C-97/09 - Schmelz

Printed via the EU tax law app / web

Kawża C-97/09

Ingrid Schmelz

vs

Finanzamt Waldviertel

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mill-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien)

“Sitt Direttiva tal VAT — Artikoli 24(3) u 28i — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 283(1)(ċ) — Validità — Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE — Prinċipju ta’ trattament ugwali — Skema speċjali għall-impriżi żgħar — Eżenzjoni mill-VAT — Rifjut tal-benefiċċju tal-eżenzjoni lill-persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħrajn — Kunċett ta’ ‛dħul mill bejgħ annwali’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali

(Artikolu 49 KE, Direttivi tal-Kunsill 77/388, Artikoli 24(3) u 28i, u 2006/112, Artikolu 283(1)(ċ))

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Skema speċjali għal impriżi żgħar

(Direttivi tal-Kunsill 77/388, Artikoli 24 u 24a, u 2006/112, Artikoli 284 sa 287)

1.        L-Artikolu 49 KE ma jipprekludix l-Artikoli 24(3) u 28i tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 2006/18, u lanqas l-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, milli jippermettu lill-Istati Membri li jagħtu lill-impriżi żgħar stabbiliti fit-territorju tagħhom eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud filwaqt li jitilfu d-dritt għal tnaqqis, iżda jeskludu din il-possibbiltà għall-impriżi żgħar stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

Ċertament, l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-impriżi żgħar barra mit-territorju ta’ Stat Membru, tirrendi l-provvista ta’ servizzi barra mit-territorju ta’ Stat Membru inqas attraenti għal dawn l-impriżi żgħar, u twassal, konsegwentement, għal restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

Madankollu, f’dan l-istadju tal-evoluzzjoni tal-iskema tal-VAT, l-għan li tiġi ggarantita l-effettività tal-kontrolli fiskali fid-dawl tal-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbuż eventwali kif ukoll l-għan tal-iskema għall-impriżi żgħar, li ssaħħaħ il-kompettività ta’ dawn tal-aħħar, jiġġustifikaw li l-applikabbiltà tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud tkun limitata għall-attivitajiet tal-impriżi żgħar stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membri li fih it-taxxa hija dovuta. Fil-fatt, ir-restrizzjoni għall-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud għall-impriżi żgħar stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li japplika din l-eżenzjoni hija adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ kontrolli fiskali effettivi intiżi sabiex jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu l-benefiċċju tal-imsemmija eżenzjoni humiex sodisfatti, peress li l-impriżi jżommu, ġeneralment, id-dokumenti li jirrigwardaw l-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħhom fil-post tal-istabbiliment tagħhom. Kontroll effettiv tal-attivitajiet eżerċitati taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizz minn impriżi żgħar li ma hijiex stabbilita fl-imsemmija territorju ma jaqax taħt il-portata tal-Istat Membru ospitanti.

Barra minn hekk, fir-rigward tan-neċessità tal-limitazzjoni tal-benefiċċju minn din l-iskema għall-impriżi żgħar stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat, ir-regoli fuq l-assistenza amministrattiva fil-qasam tat-taxxa previsti mir-Regolament Nru 1798/2003, dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament Nru 218/92, u mid-Direttiva 77/799, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ma jistgħux jiżguraw skambju effettiv ta’ data għal dak li jirrigwarda l-impriżi żgħar li jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju tal-Istat Membru li japplika eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud. Fil‑fatt, skont l‑Artikolu 272(1)(d) tad‑Direttiva 2006/112, l‑Istati Membri jistgħu jeżentaw l-impriżi żgħar mill‑formalitajiet kollha stabbiliti fl‑Artikoli 213 sa 271 ta’ din id‑direttiva, li huma intiżi sabiex jinformaw lill‑awtoritajiet fiskali tal‑Istati Membri fuq l‑attivitajiet suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud fit‑territorju tagħhom. Għaldaqstant, l‑impriżi żgħar ma humiex, ġeneralment, identifikati fiskalment skont it-taxxa fuq il-valur miżjud fl‑Istat Membru ta’ stabbilment tagħhom u dan l‑Istat Membru ma għandu ebda data dwar id‑dħul mill‑bejgħ. Fir-rigward tad-Direttiva 77/799, hija tirreferi għal skambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxi fuq id-dħul, il-kapital u l-primjums ta’ assigurazzjoni. Filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li l-informazzjoni dwar, b’mod partikolari, id-dħul, tista’ tipprovdi indikazzjonijiet utli, b’mod partikolari għall-investigazzjoni ta’ frodi possibbli fil-VAT, jibqa’ madankollu l-fatt li din l-informazzjoni ma tinkludix id-dħul mill-bejgħ suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

(ara l-punti 51, 53, 59, 61, 64‑67, 71, 76 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 24 u 24a tad-Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 2006/18, kif ukoll l-Artikoli 284 sa 287 tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “negozji totali annwali” [“dħul mill-bejgħ annwali”] jirreferi għad-dħul mill-bejgħ miksub minn impriża f’sena fi Stat Membru li fih hija stabbilita.

(ara l-punt 77 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Artikoli 24(3) u 28i – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 283(1)(ċ) – Validità – Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE – Prinċipju ta’ trattament ugwali – Skema speċjali għall-impriżi żgħar – Eżenzjoni mill‑VAT – Rifjut tal-benefiċċju tal-eżenzjoni lill-persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħrajn – Kunċett ta’ “dħul mill-bejgħ annwali’”

Fil-Kawża C-97/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Marzu 2009, fil-proċedura

Ingrid Schmelz

vs

Finanzamt Waldviertel

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J.N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot kif ukoll P. Lindh u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, T. von Danwitz u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tat‑13 ta’ April 2010,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall‑Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u J. Bauer, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Ġermaniż, minn C. Blaschke u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Grieg, minn M. Tassopoulou u K. Georgiadis kif ukoll I. Bakopoulos, bħala aġenti,

–        għall‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, minn A.‑M. Colaert u J.‑P. Hix, bħala aġenti,

–        għall‑Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑validità, fid-dawl tal‑Artikoli 12 KE, 43 KE, 49 KE u tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali, tal‑Artikoli 24(3) u 28i tas‑Sitt Direttiva tal‑Kunsill 77/388/KEE, tas‑17 ta’ Mejju 1977, fuq l‑armonizzazzjoni tal‑liġijiet tal‑Istati Membri dwar taxxi fuq id‑dħul mill‑bejgħ ‑ Sistema komuni ta’ taxxa fuq il‑valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) kif emendata bid‑Direttiva tal‑Kunsill 2006/18/KE, tal‑14 ta’ Frar 2006 (ĠU 2006 L 270M, p. 243) (iktar ’il quddiem is‑“Sitt Direttiva”), kif ukoll l‑Artikolu 283(1)(ċ) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 2006/112/KE, tat‑ 28 ta’ Novembru 2006, dwar is‑sistema komuni ta’ taxxa fuq il‑valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem, id‑“Direttiva tal‑VAT”). Din it‑talba tirrigwarda wkoll l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 24(2) tas‑Sitt Direttiva u tal‑Artikolu 287 tad‑Direttiva tal‑VAT.

2        Din it‑talba ġiet ippreżentata fil‑kuntest ta’ kawża bejn I Schmelz, ċittadina Ġermaniża li tirrisjedi fil‑Ġermanja u l‑Finanzamt Waldviertel (iktar ’il quddiem il‑“Finanzamt”), dwar stima tat‑taxxa maħruġa mill‑Finanzamt u li tikkonċerna t‑taxxa fuq id‑dħul mill‑bejgħ allegatament dovuta minn I. Schmelz għall‑perijodi annwali 2006 u 2007 fir‑rigward tad‑dħul tagħha mil‑lokazzjoni ta’ appartament li jinsab fl‑Awstrija.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni

 Is‑Sitt Direttiva

3        Skont l‑Artikolu 13B(b) tas‑Sitt Direttiva, l‑Istati Membri għandhom jeżentaw il‑kiri jew il‑lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli.

4        L‑Artikolu 24(2)(a) u (b) tas‑Sitt Direttiva, bit‑titolu “Skema speċjali għall‑impriżi żgħar”, taħt it‑Titolu XIV tagħha dwar l‑iskemi speċjali, jippermetti, essenzjalment, lill‑Istati Membri li jżommu jew jagħtu eżenzjoni mit‑taxxa fuq il‑valur miżjud (iktar’il quddiem il‑“VAT”) lill‑persuni taxxabbli li d‑dħul mill‑bejgħ annwali tagħhom fil‑massimu jilħaq l‑ekwivalenti f’munita nazzjonali ta’ 5000 units tal‑munita Ewropea bir‑rata tal‑kambju tal‑ġurnata li fiha kienet adottata s‑Sitt Direttiva.

5        Skont il‑Punt 2(ċ) tat‑Taqsima IX, bit‑titolu “Tassazzjoni”, fl‑Anness XV tal‑Att dwar il‑kundizzjonijiet tal‑adeżjoni tar‑Repubblika tal‑Awstrija, tar‑Repubblika tal‑Finlandja u tar‑Renju tal‑Iżvezja u l‑aġġustamenti għat‑Trattati li fuqhom hija stabbilita l‑Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 195, L 1, p. 1, iktar ’il quddiem l‑“Att ta’ Adeżjoni”, skont l‑Artikolu 24(2) sa (6) tas‑Sitt Direttiva, ir‑Repubblika tal‑Awstrija tista’ teżenta mill‑VAT il‑persuni taxxabbli li għandhom dħul mill‑bejgħ annwali li huwa inqas mill‑ekwivalenti fil‑munita nazzjonali għal EUR 35 000.

6        L‑Artikolu 24(3) tas‑Sitt Direttiva jipprovdi li:

“Il‑konċetti ta’ l‑eżenzjoni […] jistgħu japplikaw għall‑provvista ta’ oġġetti u servizzi mill‑impriżi żgħar.

L‑Istati Membri jistgħu jeskludu ċertu transazzjonijet mill‑arranġamenti pprovduti fil‑paragrafu 2 […]”

7        L‑Artikolu 28(2)(j) tas‑Sitt Direttiva jipprovdi li “ir‑Repubblika ta’ l‑Awstrija tista’ tapplika waħda miż‑żewġ rati mnaqqsa stabbiliti fit‑tielet sub‑paragrafu ta’ l‑Artikolu 12(3)(a) għall‑kiri [lokazzjoni] ta’ proprjetà immobbli għall‑użu residenzali, sakemm din ir‑rata ma tkunx inqas minn 10 %”.

8        L‑Artikolu 28i tas‑Sitt Direttiva, bit‑titolu “Skema speċjali għall‑impriżi żgħar”, żied il‑paragrafu s‑segwenti mal‑Artikolu 24(3) tal‑istess direttiva:

“F’kull ċirkostanza [...] il‑provvisti ta’ oġġetti u servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t‑territorju tal‑pajjiż għandhom jiġu esklużi mill‑eżenzjoni mit‑taxxa skond il‑paragrafu 2.”

 Id‑Direttiva tal‑VAT

9        Skont l‑Artikolu 135(1)(l) tad‑Direttiva tal‑VAT, l‑Istati Membri għandhom jeżentaw il‑kiri jew il‑lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli.

10      L‑Artikolu 117(2)(j) tad‑Direttiva tal‑VAT jipprovdi li r‑Repubblika tal‑Awstrija “tista’ tapplika waħda miż‑żewġ rati mnaqqsa previsti fl‑Artikolu 98 għall‑kiri [lokazzjoni] ta’ proprjetà immobbli għall‑użu residenzali, sakemm din ir‑rata ma tkunx inqas minn 12 %”.

11      Skont l‑Artikolu 272(1)(d) tad‑Direttiva tal‑VAT l‑Istati Membri jistgħu jħollu “l‑persuni taxxabbli koperti mill‑eżenzjoni għal impriżi żgħar prevista fl‑Artikoli 282 sa 292” minn xi uħud mill‑obbligi jew minn kull obbligu msemmija fil‑Kapitoli 2 (“Identifikazzjoni”, 3 (“Fatturazzjoni”), 4 (“Kontabiltà”), 5 (“Denunzji”) u 6 (“Dikjarazzjonijiet rikapitolattiv”) tat‑Titolu XI (“Obbligi ta’ persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli”) ta’ din id‑direttiva.

12      It‑Titolu XII tad‑Direttiva tal‑VAT dwar “Skemi speċjali”, jinkludi Kapitolu 1 bit‑titolu “Skema speċjali għall‑impriżi żgħar”. L‑Artikolu 281, fit‑Taqsima 1 ta’ dan il‑Kapitolu 1, dwar “Proċeduri speċjali għall‑impożizzjoni u l‑ġbir”, jippermetti, essenzjalment, lill‑“Istati Membri li jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl‑applikazzjoni ta’ l‑arranġamenti tal‑VAT normali għall‑impriżi żgħar, minħabba fl‑attivitajiet jew fl‑istruttura ta’ tali impriżi, […] [li] japplikaw proċeduri simplifikati […] u l‑ġbir tal‑VAT […]”.

13      L‑Artikolu 282 tad‑Direttiva tal‑VAT, inkluż fit‑Taqsima 2 tal‑imsemmi Kapitolu 1, bit‑titolu “Eżenzjonijiet jew ħelsien [tnaqqis] gradwat”, jispeċifika li l‑“eżenzjonijiet u l‑ħelien [tnaqqis] mit‑taxxa gradwat previst f’din it‑Taqsima għandhom japplikaw għall‑provvista ta’ merkanzija u servizzi mill‑impriżi żgħar”.

14      Skont l‑Artikolu 283(1)(ċ) tad‑Direttiva tal‑VAT, li jinsab fl‑istess Taqsima 2, l‑arranġament previsti f’din it‑Taqsima ma għandhomx japplikaw għall‑“provvisti ta’ merkanzija jew servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl‑Istat Membru li fih hi dovuta l‑VAT”.

15      Skont l‑Artikolu 287 tad‑Direttiva tal‑VAT, l‑“Istati Membri li aderew wara l‑ 1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill‑persuni taxxabbli li l‑fatturat [dħul mill‑bejgħ] annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill‑eqwivalenti f’munita nazzjonali ta’ l‑ammonti li ġejjin bir‑rata tal‑kambju fil‑ġurnata ta’ adeżjoni tagħhom”. Għar‑Repubblika tal‑Awstrija, dan l‑ammont huwa ffissat għal EUR 35 000.

16      L‑Artikolu 288 tad‑Direttiva tal‑VAT jipprovdi li:

“Il‑fatturat [id‑dħul mill‑bejgħ] li jservi bħala referenza għall‑iskopijiet ta’ l‑applikazzjoni ta’ l‑arranġamenti previsti f’din it‑Taqsima għandhom jikkonsistu fl‑ammonti li ġejjin, mingħajr VAT:

1)      il‑valur tal‑provvisti ta’ merkanzija u servizzi, sakemm dawn ikunu ntaxxati;

2)      il‑valur tat‑transazzjonijiet li huma eżenti, bil‑possibbiltà ta’ tnaqqis tal‑VAT imħallsa fl‑istadju ta’ qabel, skond l‑Artikoli 110 u 111, l‑Artikolu 125(1), l‑Artikoli 127, jew l‑Artikolu 128(1);

3)      il‑valur ta’ transazzjonijiet li huma eżenti skond l‑Artikoli 146 sa 149 u l‑Artikoli 151, 152 jew 153;

4)      il‑valur ta’ transazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli, transazzjonijiet finanzjarji kif imsemmija fil‑punti (b) sa (g) ta’ l‑Artikolu 135(1), u s‑servizzi ta’ l‑assigurazzjoni, sa kemm dawn it‑transazzjonijiet ma jkunux transazzjonijiet anċillari.

Madankollu, iċ‑ċessjonijiet ta’ l‑assi kapitali tanġibbli jew intanġibbli ta’ impriża m’għandhomx jittieħdu in konsiderazzjoni għall‑iskopijiet tal‑kalkolazzjoni tal‑fatturat [tad‑dħul mill‑bejgħ].”

17      Skont l‑Artikoli 411 u 413 tad‑Direttiva tal‑VAT, din id‑direttiva ħassret, partikolarment, is‑Sitt Direttiva u daħlet fis‑seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007.

 Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali

18      Skont l‑Artikolu 6(1)(16) tal‑Liġi tal‑1994 dwar it‑Taxxa fuq id‑Dħul mill‑Bejgħ (Umsatzsteuergesetz 1994, BGB1. 663/1994, iktar ’il quddiem l‑“UstG 1994”), fil‑verżjoni tagħha applikabbli għall‑fatti inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, il‑kiri u l‑lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli huma eżenti mit‑taxxa fuq id‑dħul mill‑bejgħ, bl‑eċċezzjoni, b’mod partikolari, il‑lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli għall‑użu residenzjali.

19      L‑Artikolu 6(1)(27) tal‑UStG 1994, fil‑verżjoni tagħha applikabbli għall‑fatti inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, jipprovdi li huma eżenti “id‑dħul mill‑bejgħ ta’ impriżi żgħar. “Impriża żgħira” tfisser impriża residenti jew stabbilita fit‑territorju nazzjonali u li d‑dħul mill‑bejgħ tagħha fis‑sens tal‑Artikolu 1(1)(1) u (2) matul il‑perijodu ta’ stima ma jaqbiżx l‑ammont ta’ EUR 22 000” għas‑sena 2006 u EUR 30 000 għas‑sena 2007.”

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

20      I. Schmelz, ċittadina Ġermaniża, tirrisjedi fil‑Ġermanja. Hija s‑sid ta’ appartament fl‑Awstrija li tikri b’kera ta’ EUR 330 fix‑xahar, mingħajr l‑ispejjeż.

21      Peress li, bħala operatur ta’ impriża żgħira, hija eżenti mill‑pagament tat‑taxxa fuq id‑dħul mill‑bejgħ skont l‑Artikolu 6(1)(27) tal‑UStG 1994, I. Schmelz ma ffatturatx din it‑taxxa fuq l‑imsemmija kera.

22      Il‑Finanzamt huwa tal‑opinjoni li, sakemm ma hijiex stabbilita jew residenta fl‑Awstrija, I. Schmelz ma tistax tibbenefika mill‑eżenzjoni mogħtija lill‑impriżi żgħar. Għalhekk, wara li kkonstata li I. Schmelz kienet kisbet, mill‑attività tagħha ta’ lokazzjoni fl‑Awstrija, dħul mill‑bejgħ nett ta’ EUR 5 890.90 għas‑sena 2006 u ta’ EUR 5 936.37 għas‑sena 2007, il‑Finanzamt ħareġ żewġ stimi tat‑taxxa tad‑19 ta’ Ġunju 2008 u tas‑17 ta’ Novembru 2008, rispettivament, li jikkonstataw li I .Schmelz kienet suġġetta għat‑taxxa fuq id‑dħul mill‑bejgħ għall‑ammonti ta’ EUR 334.93 u EUR 316.15 rispetttivament.

23      Kontra dawn l‑imsemmija stimi, I. Schmelz ippreżentat rikors quddiem l‑Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien. Din il‑qorti speċifikat, permezz ta’ informazzjoni addizjonali, li I. Schmelz iddikjarat, fl‑10 ta’ Marzu 2009, li ma kisbitx, matul is‑snin inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, l‑ebda dħul mill‑bejgħ ieħor fit‑territorju tal‑Unjoni.

24      Minn naħa, il‑qorti tar‑rinviju tqis li l‑istima magħmula mill‑Finanzmt hija konformi mal‑liġi nazzjonali, li hija stess konformi kemm mad‑dispożizzjonijiet tas‑Sitt Direttiva kif ukoll ma’ dawk tad‑Direttiva tal‑VAT, u, min‑naħa l‑oħra, tirrileva li, kuntrarjament għal I. Schmelz, persuna li għandha residenza fl‑Awstrija, tista’, bħala impriża żgħira, tibbenefika mill‑eżenzjoni tat‑taxxa fuq id‑dħul mill‑bejgħ.

25      Għalhekk, l‑Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien, għandha dubji rigward il‑kompatibbiltà ta’ dawn id‑direttiva mal‑projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjonijiet li jirriżultaw mid‑dritt primarju, jiġifieri l‑Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE kif ukoll mal‑prinċipju ġenerali tad‑dritt tal‑Unjoni dwar it‑trattament ugwali.

26      Peress li tistaqsi wkoll jekk l‑ammont tad‑dħul mill‑bejgħ li jiddistingwi l‑impriżi żgħar jirreferix għad‑dħul mill‑bejgħ miksub biss fl‑Istat Membru inkwistjoni, l‑Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Vjenna, iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin:

1)      L‑espressjoni “kif ukoll il‑provvisti ta’ oġġetti u servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t‑territorju tal‑pajjiż” li tinsab fl‑Artikolu 24(3) u fl‑Artikolu 28i tas‑Sitt Direttiva […] li tittrasponi din id‑dispożizzjoni fid‑dritt nazzjonali, jiksru t‑Trattat [KE], b’mod partikolari l‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (Artikolu 12 KE), il‑libertà ta’ stabbiliment (Artikoli 43 et seq. KE), il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq. KE), jew il‑prinċipji ġenerali tad‑dritt Komunitarju (il‑prinċipju ġenerali tal‑ugwaljanza fid‑dritt Komunitarju), sa fejn din id‑dispożizzjoni tipprovdi li ċittadini tal‑Unjoni li ma jkunux stabbiliti fit‑territorju tal‑pajjiż tagħhom huma esklużi mill‑eżenzjoni mit‑taxxa taħt l‑Artikolu 24(2) tas‑Sitt Direttiva (Skema speċjali għall‑impriżi żgħar), filwaqt li ċittadini tal‑Unjoni li jkunu stabbiliti fit‑territorju tal‑pajjiż tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn din l‑eżenzjoni mit‑taxxa fil‑każ li l‑Istat Membru tagħhom jikkonċedi, b’konformità mad‑direttivi inkwistjoni, eżenzjoni mit‑taxxa għall‑impriżi żgħar?

2)      L‑espressjoni “provvisti ta’ merkanzija jew servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl‑Istat Membru li fih hi dovuta l‑VAT” li tinsab fl‑Artikolu 283(1)(ċ) tad‑Direttiva [tal‑VAT], kif ukoll regola nazzjonali li tittrasponi din id‑dispożizzjoni fid‑dritt nazzjonali, jiksru t‑Trattat [KE], b’mod partikolari l‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (Artikolu 12 KE), il‑libertà ta’ stabbiliment (Artikoli 43 et seq. KE), il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq. KE), jew il‑prinċipji ġenerali tad‑dritt Komunitarju (il‑prinċipju ġenerali tal‑ugwaljanza fid‑dritt Komunitarju), sa fejn din id‑dispożizzjoni tipprovdi li ċittadini tal‑Unjoni li ma jkunux stabbiliti fl‑Istat Membru tagħhom huma esklużi mill‑eżenzjoni mit‑taxxa taħt l‑Artikoli 282 et seq. tad‑Direttiva [tal‑]VAT (Skema speċjali għall‑impriżi żgħar), filwaqt li ċittadini tal‑Unjoni li jkunu stabbiliti fl‑Istat Membru tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn din l‑eżenzjoni mit‑taxxa fil‑każ li l‑Istat Membru tagħhom jikkonċedi, b’konformità mad‑[D]irettiv[a] [tal‑VAT], eżenzjoni mit‑taxxa għall‑impriżi żgħar?

3)      Fil‑każ ta’ risposta affermattiva għall‑ewwel domanda: L‑espressjoni “kif ukoll il‑provvisti ta’ oġġetti u servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t‑territorju tal‑pajjiż” li tinsab fl‑Artikolu 24(3) u fl‑Artikolu 28i tas‑Sitt Direttiva hija invalida fis‑sens tal‑inċiż (b) tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 234 KE?

4)      Fil‑każ ta’ risposta affermattiva għat‑tieni domanda: L‑espressjoni “provvisti ta’ merkanzija jew servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl‑Istat Membru li fih hi dovuta l‑VAT” li tinsab fl‑Artikolu 283(1)(ċ) tad‑Direttiva VAT hija invalida fis‑sens tal‑inċiż (b) tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 234 KE?

5)      Fil‑każ ta’ risposta affermattiva għat‑tielet domanda: Il‑kunċett ta’ “negozji totali annwali” [“dħul mill‑bejgħ annwali”] fis‑sens tal‑punt 2(ċ) tat‑Titolu IX, “It‑Tassazzjoni”, tal‑Anness XV [tal‑Att ta’ Adeżjoni], jew fis‑sens [u] tal‑Artikolu 24 tas‑Sitt Direttiva […], għandu jiġi interpretat bħala d‑dħul mill‑bejgħ miksub f’sena fl‑Istat Membru rispettiv, li fih tkun ġiet implementata l‑iskema speċjali għall‑impriżi żgħar, jew bħala d‑dħul mill‑bejgħ miksub f’sena fit‑territorju kollu tal‑[Unjoni] mill‑[impriża]?

6)      Fil‑każ ta’ risposta affermattiva għar‑raba’ domanda: Il‑kunċett ta’ “fatturat annwali” [“dħul mill‑bejgħ annwali”] fis‑sens tal‑Artikolu 287 tad‑Direttiva [tal‑]VAT għandu jiġi interpretat bħala d‑dħul mill‑bejgħ miksub f’sena fl‑Istat Membru rispettiv, li fih tkun ġiet implementata l‑iskema speċjali għall‑impriżi żgħar, jew bħala d‑dħul mill‑bejgħ miksub f’sena fit‑territorju kollu tal‑[Unjoni] mill‑[impriża]?

 Fuq l‑ammissibbiltà tad‑domandi preliminari

27      Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea jqis li l‑qorti tar‑rinvju ma kellhiex, fiż‑żmien meta fformulat id‑domandi preliminari tagħha, id‑data neċessarja kollha sabiex tevalwa l‑kwistjoni tal‑istabbiliment ta’ I. Schmelz. Fil‑fatt, sussegwentement deher ċar li r‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali ma kinitx twettaq l‑ebda attività ekonomika fil‑Ġermanja u li hija ma kinitx għaldaqstant hemmhekk meqjusa bħala persuna suġġetta għall‑VAT. Peress li l‑unika attività ta’ I. Schmelz suġġetta għall‑VAT kienet tikkonsisti fil‑lokazzjoni, lil individwi, ta’ appartament li jinsab fl‑Awstrija, il‑Kunsill iqis li hija tista’ titqies li għandha stabbiliment fl‑Awstrija. Għaldaqstant, ma kienx stabbilit li d‑domandi prelimimari huma rilevanti għas‑soluzzjoni tal‑kawża prinċipali.

28      F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, fil‑kuntest tal‑proċeduri stabbilita fl‑Artikolu 234 KE, hija biss il‑qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il‑kawża u li għandha tassumi r‑responsabbiltà għad‑deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari tal‑kawża, kemm in‑neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s‑sentenza tagħha, kif ukoll ir‑rilevanza tad‑domandi li hija tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id‑domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59, u tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini, C‑317/08 sa C‑320/08, Ġabra p. I-2213, punt 25).

29      Għalhekk, iċ‑ċaħda mill‑Qorti tal‑Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni mitluba tad‑dritt tal‑Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar‑realtà jew mas‑suġġett tal‑kawża prinċipali, meta l‑problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma jkollhiex għad‑dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad‑domandi li jkunu sarulha (sentenza Alassini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

30      Barra minn hekk, mit‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 234 KE jirriżulta b’mod ċar li hija l‑qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal‑proċedura jeħtieġ, għal din il‑qorti, li tistaqsi domanda preliminari lill‑Qorti tal‑Ġustizzja (ara s‑sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1981, Irish Creamery Milk Suppliers Association et, 36/80 u 71/80, Ġabra p. 735, punt 5; u tas‑17 ta’ April 2007, AGM‑COS.MET, C‑470/03, Ġabra p. I‑2749, punt 45).

31      F’dan il‑każ, anki jekk l‑informazzjoni li I. Schmelz tat lill‑qorti tar‑rinviju kienet eżatta, ma jirriżultax minnha li l‑interpretazzjoni mitluba tad‑dritt tal‑Unjoni ma għandha b’mod manifest ebda relazzjoni mar‑realtà jew mas‑suġġett tal‑kawża prinċipali jew li l‑problema hija ta’ natura ipotetika. Fil‑fatt, kif kien speċifikat mill‑Gvern Awstrijak matul is‑seduta, il‑fatt li l‑uniċi atttivatajiet taxxabli mwettqa minn I. Schmelz kienu l‑lokazzjoni tal‑appartament tagħha ma jfissirx li l‑awtoritajiet Awstrijaċi ma jistgħux jikkunsidrawha li għandha stabbiliment fl‑Awstrija.

32      Minn dan isegwi li għandha tingħata risposta għad‑domandi preliminari mressqa mill‑Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien.

 Fuq id‑domandi preliminari

33      Permezz tad‑domandi preliminari tagħha, li huma marbutin bejniethom u li għandhom, għaldaqstant, jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikoli 24(3) u 28i tas‑Sitt Direttiva kif ukoll l‑Artikolu 283(1)(ċ) tad‑Direttiva tal‑VAT, sa fejn jippermettu lill‑Istati Membri li jagħtu lill‑impriżi żgħar stabbiliti fit‑territorju tagħhom eżenzjoni mill‑VAT filwaqt li jitilfu d‑dritt għal tnaqqis, iżda jeskludu din il‑possibbiltà għall‑impriżi żgħar stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, b’konformità mal‑Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE kif ukoll mal‑prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali.

34      Il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi wkoll jekk il‑kunċett ta’ “negozji totali annwali” [“dħul mill‑bejgħ annwali”] użat fl‑Artikoli 24 u 24a tas‑Sitt Direttiva kif ukoll fl‑Artikoli 284 sa 287 tad‑Direttiva tal‑VAT, jirreferix għad‑dħul mill‑bejgħ miksub mill‑impriża f’sena fl‑Istat Membru li fih saret it‑talba biex tibbenefika mill‑eżenzjoni mill‑VAT jew għad‑dħul mill‑bejgħ miksub f’sena fit‑territorju kollu tal‑Unjoni.

 Fuq il‑libertà applikabbli

35      Rigward il‑libertà applikabbli għall‑fatti tal‑kawża prinċipali, il‑qorti tar‑rinviju tirreferi għal‑libertà ta’ stabbiliment u għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi.

36      Il‑libertà ta’ stabbiliment, li l‑Artikolu 43 KE jirrikonoxxi liċ‑ċittadini tal‑Unjoni u li tfisser, għal dawn iċ‑ċittadini, aċċess għall‑attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha u l‑eżerċizzju tagħhom, kif ukoll l‑inkorporazzjoni u l‑amministrazzjoni ta’ impriżi, taħt l‑istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti mil‑leġiżlazzjoni tal‑Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ‑ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skont l‑Artikolu 48 KE, għall‑kumpanniji inkorporati skont il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat, it‑tmexxija ċentrali jew is‑sede prinċipali tagħhom fi ħdan l‑Unjoni, id‑dritt li jeżerċitaw l‑attività tagħhom fl‑Istat Membru kkonċernat permezz ta’ fergħa, sussidjarja jew aġenzija (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C‑386/04, Ġabra p. I‑8203, punt 17 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

37      Skont il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑kunċett ta’ stabbiliment fis‑sens tat‑Trattat huwa kunċett wiesgħa ħafna, li jimplika l‑possibbiltà għal ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil‑ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li mhux l‑Istat ta’ oriġini tiegħu, u li jikseb profitt minn dan, billi jiffavorixxi għaldaqstant l‑interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l‑Unjoni fil‑qasam tal‑attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom (sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

38      Madankollu, sabiex id‑dispożizzjonijiet dwar id‑dritt ta’ stabbiliment jistgħu japplikaw, huwa bħala regola ġenerali neċessarju li tkun żgurata preżenza permanenti fl‑Istat Membru ospitanti u, fil‑każ ta’ xiri u ta’ pussess ta’ beni immobbli, li l‑ġestjoni ta’ dawn il‑beni tkun attivà (sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19). Din il‑preżenza permanenti għandha tkun tista’ tiġi kkonstatata abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, relatati, b’mod partikolari, mal‑livell ta’ eżistenza fiżika f’termini ta’ stabbilimenti, ta’ persunal u ta’ tagħmir (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punt 67).

39      Mid‑deskrizzjoni tal‑fatti pprovduti mill‑qorti tar‑rinviju jirriżulta li I Schmelz ma tissodisfax dawn il‑kundizzjonijiet.

40      Konsegwentement, id‑dispożizzjonijiet li jirregolaw il‑libertà ta’ stabbiliment ma japplikawx f’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali.

41      Sussegwentement, rigward il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi, minn naħa, għandu jitqies li l‑lokazzjoni ta’ beni immobbli tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi bi ħlas fis‑sens tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 50 KE (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Hengartner u Gasser, C‑70/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 32). Min‑naħa l‑oħra, il‑fatt li I. Schmelz ilha tikri appartament li jinsab fl‑Awstrija għal diversi snin ma jipprekludix l‑applikabbiltà tal‑Artikolu 49 KE.

42      F’dan ir‑rigward, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l‑kunċett ta’ “servizz” fis‑sens tat‑Trattat jista’ jkopri servizzi ta’ natura differenti ħafna, inklużi servizzi li huma pprovduti għal perijodu estiż, anki għal diversi snin. Fil‑fatt, l‑ebda dispożizzjoni tat‑Trattat ma tippermetti li jiġu ddeterminati, b’mod abstratt, it‑tul u l‑frekwenza li minnhom il‑provvista ta’ servizz jew ta’ ċertu tip ta’ servizz fi Stat Membru ieħor ma tistax titqies iktar bħala provvista ta’ servizzi fis‑sens tat‑Trattat (ara s‑sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Schnitzer, C‑215/01, Ġabra p. I‑14847, punti 30 u 31).

43      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jitqies li l‑attività ta’ lokazzjoni ta’ I. Schmelz taqa’ taħt il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l‑Artikolu 49 KE.

44      Fl‑aħħar nett, rigward l‑applikabbilità tal‑Artikolu 12 KE, li jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċ‑ċittadinanza, għall‑fatti tal‑kawża prinċipali, għandu jitfakkar li din id‑dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati bid‑dritt tal‑Unjoni li fir‑rigward tagħhom it‑Trattat ma jipprovdix regoli speċifiċi dwar in‑nondiskriminazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI, C‑311/08, Ġabra p. I-487, punt 31 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

45      Madankollu, l‑Artikolu 49 KE applikabbli, kif ġie kkonstatat fil‑punt 43 ta’ din is‑sentenza, għall‑kawża prinċipali, jipprovdi regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni. Minn dawn isegwi li l‑Artikolu 12 KE ma japplikax għall‑fatti tal‑kawża prinċipali.

 Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi

46      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d‑dispożizzjonijiet kollha tat‑Trattat dwar il‑moviment liberu tal‑persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ‑ċittadini tal‑Unjoni, l‑eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull xorta fit‑territorju tal‑Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jiżvantaġġaw dawn iċ‑ċittadini meta jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenza Bosman, iċċitata iktar’il fuq, punt 94, u tad‑19 ta’ Novembru 2009, Filipiak, C‑314/08, Ġabra p. I-11049, punt 58).

47      F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li l‑Artikolu 49 KE jeżiġi t‑tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi meta din ir‑restrizzjoni tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l‑attivitajiet tal‑prestatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Dijkman‑Lavaleije, C‑233/09, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punt 23 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

48      Mill‑ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l‑Artikolu 49 KE jipprojbixxi mhux biss id‑diskriminazzjonijiet ċari, ibbażati fuq iċ‑ċittadinanza, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal‑użu ta’ kriterji oħra li jiddistingwu, twassal fil‑fatt għall‑istess riżultat. Dan jiġri, b’mod partikolari, f’każ ta’ miżura li tipprovdi għal distinzjoni bbażata fuq ir‑residenza, inkwantu hemm riskju li dan ir‑rekwiżit jiżvantaġġa prinċipalment liċ‑ċittadini ta’ Stati Membri oħra, billi l‑maġġoranza tal‑persuni mhux residenti fit‑territorju nazzjonali huma persuni mhux ċittadini (ara s‑sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑388/01, Ġabra p. I‑721, punti 13 u 14 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

49      Restrizzjonijiet ipprojbiti mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE jeżistu b’mod partikolari peress li dispożizzjonijiet fiskali ta’ Stat Membru li japplikaw għal attivitajiet ekonomiċi transkonfinali huma inqas vantaġġużi minn dawk li japplikaw għal attività ekonomika li ssir ġewwa l‑fruntieri ta’ dan l‑Istat Membru (ara s‑sentenza Filipiak, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

50      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l‑projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi tapplika mhux biss għall‑miżuri nazzjonali, iżda wkoll għall‑miżuri adottati mill‑istituzzjonijiet Komunitarji (ara, b’analoġija għal dak li jirrigwarda l‑moviment liberu tal‑merkanzija, is‑sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 17, Kieffer u Thill, C‑114/96, Ġabra p. I‑3629, punt 27 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan il‑każ, l‑Artikoli 24(3) 28i tas‑Sitt Direttiva kif ukoll l‑Artikolu 283(1)(ċ) tad‑Direttiva tal‑VAT jippermettu lill‑Istati Membri jagħtu lill‑impriżi żgħar stabbiliti fit‑territorju tagħhom eżenzjoni mill‑VAT filwaqt li jitilfu d‑dritt għal tnaqqis, iżda jeskludu din il‑possibbiltà għall‑impriżi żgħar stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

52      Minn dan isegwi li, meta Stat Membru jipprovdi eżenzjoni mill‑VAT għall‑impriżi żgħar, dawn l‑impriżi li huma stabbiliti fit‑territorju tiegħu jistgħu, skont il‑każ, joffru s‑servizzi tagħhom taħt kundizzjonijiet iktar vantaġġużi mill‑impriżi żgħar stabbiliti barra l‑imsemmi territorju, peress li, skont l‑imsemmija dispożizzjonijiet, l‑Istati Membri huma pprojbiti milli jestendu l‑benefiċċju għall‑imsemmija eżenzjoni għal dawn tal‑aħħar.

53      F’dan il‑każ, mill‑konstatazzjoni magħmula fil‑punt preċedenti jirriżulta li l‑fatt li l‑impriżi żgħar stabbiliti barra mit‑territorju Awstrijak huma esklużi mill‑benefiċċju tal‑eżenzjoni mill‑VAT jirrendi l‑provvista ta’ servizzi fil‑Awstrija inqas attraenti għal dawn l‑impriżi żgħar. Konsegwentement, din twassal għal restrizzjoni għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi.

54      Barra minn hekk, kif l‑Avukat Ġeneral irrilevat fil‑punti 42 sa 44 u 83 tal‑konklużjonijiet, minn naħa, din ir‑restrizzjoni ma tistax tiġi attribwita lill‑Istati Membri, peress li d‑direttivi inkwistjoni jippermettulhom fil‑fatt li japplikaw eżenzjoni mill‑VAT biss għall‑impriżi żgħar stabbiliti fit‑territorji tagħhom rispettivi. Min‑naħa l‑oħra, il‑fatt li l‑impriżi żgħar stabbiliti barra mit‑territorju tal‑Istat Membru li fih il‑VAT hija dovuta jistgħu jnaqqsu t‑taxxa tal‑input imħallsa jista’ ma jkunx suffiċjenti sabiex jikkumpensa għan‑nuqqas ta’ applikazzjoni, fil‑konfront tagħhom, tal‑iskema għall‑eżenzjoni mill‑VAT, partikolarment meta dawn l‑impriżi żgħar ma jwettqux attivitajiet li huma suġġetti għat‑taxxa tal‑input.

55      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, hemm lok li tiġi eżaminata l‑eventwali ġustifikazzjoni tal‑imsemmija restrizzjoni.

 Fuq il‑ġustifikazzjoni

56      Il‑Gvern Awstrijak, Ġermaniż u dak Grieg kif ukoll il‑Kunsill u l‑Kummissjoni jqisu li r‑restrizzjoni tal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi, li tikkonsisti fi trattament inugwali bejn l‑impriżi żgħar skont jekk humiex stabbiliti jew le fit‑territorju Awstrijak, hija ġġustifikata min‑neċessità li tiġi ggarantita l‑effettività tal‑kontrolli fiskali. Skont dawn il‑gvernijiet u dawn l‑istituzzjonijiet, tali kontrolli jistgħu jsiru b’mod effettiv biss mill‑Istat Membru fit‑territorju li fih l‑impriża żgħira hija stabbilita.

57      F’dan ir‑rigward, mill‑ġurisprudenza jirriżulta li n‑neċessità li tiġi ggarantita l‑effettività tal‑kontrolli fiskali tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal‑libertajiet ta’ moviment iggarantiti bit‑Trattat (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2009, Persche, C‑318/07, Ġabra p. I‑359, punt 52).

58      Madankollu, sabiex miżura restrittiva tista’ tiġi ġġustifikata, għandha tosserva l‑prinċipju ta’ proporzjonalità, fis‑sens li għandha tkun adatta biex tiggarantixxi t‑twettiq tal‑għan tagħha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (sentenza Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

59      F’dan ir‑rigward, għandu jitqies li r‑restrizzjoni għall‑benefiċċju tal‑eżenzjoni mill‑VAT għall‑impriżi żgħar stabbiliti fit‑territorju tal‑Istat Membru li japplika din l‑eżenzjoni hija adatta sabiex tiggarantixxi t‑twettiq ta’ kontrolli fiskali effettivi intiżi sabiex jivverifikaw jekk il‑kundizzjonijiet li jippermettu l‑benefiċċju tal‑imsemmija eżenzjoni humiex sodisfatti, peress li l‑impriżi jżommu, ġeneralment, id‑dokumenti li jirrigwardaw l‑attivitajiet ekonomiċi kollha tagħhom fil‑post ta’ stabbiliment tagħhom.

60      Konsegwentement, il‑gvernijiet u l‑istituzzjonijiet li intervjenew f’din il‑kawża ġustament iqisu li kontroll effettiv tal‑attivitajiet, eżerċitati taħt il‑libertà li jiġu pprovduti servizz minn impriża żgħar li mhix stabbilita fl‑imsemmija territorju, ma jaqax taħt il‑portata tal‑Istat Membru ospitanti.

61      Fir‑rigward tan‑neċessità tal‑limitazzjoni tal‑benefiċċju minn din l‑iskema għall‑impriżi żgħar stabbiliti fl‑Istat Membru kkonċernat, l‑imsemmija gvernijiet u istituzzjonijiet isostnu li r‑regoli fuq l‑assistenza amministrattiva fil‑qasam tat‑taxxa previsti mir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1798/2003, tas‑7 ta’ Ottubru 2003, dwar il‑koperazzjoni amministrattiva fil‑qasam tat‑taxxa fuq il‑valur miżjud u li jħassar ir‑Regolament (KEE) Nru 218/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p.392) u mid‑Direttiva tal‑Kunsill 77/799/KE, tad‑19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill‑awtoritajiet kompetenti tal‑Istati Membri fil‑qasam tat‑tassazzjoni diretta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), ma jistgħux jiżguraw skambju effettiv ta’ data.

62      Huma jirrilevaw li, peress li l‑iskema għall‑impriżi żgħar hija intiża sabiex tnaqqas il‑piżijiet amministrattivi li jirrigwardaw attivitajiet taxxabbli, dawn l‑impriżi huma eżenti mill‑formalitajiet amministrattivi fiskali fir‑rigward tat‑taxxa fuq id‑dħul mill‑bejgħ, b’tali mod li l‑Istat Membru ta’ stabbiliment ma jkollu l‑ebda data li tista’ tiġi skambjata skont ir‑Regolament Nru 1798/2003. Huwa jżiedu li, id‑Direttiva 77/799 tirreferi biss għall‑informazzjoni marbuta mat‑taxxi diretti, ma tippermettix li tiġi stabbilita jew ikkomunikata informazzjoni dwar id‑dħul mill‑bejgħ ta’ impriżi żgħar.

63      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l‑għan li tiġi ggarantita l‑effettività tal‑kontrolli fiskali sabiex jiġu miġġielda l‑frodi, l‑evażjoni fiskali u l‑abbużi eventwali, li n‑neċessità tiegħu ġie mfakkar fil‑punt 57 ta’ din is‑sentenza, ma jistax jintlaħaq fin‑nuqqas ta’ data rilevanti. Min‑naħa l‑oħra, kif irrilevat l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 33 tal‑konklużjonijiet, l‑iskema għall‑impriżi żgħar tipprovdi simplifikazzjonijiet amministrattivi li għandhom l‑għan li jirrinforzaw il‑ħolqien, l‑attività u l‑kompettività tal‑impriżi żgħar kif ukoll li jżommu relazzjoni raġonevoli bejn il‑piżijiet amministrattivi marbutin mal‑kontroll fiskali u d‑dħul fiskali baxx li għandu jkun mistenni.

64      Fil‑fatt, skont l‑Artikolu 272(1)(d) tad‑Direttiva tal‑VAT, l‑Istati Membri jistgħu jeżentaw l-impriżi żgħar mill‑formalitajiet kollha stabbiliti fl‑Artikoli 213 sa 271 ta’ din id‑direttiva, li huma intiżi sabiex jinformaw lill‑awtoritajiet fiskali tal‑Istati Membri fuq l‑attivitajiet suġġetti għall‑VAT fit‑territorju tagħhom.

65      Għaldaqstant, kif speċifika l‑Kunsill, l‑impriżi żgħar ma humiex, ġeneralment, identifikati fiskalment skont il‑VAT fl‑Istat Membru ta’ stabbilment tagħhom u dan l‑Istat Membru ma għandu ebda data dwar id‑dħul mill‑bejgħ. B’hekk, fil‑kawża prinċipali, il‑gvern Ġermaniż ikkonferma li l‑impriża żgħira ta’ I. Schmelz ma kinitx identifikata fiskalment skont il‑VAT fil‑Ġermanja u li dan l‑Istat Membru ma għandu l‑ebda data dwar id‑dħul mill‑bejgħ tagħha.

66      Fir‑rigward tad‑Direttiva 77/799, għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 1 tagħha, hija tirreferi għal skambju ta’ informazzjoni dwar it‑taxxi fuq id‑dħul, il‑kapital u l‑primjums ta’ assigurazzjoni. Filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li l‑informazzjoni dwar, b’mod partikolari, id‑dħul, tista’ tipprovdi indikazzjonijiet utli, b’mod partikolari għall‑investigazzjoni ta’ frodi possibbli fil‑VAT, jibqa’ madankollu l‑fatt li din l‑informazzjoni ma tinkludiex id‑dħul mill‑bejgħ suġġett għall‑VAT.

67      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑gvernijiet u l‑istituzzjonijiet li huma partijiet f’dawn il‑proċeduri ġustament qiesu li r‑regoli dwar l‑assistenza amministrattiva stabbiliti bir‑Regolament Nru 1798/2003 u bid‑Direttiva 77/79 ma jistgħux jiżguraw skambju utli ta’ data għal dak li jirrigwarda l‑impriżi żgħar li jeżerċitaw attivitajiet fit‑territorju tal‑Istat Membru li japplika eżenzjoni mill‑VAT.

68      Barra minn hekk, in‑nuqqas ta’ informazzjoni ma tistax tiġi solvuta permezz tal‑introduzzjoni ta’ formalitajiet bħal dawk stabbiliti fl‑Artikoli 213 sa 271 tad‑Direttiva tal‑VAT. Madankollu, kif ġie rrilevat fil‑punt 63 ta’ din is‑sentenza, l‑iskema għall‑impriżi żgħar tipprova tissollieva lill‑impriżi żgħar u lill‑awtoritajiet fiskali minn speċifikament dawn il‑formalitajiet.

69      Fil‑fatt, sabiex tiġi ggarantita l‑effettività tal‑kontrolli fiskali tad‑dħul mill‑bejgħ miksub minn impriża żgħira fl‑Istati Membri l‑oħrajn differenti minn dak li fih hija stabbilita jkun jeħtieġ, minn naħa, l‑implementazzjoni, għall‑impriżi żgħar u l‑awtoritajiet fiskali, ta’ formalitajiet kumplessi li jippermettu għall‑ġabra ta’ data rilevanti u għall‑identifikazzjoni ta’ abbużi eventwali kif ukoll, min‑naħa l‑oħra, talbiet ripetuti għal assistenza amministrattiva mill‑awtoritajiet fiskali tal‑Istat Membru ta’ stabbiliment mill‑awtoritajiet fiskali tal‑Istati Membri l‑oħrajn kollha tal‑Unjoni għall‑finijiet tal‑iskambju tal‑imsemmija data.

70      Għandu jingħad li l‑limitazzjoni tal‑benefiċċju tal‑eżenzjoni mill‑VAT għall‑persuni taxxabbli biss stabbiliti fl‑Istat Membri li adotta tali eżenzjoni tevita sitwazzjoni li fiha persuna taxxabbli li jeżerċitaw attivitajiet f’diversi Stati Membri, mingħajr ma jkunu stabbbiliti hemmhekk, jistgħu jaħarbu – sa ċertu punt – mit‑tassazzjoni fuq l‑attivitajiet tagħhom, anki jekk tali attivitajiet, ikkunsidrati flimkien, jeċċedu oġġettivament il‑livell ta’ attività ta’ impriżi żgħira. Dan ma ikun irrikonċiljabbli man‑neċessità li jiġu inkoraġġuta biss l‑impriżi żgħar, b’deroga għall‑prinċipju ta’ tassazzjoni li jikkostitwixxi tali mekkaniżmu ta’ eżenzjoni.

71      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal preċedentment, jidher li, f’dan l‑istadju tal‑evoluzzjoni tal‑iskema tal‑VAT, l‑għan li tiġi ggarantita l‑effettività tal‑kontrolli fiskali fid‑dawl tal‑ġlieda kontra l‑frodi, l‑evażjoni fiskali u l‑abbuż eventwali kif ukoll l‑għan tal‑iskema għall‑impriżi żgħar, li ssaħħaħ il‑kompettività ta’ dawn l‑impriżi jiġġustikaw, minn naħa, li l‑applikabbiltà tal‑eżenzjoni mill‑VAT tkun limitata għall‑attivitajiet tal‑impriżi żgħar stabbiliti fit‑territorju tal‑Istat Membri li fih il‑VAT hija dovuta u, min‑naħa l‑oħra, li d‑dħul mill‑bejgħ annwali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jkun dak miksub fl‑Istat Membru li fih l‑impriża hija stabbilita.

72      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għandu jitqies li l‑limitazzjoni tal‑benefiċċju tal‑eżenzjoni mill‑VAT għall‑impriżi żgħar stabbiliti fl‑Istat Membri li fih il‑VAT hija dovuta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit it‑twettiq ta’ dawn iż‑żewġ għanijiet.

73      Minn dan isegwi li l‑eżami tad‑domandi ma rrileva l‑ebda fattur ta’ natura li jista’ jaffettwa l‑konformità tal‑Artikoli 24(3) u 28i tas‑Sitt Direttiva kif ukoll tal‑Artikolu 283(1)(ċ) tad‑Direttiva tal‑Vat mal‑Artikolu 49 KE.

74      Fil‑fatt, sa fejn il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi wkoll jekk id‑dispożizzjonijiet inkwistjoni fil‑kawża prinċipali humiex konformi mal‑prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, għandu jitfakkar li ġie kkonstatat, fil‑punt 53 ta’ din is‑sentenza, li t‑trattament inugwali inkwistjoni jwassal għal restrizzjoni għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għaldaqstant hija taqa’ taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 49 KE.

75      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, kif l‑Avukat Ġenerali rrilevat fil‑punt 75 tal‑konklużjonijiet, għandu jitqies li l‑prinċipju ta’ trattament ugwali ma japplikax b’mod awtonomu.

76      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir‑risposta għad‑domandi prelimari magħmula għandu tkun li l‑eżami tad‑domandi ma jirrileva l‑ebda fattur ta’ natura li jista’ jaffettwa l‑validità fid-dawl tal‑Artikolu 49 KE, tal‑Artikoli 24(3) u 28i tas‑Sitt Direttiva kif ukoll tal‑Artikolu 283(1)(ċ) tad‑Direttiva tal‑VAT.

77      L‑Artikoli 24 u 24a tas‑Sitt Direttiva, kif ukoll l‑Artikoli 284 sa 287 tad‑Direttiva tal‑VAT, għandhom jiġu interpretati fis‑sens li l‑kunċett ta’ “negozji totali annwali” [“dħul mill‑bejgħ annwali”] jirreferi għad‑dħul mill‑bejgħ miksub minn impriża f’sena fi Stat Membru li fih hija stabbilita.

 Fuq l‑ispejjeż

78      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L‑eżami tad‑domandi ma jirrileva l‑ebda fattur ta’ natura li jista’ jaffettwa l‑validità fid-dawl tal‑Artikolu 49 KE, tal‑Artikoli 24(3) u 28i tas‑Sitt Direttiva tal‑Kunsill 77/388/KEE, tas‑17 ta’ Mejju 1977, fuq l‑armonizzazzjoni tal‑liġijiet tal‑Istati Membri dwar taxxi fuq id‑dħul mill‑bejgħ ‑ Sistema komuni ta’ taxxa fuq il valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima ), kif emendata bid‑Direttiva tal‑Kunsill 2006/18/KE, tal‑14 ta’ Frar 2006, kif ukoll l‑Artikolu 283(1)(ċ) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 2006/112/KE, tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is‑sistema komuni ta’ taxxa fuq il‑valur miżjud.

2)      L‑Artikoli 24 u 24a tad‑Direttiva 7/388, kif emendata bid‑Direttiva 2006/18, kif ukoll l‑Artikoli 284 sa 287 tad‑Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis‑sens li l‑kunċett ta’ “negozji totali annwali” [“dħul mill‑bejgħ annwali”] jirreferi għad‑dħul mill‑bejgħ miksub minn impriża f’sena fi Stat Membru li fih hija stabbilita.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: il‑Ġermaniż.