C-430/09 - Euro Tyre Holding

Printed via the EU tax law app / web

Kawża C-430/09

Euro Tyre Holding BV

vs

Staatssecretaris van Financiën

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 8(1)(a) u (b), Artikolu 28a(1)(a), Artikolu 28b(A)(1), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) — Eżenzjoni tal-kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati ġewwa l-Unjoni Ewropea — Kunsinni suċċessivi tal-istess oġġetti li jwasslu għal spedizzjoni waħda jew trasport wieħed intra-Komunitarju”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Sistema tranżitorja ta’ tassazzjoni tal-kummerċ bejn Stati Membri — Eżenzjoni tal-kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati ġewwa l-Komunità

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a))

Meta oġġett ikun is-suġġett ta’ żewġ kunsinni suċċessivi bejn persuni taxxabbli differenti li jaġixxu bħala tali, iżda suġġett ta’ trasport intra-Komunitarju wieħed, l-iffissar tat-tranżazzjoni li għandha tiġi attribwita b’dan it-trasport, jiġifieri l-ewwel jew it-tieni tranżazzjoni ‑ din it-tranżazzjoni taqa’, minħabba dan il-fatt, taħt il-kunċett ta’ kunsinna intra-Komunitarja fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 96/95, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28a(1)(a) u mal-Artikolu 28b(A)(1) tal-istess direttiva ‑, għandu jsir skont evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sabiex jiġi stabbilit liema minn dawn iż-żewġ kunsinni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha marbuta ma’ kunsinna intra-Komunitarja.

F’dan ir-rigward, meta l-ewwel akkwirent li kiseb id-dritt li jiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarju fit-territorju tal-Istat Membru tal-ewwel kunsinna juri l-intenzjoni tiegħu li jrid jittrasporta dan l-oġġett lejn Stat Membru ieħor u jippreżenta ruħu b’numru ta’ reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud mogħti minn dan l-aħħar Stat, it-trasport intra-Komunitarju għandu jiġi attribwit lill-ewwel kunsinna, bil-kundizzjoni li d-dritt tal-persuna li tiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarja jkun ġie ttrasferit lit-tieni akkwirent fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-trasport intra-Komunitarju, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

(ara l-punti 44, 45 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 8(1)(a) u (b), Artikolu 28a(1)(a), Artikolu 28b(A)(1), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) – Eżenzjoni tal-kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati ġewwa l-Unjoni Ewropea – Kunsinni suċċessivi tal-istess oġġetti li jwasslu għal spedizzjoni waħda jew trasport wieħed intra-Komunitarju”

Fil-Kawża C‑430/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill‑Hoge Raad der Nederlanden (il‑Pajjizi l‑Baxxi), permezz tad‑deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑2 ta’ Novembru 2009, fil‑proċedura

Euro Tyre Holding BV

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal‑Awla, A. Arabadjiev, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Euro Tyre Holding BV, minn T. C. van Zwieten, belastingadviseur,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn K. Georgiadis kif ukoll minn M. Germani u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/95/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1996 (ĠU L 376, p. 1, iktar il quddiem is-“Sitt Direttiva”), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b), mal-Artikolu 28a(1)(a) mal-Artikolu 28b(A)(1) tal-istess direttiva.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Euro Tyre Holding BV (iktar ’il quddiem “ETH”) u l-iStaatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi), dwar aġġustamenti skont it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) li għalihom din il-kumpannija kienet suġġetta wara tranżazzjoni li tirrigwarda oġġetti li kienu s-suġġett ta’ żewġ kunsinni suċċessivi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Is-Sitt Direttiva

3        L-Artikolu 8(1)(a) u (b) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi:

“Il-post tal-provvista ta’ l-oġġetti għandu jitqies li hu:

a)      fil-każ ta’ oġġetti mibgħuta jew trasportati jew mill-fornitur jew mill-akkwirent jew minn persuna terza: il-post fejn ikunu jinsabu l-oġġetti fil-ħin meta jintbagħtu jew jibda t-trasport għall-akkwirent. […]

b)      fil-każ fejn oġġetti ma jintbagħtux jew ma jkunux trasportati: il-post fejn ikunu jinsabu l-oġġetti meta ssir il-provvista”.

4        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28a(1)(a) tas-Sitt Direttiva:

“Li ġej għandu jkun suġġett ukoll għall-[VAT]:

a)      akkwisizzjonijiet intra-Komunitarji ta’ merkanzija għall-konsiderazzjoni, minn persuna taxxabbli, fit-territorju ta’ pajjiż, li tkun qed taġixxi b’dan il-mod jew minn persuna legali mhux taxxabbli” [akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti mħallsa f’pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, jew minn persuna ġuridika li mhux persuna taxxabli, meta l-bejjiegħ huwa hu nnifsu persuna taxxabbli, li ma jibbenefikax mit-tnaqqis fit-taxxa stabbilit fl-Artikolu 24 u li ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1)(a) jew tal-Artikolu 28b(B)(1)].

5        L-Artikolu 28b(A)(1) tal-imsemmi direttiva jistabbilixxi:

“Il-post ta’ l-akkwisizzjoni intra-Komunitarja tal-merkanzija jittieħed bħala l-post fejn tkun il-merkanzija fejn jintemm it-trasport jew li jintbagħtu għand il-persuna li akkwistathom”.

6        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) jipprovdi s-segwenti:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn tal-Komunità u suġġett għal kondizzjonijiet li se jistabbilixxu bl-iskop li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijiet hawn taħt u biex jilqgħu kontra evażjoni, skartar jew abbuż. Stati Membri jeżentaw:

a)      fornitura ta’ merkanzija, kif definit fl-Artikolu 5 mibgħuta jew ittrasportata minn jew għan-nom tal-bejjiegħ jew il-persuna li qed takkwista l-merka ’il barra mit-territroju msemmi fl-Artikolu 3 imma xorta fil-Komunità, magħmula għal persuna taxxabbli oħra jew persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi hekk fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn tinbagħat jew tkun ittrasportata il-merkanzija.”

7        L-Artikolu 22 tas-Sitt Direttiva, fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28h tal-istess direttiva, jistabbilixxi diversi obbligi għall-persuni taxxabbli b’mod partikolari dwar il-kontijiet, il-fatturi, id-dikjarazzjoni u d-dikjarazzjoni rikapitulattiva li dawn tal-aħħar għandhom jippreżentaw lill-amministrazzjoni fiskali. L-ewwel subparagrafu tal-punt 6(b) ta’ dan l-artikolu jipprovdi s-segwenti:

“Kull persuna taxxabli identifikata għall-għanijiet tal-[VAT] għandha toħroġ prospett bil-lists sħiħa ta’ l-akwistaturi identifikati għall-għanijiet tal-[VAT] lil min huwa forna l-oġġetti taħt il-kondizzjonijiet li hemm ipprovdut fl-Artikoli 28ċ(A)(a) u (d), u tal-persuni li jkunu qed jirċievu identifikati għall-għanijiet tal-[VAT] fit-transazzjonijiet msemmija fil-ħames subparagrafu”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        Mill-osservazzjonijiet bil-miktub mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Olandiż jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw fil-kawża prinċipali huma dawk li jirriżultaw mil-Liġi tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Wet op de omzetbelasting 1968), tat-28 ta’ Ġunju 1968 (Staatsblad 1968, Nruº 29, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1968”).

9        Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi tal-1968, il-post ta’ kunsinna jinsab, fil-każ fejn l-oġġett ikkonċernat mill-kunsinna jintbagħat jew jiġi ttrasportat, fil-post minn fejn l-ispedizzjoni jew it-trasport ikun telaq.

10      Abbażi tal-Artikolu 9(2)(b) tal-Liġi tal-1968, it-taxxa hija ta’ 0 % għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi elenkati fit-Tabella II tal-imsemmija liġi, sa fejn dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-miżura ġenerali tal-amministrazzjoni.

11      It-Taqsima a.6 tal-imsemmija Tabella II, fil-formulazzjoni tagħha fis-seħħ meta ġraw il-fatti fil-kawża prinċipali, kienet tirreferi għall-“oġġetti li huma ttrasportati lejn Stat Membru ieħor meta dawn l-oġġetti huma suġġetti għal taxxa fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ dawn l-oġġetti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      ETH hija kumpannija Olandiża li l-attività kummerċjali tagħha tikkonsisti fil-provvista ta’ spare parts għall-karozzi u vetturi oħra. Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 1997 u l-31 ta’ Jannar 1999, hija biegħet diversi lottijiet ta’ tyres, bil-kundizzjoni ta’ kunsinna “tluq mill-maħżen”, lil żewġ kumpanniji stabbiliti fil-Belġju, Miroco BVBA u VBS BVBA (iktar ’il quddiem, rispettivament, “Miroco” u “VBS” jew, flimkien, ix-“xerrejja”). Dawn il-kundizzjonijiet ta’ kunsinna kienu jimplikaw li ETH kellha twassal il-merkanzija sal-maħżen tagħha li jinsab f’Venlo (il-Pajjiżi l-Baxxi) u li t-trasport minn Venlo kellu jsir f’isem u b’riskju għax-xerrejja. Dawn tal-aħħar, meta l-kuntratti ta’ bejgħ ġew konklużi, għarrfu lil ETH li l-merkanzija kienet ser tiġi ttrasportata lejn il-Belġju.

13      ETH bagħtet lix-xerrejja, abbażi tal-imsemmi bejgħ, fatturi li ma kinux isemmu l-VAT. Dawn tal-aħħar ħallsu għall-merkanzija qabel l-għoti tagħhom.

14      Qabel mal-merkanzija ngħatat skont il-kuntratti ta’ bejgħ, ix-xerrejja, min-naħa individwali tagħhom, biegħuha mill-ġdid lil Banden Decof NV (iktar ’il quddiem “Decof”), kumpannija stabbilita fil-Belġju, billi stabbilixxew kundizzjonijiet ta’ kunsinna li jipprovdu li t-trasport tal-merkanzija lejn l-istabbiliment ta’ Decof kellu jitwettaq f’isem u b’riskju għal Miroco jew għal VBS, skont il-każ.

15      Il-merkanzija nġabret minn rappreżentant ta’ Miroco jew VBS fil-maħżen tal-ETH fil-Pajjiżi l-Baxxi u ġiet ittrasportata direttament lejn l-istabbiliment ta’ Decof fil-Belġju f’vann b’xufier imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imsemmija kumpanniji u mħallas minn Decof. Ix-xufier, kull darba li kien jiġbor il-merkanzija, ta lil ETH dikjarazzjoni, iffirmata minnu, li kienet tindika li l-merkanzija kienet ser tiġi ttrasportata lejn il-Belġju. ETH ġiet sussegwentement informata li l-merkanzija ma kinitx ġiet ittrasportata għand ix-xerrejja. Hija ma kinitx involuta fit-trasport.

16      Wara l-kunsinni, l-amministrazzjoni fiskali kkonfermat, fuq talba tal-ETH, li n-numri ta’ reġistrazzjoni tal-VAT tax-xerrejja kienu korretti. Sussegwentement, l-ETH wettqet, fir-rigward tal-imsemmija kunsinni, id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(6)(a) tas-Sitt Direttiva.

17      Wara l-investigazzjoni li saret fl-1999 fir-rigward ta’ ETH, l-ispettur, bħala l-awtorità kompetenti fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-qasam tal-ġbir tal-VAT, ċaħad id-dikjarazzjoni għal applikazzjoni ta’ taxxa b’rata ta’ 0 % u bagħat lil din il-kumpannija żewġ avviżi ta’ aġġustament skont il-VAT li jikkonċernaw, rispettivament, il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1997 sal-31 ta’ Diċembru 1998 u l-perijodu li jkopri Jannar 1999. Wara l-ewwel ilment, l-ispettur annulla l-avviżi ta’ aġġustament minħabba li kienu jinkludu żball fl-isem tad-destinatarju. Ladarba kkoreġa dan l-iżball, huwa ħareġ żewġ avviżi ġodda ta’ aġġustament. Wara lment ġdid, l-imsemmi spettur naqqas l-ammont tal-ewwel aġġustament u kkonferma l-ammont marbut mat-tieni aġġustament.

18      ETH ippreżentat rikors kontra dawn l-aħħar avviżi ta’ aġġustament quddiem il-Gerechtshof te ’s Hertogenbosch. Fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Marzu 2007, din il-qorti ddeċidiet li t-trasport intra-Komunitarju li seħħ bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju kien jidħol fil-kuntest ta’ kunsinni mwettqa mix-xerrejja lil Decof. Għalhekk, fid-dawl tas-sentenza tas-6 ta’ April 2006, EMAG Handel Eder (C‑245/04, Ġabra p. I‑3227), ETH ma setgħetx, fir-rigward tal-kunsinni tagħha lix-xerrejja, tapplika l-eżenzjoni skont il-kunsinna intra-Komunitarja stabbilita fl-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva. Madankollu, l-imsemmija qorti qieset, għal raġunijiet oħra, li r-rikors kien parzjalment fondat u pproċediet bit-tnaqqis taż-żewġ aġġustamenti kkontestati. ETH ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra l-imsemmija sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

19      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlandend iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fid-dawl tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, kif ukoll tal-Artikolu 8(1)(a) u (b), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28a(1)(a) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28b(A)(1) tal-istess direttiva, kif għandu jiġi ddeterminat, fil-każ fejn l-istess oġġetti jkunu s-suġġett ta’ żewġ provvisti suċċessivi mwettqa bejn żewġ persuni taxxabbli li jaġixxu bħala tali, b’tali mod li jista’ jiġi kkunsidrat li kien hemm tluq jew trasport intra-Komunitarju wieħed ta’ oġġetti, fuq liema provvista għandu jiġi imputat it-trasport Komunitarju ladarba t-trasport jitwettaq minn, jew f’isem, persuna li jkollha kemm il-kwalità tax-xerrej, fil-kuntest tal-ewwel provvista, kif ukoll dik tal-bejjiegħ, fil-kuntest tat-tieni provvista?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, meta oġġett ikun is-suġġett ta’ żewġ kunsinni suċċessivi bejn persuni taxxabbli differenti li qed jaġixxu bħala tali, iżda suġġett ta’ trasport wieħed intra-Komunitarju, dan it-trasport għandu jiġi attribwit lill-ewwel jew lit-tieni kunsinna, fejn din it-tranżazzjoni taqa’ minħabba dan il-fatt, taħt il-kunċett ta’ kunsinna intra-Komunitarja fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28a(1)(a) u mal-Artikolu 28b(A)(1) tal-istess direttiva.

21      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti nazzjonali qed tfittex li tikseb informazzjoni preċiża dwar ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fis-sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, kif ukoll fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tad-dispożittiv tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta żewġ kunsinni suċċessivi jirrigwardaw l-istess oġġetti, imwettqa b’titolu oneruż bejn persuni taxxabbli li jaġixxu bħala tali, jikkostitwixxu spedizzjoni intra-Komunitarja waħda jew trasport intra-Komunitarju wieħed ta’ dawn l-oġġetti, din l-ispedizzjoni jew dan it-trasport jista’ jiġi attribwit lil wieħed minn dawn iż-żewġ kunsinni biss, li ser tkun l-unika waħda eżenti skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ppreċiżatx il-mod ta’ kif għandha tiġi ddeterminata l-attribuzzjoni tat-trasport lil waħda minn dawn iż-żewġ kunsinni.

22      Il-kawża li wasslet għas-sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq, għandha kuntest fattwali simili għas-sentenza fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, f’din is-sentenza, kien hemm inkwistjoni żewġ kunsinni suċċessivi tal-istess oġġett li kienu s-suġġett ta’ trasport intra-Komunitarju wieħed. Bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, iż-żewġ kunsinni kienu jinvolvu tliet persuni taxxabbli stabbiliti f’żewġ Stati Membri differenti. Madankollu, filwaqt li fl-imsemmija kawża, ix-xerrej intermedjarju kien irċieva talba għal provvista ta’ oġġetti mingħand ix-xerrej finali qabel ma xtara dawn l-oġġetti mingħand il-fornitur tiegħu, il-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjoni li fiha x-xerrej intermedjarju biegħ mill-ġdid lix-xerrej finali oġġetti li qabel kien xtara mingħand il-fornitur tiegħu, mingħajr ma kien irċieva talba bil-quddiem.

23      Fil-punt 38 tas-sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk żewġ kunsinni suċċessivi jagħtu lok għal moviment wieħed tal-oġġetti, dawn iridu jitqiesu suċċessivi fiż-żmien.

24      Fir-rigward tal-post ta’ dawn iż-żewġ kunsinni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fil-każ fejn il-kunsinna li wasslet għall-ispedizzjoni jew trasport intra-Komunitarju tal-oġġetti, u li għalhekk ikollha bħala konsegwenza akkwist intra-Komunitarju ntaxxat fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tal-imsemmija spedizzjoni jew tal-imsemmi trasport, tkun l-ewwel minn żewġ kunsinni suċċessivi, it-tieni kunsinna titqies li tinsab fil-post tal-akkwist intra-Komunitarja li ġie qabilha, jiġifieri fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Bil-kontra, fil-każ fejn il-kunsinna li tikkostitwixxi spedizzjoni jew trasport intra-Komunitarju tal-oġġetti tkun it-tieni minn żewġ kunsinni suċċessivi, l-ewwel kunsinna, li twettqet ipotetikament qabel l-ispedizzjoni jew it-trasport tal-oġġetti, titqies li tinsab fl-Istat Membru minn fejn telqet din l-ispedizzjoni jew dan it-trasport (sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

25      Għaldaqstant, huwa biss il-post tal-kunsinna li jwassal għall-ispedizzjoni jew għat-trasport intra-Komunitarju tal-oġġetti li huwa ddeterminat skont l-Artikolu 8(1)(a) tas-Sitt Direttiva, u dan il-post huwa meqjus li jinsab fl-Istat Membru li minnu telqet din l-ispedizzjoni jew dan it-trasport. Il-post l-ieħor ta’ kunsinna huwa ddeterminat skont l-Artikolu 8(1)(b) tal-istess Direttiva. Dan il-post huwa meqjus li jinsab kemm fl-Istat Membru ta’ tluq, kif ukoll fl-Istat Membru li fih l-imsemmija spedizzjoni jew l-imsemmi trasport għandu jasal, skont jekk din il-kunsinna hijiex l-ewwel jew it-tieni miż-żewġ kunsinni suċċessivi (sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51)

26      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema kunsinna għandha tiġi attribwita bit-trasport intra-Komunitarju fil-każ fejn dan twettaq minn jew f’isem persuna li, bħala l-ewwel akkwirent u t-tieni fornitur, kien involut fiż-żewġ kunsinni, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda regola ġenerali ma hija stabbilita f’dan ir-rigward mis-Sitt Direttiva. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi minn evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha partikolari li jippermettu li jiġi ddeterminat liema kunsinna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha marbuta mal-kunsinna intra-Komunitarja.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħal kull kunċett ieħor li jiddefinixxi t-tranżazzjonijiet taxxabbli skont is-Sitt Direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et, C‑354/03, C‑355/03 u C‑484/03, Ġabra p. I‑483, punt 44, kif ukoll tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C‑439/04 u C‑440/04, Ġabra p. I‑6161, punt 41), il-kunċetti ta’ kunsinna u ta’ akkwist intra-Komunitarji għandhom natura oġġettiva u japplikaw irrispettivament mill-għanijiet u mir-riżultati tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati (sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et, C‑409/04, Ġabra p. I‑7797, punt 38, u tas-7 ta’ Diċembru 2010, R., C‑285/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

29      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li eżenzjoni ta’ kunsinna intra-Komunitarja ta’ oġġetti fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tapplika biss meta d-dritt li persuna tiddisponi mill-oġġett bħala proprjetarja jiġi trażmess lill-akkwirent, meta l-fornitur jistabbilixxi li dan l-oġġett intbagħat jew ġie ttrasportat fi Stat Membru ieħor u meta, wara din l-ispedizzjoni jew dan it-trasport, l-imsemmi oġġett ikun ħalla fiżikament it-territorju tal-Istat Membru ta’ kunsinna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Teleos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, tas-27 ta’ Settembru 2007, Twoh International, C‑184/05, Ġabra p. I‑7897, punt 23, u tat-18 ta’ Novembru 2010, X, C‑84/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27).

30      Minkejja li l-qorti tar-rinviju tistaqsi biss dwar il-kundizzjoni marbuta mat-trasport intra-Komunitarju, għandhom jitqiesu wkoll iż-żewġ kundizzjonijiet elenkati fil-punt preċedenti sa fejn iċ-ċirkustanzi li fihom dawn tal-aħħar huma sodisfatti jistgħu jkunu importanti fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31      Qabel kollox, fir-rigward tat-trasferiment tad-dritt li persuna tiddisponi mill-oġġett bħala proprjetarja fil-kuntest tal-kunsinni mwettqa suċċessivament, huwa importanti li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 38 tas-sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li l-akkwirent intermedjarju jista’ jittrasferixxi lit-tieni akkwirent is-setgħa li jiddisponi mill-oġġett daqs li kieku kien il-proprjetarju, biss jekk jirċevih minn qabel mill-ewwel bejjiegħ.

32      Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm għalhekk lok li l-ġbir tal-merkanzija mill-maħżen ta’ ETH mir-rappreżentant tal-ewwel akkwirent għandu jitqies bħala li ġie ttrasferit lilu d-dritt li jiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarju, element li għandu jiġi attribwit lill-ewwel kunsinna.

33      Madankollu, dan il-fatt waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-ewwel kunsinna tikkostitwixxi kunsinna intra-Komunitarja. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li t-tieni trasferiment tas-setgħa li persuna tiddisponi mill-oġġett bħala proprjetarja jista’ jseħħ ukoll fit-territorju tal-Istat Membru tal-ewwel kunsinna, u dan qabel ma jitwettaq it-trasport intra-Komunitarju. F’dan il-każ, it-trasport intra-Komunitarju ma jistax jibqa’ jiġi attribwit lil din il-kunsinna.

34      Fil-każ fejn l-akkwirent jikseb is-setgħa li jiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarju fl-Istat Membru ta’ kunsinna u jerfa’ r-responsabbiltà li jittrasportah lejn l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, bħalma jiġri għall-kunsinni li għandhom bħala kundizzjoni l-ġbir tal-merkanzija mill-maħżen tal-fornitur, l-intenzjoni tax-xerrej fil-mument tal-akkwist għandha, sa fejn huwa possibbli, tittieħed inkunsiderazzjoni, sakemm hija hi sostnuta minn elementi oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza X, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’din il-kawża, għalkemm ix-xerrejja, bħala l-ewwel akkwirenti, urew l-intenzjoni tagħhom li jittrasportaw l-oġġetti lejn Stat Membru li kien differenti mill-Istat ta’ kunsinna u ppreżentaw ruħhom b’numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT mogħti minn dan l-Istat Membru differenti, huwa legalment possibbli li ETH tqis li t-tranżazzjonijiet mwettqa minnha kienu jikkostitwixxu kunsinni intra-Komunitarji.

36      Madankollu, wara t-trasferiment lill-akkwirenti tad-dritt li jiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarju, il-fornitur li jwettaq l-ewwel kunsinna jista’ jitqies bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fir-rigward ta’ din it-tranżazzjoni jekk dan l-akkwirent kien infurmah bil-fatt li l-oġġett kien ser jiġi mibjugħ mill-ġdid lil persuna taxxabbli oħra qabel ma jkun telaq mill-Istat Membru ta’ kunsinna u jekk, wara l-għoti ta’ din l-informazzjoni, huwa jkun naqas milli jibgħat fattura rettifikata li tinkludi l-VAT.

37      It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-prova, inkwantu tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, minkejja li, bħala regola, huwa l-fornitur li għandu jistabbilixxi li l-oġġett intbagħat jew ġie ttrasportat lejn Stat Membru ieħor, fiċ-ċirkustanzi fejn id-dritt ta’ persuna li tiddisponi mill-oġġett bħala l-propretarja jiġi ttrasferit lill-akkwirent fit-territorju tal-Istat Membru ta’ kunsinna u fejn hija r-responsabbiltà ta’ dan l-akkwirent li jibgħat jew jittrasporta l-oġġett lil hinn mill-Istat Membru ta’ kunsinna, il-prova li l-fornitur għandu jibgħat lill-awtoritajiet fiskali tiddependi essenzjalment fuq l-elementi li huwa jkun irċieva f’dan ir-rigward mingħand l-akkwirent.

38      Ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa leġittimu, f’każ bħal dan, li l-fornitur jintalab jaġixxi bi bona fide u li l-miżuri kollha li jieħu skont is-setgħa tiegħu jiżguraw li t-tranżazzjoni li huwa jagħmel ma twasslux sabiex jipparteċipa fi frodi fiskali. Madankollu, ladarba l-fornitur ikun issodisfa l-obbligi tiegħu marbuta mal-prova ta’ kunsinna intra-Komunitarja, filwaqt li l-obbligu kuntrattwali li l-oġġett jintbagħat jew jiġi ttrasportata lil hinn mill-Istat Membru tal-kunsinna ma jkunx ġie sodisfatt mill-akkwirent, huwa dan tal-aħħar li għandu jitqies bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teleos et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 66 u 67).

39      Mill-proċess jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, ETH, billi kkwalifikat il-kunsinna tagħha bħala intra-Komunitarja u billi eżentatha mill-VAT, ibbażat ruħha fuq in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT Belġjan tax-xerrejja, fejn hija talbet informazzjoni dwaru lill-awtoritajiet fiskali Olandiżi, u fuq id-dikjarazzjoni tax-xerrejja, ipprovduta meta l-merkanzija nġabret mill-maħżen tagħha, li indikat li l-imsemmija merkanzija kienet ser tiġi ttrasportata lejn il-Belġju. Il-kwistjoni dwar jekk ETH, billi aġixxiet b’dan il-mod, issodisfatx l-obbligi tagħha marbuta mal-prova u d-diliġenza tiddependi fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju li għandhom jiġu bbażati fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-rigward mid-dritt nazzjonali.

40      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-ispedizzjoni jew it-trasport tal-oġġett lil hinn mill-Istat Membru ta’ kunsinna, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, għalkemm, kif jirriżulta mill-punt 45 tas-sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar minn għandu s-setgħa li jiddisponi mill-oġġetti matul it-trasport intra-Komunitarju ma hijiex rilevanti, il-fatt li dan it-trasport twettaq minn jew f’isem il-propretarju tal-oġġett jista’, mandankollu, ikollu rwol fid-deċiżjoni dwar l-attribuzzjoni tal-imsemmi trasport lill-ewwel jew lit-tieni kunsinna. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex determinanti fil-każ fejn it-trasport twettaq minn jew f’isem il-persuna li tipparteċipa fiż-żewġ tranżazzjonijiet, bħal fil-kawża prinċipali.

41      Għalhekk, il-fatt li, fil-kawża prinċipali, it-tieni akkwirent kien involut fit-trasport ma huwiex element li jippermetti li jiġi konkluż li dan it-trasport għandu jiġi attribwit lit-tieni kunsinna.

42      Bl-istess mod, il-fatt li l-oġġetti ma ġewx ittrasportati fl-indirizz tal-ewwel akkwirenti ma jippermettix li jiġi eskluż li t-trasport twettaq fil-kuntest tal-ewwel kunsinna, sa fejn l-applikazzjoni tal-eżenzjoni ta’ kunsinna intra-Komunitarja hija suġġetta għall-kundizzjoni li tipprovdi li t-trasport għandu jintemm fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ kunsinna, u peress li l-indirizz ta’ tmiem it-trasport ma huwiex, f’dan ir-rigward, rilevanti.

43      Din l-interpretazzjoni ma tikkontradixxix kliem l-Artikolu 28ċ(A) tas-Sitt Direttiva, li jipprovdi li l-post ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti għandu jitqies li jinsab fil-post fejn l-oġġetti jinsabu fil-mument li tasal il-kunsinna jew it-trasport għand l-akkwirent. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan imfittex minn din is-sistema tranżitorja ta’ taxxa tal-iskambji bejn l-Istati Membri, li fiha taqa’ l-imsemmija dispożizzjoni, huwa li jiġi ttrasferit id-dħul fiskali fl-Istat Membru fejn seħħ il-konsum finali tal-oġġetti kkunsinnati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ April 2010, X u fiscale eenheid Facet-Facet Trading, C‑536/08 u C-539/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra punti 30 u 31), u mhux li tiġi ddeterminata l-persuna li wettqet l-akkwist intra-Komunitarju.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, meta l-oġġett ikun is-suġġett ta’ żewġ kunsinni suċċessivi bejn persuni taxxabbli differenti li jaġixxu bħala tali, iżda suġġett ta’ trasport intra-Komunitarju wieħed, l-iffissar tat-tranżazzjoni li għandha tiġi attribwita b’dan it-trasport, jiġifieri l-ewwel jew it-tieni tranżazzjoni ‑ din it-tranżazzjoni taqa’, minħabba dan il-fatt, taħt il-kunċett ta’ kunsinna intra-Komunitarja fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28a(1)(a) u mal-Artikolu 28b(A)(1) tal-istess direttiva ‑, għandu jsir skont evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sabiex jiġi stabbilit liema minn dawn iż-żewġ kunsinni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha marbuta ma’ kunsinna intra-Komunitarja.

45      Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-ewwel akkwirent li kiseb id-dritt li jiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarju fit-territorju tal-Istat Membru tal-ewwel kunsinna juri l-intenzjoni tiegħu li jrid jittrasporta dan l-oġġett lejn Stat Membru ieħor u jippreżenta ruħu b’numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT mogħti minn dan l-aħħar Stat, it-trasport intra-Komunitarju għandu jiġi attribwit lill-ewwel kunsinna, bil-kundizzjoni li d-dritt tal-persuna li tiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarja jkun ġie ttrasferit lit-tieni akkwirent fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-trasport intra-Komunitarju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta fil-kawża mressqa quddiemha.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Meta l-oġġett ikun is-suġġett ta’ żewġ kunsinni suċċessivi bejn persuni taxxabbli differenti li jaġixxu bħala tali, iżda suġġett ta’ trasport intra-Komunitarju wieħed, l-iffissar tat-tranżazzjoni li għandha tiġi attribwita b’dan it-trasport, jiġifieri l-ewwel jew it-tieni tranżazzjoni ‑ din it-tranżazzjoni taqa’, minħabba dan il-fatt, taħt il-kunċett ta’ kunsinna intra-Komunitarja fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/95/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1996, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28a(1)(a) u mal-Artikolu 28b(A)(1) tal-istess direttiva ‑, għandu jsir skont evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sabiex jiġi stabbilit liema minn dawn iż-żewġ kunsinni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha marbuta ma’ kunsinna intra-Komunitarja.

Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn l-ewwel akkwirent li kiseb id-dritt li jiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarju fit-territorju tal-Istat Membru tal-ewwel kunsinna juri l-intenzjoni tiegħu li jrid jittrasporta dan l-oġġett lejn Stat Membru ieħor u jippreżenta ruħu b’numru ta’ reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud mogħti minn dan l-aħħar Stat, it-trasport intra-Komunitarju għandu jiġi attribwit lill-ewwel kunsinna, bil-kundizzjoni li d-dritt tal-persuna li tiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarja jkun ġie ttrasferit lit-tieni akkwirent fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-trasport intra-Komunitarju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta fil-kawża mressqa quddiemha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.