C-118/11 - Eon Aset Menidjmunt

Printed via the EU tax law app / web

Kawża C-118/11

Eon Aset Menidjmunt OOD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane I upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Varna)

“VAT — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 168 u 176 — Dritt għal tnaqqis — Kundizzjoni dwar l-użu ta’ oġġetti u ta’ servizzi għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli — Tnissil tad-dritt għal tnaqqis — Kuntratt ta’ kiri ta’ vettura bil-mutur — Kuntratt ta’ leasing — Vettura użata mill-persuna li timpjega għat-trasport mingħajr ħlas ta’ impjegat bejn id-dar tiegħu u l-post tax-xogħol tiegħu”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tranżazzjonijiet taxxabbli — Akkwist ta’ investiment — Kunċett

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 14(1) u (2)(b))

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 168(a))

3.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 168 u 176)

1.        Fil-każ li l-kuntratt ta’ leasing dwar vettura bil-mutur jipprovdi jew it-trasferiment tal-proprjetà tal-imsemmija vettura lill-kerrej fit-tmiem ta’ dan il-kuntratt, jew li l-kerrej ikollu l-karatteristiċi essenzjali tal-proprjetà tal-imsemmija vettura, b’mod partikolari li tiġi ttrasferita lilu l-maġġoranza tal-benefiċċji u tar-riskji inerenti fil-proprjetà legali tal-vettura u li s-somma aġġornata tal-iskadenzi tkun prattikament identika għall-valur tas-suq tal-proprjetà, it-tranżazzjoni għandha tkun ekwivalenti għall-akkwist ta’ investiment.

(ara l-punt 40)

2.        L-Artikolu 168(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li vettura bil-mutur mikrija titqies li tintuża għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli jekk ikun hemm rabta diretta u immedjata bejn l-użu ta’ din il-vettura u l-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli. Huwa fl-iskadenza tal-perijodu relatat ma’ kull wieħed minn dawn il-ħlasijiet li jitnissel id-dritt għal tnaqqis u li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ tali rabta.

Barra minn hekk, vettura bil-mutur mikrija skont kuntratt ta’ leasing u kkwalifikata bħala investiment li tintuża għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli jekk il-persuna taxxabbli li taġixxi f’din il-kwalifika takkwista dan l-oġġett u tinkludih fl-assi tal-impriża tagħha, peress li t-tnaqqis tat-taxxa tal-valur miżjud tal-input dovuta jkun komplet u immedjat u kwalunkwe użu tal-imsemmi oġġett għall-ħtiġijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew għal għanijiet li ma humiex parti minn dawk tal-impriża tagħha, ikun ekwivalenti għal provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas. Huwa l-akkwist tal-oġġett mill-persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali li jiddetermina l-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT u, għaldaqstant, tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis. L-użu li jsir mill-oġġett jew li huwa maħsub għaliha jiddetermina biss il-portata tad-dritt għal tnaqqis inizjali li għandha l-persuna taxxabbli. Il-kwistjoni dwar jekk il-persuna taxxabbli akkwistatx l-oġġett billi taġixxi bħala tali, jiġifieri għall-iskopijiet tal-attività ekonomika tagħha fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva, hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni kollha tal-kawża, li fosthom hemm in-natura tal-oġġett intiż u l-perijodu li għadda bejn l-akkwist tiegħu u l-użu tiegħu għall-għanijiet tal-attivitajiet ekonomiċi tal-persuna taxxabbli.

(ara l-punti 57, 58, 64 u d-dispożittiv 1)

3.        L-Artikoli 168 u 176 tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis ta’ oġġetti u ta’ servizzi ddestinati għal provvisti bla ħlas jew għal attivitajiet li ma humiex parti mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, sakemm l-oġġetti kkwalifikati bħala investiment ma jkunux inklużi mal-assi tal-impriża.

(ara l-punt 74 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Frar 2012 (*)

“VAT — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 168 u 176 — Dritt għal tnaqqis — Kundizzjoni dwar l-użu ta’ oġġetti u ta’ servizzi għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli — Tnissil tad-dritt għal tnaqqis — Kuntratt ta’ kiri ta’ vettura bil-mutur — Kuntratt ta’ leasing — Vettura użata mill-persuna li timpjega għat-trasport mingħajr ħlas ta’ impjegat bejn id-dar tiegħu u l-post tax-xogħol tiegħu”

Fil-Kawża C‑118/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Varna (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura

Eon Aset Menidjmunt OOD

vs

Direktor na Direktsia „Obzhalvane I upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Bulgaru, minn T. Ivanov u D. Drambozova, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 168, 173 u 176 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba ħiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Eon Aset Menidjmunt OOD (iktar ’il quddiem “Eon Aset”) u d-Direktor na Direktsia Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite (direttur tad-direttorat “Appelli u ġestjoni tal-eżekuzzjoni” għall-belt ta’ Varna, fi ħdan l-amministrazzjoni ċentrali tal-Aġenzija nazzjonali tat-taxxa, dwar l-istima rettifikata li tissuġġettta lil Eon Aset għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), minħabba rifjut li tibbenefika mid-dritt għal kreditu ta’ taxxa.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT:

“Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

4        L-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“‘Provvista ta’ merkanzija [oġġett]’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.”

5        Skont l-Artikolu 14(2)9a) tal-imsemmija direttiva, hija kkunsidrata bħala provvista ta’ oġġett “il-konsenja materjali ta’ merkanzija [oġġett] skond kuntratt għall-kiri ta’ merkanzija għal ċertu żmien, jew għall-bejgħ ta’ merkanzija bi ħlas akkont, li jipprovdi li normalment proprjetà għandha tgħaddi mhux aktar tard minn meta jsir l-aħħar ħlas akkont”.

6        L-Artikolu 24(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija [oġġett].”

7        Skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva tal-VAT:

“1.      Kull waħda minn dawn it-transazzjonijiet li ġejjin għandha titqies bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas:

a)      l-użu ta’ merkanizja li tifforma parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu jew, b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju tiegħu, fejn il-VAT fuq din il-merkanzija [oġġett] kienet deduċibbli kollha jew parti minnha;

b)      il-provvista ta’ servizzi magħmula mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha, jew b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha.

2.      L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1, sakemm din id-deroga ma twassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.”

8        L-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li “għandu jkun hemm avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija [oġġett] jew is-servizzi huma pprovduti”.

9        L-Artikolu 64(1) tal-imsemmija direttiva jippreċiża:

“Fejn din twassal għal dikjarazzjonijiet suċċessivi ta’ kont jew ħlasijiet suċċessivi, il-provvista ta’ merkanzija [oġġett], ħlief dik li tikkonsisti fil-kiri ta’ merkanzija għal ċertu perijodu jew il-bejgħ ta’ merkanzija fuq termini differiti, kif imsemmi fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 14(2), jew il-provvista ta’ servizzi għandhom jitqiesu bħala kompluti ma’ l-iskadenza tal-perijodi li għalihom jirrelataw dawn id—dikjarazzjonijiet ta’ kont jew ħlasijiet.”

10      Skont l-Artikolu 167 tad-Direttiva tal-VAT “Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta”.

11      Skont l-Artikolu 168 ta’ din id-direttiva:

“Sakemm il-merkanzija [oġġett] u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[...]”

12      L-Artikolu 173(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Fil-każ ta’ merkanzija [oġġett] jew servizzi użati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-VAT tista’ titnaqqas skond l-Artikoli 168, 169 u 170, u għal transazzjonijiet li fir—rigward tagħhom il-VAT ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss tal-VAT li hi attribwibbli għat-transazzjonijiet ta’ qabel għandha l-possibbiltà li tiġi mnaqqsa.

Il-proporzjon li jista’ jitnaqqas għandu jkun stabbilit, skond l-Artikoli 174 u 175, għat-transazzjonijiet taxxabbli kollha mwettqa mill-persuna taxxabbli.”

13      L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi n-nefqa li fir-rispett tagħha l-VAT m’għandhiex tkun tista’ titnaqqas. It-VAT fl-ebda ċirkostanza m’għandha tkun tista’ titnaqqas fir-rigward tan-nefqa li mhijiex strettament nefqa tan-negozju, bħal dik fuq il-lussu, pjaċiri jew divertiment.

Sa kemm id-disposizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu jidħlu fis—seħħ, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti skond il-liġijiet nazzjonali fl-1 ta’ Jannar 1979 jew, fil-każ ta’ l-Istati Membri li aderew għall-Komunità wara dik id-data, fid-data ta’ l-adeżjoni tagħhom.”

 Id-dritt nazzjonali

14      Skont l-Artikolu 6(3)(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (Zakon za DANAK varhu dobavenata stoynost, DV Nru 63, tal-4 ta’ Awwissu 2006, iktar ’il quddiem iz-“ZDDS”) hija kkunsidrata bħala provvista ta’ oġġetti “is-separazzjoni jew it-qegħid għad-dispożizzjoni ta’ merkanzija għall-użu personali tal-persuna taxxabbli, tal-propjetarju, tal-impjegati tagħha, jew ukoll ta’ terzi, bil-kundizzjoni li matul il-manifattura tagħha, matul l-importazzjoni tagħha jew matul l-akkwist tagħha, il-kreditu ta’ taxxa kien ukoll kompletament jew parzjalment imnaqqas”.

15      L-Artikolu 9(3)(1) taz-ZDDS jgħid li huwa ekwivalenti għal provvista ta’ servizzi li ssir bi ħlas “is-servizz ipprovdut lil persuna taxxabbli — persuna fiżika għall-użu personali tagħha, lil propjetarju, lill-impjegati tiegħu, jew ukoll lil terzi, bil-kundizzjoni li, matul il-provvista tas-servizz, intużat merkanzija li l-kreditu ta’ taxxa tagħha kien kompletament jew parzjalment imnaqqas matul il-manifattura tiegħu, matul l-importazzjoni tagħha jew matul l-akkwist tagħha”.

16      Permezz ta’ deroga għall-imsemmi Artikolu 9(3), l-Artikolu 9(4)(1) taz-ZDDS jipprovdi li ma jikkostitwixxix provvista ta’ servizzi li ssir bi ħlas “it-tqegħid għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas mill-persuna li tħaddem ta’ servizz ta’ trasport lejn u mid-dar u l-post tax-xogħol tal-impjegati tagħha, inklużi dawk b’kuntratt ta’ maniġer, meta dan isir għall-iskopijiet tal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli”.

17      L-Artikolu 69(1) taz-ZDDS jipprovdi:

“Meta l-oġġetti u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet ta’ provvisti taxxabbli magħmula mill-persuna taxxabbli rreġistrata, din il-persuna tkun intitolata li tnaqqas:

1.      it-taxxa fuq l-oġġetti jew fuq is-servizzi li l-fornitur, meta dan tal-aħħar huwa persuna taxxabbli rreġistrata skont din il-liġi, jipprovdilha jew għandu jipprovdilha;

[…]”

18      Skont l-Artikolu 70(1) taz-ZDDS:

“Anki jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 69 jew fl-Artikolu 74 jiġu sodisfatti, id-dritt li jitnaqqas kreditu ta’ taxxa ma jeżistix meta:

[...]

2.      l-oġġetti jew is-servizzi jkunu intiżi għal tranżazzjonijiet bla ħlas jew għal attivitajiet li ma jkunux parti mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli;

[...]”

19      Skont l-Artikolu 70(3) taz-ZDDS:

“Il-paragrafu 1(2) ma għandux japplika għal:

[...]

2.      servizz ta’ trasport lejn u mid-dar u l-post tax-xogħol ta’ impjegati, inklużi dawk bil-kuntratt ta’ maniġer, ipprovdut mingħajr ħlas mill-persuna li tħaddem għall-iskopijiet tal-attività ekonomika tagħha;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Eon Aset hija kumpannija stabbilita fil-Bulgarija, li teżerċita l-attivitajiet ekonomiċi tagħha f’oqsma ekonomiċi varji.

21      Waqt verifika fiskali li tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sal-31 ta’ Ottubru 2009, l-awtoritajiet kompetenti kkonstataw li EON Aset kienet ikkonkludiet, minn naħa, kuntratt ta’ kiri ta’ vettura bil-mutur ma’ kumpannija għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2008 u l-1 ta’ Marzu 2009 u, min-naħa l-oħra, kuntratt ta’ leasing, għal perijodu ta’ 48 xahar, rigward vettura oħra bil-mutur, ma’ kumpannija oħra.

22      Eon Aset kienet naqqset il-VAT li tinsab fuq il-fatturi kollha maħruġa matul il-perijodu tat-taxxa li jikkorrispondi għall-irċevuta tagħhom.

23      L-imsemmija awtoritajiet ikkunsidraw li, fin-nuqqas ta’ provi f’dan is-sens, il-vetturi għandhom jitqiesu li ntużaw għall-iskopijiet tal-attività ekonomika ta’ Eon Aset.

24      Lil Eon Aset ġie rrifjutat id-dritt li tnaqqas il-VAT korrispondenti, skont l-Artikolu 70(1)(2) taz-ZDDS.

25      Eon Aset, permezz ta’ appell amministrattiv, ikkontestat l-istima rettifikata maħruġa kontriha quddiem id-Direktor na Direktsia „Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite.

26      Peress li dan tal-aħħar parzjalment ikkonferma l-imsemmija stima, Eon Aset ippreżentat rikors quddiem l-Administrativen sad Varna (tribunal amministrattiv ta’ Varna).

27      Insostenn tar-rikors tagħha, Eon Aset issostni li l-vetturi bil-mutur inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntużaw sabiex jipprovdu t-trasport tal-amministratur tagħha bejn ir-residenza u l-post tax-xogħol tiegħu. Abbażi tal-Artikolu 70(3)(2) taz-ZDDS, Eon Aset tikkunsidra li l-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikolu 70(1)(2) taz-ZDDS ma tirrigwardax it-trasport tal-membri tal-persunal ipprovdut mingħajr ħlas mill-persuna li timpjega bejn ir-residenza u l-post tax-xogħol ta’ dawn tal-aħħar.

28      Eon Aset tikkontesta wkoll il-kompatibbiltà tal-Artikolu 70(1)(2) taz-ZDDS mad-dritt tal-Unjoni.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Varna ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      F’liema sens għandu jiġi interpretat ir-rekwiżit imsemmi fl-espressjoni ‘jintużaw’, stipulat fl-Artikolu 168 tad-Direttiva [tal-VAT], u, fir-rigward tat-tnissil tad-dritt li titnaqqas it-taxxa imposta, meta għandu jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit: matul il-perijodu fiskali meta l-merkanzija jew is-servizzi ġew akkwistati, jew huwa biżżejjed li dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt matul perijodu fiskali sussegwenti?

2)      Dispożizzjoni bħall-Artikolu 70(1)(2) [taz-ZDDS], li tippermetti l-esklużjoni inizjali ta’ merkanzija [oġġett] u servizzi ddefiniti bħala ‘intenzjonati għal tranżazzjonijiet bla ħlas jew għall-attivitajiet li ma humiex parti mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli’ mis-sistema ta’ tnaqqis tal-VAT, hija ammissibbli fid-dawl tal-Artikoli 168 u 176 tad-Direttiva [tal-VAT]?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 176 tad-Direttiva [tal-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li, sabiex juża l-possibbiltà mogħtija lilu li jeskludi d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għal ċerta merkanzija u servizzi, jibbaża ruħu fuq il-kategoriji ta’ spejjeż iddefiniti kif ġej: merkanzija jew servizzi intenzjonati għal tranżazzjonijiet bla ħlas jew għall-attivitajiet li ma humiex parti mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, bl-esklużjoni tal-każijiet stipulati fl-Artikolu 70(3) tal-Liġi Bulgara dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, issodisfa r-rekwiżit li kategorija ta’ merkanzija u ta’ servizzi tiġi ddefinita b’mod adegwat, jiġifieri li jiġu ddefiniti b’riferiment għan-natura tagħhom?

4)      Skont ir-risposta mogħtija għat-tielet domanda: f’liema sens għandha tinftiehem id-destinazzjoni (l-użu preżenti jew fil-futur) tal-merkanzija jew tas-servizzi akkwistati minn persuna taxxabbli: bħala pre-rekwiżit għat-tnissil tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT jew bħala bażi li tiġġustifika l-aġġustament tal-ammont tat-taxxa li għandha titnaqqas?

5)      Jekk id-destinazzjoni (l-użu) għandha tiġi kkunsidrata bħala bażi li tippermetti li jiġi aġġustat l-ammont tat-taxxa li għandha titnaqqas, kif għandha tiġi interpretata d-dispożizzjoni tal-Artikolu 173 tad-Direttiva [tal-VAT]: din tipprovdi l-possibbiltà li jsiru aġġustamenti fil-każijiet fejn merkanzija u servizzi jintużaw inizjalment għal attività mhux taxxabbli jew fejn ma jintużawx wara l-akkwist tagħhom, filwaqt li jkunu għad-dispożizzjoni tal-impriża u jkunu inklużi fl-attività taxxabbli tal-persuna taxxabbli matul il-perijodu wara l-akkwist?

6)      Fil-każ li l-Artikolu 173 tad-Direttiva [tal-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aġġustament previst japplika wkoll għall-każijiet fejn il-merkanzija jew is-servizzi, wara l-akkwist tagħhom, jintużaw inizjalment għal attività mhux taxxabbli, jew fil-każijiet fejn ma jintużawx, iżda li sussegwentement huma inklużi fl-attività taxxabbli tal-persuna taxxabbli, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-limitazzjoni introdotta bis-saħħa tal-Artikolu 70(1)(2) [taz-ZDDS], u tal-fatt li skont l-Artikolu 79(1)(2) tal-imsemmija liġi, il-possibbiltà li jsiru aġġustamenti hija limitata biss għal każijiet fejn merkanzija, li l-użu inizjali tagħha kien jissodisfa r-rekwiżiti tat-tnaqqis tat-taxxa, sussegwentement tintuża b’mod li ma jissodisfax iktar dawn ir-rekwiżiti tat-tnaqqis tat-taxxa, l-Istat Membru rrispetta l-obbligu tiegħu li jiddefinixxi d-dritt tal-persuni taxxabbli kollha li jnaqqqsu t-taxxa imposta bl-iktar mod affidabbli u ġust?

7)      Skont ir-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, skont ir-regoli li jillimitaw id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u ta’ aġġustament għall-ammont ta’ VAT li għandu jitnaqqas, introdotti permezz [taz-ZDDS], persuna taxxabbli rreġistrata għall-VAT hija awtorizzata tnaqqas il-VAT imposta għal merkanzija jew servizzi li kienu pprovduti lilha minn persuna taxxabbli oħra, matul il-perijodu li fih ġew ipprovduti u meta t-taxxa saret dovuta?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel, ir-raba’ u s-seba’ domandi

30      Permezz tal-ewwel, ir-raba’ u s-seba domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi taħt liema kundizzjonijiet l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva tal-VAT jippermetti lil persuna taxxabbli tnaqqas il-VAT imħallsa, minn naħa, għal kuntratt ta’ kiri ta’ vettura bil-mutur u, min-naħa l-oħra, għall-kiri ta’ vettura bil-mutur skont kuntratt ta’ leasing, u f’liema mument dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti fir-rigward tat-tnissil tad-dritt għal tnaqqis.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

31      Skont l-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT, il-persuna taxxabbli tibbenefika mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT sa fejn l-oġġetti u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. Konsegwentement, huwa neċessarju li l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġu kkwalifikati minn qabel fid-dawl tal-kunċett ta’ tranżazzjoni taxxabbli.

32      Skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-VAT, “‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija”, peress li l-kunċett ta’ provvista ta’ merkanzija jirrikjedi, skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, it-“trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli”.

33      Peress li l-kiri ta’ vettura bil-mutur ma jikkonsistix fil-provvista ta’ oġġetti, huwa għandu jiġi, fil-prinċipju, ikkwalifikat bħala provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Cookies World, C‑155/01, Ġabra p. I‑8785, punt 45, u tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service, C‑425/06, Ġabra p. I‑897, punt 61).

34      Il-kiri ta’ vettura bil-mutur skont kuntratt ta’ leasing jista’, madankollu, ikollu karatteristiċi li jkunu ekwivalenti għall-akkwist ta’ investiment.

35      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, fil-kuntest ta’ dispożizzjoni li tippermetti lill-Istati Membri jeskludu l-investiment mis-sistema ta’ tnaqqis tal-VAT għal perijodu tranżitorju, il-kunċett ta’ investiment ikopri l-oġġetti li, użati għall-iskopijiet ta’ attività ekonomika, jiddistingwu ruħhom minħabba t-tul ta’ żmien tal-użu tagħhom u l-valur tagħhom, li għalhekk l-ispejjeż ta’ akkwist tagħhom normalment ma jkunux irreġistrati fil-kontijiet bħala spejjeż kurrenti iżda bħala spejjeż li jinqatgħu fuq firxa ta’ diversi snin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 1977, Verbond van Nederlandse Ondernemingen, 51/76, Ġabra p. 113, punt 12, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2008, Nordania Finans u BG Factoring, C‑98/07, Ġabra p. I‑1281, punti 27 u 28).

36      Barra minn hekk, l-Artikolu 14(2)(B) tad-Direttiva tal-VAT jikkunsidra bħala provvista ta’ oġġetti l-kunsinna materjali ta’ oġġett skont kuntratt għall-kiri ta’ dan l-oġġett għal ċertu żmien, flimkien mal-klawżola li l-proprjetà tiġi normalment akkwistata iktar tard mill-ħlas tal-aħħar pagament.

37      Fil-każ ta’ kuntratt ta’ leasing, ma hemmx neċessarjament akkwist ta’ oġġett peress li tali kuntratt jista’ jipprevedi li l-kerrej ikollu l-għażla li ma jakkwistax l-imsemmi oġġett fi tmiem il-perijodu ta’ kiri.

38      Madankollu, kif jirriżulta mill-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà IAS 17 dwar il-kuntratti ta’ kiri, irriprodott mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008, tat-3 ta’ Novembru 2008, li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, p. 1), il-kuntratt ta’ kiri sempliċi għandu jkun distint mill-kuntratt ta’ kiri finanzjarju, peress li dan tal-aħħar huwa kkaratterizzat bit-trasferiment lill-kerrej tal-maġġoranza tal-benefiċċji u tar-riskji inerenti għall-proprjetà legali. Il-fatt li trasferiment ta’ proprjetà jkun previst fi tmiem il-kuntratt jew li s-somma aġġornata tal-iskadenzi tkun prattikament identika għall-valur monetarja tal-merkanzija jikkostitwixxu, individwalment jew konġuntament, kriterji sabiex jiġi stabbilit jekk kuntratt jistax jiġi kkwalifikat bħala kuntratt ta’ kiri finanzjarju.

39      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, il-kunċett tal-provvista ta’ oġġetti ma jirreferix għal trasferiment tad-dritt ta’ sid skont il-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli, iżda jkopri kull tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ oġġett minn parti waħda li tagħti s-setgħa lill-parti l-oħra li tiddisponi minnha bħallikieku kienet is-sid ta’ dan l-oġġett (ara s‑sentenzi tat-8 ta’ Frar 1990, Shipping u Forwarding Enterprise Safe, C‑320/08, Ġabra p. I‑285, punt 7, u tas-6 ta’ Frar 2003, Auto Lease Holland, C‑185/01, Ġabra p. I‑1317, punt 32).

40      Għalhekk, fil-każ li l-kuntratt ta’ leasing dwar vettura bil-mutur jipprovdi jew it-trasferiment tal-proprjetà tal-imsemmija vettura lill-kerrej fit-tmiem dan il-kuntratt, jew li l-kerrej ikollu l-karatteristiċi essenzjali tal-proprjetà tal-imsemmija vettura, b’mod partikolari li tiġi ttrasferita lilu l-parti l-kbira tal-benefiċċji u tar-riskji inerenti għall-proprjetà legali tal-vettura, u li s-somma aġġornata tal-iskadenzi tkun prattikament identika għall-valur tas-suq tal-proprjetà, it-tranżazzjoni għandha tkun ekwivalenti għall-akkwist ta’ investiment.

41      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, jekk il-kriterji stipulati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza humiex sodisfatti.

 Fuq il-kundizzjonijiet tad-dritt għal tnaqqis

42      Mill-Artikolu 168(a) tad-Direttiva tal-VAT jirriżulta li persuna taxxabbli tista’ tnaqqas il-VAT tal-input dovuta għal oġġetti jew għal servizzi sa fejn dawn tal-aħħar jintużaw għall-iskopijiet tal-attività ekonomika tagħha.

43      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li s-sistema ta’ tnaqqis stabbilita mill-imsemmija direttiva hija intiża li teħles kompletament lin-negozjant mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi n-newtralità perfetta fir-rigward tat-tassazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, ikunu liema jkunu l-għanijiet jew ir-riżultati tagħhom, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu huma stess, fil-prinċipju, suġġetti għall-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie, C-515/07, Ġabra p. I‑839, punt 27).

44      Għaldaqstant, meta oġġetti jew servizzi akkwistati minn persuna taxxabbli jintużaw għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet eżenti jew li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, ma jista’ jkun hemm la ġbir ta’ taxxa tal-output u lanqas tnaqqis ta’ taxxa tal-input (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin kaupunki, C‑184/04, Ġabra p. I‑3039, punt 24, u Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

45      Il-kriterju bbażat fuq l-użu tal-oġġett jew tas-servizz għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt l-attività ekonomika tal-impriża jagħmel differenza skont jekk jirrigwardax l-akkwist ta’ servizz jew ta’ investiment.

46      Fir-rigward ta’ tranżazzjoni li tikkonsisti fl-akkwist ta’ servizz, bħall-kiri ta’ vettura bil-mutur, l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni tal-input partikolari u tranżazzjoni tal-output waħda jew iktar li jagħtu d-dritt għal tnaqqis hija, bħala prinċipju, neċessarja sabiex dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input jiġi rrikonoxxut lill-persuna taxxabbli u sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ dritt bħal dan (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, SKF, C‑29/08, Ġabra p. I‑10413, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Dritt għal tnaqqis huwa madankollu wkoll ammess favur il-persuna taxxabbli, anki fin-nuqqas ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni partikolari tal-input u tranżazzjoni waħda jew iktar tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis, meta l-ispejjeż tas-servizzi inkwistjoni jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali ta’ din tal-aħħar u jkunu, bħala tali, elementi li jikkostitwixxu l-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi li din il-persuna tipprovdi. Dawn l-ispejjeż, għandhom, fil-fatt, rabta diretta u immedjata mal-attività ekonomika globali tal-persuna taxxabbli (sentenza SKF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fiż-żewġ każijiet imsemmija fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata tippreżupponi li l-ispiża tas-servizzi tal-input tkun inkluża rispettivament fil-prezz tat-tranżazzjonijiet tal-output speċifiċi jew fil-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi pprovduti mill-persuna taxxabbli fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha (sentenza SKF, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

49      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk hemmx rabta diretta u immedjata bejn il-kiri tal-vettura bil-mutur inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-attività ekonomika ta’ Eon Aset, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet rigward id-dritt tal-Unjoni.

50      F’din il-kawża, Eon Aset sostniet, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-vetturi bil-mutur mikrija skont il-kuntratt ta’ kiri jew tal-kuntratt ta’ leasing inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntużaw sabiex jipprovdu t-trasport għall-amministratur tagħha bejn ir-residenza u l-post tax-xogħol tal-istess amministratur.

51      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-vjaġġ mid-dar għall-post tax-xogħol jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-attendenza fuq ix-xogħol, u għaldaqstant, għat-twettiq tiegħu, ma jikkostitwixxix fattur deċiżiv sabiex jitqies li t-trasport tal-impjegat bejn ir-residenza tiegħu u l-post tax-xogħol tiegħu ma jservix għall-ħtiġijiet privati tal-impjegat fis-sens tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, ikun kontra l-għan ta’ din id-dispożizzjoni li tali rabta indiretta tkun suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex jeskludi li vjaġġ ikun ekwivalenti għal provvista bi ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 1997, Fillibeck, C‑258/95, Ġabra p. I‑5577, punt 27).

52      Madankollu, f’ċirkustanzi speċifiċi, l-eżiġenzi tal-kumpannija jistgħu jirrikjedu li l-persuna li timpjega tiżgura hija stess it-trasport tal-impjegati bejn id-dar tagħhom u l-post tax-xogħol tagħhom, hekk li l-organizzazzjoni tat-trasport mill-persuna li timpjega ssir għal għanijiet li ma jkunux parti minn dawk tan-negozju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fillibeck, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30).

53      Peress li l-kiri ta’ vettura bil-mutur skont kuntratt ta’ leasing jista’ jkun ekwivalenti għal tranżazzjoni li tikkonsisti fl-akkwist ta’ investiment iddestinat, parzjalment għal użu privat, u, parzjalment, għal użu professjonali, il-persuna taxxabbli għandha għażla. Hija tista’, għall-iskopijiet tal-VAT, jew tinkludi dan l-oġġett fl-intier tiegħu fl-assi tal-impriża tagħha, jew li żżommu fl-intier tiegħu fl-assi privat tagħha billi b’hekk teskludih kompletament mis-sistema tal-VAT, kif ukoll li tinkludih fl-impriża tagħha biss għal dak li huwa l-użu professjonali effettiv (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1995, Armbrecht, C‑291/92, Ġabra p. I‑2775, punt 20, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Charles u Charles-Tijmens, C‑434/03, Ġabra p. I‑7037, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Jekk il-persuna taxxabbli tagħżel li tittratta investiment użat kemm għal skopijiet professjonali u għal skopijiet privati bħala assi ta’ impriża, il-VAT tal-input dovuta fuq l-akkwist ta’ dan l-oġġett fil-prinċipju titnaqqas kollha u immedjatament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fejn oġġett inkluż fl-impriża jagħti dritt għal tnaqqis komplet jew parzjali tal-VAT tal-input imħallsa, l-użu tiegħu għall-ħtiġijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew għal għanijiet li ma humiex dawk tal-impriża tagħha jkunu ekwivalenti għal servizzi pprovduti bi ħlas, skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Charles u Charles‑Tijmens, punti 24 u 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie, punt 37).

55      Jekk il-persuna taxxabbli tagħżel li żżomm investiment fl-intier tiegħu fl-assi privati tagħha, għalkemm użat kemm professjonalment u privatament, l-ebda parti mill-VAT tal-input ma’ tista’ titnaqqas (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Bakcsi, C‑415/98, Ġabra p. I‑1831, punt 27). F’dan il-każ, l-użu ta’ dan l-oġġett għall-ħtiġijiet tal-impriża ma jkunx suġġett għall-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bakcsi, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 31).

56      Fl-aħħar nett, jekk il-persuna taxxabbli tagħżel li tinkludi l-oġġett fl-assi professjonali tal-impriża tagħha biss fil-każ tal-użu tagħha professjonali effettiv, il-parti tal-oġġett imneħħi mill-assi professjonali tan-negozju ma tkunx parti mill-assi tal-impriża u, konsegwentement, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Armbrecht, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

57      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li huwa l-akkwist tal-oġġett mill-persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali li jiddetermina l-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT u, għaldaqstant, tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis. L-użu li jsir mill-oġġett jew li huwa maħsub għalih jiddetermina biss il-portata tad-dritt għal tnaqqis inizjali li jkollha l-persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1991, Lennartz, C‑97/90, Ġabra p. I‑3795, punt 15).

58      Il-kwistjoni dwar jekk il-persuna taxxabbli akkwistatx il-merkanzija billi taġixxi bħala tali, jiġifieri għall-iskopijiet tal-attività ekonomika tagħha fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-VAT, hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni kollha tal-kawża, li fosthom hemm in-natura tal-oġġett intiż u l-perijodu li għadda bejn l-akkwist tiegħu u l-użu tiegħu għall-għanijiet tal-attivitajiet ekonomiċi tal-persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bakcsi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

59      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, jekk ikun il-każ, tevalwa jekk il-vettura bil-mutur mikrija skont kuntratt ta’ leasing kinitx tagħmel parti mill-assi tal-impriża u li tiddetermina l-portata tad-dritt għal tnaqqis li hija tista’ tibbenefika minnu fil-każ li dan l-oġġett kien biss parzjalment jagħmel parti mill-assi professjonali tagħha.

 Fuq it-tnissil tad-dritt għal tnaqqis

60      Skont l-Artikolu 167 tad-Direttiva tal-VAT, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT jitnissel meta t-taxxa ssir dovuta.

61      Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva, li jgħid li t-taxxa ssir dovuta meta ssir il-kunsinna tal-oġġetti jew il-provvista tas-servizzi.

62      Skont l-Artikolu 64 tal-imsemmija direttiva, meta l-kiri ta’ vettura bil-mutur ikun ikkaratterizzat minn provvista ta’ servizzi li jagħtu lok għal ħlasijiet suċċessivi, huwa fl-iskadenza tal-perijodu li miegħu huwa relatat kull wieħed minn dawn il-ħlasijiet li jitnissel id-dritt għal tnaqqis u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn il-vettura mikrija u l-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli.

63      Jekk jirrigwarda investiment, il-persuna taxxabbli li jinkludi t-totalità tagħha fl-assi tal-impriża tagħha għandha d-dritt għal tnaqqis immedjat tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il quddiem Charles u Charles‑Tijmens, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        vettura bil-mutur mikrija titqies li tintuża għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli jekk ikun hemm rabta diretta u immedjata bejn l-użu ta’ din il-vettura u l-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli u huwa fl-iskadenza tal-perijodu relatat ma’ kull wieħed minn dawn il-ħlasijiet li jitnissel id-dritt għal tnaqqis u li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ tali rabta;

–        vettura bil-mutur mikrija skont kuntratt ta’ leasing u kkwalifikata bħala investiment titqies li tintuża għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli jekk il-persuna taxxabbli li taġixxi f’din il-kwalifika takkwista dan l-oġġett u tinkludih fl-assi tal-impriża tagħha, peress li t-tnaqqis tal-VAT tal-input dovuta jkun komplet u immedjat u kwalunkwe użu tal-imsemmi oġġett għall-ħtiġijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew għal għanijiet li ma humiex parti minn dawk tal-impriża tagħha jkunu ekwivalenti għal provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

65      Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi d-domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 70(1)(2) taz-ZDDS, sa fejn jippermetti l-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis ta’ oġġetti u ta’ servizzi intiżi għal provvisti mingħajr ħlas jew għal attivitajiet li ma humiex parti mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, huwiex kompatibbli mal-Artikoli 168 u 176 tad-Direttiva tal-VAT.

66      Għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tesprimi ruħha, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 234 KE, la fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari nazzjonali u lanqas fuq il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt Komunitarju. Madankollu, hija tista’ tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi interpretattivi rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha ssolvi l-problema ġuridika mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2000, Borawitz, C‑124/99, Ġabra p. I‑7293, punt 17, kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru 2010, Nidera Handelscompagnie, C‑385/09, Ġabra p. I-10385, punt 32).

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-imsemmija domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 168 u 176 tad-Direttiva tal-VAT jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis ta’ oġġetti u ta’ servizzi ddestinati għal provvisti bla ħlas jew għall-attivitajiet li ma humiex relatati mal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għal tnaqqis jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu li jirregola l-VAT, li dan id-dritt ma jistax, bħala regola ġenerali, jiġi limitat u li dan id-dritt japplika għat-taxxi kollha mħallsa fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tal-input taxxabbli (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 1995, BP Soupergaz, C-62/93, Ġabra p. I‑1883, punt 18, u tat-13 ta’ Marzu 2008, Securenta, C‑437/06, Ġabra p. I‑1597, punt 24).

69      Mill-Artikolu 168(1) tad-Direttiva tal-VAT u mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 43 et seq ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-eżistenza ta’ dritt għal tnaqqis jippreżupponi li persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali takkwista oġġett jew servizz u tużah għall-iskopijiet tal-attività ekonomika tagħha.

70      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali teskludi kull dritt għal tnaqqis meta l-oġġetti jew is-servizzi jkunu ddestinati għal provvisti bla ħlas jew għall-attivitajiet li ma humiex parti mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli.

71      Tali leġiżlazzjoni teskludi d-dritt għal tnaqqis tal-VAT meta l-kundizzjonijiet neċessarji għal dan id-dritt ma jkunux sodisfatti.

72      L-Artikolu 70(1) taz-ZDDS għaldaqstant ma jillimitax id-dritt għal tnaqqis fis-sens tal-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT.

73      Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li Stat Membru ma jistax jirrifjuta lill-persuni taxxabbli, li jkunu għażlu li jikkunsidraw investimenti użati kemm għal għanijiet professjonali u għal għanijiet privati bħala assi ta’ impriża, it-tnaqqis komplut u immedjat tal-VAT tal-input dovuta fuq l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti, li għalihom għandhom dritt skont il-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 63 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Charles u Charles-Tijmens, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

74      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi l-Artikoli 168 u 176 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis ta’ oġġetti u ta’ servizzi ddestinati għal provvisti bla ħlas jew għal attivitajiet li ma jkunux parti mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, sakemm il-merkanzija kkwalifikata bħala investiment ma tkunx inkluża mal-assi tal-impriża.

 Fuq il-ħames u s-sitt domandi

 Fuq l-ammissibbiltà

75      Il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni jsostnu li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ħames u għas-sitt domandi, peress li dawn tal-aħħar jirrigwardaw każ li ma huwiex relatat mal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

76      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara ta’ funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Bl-istess mod hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59, u tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C‑450/06, Ġabra p. I‑581, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tkun ġiet adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha. Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitlub ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali jew tad-dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bosman, punt 61, u Varec, punti 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78      Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-oġġetti akkwistati ntużaw għal attivitajiet li ma humiex ta’ natura ekonomika qabel ma ġew inklużi ma’ attività ekonomika jew li qatt ma ntużaw. Għaldaqstant, il-każ previst minn dawn id-domandi ma huwiex relatat mal-għan tal-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

79      Il-ħames u s-sitt domandi għandhom għaldaqstant jiġu ddikjarati inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

80      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 168(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        vettura bil-mutur mikrija titqies li ntużat għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli jekk ikun hemm rabta diretta u immedjata bejn l-użu ta’ din il-vettura u l-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli u huwa fl-iskadenza tal-perijodu relatat ma’ kull wieħed minn dawn il-ħlasijiet li jitnissel id-dritt għal tnaqqis u li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ tali rabta;

–        vettura bil-mutur mikrija skont kuntratt ta’ leasing u kkwalifikata bħala investiment titqies li ntużat għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli jekk il-persuna taxxabbli li taġixxi f’din il-kwalifika takkwista dan l-oġġett u tinkludih fl-assi tal-impriża tagħha, peress li t-tnaqqis tat-taxxa tal-valur miżjud tal-input dovuta huwa komplet u immedjat u kwalunkwe użu tal-imsemmi oġġett għall-ħtiġijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew għal għanijiet li ma jkunux parti minn dawk tal-impriża tagħha jkun ekwivalenti għal provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas.

2)      L-Artikoli 168 u 176 tad-Direttiva 2006/112 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis ta’ oġġetti u ta’ servizzi ddestinati għal provvisti bla ħlas jew għal attivitajiet li ma humiex parti mill-attivitajiet ekonomiċi tal-persuna taxxabbli, sakemm l-oġġett ikkwalifikat bħala investiment ma jkunx inkluż mal-assi tal-impriża.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.