C-540/09 - Skandinaviska Enskilda Banken [SEB]

Printed via the EU tax law app / web

Kawża C-540/09

Skandinaviska Enskilda Banken AB Momsgrupp

vs

Skatteverket

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Regeringsrätten)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 13B(d)(5) — Eżenzjonijiet — Garanzija ta’ sottoskrizzjoni (underwriting guarantee) mogħtija bi ħlas ta’ kummissjoni minn stabbilimenti ta’ kreditu lill-kumpanniji li joħorġu azzjonijiet fil-kuntest ta’ ħruġ ta’ azzjonjiet fis-suq tal-kapital — Tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva — Tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet imsemmija fl-Artikolu 13B(d)(5)

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13(B)(d)(5))

L-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens illi l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud stipulata f’din id-dispożizzjoni tkopri s-servizzi li jagħti stabbiliment ta’ kreditu taħt il-forma ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni u bi ħlas lil kumpannija li tixtieq toħroġ azzjonijiet, fejn permezz ta’ din il-garanzija dan l-istabbiliment jimpenja ruħu li jakkwista l-azzjonijiet li ma jkunux ġew sottoskritti meta jiskadi l-perijodu ta’ sottoskrizzjoni.

(ara l-punt 38 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Marzu 2011 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 13B(d)(5) – Eżenzjonijiet – Garanzija ta’ sottoskrizzjoni (underwriting guarantee) mogħtija bi ħlas ta’ kummissjoni minn stabbilimenti ta’ kreditu lill-kumpanniji li joħorġu azzjonijiet fil-kuntest ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet fis-suq tal-kapital – Tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet”

Fil-Kawża C‑540/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Regeringsrätten (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2009, fil-proċedura

Skandinaviska Enskilda Banken AB Momsgrupp

vs

Skatteverket,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Skandinaviska Enskilda Banken AB Momsgrupp, minn J. Hefner, avukat,

–        għal Skatteverket, minn M. Loeb, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Aston, SC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13B(a) u (d)(1), (2) u (5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Skandinaviska Enskilda Banken AB Momsgrupp (iktar ’il quddiem “SEB”) u Skatteverket (amministrazzjoni fiskali Svediża) dwar il-klassifikazzjoni, għall-finijiet ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), ta’ servizzi ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni (“underwriting guarantee”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-[VAT]:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”

4        Skont l-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw lil [dawn] li ġejjin taħt kondizzjonijiet li huma għandhom jistabbilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar, jew abbuż possibbli:

a)      assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni;

[…]

it-transazzjonijet li ġejjin:

1.      l-għoti jew in-negozjar ta’ kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih;

2.      in-negozju ta’ kwalunkwe negozjar f’garanzija ta’ kreditu jew ta’ kwalunkwe garanzija għall-flus u l-immaniġġjar tal-garanziji tal-kreditu mill-persuna li qed tagħti dan il-kreditu;

[…]

5.      transazzjonijiet, inklużi negozjar, eskluż l-immaniġġjar u l-ħażna assigurata, fl-ishma, interessi f’kumpanniji jew assoċjazzjonijiet, debentures u sigurtajiet oħrajn, esklużi:

–        dokumenti li jistabbilixxu titolu għall-oġġetti,

–        id-drittijiet jew sigurtajiet msemmija fl-Artikolu 5(3);

[…]”.

 Id-dritt nazzjonali

5        L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi (1994:200), dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud [mervärdesskattelagen (1994:200)], tat-30 ta’ Marzu 1994 (SFS 1994, Nru 200, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”, jipprovdi:

“Hija dovuta VAT lill-Istat skont din il-liġi

1.      fuq il-provvista ta’ prodotti jew ta’ servizzi fil-pajjiż li huma suġġetti għat-taxxa u li jingħataw bħala parti minn attività professjonali;

[…]”

6        L‑Artikolu 9 tal-Kapitolu 3 tal‑liġi dwar il‑VAT jipprovdi:

“Il-provvista ta’ servizzi bankarji u finanzjarji u t-tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet jew attivitajiet simili huma eżentati.

Is-servizzi bankarji u finanzjarji ma jkoprux l-attività nutarili, is-servizzi ta’ ħlas ta’ rċevuti u s-servizzi amministrattivi li jinvolvu l-fatturazzjoni jew il-post fejn jinżammu.

‘Tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet’ ifissru:

1.      in-negozju u s-senserija ta’ azzjonjiet, ta’ kapital azzjonarju u ta’ krediti oħra, irrispettivament minn jekk ikunux irrappreżentati permezz ta’ sigurtajiet jew le, u

2.      il-ġestjoni ta’ fondi ta’ investiment skont il-liġi (2004:46) dwar il-fondi ta’ investiment.”

7        L-Artikolu 10 tal-istess Kapitolu 3 tal-liġi dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:

“Is-servizzi ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni, inklużi s-servizzi pprovduti minn sensara ta’ assigurazzjoni jew minn intermedjarji oħra ta’ assigurazzjoni u li jinvolvu l-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni huma eżentati”.

 Il-fatti prinċipali u d-domanda preliminari

8        SEB huwa stabbiliment ta’ kreditu Svediż li huwa l-kap ta’ “grupp tal-VAT” (“mervärdesskattegrupp”). Dan l-istabbiliment ta’ kreditu jagħti wkoll servizzi ta’ finanzjament ta’ impriżi flimkien mal-ħruġ ta’ strumenti finanzjarji.

9        Matul is-sena 2002, flimkien ma’ kumpannija oħra membru tal-istess grupp tal-VAT, SEB ta lil kumpannija terza garanziji ta’ sottoskrizzjoni, li permezz tagħhom il-membri ta’ dan il-grupp impenjaw ruħhom illi jakkwistaw l-azzjonijiet li ma jkunux ġew sottoskritti meta jiskadi l-perijodu ta’ sottoskrizzjoni (iktar ’il quddiem il-“garanzija ta’ sottoskrizzjoni”). Għall-għoti ta’ din il-garanzija, il-membri tal-grupp tħallsu kummissjoni.

10      Peress li qies illi l-għoti ta’ garanziji ta’ sottoskrizzjoni kien jibbenefika mill-eżenzjoni tal-VAT, l-imsemmi grupp la talab u lanqas ikkalkola l-VAT fir-rigward tal-ħlas ta’ din il-kummissjoni.

11      Wara verifika fiskali li saret matul is-sena 2005, l-iSkatteverket ikkunsidrat li l-għoti ta’ garanziji ta’ sottoskrizzjoni ma kienx tranżazzjoni eżenti mill-VAT u, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2005, hija imponiet il-ħlas tal-VAT għall-perijodu fiskali relatat max-xahar ta’ Ottubru tas-sena 2002.

12      Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ azzjoni ppreżentata minn SEB quddiem il-länsrätten i Stockholms län (Qorti Amministrattiva tal-kontea ta’ Stokkolma), li ċaħdet din l-azzjoni.

13      Il-grupp appella minn din is-sentenza ta’ rifjut quddiem il-Kammarrätten i Stockholm (Qorti tal-Appell Amministrattiva ta’ Stokkolma). Peress li din tal-aħħar ċaħdet dan l-appell, SEB ippreżenta appell quddiem ir‑Regeringsrätten (Qorti Amministrattiva Suprema), filwaqt li sostna li l-garanzija ta’ sottoskrizzjoni inkwistjoni tista’ titqabbel ma’ servizzi oħra li huma pprovduti fis-settur finanzjarju li ma jagħtux lok għall-ġbir tal-VAT, bħat-tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet, l-assigurazzjonijiet, l-għoti ta’ kreditu, il-garanziji, u anki għażliet ta’ bejgħ.

14      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika l-ewwel nett, illi skont il-ġurisprudenza tal-qrati Svediżi, l-għoti ta’ garanziji ta’ sottoskrizzjoni ma jikkostitwixxix tranżazzjoni eżentata skont l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva (tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet).

15      Madankollu r-Regeringsrätten tikkonstata l-eżistenza ta’ diverġenzi fil-liġijiet nazzjonali ta’ diversi Stati Membri f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni għas-servizzi ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni tal-eżenzjoni stipulata mill-imsemmija dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva. B’hekk, fl-Irlanda u fir-Renju Unit, eżenzjonijiet espressi mill-VAT ġew b’mod partikolari introdotti għal tali servizzi.

16      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssostni illi, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13B(a) jew (d)(1), (2) u (5) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tat l-ebda risposta ċara dwar il-kwistjoni jekk xi waħda minn dawn l-eżenzjonijiet hijiex applikabbli għas-servizzi li jikkonsistu fl-għoti ta’ garanziji ta’ sottoskrizzjoni.

17      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Regeringsrätten iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-Parti B tal-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva tal-VAT għandha tiġi interpretata fis-sens li l-eżenzjonijiet previsti minn dan l-istess artikolu huma applikabbli wkoll għas-servizzi (underwriting) li permezz tagħhom kumpannija ta’ intermedjazzjoni mobiljari tagħti, bi ħlas, garanzija lil kumpannija li tkun trid teffettwa ħruġ ta’ azzjonijiet, meta l-garanzija timplika li l-kumpannija ta’ intermedjazzjoni mobiljari tintrabat li tissottoskrivi l-azzjonijiet li eventwalment ma jiġux sottoskritti fil-perijodu ta’ sottoskrizzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

18      Qabel ma tiġi analizzata l-bażi ġuridika ta’ eżenzjoni ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni eventwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ppreċiżat illi din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva peress illi tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas skont l-Artikolu 2(1) ta’ din tal-aħħar, fid-dawl tal-fatt illi hemm relazzjoni ġuridika bejn min joħroġ l-azzjonijiet u l-garanti u li l-kommissjoni li dan tal-aħħar jirċievi minn min joħroġ l-azzjonijiet tirrappreżenta l-korrispettiv effettiv tal-garanzija mogħtija lilu mill-garanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C‑16/93, Ġabra p. I‑743, punt 14; tal-14 ta’ Lulju 1998, First National Bank of Chicago, C‑172/96, Ġabra p. I‑4387, punt 26, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, MacDonald Resorts, C‑270/09, Ġabra p. I‑0000, punt 16).

19      Għandu jitfakkar illi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom bħala għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C‑349/96, Ġabra p. I‑973, punt 15, u tat-28 ta’ Jannar 2010, Eulitz, C‑473/08, Ġabra p. I‑0907, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk tali garanzija ta’ sottoskrizzjoni tistax tibbenefika minn eżenzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 13B (a) jew (d)(1), (2) u (5), tas-Sitt Direttiva, għandu jitfakkar illi l-kliem użat fl-eżenzjonijiet imsemmmija fl-Artikolu 13 għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta, peress illi dawn l-eżenzjonijiet huma derogi mill-prinċipju ġenerali li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mogħtija bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l‑interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha b’mod partikolari tkun konformi mal‑għanijiet imħaddna mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tosserva r‑rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. Għaldaqstant, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet stipulati fl-imsemmi Artikolu 13 għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħadhom mill-effetti tagħhom (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2010, Eulitz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet li abbażi tagħhom ġew adottati l-eżenzjonijiet tal-VAT għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13B, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta illi l-għan ta’ dawn l-eżenzjonijiet huwa li jikkumpensaw għad-diffikultajiet marbuta mad-determinazzjoni tal-bażi ta’ taxxa kif ukoll tal-ammont ta’ VAT li għandu jitnaqqas, u li jevitaw żieda fl-ispiża tal-kreditu lill-konsumatur (sentenza tad-19 ta’ April 2007, Velvet & Steel Immobilien, C‑455/05, Ġabra p. I‑3225, punt 24).

22      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula.

 Fuq l-eżenzjoni skont l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva

23      Jekk ma huwiex eskluż illi l-garanzija ta’ sottoskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ f’diversi kategoriji ta’ tranżazzjonijiet eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 13B (a) jew (d)(1), (2) u (5) tas-Sitt Direttiva, fid-dawl tal-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura quddiemha, għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, id-domanda magħmula fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13B(d)(5) ta’ din id-direttiva dwar it-tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet.

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

24      SEB isostni illi s-servizz ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu natura awtonoma fl-Isvezja u jibqa’ distint mis-servizz globali ta’ sottoskrizzjoni ta’ sigurtajiet. Barra minn hekk, huwa jispjega illi, f’dan il-każ, il-garanzija ta’ sottoskrizzjoni ngħatat minn entitajiet differenti minn dawk li ħarġu l-azzjonijiet.

25      Filwaqt li jaċċetta li dan is-servizz ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni ma jikkostitwixxix parti minn pakkett ta’ servizzi finanzjarji u li għandu jiġi evalwat b’mod separat fir-rigward tal-VAT, il-Gvern Svediż jikkunsidra li dan is-servizz ma huwiex eżentat mill-VAT skont l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva.

26      Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dan is-servizz, SEB, li huwa appoġġjat mill-Kummissjoni Ewropea fl-argument tiegħu, isostni illi l-imsemmi servizz ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni jirrappreżenta tranżazzjoni li tinvolvi sigurtajiet kif iddefinita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għax jista’ joħloq, jibdel jew itemm id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fir-rigward ta’ sigurtajiet u jimmodifika l-kundizzjonijiet legali u finanzjarji bejn il-partijiet fis-sens tas-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C‑2/95, Ġabra p. I‑3017, punti 72 u 73), u tat-13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services (C‑235/00, Ġabra p. I‑10237, punt 33).

27      L-Irlanda ssostni illi, f’dan l-Istat Membru, garanzija ta’ sottoskrizzjoni tirrappreżenta biss element wieħed ta’ servizz globali u indiviżibbli marbut mal-ħruġ ta’ sigurtajiet li jinkludi, b’mod partikolari, servizzi ta’ pariri u ta’ kummerċjalizzazzjoni. Dan is-servizz globali huwa eżentat mill-VAT fl-Irlanda peress li jikkostitwixxi tranżazzjoni li tinvolvi sigurtajiet koperta bl-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva.

28      L-iSkatteverket tikkunsidra illi l-għoti ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni ma għandux jiġi analizzat bħala tranżazzjoni li tinvolvi sigurtajiet peress illi, fiha nnifisha, il-garanzija tas-sottoskrizzjoni ma toħloqx, tibdel jew ittemm id-drittijiet u l-obbligi fuq il-proprjetà tal-azzjonijiet. Dawn l-effetti ġuridiċi, bejn il-garanti u l-persuna li toħroġ l-azzjonijiet, jinħolqu biss jekk is-sottoskrizzjoni ma tkunx ġiet kompletament koperta minn investituri oħra u jekk il-garanti jkollu jissottoskrivi l-bqija tas-sottoskrizzjoni. Għalhekk f’dan il-każ tkun possibbli eżenzjoni mill-VAT. Min-naħa l-oħra, jekk is-sottoskrizzjoni kienet kompletament koperta mill-investituri fis-suq, ma kien hemm l-ebda bidla fid-drittijiet u l-obbligi relatati mal-proprjetà tal-azzjonijiet u, għalhekk, l-ebda eżenzjoni ma tkun possibbli.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      L-ewwel nett għandu jitfakkar illi, fid-dawl tal-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja minn SEB u mill-Gvern Svediż, li jaqblu fuq dan is-suġġett, għandu jiġi kkonstatat illi, fl-Isvezja, il-garanzija ta’ sottoskrizzjoni inkwistjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala servizz fih innifsu, li jista’ jingħata b’mod awtonomu u mhux bħala servizz relatat ma’ servizzi oħra mogħtija matul tranżazzjoni ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet.

30      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jitfakkar illi, fir-rigward tal-portata tal-eżenzjoni bbażata fuq l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat illi t-tranżazzjonijiet li jinvolvu azzjonijiet u sigurtajiet huma tranżazzjonijiet fis-swieq tas-sigurtajiet negozjabbli u li n-negozjar tas-sigurtajiet jinvolvi atti li jimmodifikaw is-sitwazzjoni legali u finanzjarja bejn il-partijiet (sentenza SDC, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 u 73).

31      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll illi t-tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 13B(d)(5) jirrigwardaw tranżazzjonijiet li jistgħu joħolqu, jibdlu jew itemmu d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fir-rigward ta’ sigurtajiet (sentenza CSC Financial Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

32      Fid-dawl tal-kriterju użat b’dan il-mod mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza CSC Financial Services, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri, il-modifika, anki jekk potenzjali, tas-sitwazzjoni legali u finanzjarja bejn il-partijiet ikkonċernati, għandu jiġi kkonstatat illi, f’din il-kawża, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-garanzija ta’ sottoskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn din il-ġurisprudenza.

33      Fil-fatt, anki jekk il-ħruġ ta’ azzjonijiet kellu sussegwentement ikun kompletament kopert mill-investituri fis-suq, b’tali mod illi ma jkunx għadu meħtieġ ix-xiri tal-kumplament tal-azzjonijiet mill-garanti, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ fih innifsu joħloq, ibiddel jew itemm id-drittijiet fuq il-proprjetà tal-azzjonijiet, peress li tali possibbiltà fiha nnifisha hija biżżejjed sabiex tikkwalifika tali garanzija ta’ sottoskrizzjoni bħala tranżazzjoni li tinvolvi sigurtajiet fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza.

34      Barra minn hekk, skont l-argument tal-iSkatteverket, stabbiliment ta’ kreditu li jagħti garanzija fil-kuntest ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet li wassal għal sottoskrizzjoni totali tal-azzjonijiet maħruġa mill-investituri fis-suq ma jibbenefikax, bis-saħħa ta’ tali tranżazzjoni, għal eżenzjoni mill-VAT peress illi ma jkun hemm l-ebda trasferiment ta’ azzjonijiet bejn il-partijiet u, għalhekk, l-ebda modifika effettiva tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tal-proprjetà tal-azzjonijiet.

35      Min-naħa l-oħra, jekk stabbiliment ta’ kreditu ieħor ta l-istess tip ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni fil-kuntest ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet li ma wassalx għal sottoskrizzjoni totali tagħhom u li għalhekk sab ruħu obbligat li jixtri l-azzjonijiet mhux sottoskritti, tali tranżazzjoni, li kuntrarjament għal dak illi jsostni l-iSkatteverket, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva, u li hija awtonoma mill-ħruġ tal-azzjonijiet, hija eżentata mill-VAT peress illi, f’din l-ipoteżi, ikun hemm bidla effettiva fid-drittijiet u fl-obbligi tal-partijiet fir-rigward tal-proprjetà tal-azzjonijiet.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat illi interpretazzjoni tal-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva jekk servizz ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni jkunx eżentat jew le mill-VAT skont is-sottoskrizzjoni parzjali jew totali tal-azzjonijiet maħruġa tkun kuntrarja għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali li abbażi tiegħu, b’mod partikolari, tistrieħ is-sistema komuni tal-VAT stabbilita minn din id-direttiva u li tipprekludi illi operaturi ekonomiċi illi jagħmlu l-istess tranżazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-ġbir ta’ din it-taxxa (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C‑363/05, Ġabra p. I‑5517, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Peress illi garanzija ta’ sottoskrizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija eżentata mill-VAT bħala tranżazzjoni li tinvolvi sigurtajiet fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva, ma huwiex meħtieġ iktar, għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali u, għalhekk, għar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju, li tiġi eżaminata, barra minn hekk, tali garanzija fir-rigward tal-Artikolu 13B (a) jew (d)(1) u (2) tas-Sitt Direttiva.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun illi l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens illi l-eżenzjoni tal-VAT stipulata minn din id-direttiva tkopri s-servizzi illi stabbiliment ta’ kreditu jagħti taħt il-forma ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni u bi ħlas lil kumpannija li tixtieq toħroġ azzjonijiet, fejn permezz ta’ din il-garanzija dan l-istabbiliment jimpenja ruħu li jakkwista l-azzjonijiet li ma jkunux ġew sottoskritti meta jiskadi l-perijodu ta’ sottoskrizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens illi l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud stipulata f’din id-dispożizzjoni tkopri s-servizzi li stabbiliment ta’ kreditu jagħti taħt il-forma ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni u bi ħlas lil kumpannija li tixtieq toħroġ azzjonijiet, fejn permezz ta’ din il-garanzija dan l-istabbiliment jimpenja ruħu li jakkwista l-azzjonijiet li ma jkunux ġew sottoskritti meta jiskadi l-perijodu ta’ sottoskrizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.