C-433/08 - Yaesu Europe

Printed via the EU tax law app / web

Kawża C-433/08

Yaesu Europe BV

vs

Bundeszentralamt für Steuern

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

“Tmien Direttiva tal-VAT — Arranġamenti għar-rimbors tal-VAT lill-persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż — Anness A — Applikazzjoni għal rimbors— Kunċett ta’ ‘firma’ li jinsab fl-imsemmija applikazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi l-firma tal-persuna taxxabbli stess jew tar-rappreżentant legali tagħha, bl-esklużjoni tal-firma ta’ rappreżentant awtorizzat”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Rimbors tat-taxxa lill-persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż

(Diretiva tal-Kunsill 79/1072, Anness A)

Il-kunċett ta’ “firma” tal-applikazzjoni għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud imsemmi fil-mudell li jinsab fl-Anness A tat-Tmien Direttiva 79/1072, dwar l‑armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it‑taxxi fuq id-dħul mill‑bejgħ - Arranġamenti għar-rifużjoni tat‑taxxa fuq il‑valur miżjud lill‑persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit‑territorju tal-pajjiż, jikkostitwixxi kunċett tad‑dritt Komunitarju li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fis‑sens li tali applikazzjoni għal rimbors ma għandhiex bilfors tiġi ffirmata mill-persuna taxxabbli stess, iżda, f’dan ir-rigward, il‑firma ta’ rappreżentant awtorizzat tista’ tkun suffiċjenti.

(ara l-punt 29 u d‑dispożittiv)







SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Diċembru 2009 (*)

“Tmien Direttiva tal‑VAT – Arranġamenti għar-rimbors tal-VAT lill‑persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż – Anness A – Applikazzjoni għal rimbors – Kunċett ta’ ‘firma’ li jinsab fl-imsemmija applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi l‑firma tal-persuna taxxabbli stess jew tar‑rappreżentant legali tagħha, bl-esklużjoni tal-firma ta’ rappreżentant awtorizzat”

Fil-Kawża C‑433/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Awwissu 2008, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fl-1 ta’ Ottubru 2008, fil‑proċedura

Yaesu Europe BV

vs

Bundeszentralamt für Steuern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar‑Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Yaesu Europe BV, minn B. Burgmaier, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Anness A tat‑Tmien Direttiva tal-Kunsill Nru 79/1072/KEE, tas-6 ta’ Diċembru 1979, dwar l‑armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill‑bejgħ - Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 79, iktar ’il quddiem it-“Tmien Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Yaesu Europe BV (iktar ’il quddiem “Yaesu Europa”), kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l‑Bundeszentralamt für Steuern (Uffiċċju Federali Ċentrali tat-Taxxa, iktar ’il quddiem il‑“Bundeszentralamt”), dwar iċ-ċaħda, minn dan tal‑aħħar, ta’ applikazzjoni għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il‑“VAT”) imħallsa minn din il-kumpannija fil‑Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        It-tielet sal-ħames premessi tat-Tmien Direttiva huma fformulati kif ġej:

“Filwaqt li diskrepanzi bejn l-arranġamenti fis-seħħ preżentament fi Stati Membri, li f’ċerti każijiet joħolqu nuqqas fin-negozju u tagħwiġ fil-kompetizzjoni, għandhom ikunu eliminati;

Filwaqt li l-introduzzjoni ta’ regoli tal-Komunità f’dan il-qasam timmarka progress lejn il-liberalizazzjoni effettiva tal-moviment ta’ persuni, oġġetti, u servizzi, b’hekk tgħin sabiex il-proċess ta’ integrazzjoni ekonomika jitlesta;

Filwaqt li tali regoli ma għandhomx iwasslu sabiex persuni taxxabbli jkunu trattati b’mod differenti skond l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma jkunu stabbiliti”.

4        L-Artikolu 3(a) tat-Tmien Direttiva jipprovdi:

“Sabiex tikkwalifika għal rifużjoni , kull persuna taxxabbli kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 2 li ma tissuplixxix la merkanzija u l-anqas servizzi maħsuba li jkunu pprovduti fit-territorju tal-pajjiż għandha:

a)      tgħaddi lill-awtorità kompetenti li hemm referenza għaliha fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 9 applikazzjoni li tkun magħmula fuq l-abbozz fl‑Anness A, [u] tehmeż fatturi oriġinali jew dokumenti ta’ importazzjoni [oriġinali]. Stati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-applikanti nota spjegatorja li għandha f’kull każ ikun fiha l-informazzjoni minima preskritta fl-Anness Ċ”

5        L-Artikolu 6 tat-Tmien Direttiva jistabbilixxi:

“Stati Membri jistgħu ma jimponux [ma jistgħux jimponu] fuq persuni taxxabbli li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2 kwalunkwe obbligu, barra minn dawk li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 3 u 4, barra mill-obbligu li tkun ipprovduta, f’każijiet speċifiċi, l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikun stabbilit jekk l‑applikazzjoni għal rifużjoni tkunx iġġustifikata.”

6        Fl-aħħar linja tiegħu, il-mudell tal-applikazzjoni għal rifużjoni tal-VAT li jinsab fl-Anness A tat‑Tmien Direttiva jsemmi, barra l-post fejn qiegħda tiġi redatta l‑applikazzjoni u d-data ta’ din l-applikazzjoni, “firma”, mingħajr ebda indikazzjoni oħra.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        L-Artikolu 18(9) tal-Liġi tal-2005 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz 2005, BGBl. 2005 I, p. 386), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l‑“UStG”), kien ifformulat kif ġej:

“[…] L-applikazzjoni għal rimbors għandha tiġi ppreżentata fi żmien sitt xhur wara t‑tmiem tas-sena kalendarja li fiha jinħoloq id-dritt għar-rimbors. L‑imprenditur innifsu għandu jikkalkola r-rimbors u jiġġustifika l‑ammonti tat‑taxxa tal-input billi jippreżenta l-oriġinal tal-fatturi u taċ‑ċertifikati ta’ importazzjoni. L-applikazzjoni għal rifużjoni għandha tkun iffirmata mill‑imprenditur stess. […]”

8        L-Artikolu 79(1) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi (Abgabenordnung, iktar ’il quddiem l-“AO”), intitolat “Kapaċità ta’ azzjoni”, jipprovdi b’mod partikolari, fil‑punt 3 tal-istess Artikolu 79(1), li l-persuni ġuridiċi, gruppi jew patrimonji, permezz tar-rappreżentanti legali tagħhom jew tar‑rappreżentanti ad hoc tagħhom, għandhom il‑kapaċità li jwettqu atti ta’ proċedura.

9        L-Artikolu 150(3) tal-AO, li jirregola l-forma u l-kontenut tad‑dikjarazzjonijiet tat-taxxa, jipprovdi:

“Jekk il-liġijiet tat-taxxa jirrikjedu li l-persuna taxxabbli għandha tiffirma d‑dikjarazzjoni tat-taxxa hija stess, il-firma ta’ rappreżentant awtorizzat hija permessa biss jekk il-persuna taxxabbli ma tkunx tista’ tiffirma minħabba l-istat fiżiku jew mentali tagħha, jew minħabba assenza fit-tul. Il-firma tagħha stess tista’ tiġi rikjesta a posteriori meta r-raġuni għall-impediment tispiċċa.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Fit-30 ta’ Ġunju 2006, Yaesu Europe ippreżentat applikazzjoni għar‑rimbors tal‑VAT imħallsa bħala taxxa tal-input fil-Ġermanja għall-perijodu minn Jannar sa Diċembru tas-sena 2005. Din l‑applikazzjoni saret permezz tal‑formola uffiċjali prevista għal dan il‑għan fl-imsemmi Stat Membru u li fiha jinsabu, fil-parti li għandha n‑numru 9, il-kliem “firma tiegħek stess u timbru tal-kumpannija”.

11      F’ittra li takkumpanja l-imsemmija applikazzjoni, l-avukati ta’ Yaesu Europe, li huma stabbiliti fil-Ġermanja u li jissemmew ukoll fuq din il-formola bħala r‑rappreżentanti ta’ din il-kumpannija għan-notifiki, indikaw li huma kienu ffirmaw din l‑applikazzjoni għan-nom tal-klijenti tagħhom. F’dan ir-rigward, ġiet mehmuża ma’ din l-ittra “prokura għall-proċedura ta’ rimbors tat-taxxa tal‑input”, magħmula mir-rappreżentant legali tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienet tawtorizza lill-imsemmija avukati sabiex jirrappreżentaw legalment lil din tal-aħħar fil‑proċeduri kollha ta’ rifużjoni tal-VAT.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2006, il-Bundeszentralamt ċaħad l‑applikazzjoni għal rimbors magħmula minn Yaesu Europe, minħabba li ma kinitx ġiet iffirmata mill-persuna taxxabbli stess, bi ksur tal-Artikolu 18(9) tal‑UStG.

13      Wara lment li ma kellux suċċess, Yaesu Europe ippreżentat rikors quddiem il‑Finanzgericht. Din tal-aħħar qablet mal-pożizzjoni tal‑Bundeszentralamt u ddeċidiet li l-Artikolu 18(9) tal‑UStG ma jiksirx l-Artikoli 3 u 6 tat-Tmien Direttiva u li l-“firma” prevista fil-mudell li hemm fl-Anness A ta’ din id‑direttiva kellha tiġi interpretata bħala li hija neċessarjament il-firma tal-persuna taxxabbli stess, u dan peress li fi kwalunkwe każ it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 jagħti lil‑leġiżlatur Ġermaniż awtonomija ta’ eżekuzzjoni f’dan ir-rigward.

14      Yaesu Europe ippreżentat appell għal “Reviżjoni” quddiem il‑Bundesfinanzhof, fejn sostniet, essenzjalment, li l-Finanzgericht interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “firma” li jissemma fil-mudell li jinsab fl-Anness A tat-Tmien Direttiva u tinvoka, f’dan ir-rigward, l-eżempju ta’ diversi Stati Membri li espressament jawtorizzaw l‑iffirmar tal‑applikazzjoni għal rimbors minn rappreżentant awtorizzat. Hija tikkunsidra, barra minn hekk, li l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fil‑Komunità Ewropea.

15      Il-Bundesfinanzhof, wara li warrbet l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal‑punt 3 tal‑Artikolu 79(1) u tal-Artikolu 150(3) tal-AO u wara li kkunsidrat li kien għad fadal dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 18(9) tal‑UStG mad-dritt Komunitarju, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘firma’ fil-mudell fl-Anness A tat-Tmien Direttiva [...] li jintuża sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni għal rifużjoni [rimbors] ta’ taxxa [tal‑VAT] skont l-Artikolu 3(a) tad-direttiva, huwa kunċett Komunitarju li għandu jingħata interpretazzjoni uniformi?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda:

Il-kunċett ta’ ‘firma’ għandu jinftiehem li jfisser li l-applikazzjoni għal rifużjoni [rimbors] għandha bilfors tiġi ffirmata mill-persuna taxxabbli stess jew, f’każ ta’ persuna ġuridika, mir-rappreżentant legali tagħha, jew hija biżżejjed il‑firma ta’ rappreżentant awtorizzat (pereżempju, rappreżentant fiskali jew impjegat tal-persuna taxxabbli)?”

 Fuq id-domandi preliminari

16      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “firma” tal‑applikazzjoni għal rimbors tal-VAT imsemmi fil-mudell li jinsab fl‑Anness A tat-Tmien Direttiva jikkostitwixxix kunċett tad-dritt Komunitarju li għandu jiġu interpretat b’mod uniformi u, jekk dan ikun il-każ, jekk dan il-kunċett għandux jinftiehem fis-sens li tali applikazzjoni għal rimbors għandha bilfors tiġi ffirmata mill-persuna taxxabbli stess jew jekk huwiex suffiċjenti li din l-applikazzjoni tkun iffirmata minn rappreżentant awtorizzat.

17      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li t-Tmien Direttiva ma fiha ebda definizzjoni tal-imsemmi kunċett ta’ “firma” u li hija ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati it-tifsira u l-portata ta’ dan l-istess kunċett.

18      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal‑applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll tal-prinċipju tal-ugwaljanza jirriżulta li t‑termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fil‑Komunità Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal‑kuntest tad-dispożizzjoni u l‑għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 43, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, Ġabra p. I‑6569, punt 27).

19      Dawn ir-rekwiżiti japplikaw b’mod partikolari fir-rigward tat‑Tmien Direttiva, fid-dawl kemm tat-titolu tagħha kif ukoll tat‑termini tat-tielet u l-ħames premessi tagħha.

20      Fil-fatt, mit-tielet u l-ħames premessi tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din hija intiża li tarmonizza l-arranġamenti għar-rimbors tal-VAT imħallsa fi Stat Membru minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stat Membru ieħor billi jiġu eliminati diskrepanzi bejn id-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dak iż-żmien fl-Istati Membri u billi jiġi żgurat li l-persuni taxxabbli ma jingħatawx trattament differenti skont l‑Istat Membru li fih ikunu stabbiliti.

21      L-għan tat-Tmien Direttiva b’hekk huwa li jkunu armonizzati l‑arranġamenti għad-dritt għar-rimbors tal-VAT kif tirriżulta mill-Artikolu 17(3) tas-Sitt Direttiva tal‑Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l‑armonizzazzjoni tal-liġijiet tal‑Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p, 23) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2000, Monte Dei Paschi Di Siena, C‑136/99, Ġabra p. I‑6109, punt 20, u tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C‑35/05, Ġabra p. I‑2425, punt 26).

22      Għal dan il-għan, l-imsemmija direttiva tipprovdi espressament, fl‑Anness A tagħha, mudell stabbilit minn qabel tal-applikazzjoni għal rifużjoni tal-VAT, intiż speċifikament sabiex jiġu armonizzati l‑arranġamenti tal-proċedura dwar din l‑applikazzjoni fir-rigward tat-taxxa mħallsa fi Stat Membru minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Issa, l-imsemmi għan ta’ armonizzazzjoni jista’ jintlaħaq biss jekk il-kunċetti li għalihom jirreferi dan il‑mudell ikollhom l‑istess tifsira fl-Istati Membri kollha.

23      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “firma” imsemmi fil-mudell li jinsab fl‑Anness A tat‑Tmien Direttiva jikkostitwixxi kunċett tad-dritt Komunitarju li t-tifsira u l‑portata tiegħu għandhom ikunu identiċi fl‑Istati Membri kollha. Għalhekk, hija l‑Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti interpretazzjoni awtonoma u uniformi fis‑sistema ġuridika Komunitarja.

24      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja li tgħid li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha iżda wkoll il‑kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12; tal‑1 ta’ Marzu 2007, Schouten, C‑34/05, Ġabra p. I‑1687, punt 25, u tat-12 ta’ Frar 2009, Klarenberg, C‑466/07, Ġabra p. I‑803, punt 37).

25      Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-formulazzjoni stess tal-Anness A tat-Tmien Direttiva ma fiha ebda indikazzjoni dwar il-kunċett ta’ “firma” msemmi f’dan l‑anness. Fil‑fatt, dan l-anness kull ma jagħmel huwa li jirrikjedi sempliċement “firma” u ma jispeċifika bl-ebda mod li din għandha jkollha xi karatteristiċi partikolari, bħall-karatteristika li l-firma trid tkun tal‑persuna taxxabbli stess, għall-kuntrarju ta’ espressjonijiet oħra li hemm fl‑imsemmi anness, bħall-isem jew in-natura tal-attività, li huma espressament akkumpanjati mit-termini “ta’ l‑applikant”.

26      It-tieni nett, mill-Artikolu 3(a) tat-Tmien Direttiva jirriżulta li l-persuna taxxabbli għandha tippreżenta applikazzjoni għal rimbors tal-VAT konformi mal‑mudell li hemm fl-imsemmi anness. Mill-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva jirriżulta wkoll li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq il-persuni taxxabbli, minbarra l-obbligi msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tagħha, ebda obbligu ieħor ħlief li jipprovdu, f’każijiet speċjali, l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi evalwat il‑mertu tal-applikazzjoni ta’ rifużjoni. Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-kunċett ta’ “firma” imsemmi f’dan il-mudell, dan l-Artikolu 6 jipprekludi li persuna taxxabbli tkun suġġetta għal rekwiżiti oħra barra dawk preskritti f’dan il‑mudell, bħar-rekwiżit li l-firma tkun magħmula mill-persuna taxxabbli stess.

27      Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni kuntestwali hija kkorroborata mill‑għan ta’ armonizzazzjoni tat-Tmien Direttiva, kif jirriżulta mill‑punti 19 sa 22 ta’ din is‑sentenza. Fil-fatt, l-għan segwit minn din id-direttiva, meta tipprovdi espressament, fl-Anness A tagħha, mudell stabbilit minn qabel ta’ applikazzjoni għal rimbors tal-VAT, jista’ jinkiseb biss jekk il-kunċetti li jinsabu f’dan il‑mudell ikollhom tifsira u portata identiċi fl-Istati Membri kollha u ma jmorrux lil hinn mir‑rekwiżiti speċifikament previsti minn dan tal-aħħar. Jekk Stat Membru jitħalla jimponi fuq persuna taxxabbli rekwiżiti oħra barra dawk previsti minn dan il-mudell, bħar-rekwiżit li l-firma tkun magħmula minn din il‑persuna taxxabbli stess, tkun qiegħda tiġi stabbilita formalità li hija inkonsistenti mal‑imsemmi għan.

28      Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li għalkemm, kuntrarjament għat‑Tlettax‑il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE, tas-17 ta’ Novembru 1986, fir‑rigward tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi ta’ ċaqliq ta’ flus [mat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ] - Arranġamenti għar-rifond tat‑taxxa fuq il‑valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit‑territorju tal‑Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 129), it-Tmien Direttiva ma tipprovdix espressament il‑possibbiltà li jinħatar rappreżentant awtorizzat, xorta jibqa’ l-fatt li din id‑direttiva tal-aħħar ma teskludix dan, hekk li applikazzjoni għal rimbors tal‑VAT konformi mal-mudell li jinsab fl-Anness A ta’ din l-istess direttiva tista’ tkun iffirmata minn rappreżentant awtorizzat.

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-kunċett ta’ “firma” tal‑applikazzjoni għal rimbors tal-VAT imsemmi fil-mudell li jinsab fl-Anness A tat-Tmien Direttiva jikkostitwixxi kunċett tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fis-sens li tali applikazzjoni għal rifużjoni ma għandhiex bilfors tiġi ffirmata mill‑persuna taxxabbli stess, iżda, f’dan ir-rigward, il-firma ta’ rappreżentant awtorizzat tista’ tkun suffiċjenti.

 Fuq l-ispejjeż

30      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-kunċett ta’ “firma” tal-applikazzjoni għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud imsemmi fil-mudell li jinsab fl-Anness A tat-Tmien Direttiva tal‑Kunsill Nru 79/1072/KEE, tas-6 ta’ Diċembru 1979, dwar l‑armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it‑taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Arranġamenti għar-rifużjoni tat‑taxxa fuq il‑valur miżjud lill‑persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit‑territorju tal-pajjiż, jikkostitwixxi kunċett tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fis‑sens li tali applikazzjoni għal rimbors ma għandhiex bilfors tiġi ffirmata mill-persuna taxxabbli stess, iżda, f’dan ir-rigward, il‑firma ta’ rappreżentant awtorizzat tista’ tkun suffiċjenti.

 

Firem      

 

* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.