreditu tat-taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq il‑kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li fiha għandu l-ishma, jistgħu madankollu jikkompromettu l‑possibbiltà tal-Istat ta’ residenza ta’ dik il‑kumpannija li jeżerċita d‑dritt tiegħu li jintaxxa dħul iġġenerat minn attività ekonomika eżerċitata fit‑territorju tiegħu.

85      Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ ammont ugwali għall-kreditu tat-taxxa li jista’ jibbenefika minnu x-xerrej ta’ ishma residenti fil-prezz tal-bejgħ ta’ dawn l-ishma, u t-tpaċċija tat-tnaqqis fil-valur tal-imsemmija ishma wara d-distribuzzjoni tad-dividendi fuq l-ammont ta’ dividendi riċevuti mix-xerrej tal-istess ishma twassal, għal dan ix‑xerrej residenti, jew għad-dritt li jaqta’ l-kreditu tat-taxxa kontra taxxi oħra dovuta minnu jew meta ma għandu ebda dħul li ieħor, għar-rifużjoni ta’ ammont ugwali għall-kreditu tat-taxxa fuq din it-taxxa fuq il-profitti mħallsa mill‑kumpannija.

86      Issa, peress li l-prezz tal-ishma jinkludi l-ammont ekwivalenti għal kreditu tat‑taxxa, l-għoti ta’ kreditu tat-taxxa jew ir-rifużjoni ta’ kreditu tat-taxxa ta’ ammont ekwivalenti lid-detentur ġdid ta’ ishma residenti jkollu l‑konsegwenza li indirettament jibbenefika d-detentur tal-ishma mhux residenti minn kreditu tat-taxxa fuq it-taxxa ċċarġjata fuq il-kumpannija.

87      Dawn il-konsegwenzi ma jkunux limitati għat-tnaqqis ta’ dħul mit-taxxa tar‑Repubblika Federali tal-Ġermanja iżda jimplikaw li, meta indirettament jingħata lil dawk li mhumiex residenti vantaġġ finanzjarju ekwivalenti għall‑kreditu tat-taxxa fuq it-taxxa mħallsa fuq il-profitti ta’ kumpannija residenti, id‑dħul ġeneralment taxxabbli fl‑Istat Membru ta’ residenza ta’ dik il-kumpannija jkun ittrasferit għall‑Istat Membru kompetenti sabiex jintaxxa l-profitt magħmul mill-persuna mhux residenti, u dan għalhekk imur kontra tqassim bilanċjat tas‑setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

88      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li jinżamm tqassim bilanċjat tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri.

89      Rigward, fl-aħħar nett, l-argumenti li jikkonċernaw il-ħtieġa li tiġi evitata l‑evażjoni tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-arranġamenti artifiċjali maħsuba biex jevadu s-sistema fiskali Ġermaniża, għandu jiġi kkonstatat li miżura nazzjonali li tillimita l-moviment liberu ta’ kapital tista’ tkun iġġustifikata meta hija tirrigwarda speċifikament l‑arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir‑realtà ekonomika, u li l‑uniku għan tagħhom huwa l-kisba ta’ vantaġġ fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 55; Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 u 74, kif ukoll tal-4 ta’ Diċembru 2008, Jobra, C‑330/07, Ġabra p. I‑9099, punt 35).

90      Fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, ikkonfermati mill-motivi tal-liġi li introduċiet fis-sistema legali Ġermaniża l‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tiġġieled l-arranġamenti li bihom d-detenturi ta’ ishma mhux residenti jiksbu, waqt iċ‑ċessjoni tal-imsemmija ishma, il‑benefiċċju ta’ ammont ugwali għall‑kreditu tat‑taxxa fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija residenti, billi jkollhom rikors għal prattiki bħal dawk deskritti fil-punt 100 tal‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li jintużaw biss sabiex jibbenefikaw mill‑imsemmi vantaġġ fiskali.

91      Meta llimitat id-dritt tad-detentur ġdid tal-ishma li jnaqqas mill-profitti taxxabbli tiegħu l-ammont tat-telf ikkawżat mill-iżvalutazzjoni tal‑ishma kkonċernati, sakemm dawn ma jaqbżux l-“ammont ibblukkat”, il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija tali li tipprevjeni prattiki li għandhom l-għan biss li jinkiseb għad‑detentur ta’ ishma mhux residenti kreditu tat-taxxa fir-rigward tat-taxxa fuq il‑kumpanniji mħallsa mill-kumpannija residenti. Barra minn hekk, iż‑żieda tal‑bażi taxxabbli tad-detentur l-ġdid ta’ ishma residenti, li tirriżulta mill‑imsemmija limitazzjoni, hija intiża sabiex jiġi evitat li dħul li ġeneralment huwa ntaxxat fil‑Ġermanja jiġi ttrasferit, bħala parti mill-profitt kapitali li jkun sar mid-detentur preċedenti ta’ ishma mhux residenti ugwali għall-kreditu tat-taxxa mhux dovut, mingħajr ma jeħel taxxa fil-Ġermanja.

92      Tali leġiżlazzjoni hija, għalhekk, adatta li tikseb l-għanijiet ta’ żamma ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri u l-prevenzjoni tal‑arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir‑realtà ekonomika, u li l‑uniku għan tagħhom huwa l-kisba ta’ vantaġġ fiskali.

93      Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni bħal din ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa.

94      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li, sa fejn il-kalkolu tal‑ammont ibblukkat huwa bbażat fuq l-ispejjeż ta’ xiri tal-ishma kkonċernati, il-konsegwenzi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jmorrux lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jiġi żgurat li ammont ekwivalenti għall‑kreditu tat-taxxa ma jkunx ingħata indebitament lid-detentur ta’ ishma mhux residenti.

95      Fil-fatt, l-imsemmija leġiżlazzjoni tapplika, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 170 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta persuna taxxabbli residenti tkun xtrat l-ishma tagħha f’kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti għal prezz li, għal kwalunkwe raġuni, jeċċedi l-valur nominali tal‑imsemmija ishma.

96      Għalhekk, din il-leġiżlazzjoni hija bbażata fuq il-preżunzjoni li kull żieda fil-prezz tal-bejgħ neċessarjament tinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kreditu tat-taxxa u huwa magħmul biss għal dan il-għan. Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 172 tal‑konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li l-ishma nbigħu b’valur ogħla mill-valur nominali tagħhom għal raġunijiet oħra għajr biex id-detentur ta’ ishma jikseb kreditu fiskali fir-rigward tat‑taxxa fuq il‑kumpanniji residenti, jew, fi kwalunkwe każ, li l-profitti mhux imqassma kif ukoll il-possibbiltà li jinkiseb kreditu tat-taxxa marbut mal-imsemmija ishma jikkostitwixxu biss element tal‑prezz tax-xiri ta’ dawn l-ishma.

97      Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja li t‑teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont ibblukkat u ż-żieda tal‑bażi taxxabbli tad‑detentur tal-ishma residenti jipproduċu konsegwenzi wkoll fir‑rigward ta’ taxxi oħra li l-imsemmi detentur ta’ ishma jista’ jkun suġġett għalihom, u b’mod partikolari, fir-rigward tal‑kalkolu tat‑taxxa fuq in-negozju dovuta minnu. Issa, tali konsegwenzi jmorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l‑għanijiet imfittxa mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

98      Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-applikazzjoni tal‑limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvalutazzjoni ta’ ishma minħabba d‑distribuzzjoni ta’ dividendi mis-sena tax-xiri tal-imsemmija ishma ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tiġi żgurata l-kisba tal‑għanijiet imfittxa mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

99      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-għan ta’ prevenzjoni ta’ arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u li l-uniku għan tagħhom huwa l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu, għandu jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 174 tal-konklużjonijiet tiegħu, li sabiex tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, miżura li ssegwi għan bħal dan għandha jippermetti lill-qorti nazzjonali li tipproċedi għal eżami każ b’każ, waqt li jiġu kkunsidrati l-partikolaritajiet ta’ kull każ, abbażi ta’ elementi oġġettivi, sabiex jiġi evalwat l-aġir abbużiv jew frawdolenti tal-persuni kkonċernati.

100    Sa fejn leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tippermettiex li tiġi llimitata l-applikazzjoni tagħha għal arranġamenti purament artifiċjali, iddeterminati fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, iżda tapplika għall‑każijiet kollha li fihom il-persuna taxxabbli residenti tkun xtrat ishma f’kumpannija residenti mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti għal prezz li, għal kwalunkwe raġuni li tkun, jeċċedi l-valur nominali ta’ dawn l-ishma, l-effetti ta’ tali leġiżlazzjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb l‑għan ta’ prevenzjoni ta’ arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir‑realtà ekonomika u li l‑uniku għan tagħhom huwa l-kisba ta’ benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu.

101    Għalhekk ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l‑Artikolu 73 B tat-Trattat għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tipprovdi li l-iżvalutazzjoni tal-ishma tal‑kumpannija minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi ma taffettwax il-bażi ta’ stima tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli residenti, meta din tal-aħħar xtrat ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti, mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti, filwaqt li, fil-każ ta’ xiri mingħand detentur ta’ ishma residenti, tali żvalutazzjoni tnaqqas il-bażi taxxabbli tax-xerrej.

102    Din il-konstatazzjoni tapplika fil-każijiet fejn tali leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi protett tqassim ibbilanċjat tas-setgħa fiskali bejn l-Istati Membri, kif ukoll sabiex jiġu impediti arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u li l-uniku għan tagħhom huwa l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

 Fuq l-ispejjeż

103    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 73 B tat-Trattat (li sar l-Artikolu 56 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tipprovdi li l‑iżvalutazzjoni tal-ishma tal‑kumpannija minħabba d-distribuzzjoni ta’ dividendi ma taffettwax il-bażi ta’ stima tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli residenti, meta din tal-aħħar xtrat ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju residenti, mingħand detentur ta’ ishma mhux residenti, filwaqt li, f’każ ta’ xiri mingħand detentur ta’ ishma residenti, tali żvalutazzjoni tnaqqas il-bażi taxxabbli tax-xerrej.

Din il-konstatazzjoni tapplika fil-każijiet fejn tali leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi protett tqassim ibbilanċjat tas‑setgħa fiskali bejn l-Istati Membri kif ukoll sabiex jiġu impediti arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u li l‑uniku għan tagħhom huwa l‑benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali indebitu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.