C-581/08 - EMI Group

Printed via the EU tax law app / web

Kawża C-581/08

EMI Group Ltd

vs

The Commissioners of Her Majesty’s Revenue and Customs

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-VAT and Duties Tribunal, London Tribunal Centre)

“Sitt Direttiva tal-VAT — It-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) — Kunċett ta’ ‘kampjuni’ — Kunċett ta’ ‘rigali ta’ valur żgħir’ — Reġistrazzjonijiet mużikali — Distribuzzjoni bla ħlas għal skopijiet promozzjonali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tranżazzjonijiet taxxabbli — Għoti ta’ oġġetti li huma proprjetà ta’ impriża, iddistribwiti bla ħlas — Esklużjoni ta’ rigali ta’ valur żgħir u ta’ kampjuni

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6))

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tranżazzjonijiet taxxabbli — Għoti ta’ oġġetti li huma proprjetà ta’ impriża, iddistribwiti bla ħlas — Esklużjoni ta’ rigali ta’ valur żgħir u ta’ kampjuni

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6))

3.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tranżazzjonijiet taxxabbli — Għoti ta’ oġġetti li huma proprjetà ta’ impriża, iddistribwiti bla ħlas — Esklużjoni ta’ rigali ta’ valur żgħir u ta’ kampjuni

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6))

1.        Kampjun fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6), tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, huwa eżemplari ta’ prodott li għandu l-għan li jippromwovi l-bejgħ ta’ dak il-prodott u li jippermetti li jiġu evalwati l-karatteristiċi u l-kwalitajiet ta’ dan il-prodott mingħajr ma jwasslu għal konsum finali minbarra dak li huwa inerenti għal tali tranżazzjonijiet ta’ promozzjoni. Dan il-kunċett ma jkunx limitat b’mod ġenerali minn leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kampjuni mogħtija f’forma mhux disponibbli għall-bejgħ jew għal kull wieħed minn serje ta’ kampjuni identiċi mogħtija minn persuna taxxabbli lill-istess destinatarju mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni tippermetti li tiġi kkunsidrata n-natura tal-prodott rappreżentat u tal-kuntest kummerċjali speċifiku għal kull tranżazzjoni li fiha dawn il-kampjuni huma ddistribwiti. L-istatus fiskali tad-destinatarju ta’ kampjuni ma għandux effett f’dan ir-rigward.

B’mod partikolari, reġistrazzjonijiet mużikali ddistribwiti b’xejn fil-kuntest ta’ attività promozzjonali tista’ tammonta għal oġġetti mqassma bħala kampjuni anki jekk huma identiċi għall-prodott definittiv li huma lesti għall-bejgħ fis-suq. Fil-fatt, fil-każ tad-distribuzzjoni ta’ tali reġistrazzjoni lil persuna bil-għan li hija tiżgura l-promozzjoni tagħha lill-pubbliku fil-kuntest tax-xogħol tagħha, din il-persuna tista’ tevalwa biss bis-sħiħ il-valur tagħha jekk ikollha l-possibbiltà li tisma’ l-kontenut kollu ta’ din ir-reġistrazzjoni hekk kif tiġi ddistribwita fis-suq. B’hekk, ma jmurx kontra l-iskop tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva li oġġetti jiġu ddistribwiti bħala kampjuni lil persuna oħra mix-xerrej potenzjali jew effettiv tal-prodott li jirrapreżenta, sakemm tali distribuzzjoni tikkorrispondi mal-għanijiet mixtieqa minn distribuzzjoni ta’ kampjuni. F’dan ir-rigward, fil-kamp tal-prodotti artistiċi, id-distribuzzjoni ta’ kampjuni b’xejn ta’ xogħlijiet ġodda lil intermedjarju li l-funzjoni tiegħu hija li jevalwa b’mod kritiku l-kwalità ta’ dawn ix-xogħlijiet u li b’hekk jista’ jinfluwenza l-livell tal-preżenza tal-prodott fis-suq, bħal ġurnalist jew preżentatur ta’ programm tar-radju, huwa r-riżultat ta’ mekkaniżmu ta’ promozzjoni li fih l-użu tal-kampjun huwa konsegwenza inerenti għall-proċess ta’ promozzjoni u ta’ valutazzjoni.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-prassi speċifika, marbuta mal-kamp artistiku, tal-promozzjoni ta’ reġistrazzjonijiet mużikali permezz tad-distribuzzjoni ta’ ħafna kopji ta’ reġistrazzjonijiet lil “plugger”, jista’ jkun neċessarju, għall-finijiet tal-kritika u tal-promozzjoni ta’ reġistrazzjoni mużikali, li numru ta’ eżemplari ta’ din ir-reġistrazzjoni jkunu mogħtija lil intermedjarji sabiex dawn ikunu jistgħu sussegwentement jibagħtuhom lill-persuni identifikati skont il-kapaċità tagħhom li jippromwovu l-bejgħ ta’ reġistrazzjoni mużikali. Is-sempliċi fatt li n-numru ta’ eżemplari ddistribwiti f’kuntest bħal dan jista’ jitla’ għal mijiet fil-każ fejn kumpannija produttriċi u tal-bejgħ ta’ reġistrazzjonijiet mużikali tirrikorri għal “pluggers” sabiex tiddistribwixxi eżemplari tar-reġistrazzjonijiet ġodda tagħha ma tistax tkun ikkunsidrata fiha nnfisha bħala kuntrarja għal għan imfittex mill-eċċezzjoni dwar il-kampjuni sakemm dan in-numru ta’ eżemplari jkun konsistenti man-natura tal-prodott rappreżentat bl-użu li l-“plugger” għandu jagħmel bħala intermedjarju, liema fatt għandu jiġi mistħarreġ mill-qorti nazzjonali. Bl-istess mod, l-eventwalità li “plugger”, minflok jiddistribwixxi l-kopji b’xejn ta’ reġistrazzjonijiet mużikali mogħtija lilu kif previst, jagħmel użu abbużiv, pereżempju billi jpoġġihom għal bejgħ fis-sistema normali tal-bejgħ, fiha nnifisha ma tistax taffettwa l-klassifikazzjoni tal-imsemmija kopji b’xejn bħala “kampjuni”. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, sabiex jiżguraw l-osservanza sħiħa tal-limiti tal-eċċezzjoni li tirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva, jimponu fuq il-persuni taxxabbli li jiddistribwixxu kampjuni għall-iskopijiet tan-negozju tagħhom li jieħdu prekawzjonijiet sabiex jevitaw ir-riskji li dawn il-kampjuni jkunu s-suġġett ta’ użu abbużiv. Meta d-distribuzzjoni ta’ kampjuni twassal għal konsum finali li mhux inerenti għall-valutazzjoni tal-prodott rappreżentat minn dawn il-kampjuni, konsum bħal dan jammonta għal abbuż.

(ara l-punti 29-31, 35-40, 53 u d-dispożittiv 1, 4)

2.        Il-kunċett ta’ rigali ta’ valur żgħir fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6), tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tiffissa limitu monetarju ta’ GBP 50 għar-rigali li saru lill-istess persuna fil-perijodu ta’ tnax-il xahar jew inkella li jiffurmaw parti minn serje jew sensiela ta’ rigali.

L-Istati Membri fil-fatt għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6), sakemm huma ma jittraskurawx il-finalità u l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-istruttura tas-Sitt Direttiva. F’dan ir-rigward, il-fatt li jiġi stabbilit, f’leġiżlazzjoni nazzjonali, limitu monetarju ma jeċċedix dan il-marġni ta’ diskrezzjoni. L-istess japplika għar-regola li limitu bħal dan japplika b’mod kumulattiv għar-rigali li jsiru lil istess persuna f’perijodu ta’ tnax-il xahar jew li jiffurmaw parti minn serje jew sensiela ta’ rigali. Fil-fatt, tali limiti huma kompatibbli mal-għanijiet tal-Artikolu 5(6) filwaqt li ma jċaħdux l-eċċezzjoni mill-effettività tagħha għal dak li jirrigwarda r-rigali ta’ valur żgħir.

(ara l-punti 42, 44, 45 u d-dispożittiv 2)

3.        It-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni li oġġetti li jammontaw għal rigali ta’ valur żgħir fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iddistribwiti minn persuna taxxabbli lil persuni differenti li huma mħaddma minn l-istess persuna, huma kkunsidrati li saru lill-istess persuna.

Il-klassifikazzjoni ta’ distribuzzjoni ta’ oġġett bħala rigal ta’ valur żgħir tiddependi minn min kien l-utent finali previst mid-donatur, mingħajr mar-relazzjoni tax-xogħol li kien hemm bejn l-utent finali u min iħaddmu jew il-fatt li numru ta’ utenti finali għandhom l-istess persuna li tħaddimhom ma jkollu effett fuq din il-klassifikazzjoni.

(ara l-punti 49, 50, u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

30 ta’ Settembru 2010 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – It-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) – Kunċett ta’‘kampjuni’ – Kunċett ta’ ‘rigali ta’ valur żgħir’ – Reġistrazzjonijiet mużikali – Distribuzzjoni bla ħlas għal skopijiet promozzjonali”

Fil-Kawża C‑581/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-VAT and Duties Tribunal, London Tribunal Centre (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2008, fil-proċedura

EMI Group Ltd

vs

The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász, G. Arestis, T. von Danwitz (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal EMI Group Ltd, minn R. Cordara, QC, u P. Key, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn P. Mantle, barrister,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ April 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “kampjuni” u ta’ “rigali ta’ valur żgħir” li jidhru fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l‑armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn EMI Group Ltd (iktar ’il quddiem “EMI”) u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) dwar it-talba ta’ EMI li tikseb ir-rimbors tas-somom li hija ħalset bi żball abbażi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għall-perijodu bejn April 1987 u Ġunju 2003 għall‑kopji b’xejn ta’ reġistrazzjonijiet mużikali mogħtija lil persuni differenti bil‑għan li tiġi promossa l-mużika tagħha ppubblikata u tat-talba tal-ħlas tal-VAT għal għoti ta’ dawk il-kopji li saru lill-EMI mill-Commissioners għall-perijodu minn Lulju 2003 sa Diċembru 2004.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għa[ll-VAT]:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

2.       l-importazzjoni ta’ oġġetti.”

4        L-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“L-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi tan-negozju tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, jew biex issir it-tneħħija tagħhom mingħajr ħlas, jew b’mod iktar ġenerali, l-applikazzjoni tagħhom għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha, fejn il-[VAT] fuq l-oġġetti in kwistjoni jew il-partijiet komponenti tagħhom kienet deduċibbli setgħet titnaqqas kollha jew parti minnha, għandhom jitqiesu bħala provvisti bi ħlas. Iżda applikazzjonijet biex jingħataw kampjuni jew rigali ta’ valur żgħir għall-iskopijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli m’għandhomx ikunu hekk meqjusa.”

5        Is-Sitt Direttiva ġiet imħassra mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tagħha ġie redatt b’mod simili għat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        Id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti jinsabu fl-Artikolu 5(1) tal‑liġi tal-1994 fuq il-VAT (Value Added Tax Act 1994) u fil-paragrafi 5(1), (2), (2 ZA) u (3), tal-Anness 4 għal dak l-att u ġew emendati f’numru ta’ okkażżjonijiet fil-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

7        Skont il-verżjoni attwali tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu essenzjalment li t-trasferiment jew it-tneħħija, bi ħlas jew mod ieħor, ta’ oġġetti li jiffurmaw parti mill-assi tan-negozju ta’ persuna taxxabbli jigi ttrattat bħala provvista suġġetta għall-VAT, suġġett għal eċċezzjoni fir-rigward ta’ rigali fin‑negozju u l-provvista ta’ kampjuni. Fir-rigward ta’ rigali fin-negozju, l‑eċċezzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-valur għal kull persuna u għal kull sena ma jistax jeċċedi GBP 50. Sa Ottubru 2003, din l-eċċezzjoni ma kinitx tkopri r-rigali li jiffurmaw parti minn serje ta’ rigali. Fir-rigward ta’ kampjuni, huwa biss l-ewwel kampjun li jiġi eżentat fejn jingħataw numru ta’ kampjuni identiċi lill‑istess persuna. Qabel Lulju 1993, dik l-eżenzjoni kienet tapplika biss għal kampjuni industrijali ppreżentati f’forma li normalment ma tinbiegħx lill‑pubbliku.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        EMI hija kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Ingliż li twettaq l-attività ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ ta’ reġistrazzjonijiet mużikali u tal-pubblikazzjoni tal-mużika. Sa mill-1987, EMI ila tippromwovi reġistrazzjonijiet ġodda li hija tkun ipproduċiet billi tiddistribwixxi kopji b’xejn ta’ dawn ir-reġistrazzjonijiet fuq diski tal-vinyl, cassette tape u compact discs (iktar ’il quddiem is-“CD”), lil diversi persuni li jistgħu jevalwaw il-kwalità kummerċjali tar-reġistrazzjoni u sabiex jinfluwenzaw il‑livell ta’ pubbliċità li jibbenefika minnha l-artist.

9        Fil-kuntest ta’ din l-istrateġija promozzjonali, kopji b’xejn bħal dawn huma b’mod partikolari ddistribwiti lil individwi li jaħdmu fl-istampa, stazzjonijiet tar-radju, programmi televiżivi, aġenziji tar-reklamar, ħwienet tal-bejgħ bl-imnut u ċinemas. EMI tirrikorri wkoll għal promoturi tal-mużika li jissejħu “pluggers” li huma persuni li huma f’pożizzjoni li jippromwovu r-reġistrazzjonijiet tagħhom fil-medja awdjoviżiva u fl-istampa, u li jqassmuhom, b’xejn ukoll, lill-kuntatti proprji tagħhom, identifikati u elenkati f’listi mfassla speċifikament għall-ħruġ ta’ kull CD ġdid.

10      Għal dan il-għan, EMI tiddistribwixxi r-reġistrazzjonijiet mużikali f’forom differenti, jiġifieri CDs reġistrabbli “watermarked” għad-distribuzzjoni qabel il‑ħruġ tal-album, li jkollhom fuqhom l-isem tad-destinatarju u li jippermettu li jiġi stabbilit l-oriġini ta’ kopji eventwali, CDs reġistrabbli mhux “watermarked” iddistribwiti f’envelops tal-kartun abjad qabel il-ħruġ tal-album, CDs konvenzjonali mhux “watermarked” iddistribwiti f’envelops tal-kartun li jkollhom fuqhom l-istess iddisinjar topografiku bħal tal-album lest għall-bejgħ lill-pubbliku kif ukoll CDs fil-forma tal-album lest għall-bejgħ lill-pubbliku. Dawn tal-aħħar ikollhom fuqhom tikketta li tgħid “Kopja Promozzjonali Mhux għall-Bejgħ”. L‑oħrajn ikollhom indikat fuqhom li l-proprjetà u t-titolu jibqgħu vestiti f’EMI.

11      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, madwar 90 % tas-CDs promozzjonali jintbagħtu lil individwi partikolari imsemmija, l-eċċezzjoni prinċipali tikkonsisti f’li jintbagħtu lil persuni identifikati permezz tal-pożizzjoni tagħhom fi ħdan università jew kulleġġ. Id-destinatarji potenzjali tal-kopji b’xejn ta’ reġistrazzjonijiet mużikali, li huma kkunsidrati minn EMI bħala influwenti fil-qasam tal-mużika, huma madwar 7 000. Fil-promozzjoni ta’ reġistrazzjoni partikolari, hija stabbilita lista ta’ 200 sa 500 destinatarju speċifiku. Din tinkludi l-ismijiet tal-persuni li huma kkunsidrati li huma l-iktar influwenti għall-promozzjoni tal-bejgħ ta’ reġistrazzjonijiet tat-tip partikolari ta’ mużika kkonċernata. Meta reġistrazzjoni ġdida tkun ser tibda tinbiegħ, EMI tiddistribwixxi ġeneralment bejn 2 500 u 3 750 kopji b’xejn. Fir‑rigward tal-“pluggers”, wieħed minn dawn jista’ jirċievi sa 600 kopja b’xejn li jista’ jqassam lil ħaddiehor. Min-naħa l-oħra, jistgħu jintbagħtu kopji separatament lil numru ta’ persuni li jaħdmu għall-istess organizzazzjoni, bħall‑BBC.

12      Minn April 1987 sa Ġunju 2003, EMI ddikjarat il-VAT fuq ir-reġistrazzjonijiet ipprovduti minnha fiċ-ċirkustanzi spjegati iktar ’il fuq. Peress li ħadet il‑pożizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva u li, konsegwentement, l-ebda VAT ma kienet dovuta, EMI talbet lill-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs sabiex jirrimborsaw l-ammonti mħallsa minn EMI għall-VAT fuq dawk id‑distribuzzjonijiet. Peress li l-Commissioners adottaw deċiżjoni li tirrifjuta r-rimbors, EMI ressqet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

13      Barra minn hekk, peress li EMI waqfet tiddikjara l-VAT fuq id-distribuzzjonijiet promozzjonali ta’ CDs b’xejn minn Lulju 2003, il-Commissioners bagħtulha stima li tirrigwarda dawk id-distribuzzjonijiet għall-perijodu li jkopri Lulju 2003 sa Diċembru 2004, li kontra tagħha EMI ressqet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, li mbagħad ġie magħqud mal-ewwel rikors.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-VAT and Duties Tribunal, London Tribunal Centre ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1) Kif għandha tiġi interpretata l-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva fil-kuntest taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża?

2)      B’mod partikolari, x’inhuma l-karatterstiċi essenzjali ta’ “kampjun” skont is-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva?

3)      Jista’ Stat Membru jillimita l-interpretazzjoni ta’ “kampjun” fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva għal:

a)      kampjun industrijali f’forma li mhijiex normalment disponibbli għall‑bejgħ lill-pubbliku mogħti lil klijent attwali jew potenzjali tal‑impriża (sa l-1993)[?]

b)      kampjun wieħed biss, jew biss l-ewwel kampjun minn dawk mogħtija mill-istess persuna lill-istess destinatarju fejn dawn il-kampjuni huma identiċi jew ma fejn ma jeżistux differenzi materjali bejniethom (mill‑1993)?

4)      Jista’ Stat Membru jillimita l-interpretazzjoni ta’ “rigali ta’ valur żgħir” fl‑aħħar sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva b’tali mod li jeskludi:

a)       rigal ta’ oġġetti li jifforma parti minn serje jew sensiela ta’ rigali mogħtija lill-istess persuna minn żmien għal żmien (sa Ottubru 2003)[?]

b)      kwalunkwe rigal ta’ impriża mogħti lill-istess persuna fi kwalunkwe perijodu ta’ 12-il xhar fejn il-prezz totali jaqbeż GBP 50 (minn Ottubru 2003 ’il quddiem)?

5)      Jekk ir-risposta [għat-tieni parti tat-tielet] domanda jew għal kwalunkwe parti [mir-raba’] domanda tkun fl-affermattiv, fejn persuna taxxabbli tagħti rigal simili jew identiku ta’ mużika rrekordjata lil żewġ jew aktar individwi differenti minħabba l-kwalitajiet personali tagħhom li jinfluwenzaw il-livell ta’ pubbliċità li l-artist inkwistjoni jirċievi, jista’ l-Istat Membru jittratta dawn l-oġġetti bħala mogħtija lill-istess persuna sempliċement għaliex dawn l-individwi huma impjegati mill-istess persuna?

6)       Ir-risposti [għall-ewwel sal-ħames] domand[a] ikunu affettwati jekk id‑destinatarju jkun hu stess, jew ikun impjegat minn, persuna kompletament taxxabbli, li jkun jista’ (jew li kien seta’) jnaqqas kull taxxa input li titħallas fuq il-provvista ta’ oġġetti li jikkonsistu f’kampjun?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda sa fejn din tirrigwarda l-kunċett ta’ “kampjuni” kif ukoll fuq it-tieni u t-tielet domanda

15      Permezz tal-ewwel domanda tagħha sa fejn din tirrigwarda l-kunċett ta’ kampjuni kif ukoll permezz tat-tieni u t-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi kif għandu jiġi interpretat il‑kunċett ta’ “kampjuni” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva, u b’mod partikolari jekk dan il-kunċett ikopri biss l-oġġetti mogħtija fil‑forma mhux disponibbli għall-bejgħ u biss l-ewwel eżemplari minn serje ta’ oġġetti identiċi mogħtija lill-istess destinatarju.

16      Għandu jiġi kkonstatat mill-bidu li s-Sitt Direttiva ma tinkludi l-ebda definizzjoni tal-imsemmi kunċett. Konsegwentement huwa neċessarju, għall-interpretazzjoni tagħha, li jiġu kkunsidrati t-termini, il-kuntest u l-għan tat-tieni sentenza tal‑Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2008, Nordania Finans u BG Factoring, C-98/07, Ġabra p. I‑1281, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal‑Artikolu 5(6) tittratta ċerti tranżazzjonijiet li għalihom il-persuna taxxabbli effettivament ma tirċievi l-ebda ħlas bħala provvisti ta’ oġġetti li saru bi ħlas bħala soġġetti għall‑VAT kif previst mill-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiżgura trattament indaqs bejn persuna taxxabbli li tuża oġġetti għall-użu privat tagħha jew għal dak tal-persunal tagħha minn naħa, u konsumatur finali li jikseb oġġetti tal-istess tip, min-naħa l‑oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Hotel Scandic Gåsabäck, C‑412/03, Ġabra p. I‑743, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Fil-fatt, hekk kif sostna l-Gvern Ġermaniż, it-tassazzjoni tal-applikazzjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva għandha l-għan li tevita sitwazzjonijiet ta’ konsum finali mhux intaxxat.

19      It-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 5(6) tammonta għal eċċezzjoni għal din ir‑regola, minħabba l-fatt li hija madankollu teskludi mit-tassazzjoni l-għoti ta’ kampjuni għall-iskopijiet tan-negozju sabiex jingħataw rigali ta’ valur żgħir u kampjuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 1999, Kuwait Petroleum, C‑48/97, Ġabra p. I‑2323, punt 23).

20      Konsegwentement, it-termini li jidhru fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod strett, b’mod li ma jiġux ippreġudikati l-għanijiet tal-ewwel sentenza tal-imsemmi Artikolu 5(6) billi jiġi żgurat li l‑eċċezzjoni dwar il-“kampjuni” u r-“rigali ta’ valur żgħir” ma jitilfux l-effettività tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2004, Temco Europe, C‑284/03, Ġabra p. I-11237, punt 17, u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College, C‑434/05, Ġabra p. I-4793, punt 16).

21      Fir-rigward tal-impossibbiltà li tkopri, permezz ta’ definizzjoni uniformi u eżawrjenti, in-numru infinit ta’ oġġetti ta’ natura differenti ħafna, potenzjalment ikkonċernati minn tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT u fil-kuntest kummerċjali proprju għal kull tranżazzjoni li fih oġġetti bħal dawn jistgħu jiġu ddistribwiti mill-persuna taxxabbli bħala kampjuni, għandu jsir eżami f’żewġ stadji. B’hekk għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk it-tqassim tal-oġġetti inkwistjoni jikkorrispondux mal-karatteristiċi essenzjali komuni għal kull tip ta’ kampjun u, fit-tieni lok, li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom l-imsemmija oġġetti huma mqassma minn persuna taxxabbli.

22      Fir-rigward tal-ewwel aspett, għandu jingħad li l-għan tal-eċċezzjoni li tirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva għal dak li jirrigwarda l‑“applikazzjonijet biex jingħataw kampjuni” għandha tirrefletti r-realtà kummerċjali li d-distribuzzjoni tal-kampjuni ssir sabiex jiġi promoss il-prodott li minnu l-kampjuni huma eżemplari, li jippermettu l-valutazzjoni tal-kwalità ta’ dan il-prodott u l-verifika tal-preżenza tal-proprjetajiet imfittxija minn xerrej potenzjali jew effettiv.

23      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tas‑Sitt Direttiva, l-eċċezzjoni li tirrigwarda l-kampjuni ma għandhiex l-għan li teżenta mill‑VAT il-kunsinna ta’ oġġetti li l-għan tagħhom huwa li jissodisfaw il‑bżonnijiet ta’ konsumatur għal dak li jirrigwarda l-prodott inkwistjoni.

24      Fir-rigward tat-tieni aspett, fl-ewwel lok għandha ssir analiżi tal-kwistjoni jekk il‑kunċett ta’ kampjuni jistax jiġi llimitat għal oġġetti mogħtija f’forma li normalment mhix disponibbli għall-bejgħ lill-pubbliku.

25      Mill-punt 23 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-għan tal-eċċezzjoni li tirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva ma tistax tikkonsisti f’eżenzjoni tal-VAT dwar oġġetti li jistgħu jwasslu għal konsum finali ħlief fejn il-konsum finali huwa inerenti għal tranżazzjonijiet bħal dawn ta’ promozzjoni.

26      Issa, oġġetti li jitqassmu bħala kampjuni li huma identiċi għall-prodott definittiv li huma lesti għall-bejgħ fis-suq ċertament jistgħu jkunu s-suġġett ta’ konsum finali.

27      Din iċ-ċirkustanza madankollu ma tistax tiġġustifika li jkunu koperti biss mill‑imsemmija eċċezzjoni dwar il-kampjuni, eżemplari differenti tal-prodott rappreżentat, peress li, f’ħafna każijiet, il-fatt li jkunu disponibbli kampjuni korrispondenti għal dan il-prodott fil-forma definittiva huwa prerekwiżit essenzjali għal-proċess ta’ valutazzjoni.

28      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-oġġetti fornuti bħala “kampjuni”, huwa neċessarju li dawn ikollhom il-karatteristiċi kollha essenzjali tal-prodott li huma jirrappreżentaw, fil-forma definittiva tiegħu. Issa, jekk il-kampjuni jistgħu, f’ċerti każijiet, jippreżentaw il-karatteristiċi kollha essenzjali tal-prodott rappreżentat mingħajr ma jieħu l-forma definittiva tiegħu, jista’ jkun neċessarju, f’każijiet oħra, skont in-natura ta’ dan il-prodott, li l‑kampjuni jikkorrispondu eżattament mal-prodott definittiv sabiex il-karatteristiċi tagħhom ikunu jistgħu jiġu żvelati lix-xerrej potenzjali jew effettiv.

29      Dan japplika wkoll għall-prodotti fil-kamp artistiku, b’mod partikolari tas-CDs bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeħtieġu li jiġu ddistribwiti fil-forma finali tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiġu evalwati bis-sħiħ mid-destinatarju. Fil‑fatt, fil-każ tad-distribuzzjoni ta’ CD lil persuna bil-għan li hija tiżgura l‑promozzjoni tiegħu lill-pubbliku fil-kuntest tax-xogħol tiegħu, din il-persuna tista’ tevalwa biss bis-sħiħ il-valur tiegħu jekk ikollha l-possibbiltà li tisma’ il‑kontenut kollu tas-CD hekk kif jiġi ddistribwit fis-suq.

30      Fit-tieni lok, fr-rigward tat-tieni domanda dwar jekk il-kunċett ta’ kampjuni jimplika li d-destinatarju immedjat tal-kampjuni jkun xerrej potenzjali jew xerrej attwali tal-prodott li huma jirraprezentaw, għandu jiġi kkonstatat li ma jmurx kontra l-iskop tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva li oġġetti jiġu ddistribwiti bħala “kampjuni” lil persuna oħra milli xerrej bħal dan, sakemm tali distribuzzjoni tikkorrispondi mal-għanijiet mixtieqa minn distribuzzjoni ta’ kampjuni bħal dik esposta fil-punt 22 tas-sentenza preżenti.

31      B’mod partikolari, fil-kamp tal-prodotti artistiċi, id-distribuzzjoni ta’ kampjuni b’xejn ta’ xogħlijiet ġodda lil intermedjarju li l-funzjoni tiegħu hija li jevalwa b’mod kritiku l-kwalità ta’ dawn ix-xogħlijiet u li b’hekk tista’ tinfluwenza l‑livell tal-preżenza tal-prodott fis-suq, bħal ġurnalist jew preżentatur ta’ programm tar-radju, huwa r-riżultat ta’ mekkaniżmu ta’ promozzjoni li fih l-użu tal-kampjun huwa konsegwenza inerenti għall-proċess ta’ promozzjoni u ta’ valutazzjoni.

32      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prassi speċifika, marbuta mal-kamp inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tal-promozzjoni ta’ reġistrazzjonijiet mużikali permezz tad‑distribuzzjoni ta’ ħafna kopji ta’ CD lil “plugger”, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ kampjuni għandux jiġi interpretat li jfisser li, meta persuna taxxabbli tagħti ċertu numru ta’ oġġetti lill-istess destinatarju u li l-ebda waħda minn dawn l-oġġetti ma hija essenzjalment differenti mill-oħrajn, kull wieħed minn dawn l-oġġetti jista’ jiġi kkunsidrat bħala meħud sabiex jingħataw kampjuni jew jekk l-ewwel eżemplari biss jistax jaqa’ f’din il-klassifikazzjoni.

33      F’dan ir-rigward, anki jekk id-distribuzzjoni ta’ kampjun wieħed jista’ jkun suffiċjenti għall-valutazzjoni ta’ oġġett, ma jkunx ikkunsidrat li d-distribuzzjoni ta’ numru ta’ eżemplari bħala “kampjuni” huwa, bħala prinċipju, eskluż mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-“kampjuni” imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva, peress li l-kwantità tal-kampjuni li persuna taxxabbli tista’ tiddistribwixxi lill-istess destinatarju, jiġifieri fil-każ preżenti intermedjarju, jiddependi min-natura tal-prodott rappreżentat kif ukoll mill-użu li d-destinatarju jagħmel minnhom.

34      Fil-fatt, f’ċerti każijiet, id-distribuzzjoni ta’ ħafna jew anki ta’ kwantità kunsiderevoli ta’ kampjuni tal-istess prodott lil destinatarju partikolari tista’ tkun neċessarja sabiex tilħaq l-għanijiet tad-distribuzzjoni tal-kampjuni.

35      B’hekk, fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet mużikali, jista’ jkun neċessarju, għall-finijiet tal‑kritika tal-promozzjoni ta’ CD, li l-eżemplari varji ta’ dan is-CD jkunu mogħtija lil intermedjarji sabiex dawn ikunu jistgħu sussegwentement jibagħtuhom lill-persuni identifikati skont il-kapaċità tagħhom li jippromwovu l‑bejgħ ta’ reġistrazzjoni mużikali.

36      Is-sempliċi fatt li n-numru ta’ eżemplari ddistribwiti f’kuntest bħal dan jista’ jitla’ għal mijiet fil-każ fejn kumpannija produttriċi u tal-bejgħ ta’ reġistrazzjonijiet mużikali bħal EMI tirrikorri għal “pluggers” sabiex tiddistribwixxi eżemplari tar‑reġistrazzjonijiet ġodda ma tistax tkun ikkunsidrata fiha nnfisha bħala kuntrarja għal għan imfittex mill-eċċezzjoni dwar il-kampjuni sakemm dan in‑numru ta’ eżemplari jkun konsistenti man-natura tal-prodott rappreżentat bl-użu li l-“plugger” għandu jagħmel bħala intermedjarju, liema fatt għandu jiġi mistħarreġ mill-qorti tar-rinviju.

37      Bl-istess mod, l-eventwalità li “plugger”, minflok jiddistribwixxi l-kopji b’xejn ta’ reġistrazzjonijiet mużikali mogħtija lilu kif previst, jagħmel użu abbużiv, pereżempju billi jpoġġihom għal bejgħ fis-sistema normali tal-bejgħ, fiha nnifisha ma tistax taffettwa l-klassifikazzjoni tal-imsemmija kopji b’xejn bħala “kampjuni”.

38      Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, sabiex jiżguraw l-osservanza sħiħa tal-limiti tal-eċċezzjoni li tirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva, jimponu fuq il-persuni taxxabbli li jiddistribwixxu kampjuni għall-iskopijiet tan‑negozju tagħhom li jieħdu prekawzjonijiet sabiex jevitaw ir-riskji li dawn il‑kampjuni jkunu s-suġġett ta’ użu abbużiv. Prekawzjonijiet bħal dawn jistgħu pereżempju jikkonsistu f’obbligi ta’ tqegħid ta’ tabelli li jindikaw il-kwalità ta’ kampjun ta’ oġġett jew f’klawżoli kuntrattwali dwar ir-responsabbiltà ċivili tal‑intermedjarji li, bħall-“pluggers”, jirċievu kampjuni sabiex dawn jgħadduhom lil persuni oħra.

39      Meta d-distribuzzjoni ta’ kampjuni twassal għal konsum finali li mhux inerenti għall-valutazzjoni tal-prodott rappreżentat minn dawn il-kampjuni, konsum bħal dan jammonta għal abbuż.

40      Fir-rigward ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għall‑ewwel domanda sa fejn din tikkonċerna l-kunċett ta’ kampjuni kif ukoll għat-tieni u t-tielet domandi, li “kampjun” fis-sens tat-tieni sentenza tal‑Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva huwa eżemplari ta’ prodott li għandu l-għan li jippromwovi l-bejgħ ta’ dak il-prodott u li jippermetti li jiġu evalwati l‑karatteristiċi u l-kwalitajiet ta’ dan il-prodott mingħajr ma jwasslu għal konsum finali minbarra dak li huwa inerenti għal tali tranżazzjonijiet ta’ promozzjoni. Dan il-kunċett ma jkunx limitat b’mod ġenerali minn leġiżlazzjoni nazzjonali għall‑kampjuni mogħtija f’forma mhux disponibbli għall-bejgħ jew għal kull wieħed minn serje ta’ kampjuni identiċi mogħtija minn persuna taxxabbli lill‑istess destinatarju mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni tippermetti li tiġi kkunsidrata n-natura tal-prodott rappreżentat u tal-kuntest kummerċjali speċifiku għal kull tranżazzjoni li fiha dawn il-kampjuni huma ddistribwiti.

 Fuq l-ewwel domanda sa fejn din tirrigwarda l-kunċett ta’ rigali ta’ valur żgħir kif ukoll fuq ir-raba’ domanda

41      Permezz tal-ewwel domanda tagħha sa fejn din tirrigwarda l-kunċett ta’ “rigali ta’ valur żgħir” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva u permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi restrizzjonijiet kwantitattivi li jirrigwardaw in‑numru jew il-valur tar-rigali li jistgħu jiġu riċevuti minn l-istess persuna jew regolarment jew f’perijodu predeterminat.

42      Mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-espressjoni “valur żgħir” jammontax għal kunċett tad-dritt tal-Unjoni jew jirreferi impliċitament għad-dritt nazzjonali, din l-aħħar imsemmija interpretazzjoni li ġiet sostnuta mill-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kummissjoni Ewropea, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tat-termini, tal-kuntest u tal-finalitajiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva, din id-dispożizzjoni ma tikkontjenix l‑indikazzjonijiet neċessarji għal definizzjoni uniformi u preċiża tal-imsemmija espressjoni. L-Istati Membri b’hekk għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli, sakemm huma ma jittraskurawx il-finalità u l-pożizzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni fl-istruttura tas-Sitt Direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’Settembru 2006, Wollny, C‑72/05, Ġabra p. I‑8297, punt 28).

43      Konsegwentement għandu jiġi eżaminat jekk limiti kwantitattivi bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx l‑imsemmija kundizzjonijiet.

44      Hekk kif sostnew l-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kummissjoni, il-fatt li jiġi stabbilit, f’leġiżlazzjoni nazzjonali, limitu monetarju daqs dak stabbilit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri GBP 50, ma jeċċedix il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri. L‑istess japplika għar-regola li limitu bħal dan japplika b’mod kumulattiv għar‑rigali li jsiru lil istess persuna f’perijodu ta’ tnax-il xahar jew li jiffurmaw parti minn serje jew sensiela ta’ rigali. Fil-fatt, tali limiti huma kompatibbli mal‑għanijiet tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva filwaqt li ma jċaħdux l-eċċezzjoni mill-effettività tagħha għal dak li jirrigwarda r-rigali ta’ valur żgħir.

45      Fir-rigward ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għall‑ewwel domanda sa fejn din tikkonċerna l-kunċett ta’ “rigali ta’ valur żgħir” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva u għar-raba’ domanda li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tiffissa limitu monetarju hekk kif stabbilit mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri GBP 50, għar-rigali li saru lill-istess persuna fil-perijodu ta’ tnax-il xahar jew inkella li jiffurmaw parti minn serje jew sensiela ta’ rigali.

 Fuq il-ħames domanda

46      Permezz tal-ħames domanda tagħha, li, fir-rigward tal-kliem tagħha, tirrigwarda biss il-kunċett ta’ “rigali ta’ valur żgħir” fis-sens tat-tieni sentenza tal‑Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fid-dawl tal-applikazzjoni ta’ ċerti limiti, leġiżlazzjoni nazzjonali tistax tikkunsidra rigali ddistribwiti minn persuna taxxabbli lil persuni differenti li huma impjegati mill-istess persuna bħala rigali li saru lill-istess persuna.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑espressjoni “valur żgħir”, hekk kif jiġi stabbilit fil-punt 42 tas-sentenza preżenti, leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkunsidra rigali ddistribwiti minn persuna taxxabbli lil persuni differenti bħala mogħtija lill-istess persuna, jiġifieri l-istess persuna li tħaddimhom, mhix kompatibbli mal-għanijiet tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva.

48      Fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din, partikolarment meta tipprovdi limitu monetarju akkumulat għar-rigali kollha mogħtija lill-istess persuna f’perijodu partikolari, ittellef dispożizzjoni li tipprovdi eżenzjoni mill-VAT lil rigali ta’ valur żgħir għall-iskopijiet tan-negozju mill-effettività tagħha.

49      Il-klassifikazzjoni ta’ distribuzzjoni ta’ oġġett bħala “rigal ta’ valur żgħir” tiddependi minn min kien l-utent finali previst mid-donatur, mingħajr mar‑relazzjoni tax-xogħol li kien hemm bejn l-utent finali u min iħaddmu jew il‑fatt li numru ta’ utenti finali għandhom l-istess persuna li tħaddimhom ma jkollu effett fuq il-klassifikazzjoni tagħhom.

50      Konsegwentement, għandha tingħata risposta għall-ħames domanda li saret li t‑tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni li oġġetti li jammontaw għal “rigali ta’ valur żgħir” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ddistribwiti minn persuna taxxabbli lil persuni differenti li huma mħaddma minn l-istess persuna huma kkunsidrati li saru lill-istess persuna.

 Fuq is-sitt domanda

51      Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk il‑fatt li d-destinatarju ta’ “kampjuni” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva huwa persuna totalment taxxabbli li jista’ jnaqqas it-taxxa tal‑input dovuta fuq il-provvista ta’ oġġetti li tikkonsisti f’kampjuni għandux effett fuq ir-risposti mogħtija għall-ewwel ħames domandi.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li din ma tistabbilixxix differenza skont l-istatus fiskali tad-destinatarju ta’ kampjuni.

53      Konsegwentement għandha tingħata risposta għas-sitt domanda li, l-istatus fiskali tad-destinatarju ta’ kampjuni ma għandux effett fuq ir-risposti mogħtija għad‑domandi l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      “Kampjun” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6), tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1 977, fuq l‑armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, huwa eżemplari ta’ prodott li għandu l-għan li jippromwovi l‑bejgħ ta’ dak il-prodott u li jippermetti li jiġu evalwati l-karatteristiċi u l-kwalitajiet ta’ dan il-prodott mingħajr ma jwasslu għal konsum finali minbarra dak li huwa inerenti għal tali tranżazzjonijiet ta’ promozzjoni. Dan il-kunċett ma jkunx limitat b’mod ġenerali minn leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kampjuni mogħtija f’forma mhux disponibbli għall-bejgħ jew għal kull wieħed minn serje ta’ kampjuni identiċi mogħtija minn persuna taxxabbli lill-istess destinatarju mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni tippermetti li tiġi kkunsidrata n-natura tal-prodott rappreżentat u tal-kuntest kummerċjali speċifiku għal kull tranżazzjoni li fiha dawn il-kampjuni huma ddistribwiti.

2)      Il-kunċett ta’ “rigali ta’ valur żgħir” fis-sens tat-tieni sentenza tal‑Artikolu 5(6), tas-Sitt Direttiva 77/388 għandu jiġi interpretat fis‑sens li huwa ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tiffissa limitu monetarju hekk kif stabbilit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri GBP 50, għar-rigali li saru lill-istess persuna fil‑perijodu ta’ tnax-il xahar jew inkella li jiffurmaw parti minn serje jew sensiela ta’ rigali.

3)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6), tas-Sitt Direttiva 77/388 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni li oġġetti li jammontaw għal “rigali ta’ valur żgħir” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ddistribwiti minn persuna taxxabbli lil persuni differenti li huma mħaddma minn l-istess persuna huma kkunsidrati li saru lill-istess persuna.

4)      L-istatus fiskali tad-destinatarju ta’ kampjuni ma għandux effett fuq ir‑risposti mogħtija għad domandi l-oħra.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.