C-119/11 - Il-Kummissjoni vs Franza

Printed via the EU tax law app / web





Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-28 ta’ Frar 2012 — Il-Kummissjoni vs Franza

(Kawża C-119/11)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 99 u 110 — Taxxa fuq il-valur miżjud — Rata mnaqqsa — Applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għad-dħul mill-prezzijiet tal-biljetti tad-dħul għall-ewwel rappreżentazzjonijiet ta’ kunċerti mogħtija fi stabbilimenti li fihom jistgħu jiġu servuti ikel u xorb waqt l-ispettaklu”

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa tranżitorja — Introduzzjoni mill-ġdid ta’ rata mnaqqsa ta’ 2.10 % għad-dħul magħmul mill-prezzijiet tal-biljetti tad-dħul tal-ewwel rappreżentazzjonijiet ta’ kunċerti mogħtija fi stabbilimenti li fihom jistgħu jiġu servuti ikel u xorb waqt l-ispettaklu, wara li fir-rigward tiegħu kienet ġiet applikata rata mnaqqsa ta’ iktar minn 5 % — Inammissibbiltà (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 99 u 110) (ara l-punti 30, 32, 37 u d-dispożittiv)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ksur tal-Artikoli 99 u 110 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) — Applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 2.10 % għall-prezzijiet tal-biljetti tad-dħul għall-ewwel rappreżentazzjonijiet ta’ kunċerti mogħtija fi stabbilimenti li jservu ikel u xorb waqt l-ispettaklu — Projbizzjoni li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ deroga inizjali wara li kienet tnaqqset il-portata tiegħu.

Dispożittiv

1)

Billi applikat, mill-1 ta’ Jannar 2007, rata ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ta’ 2.10 % għad-dħul mill-prezzijiet tal-biljetti tad-dħul għall-ewwel rappreżentazzjonijiet ta’ kunċerti mogħtija fi stabbilimenti li fihom jistgħu jiġu servuti ikel u xorb waqt l-ispettaklu, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 99 u 110 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

2)

Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.