C-189/11 - Il-Kummissjoni vs Spanja

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

26 ta’ Settembru 2013 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Tassazzjoni — VAT — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 306 sa 310 — Skema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar — Diverġenzi bejn verżjonijiet lingwistiċi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-applikazzjoni ta’ din l-iskema speċjali għal persuni minbarra l-vjaġġaturi — Kunċetti ta’ ‘vjaġġatur’ u ta’ ‘klijient’ — Esklużjoni mill-imsemmija skema speċjali ta’ ċertu bejgħ lill-pubbliku — Indikazzjoni fuq il-fattura ta’ ammont ta’ VAT li għandu jitnaqqas mhux marbut mat-taxxa tal-input dovuta jew imħallsa — Determinazzjoni globali tal-valur taxxabbli għal perijodu speċifiku — Inkompatibbiltà”

Fil-Kawża C‑189/11,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl‑20 ta’ April 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Lozano Palacios u C. Soulay, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M, Smolek u T. Müller, kif ukoll minn J. Očková, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u J.‑S. Pilczer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn A. Kraińska u A. Kramarczyk, kif ukoll minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes u R. Laires, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski u M. Pere, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh, C. Toader u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–        billi ppermetta lill-aġenziji tal-ivvjaġġar japplikaw l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar għas-servizzi tal-ivvjaġġar mibjugħa lil persuni minbarra l-vjaġġaturi;

–        billi eskluda minn din l-iskema speċjali l-bejgħ lill-pubbliku, mill-aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-imnut li jaġixxu f’isimhom stess, vjaġġi organizzati mill-aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-ingrossa;

–        billi awtorizza lill-aġenziji tal-ivvjaġġar, f’ċerti ċirkustanzi, sabiex iniżżlu fil-fattura ammont globali ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), li ma għandu ebda relazzjoni mat-taxxa effettivament miġbura mill-klijent, u billi awtorizza lil dan tal-aħħar, sa fejn huwa taxxabbli, sabiex inaqqas l-ammont globali tal-VAT dovuta, kif ukoll

–        billi awtorizza lill-aġenziji tal-ivvjaġġar, sa fejn jibbenefikaw mill-imsemmija skema speċjali, jistabbilixxu l-valur taxxabbli globalment għal kull perijodu ta’ taxxa,

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 306 sa 310, 226, 168, 169 u 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva VAT”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 L-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar

2        L-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is‑“Sitt Direttiva”), fil-verżjoni tagħha fil-lingwa Spanjola (DO L 145, p. 1; EE 09/01, p. 54), kien jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom japplikaw [il-VAT] għall-operazzjonijiet ta’ l-aġenti [aġenziji] ta’ l-ivjaġġar b’mod konformi mad-disposizzjonijet ta’ dan l-Artikolu, fejn l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar [‘viajero’] ikollhom x’jaqsmu mal-klijenti f’isimhom u jużaw il-provvisti u s-servizzi ta’ persuni taxxabbli oħrajn fid-disposizzjonijiet ta’ l-faċilitajiet ta’ l-ivvjaġġar. Dan l-Artikolu m’għandux japplika għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li jaġixxi biss bħala intermedjarji u jieħdu kont tat-taxxa b’mod konformi ma’ l-Artikolu 11A(3)(ċ). F’dan l-Artikolu l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar jinkludu l-operaturi tal-ġiti.

2.      It-transazzjonijet li jsiru mill-aġent [aġenzija] ta’ l-ivvjaġġar fir-rigward ta’ vjaġġ għandhom ikunu ttrattati bħala servizz waħdu pprovdut mill-aġent ta’ l-ivvaġġjar [‘viajero’]. Hu għandu jkun taxxabbli fl-Istat Membru li fih l-aġent ta’ l-ivvjaġġar ikun stabilixxa n-negozju tiegħu jew għandu l-istabbiliment fiss minn fejn l-aġent ta’ l-ivvjaġġar ipprovda s-servizzi. L-ammont taxxabbli [il-valur taxxabbli] u l-prezz esklussiv tat-taxxa, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 22(3)(b), fir-rigward ta’ dan is-servizz għandu jkun il-marġini ta’ l-aġent ta’ l-ivvjaġġar, jiġifieri, id-differenza bejn l-ammont totali li għandu jkun imħallas mill-vjaġġatur [‘viajero’], esklussiv [tal-VAT], u l-ispejjeż attwali li l-aġent ta’ l-ivvjaġġar tal-provvisti u s-servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli oħrajn fejn dawn it-transazzjonijiet huma għall-benefiċċju dirett tal-vjaġġatur [‘viajero’].

[...]

4.      [VAT] miġbura mill-aġent [aġenzija] ta’ l-ivvjaġġar minn persuni taxxabbli oħrajn fuq transazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 2 li huma ta’ benefiċċju dirett tal-vjaġġatur [‘viajero’], m’għandhomx ikunu eleġibbli għat-tnaqqis jew ħlas lura fi kwalunkwe Stat Membru.”

3        L-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva VAT, fil-verżjoni tagħha fil-lingwa Spanjola, jipprovdu taħt il-Kapitolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skema speċjali għall-aġenti [aġenziji] ta’ l-ivvjaġġar”.

Artikolu 306

1.      L-Istati Membri għandhom japplikaw it-taxxa fuq il-valur miżjud għall-operazzjonijiet ta’ l-aġenti [aġenziji] ta’ l-ivjaġġar b’mod konformi mad-disposizzjonijet ta’ dan l-Artikolu, fejn l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar ikollhom x’jaqsmu mal-klijenti [‘viajero’] f’isimhom u jużaw il-provvisti u s-servizzi ta’ persuni taxxabbli oħrajn fid-disposizzjonijiet ta’ l-faċilitajiet ta’ l-ivvjaġġar.

Din l-iskema speċjali m’għandhiex tapplika għall-aġenti [aġenziji] ta’ l-ivvjaġġar li jaġixxu biss bħala intermedjarji u li għalihom japplika l-punt (ċ) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 79 għall-finijiet tal-kalkulazzjoni ta’ l-ammont tat-taxxa.

2.      Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, operaturi turistiċi għandhom jitqiesu bħala aġenti [aġenziji] ta’ l-ivvjaġġar.

Artikolu 307

Transazzjonijet li jsiru, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 306, mill-aġent [aġenzija] ta’ l-ivvjaġġar fir-rigward ta’ vjaġġ għandhom ikunu kkunsidrati bħala servizz uniku pprovdut mill-aġent ta’ l-ivvaġġjar lill-vjaġġatur [‘viajero’].

Is-servizz uniku għandu jkun taxxabbli fl-Istat Membru li fih l-aġent [aġenzija] ta’ l-ivvjaġġar ikun stabilixxa n-negozju tiegħu jew għandu l-istabbiliment fiss minn fejn l-aġent ta’ l-ivvjaġġar wettaq il-provvista ta’ servizzi.

Artikolu 308

L-ammont taxxabbli [il-valur taxxabbli] u l-prezz mingħajr VAT, fit-tifsira tal-punt (8) ta’ l-Artikolu 226, fir-rigward tas-servizz uniku pprovdut mill-aġent [aġenzija] ta’ l-ivvjaġġar għandu jkun il-marġni ta’ l-aġent ta’ l-ivvjaġġar, jiġifieri, id-differenza bejn l-ammont totali, mingħajr VAT, li għandu jitħallas mill-vjaġġatur u l-ispiża reali għall-aġent ta’ l-ivvjaġġar tal-provvisti ta’ merkanzija [beni] jew servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli oħrajn, fejn dawk it-transazzjonijiet huma għall-benefiċċju dirett tal-vjaġġatur [‘viajero’].

Artikolu 309

Jekk transazzjonijet fdati mill-aġent [aġenzija] ta’ l-ivvjaġġar lil persuni taxxabbli oħrajn huma mwettqa mit-tali persuni barra mill-Komunità, il-provvista ta’ servizzi mwettqa mill-aġent ta’ l-ivjaġġar għandha tkun trattat bħala attività intermedjarja eżenti skond l-Artikolu 153.

Jekk it-transazzjonijiet twettqu kemm ġewwa u barra mill-Komunità, hija biss il-parti tas-servizz ta’ l-aġent [aġenzija] ta’ l-ivvjaġġar li għandha x’taqsam ma’ transazzjonijiet barra mill-Komunità li tista’ tkun eżentata.

Artikolu 310

Il-VAT imposta lill-aġent [aġenzija] ta’ l–ivvjaġġar minn persuni taxxabbli oħra għal transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 307 u li huma ta’ benefiċċju dirett għall-vjaġġatur [‘viajero’] m’għandhomx ikunu jistgħu jitnaqqsu jew tingħata rifużjoni fi kwalunkwe Stat Membru.”

 Id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva VAT

4        L-Artikolu 73 tad-Direttiva VAT jipprovdi li:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija [beni] jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli [il-valur taxxabbli] għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

5        L-Artikolu 78 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-ammont taxxabbli [il-valur taxxabbli] għandu jinkludi l-fatturi li ġejjin:

a)      taxxi, dazji, imposti u piżijiet, minbarra l-VAT innifisha;

[...]”

6        L-Artikoli 168 u 169 tal-imsemmija direttiva jitrattaw id-dritt għal tnaqqis. Dan l-Artikolu 168(a) jipprovdi li:

“Sakemm il-merkanzija [beni] u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mill-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[...]”

7        L-Artikolu 169 tal-istess direttiva jispeċifika li minbarra t-tnaqqis imsemmi fl-imsemmi Artikolu 168, il-persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas il-VAT imsemmija sa fejn il-beni u s-servizzi jintużaw għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet iċċitati f’dan l-Artikolu 169.

8        L-Artikolu 226 tad-Direttiva VAT, dwar il-kontenut tal-fatturi, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-Artikoli 220 u 221:

[...]

9)      ir-rata ta’ VAT applikata;

10)      l-ammont ta’ VAT li għandu jitħallas, għajr fejn ikun applikat arranġament speċjali li taħtu, b’konformità ma’ din id-Direttiva, tali dettall hu eskluż;

[...]”

9        Taħt il-Kapitolu 4 tat-Titolu XII ta’ din id-direttiva, intitolat “Arranġamenti speċjali għal oġġetti użati, xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet”, l-Artikolu 318 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Sabiex tkun issimplifikata l-proċedura għall-ġbir tat-taxxa u wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, għal ċerti transazzjonijiet jew għal ċerti kategoriji ta’ negozjanti taxxabbli, l-ammont taxxabbli [il-valur taxxabbli] fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija [beni] soġġetta għall-iskema ta’ marġni għandu jkun stabbilit għal kull perijodu tat-taxxa li matulu n-negozjant taxxabbli għandu jissottometti d-denunzja tal-VAT imsemmija fl-Artikolu 250.

[...]”

 Id-dritt Spanjol

10      L-Artikolu 141(1) u (2) tal-Liġi 37/1992, tat‑28 ta’ Diċembru 1992, dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (BOE nru 312 tad-29 ta’ Diċembru 1992, p. 44247), jipprovdi:

“1.      L-iskema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar għandha tapplika għal:

1)      tranżazzjonijiet imwettqa minn aġenziji tal-ivvjaġġar meta jitrattaw ma’ vjaġġaturi f’isimhom u jużaw beni jew servizzi pprovduti minn impriżi ta’ negozju jew professjonali oħra fil-provvista ta’ vjaġġar.

Għall-finijiet ta’ din l-iskema speċjali, akkomodazzjoni jew servizzi ta’ trasport, kemm jekk ipprovduti waħedhom kif ukoll bħala pakkett, flimkien mas-servizzi kumplimentari jew anċillari, għandhom ikunu kkunsidrati bħala vjaġġ;

2)      tranżazzjonijiet imwettqa minn operaturi turistiċi fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fis-subparagrafu preċedenti;

2.      L-iskema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar ma għandhiex tapplika għat-tranżazzjonijiet li ġejjin:

1)      bejgħ lill-pubbliku mill-aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-imnut ta’ vjaġġ organizzat minn aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-ingrossa.”

11      L-Artikolu 142 tal-Liġi 37/1992 jipprovdi:

“Fi tranżazzjonijiet li għalihom tapplika din l-iskema speċjali, persuni taxxabbli ma għandhomx ikunu meħtieġa jindikaw b’mod separat fil-fatturi tagħhom ammonti mgħoddija li fejn ikunu jeżistu, għandhom ikunu kkunsidrati li huma inklużi fil-prezz tat-tranżazzjoni.

Fi tranżazzjonijiet imwettqa għal impriżi ta’ negozju jew professjonali, li jinkludu biss provvisti ta’ beni jew servizzi li jaqgħu b’mod sħiħ fil-portata territorjali tat-taxxa, il-fattura tista’ tindika, fuq talba tal-persuna kkonċernata u taħt it-titolu “ammonti ta’ VAT inklużi fil-prezz”, figura miksuba bil-multiplikazzjoni tal-prezz totali tat-tranżazzjoni għal sitt darbiet u d-diviżjoni b’100 tar-riżultat. Dawn l-ammonti għandhom ikunu kkunsidrati bħala direttament mgħoddija lil u mħallsa mill-impriża ta’ negozju jew professjonali li tirċievi l-provvista.”

12      L-Artikolu 146 tal-Liġi 37/1992 jiddikjara:

“1.      Il-persuni taxxabbli jistgħu jagħżlu li jiddeterminaw il-valur taxxabbli tagħhom abbażi ta’ kull tranżazzjoni b’mod separat jew globalment għal kull perijodu ta’ taxxa.

L-għażla għandha tapplika għat-tranżazzjonijiet kollha li għalihom tapplika l-iskema speċjali mwettqa mill-persuna taxxabbli għall-perijodu ta’ mill-inqas ħames snin u, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni li turi mod ieħor, għal snin suċċessivi.

2.      Id-determinazzjoni globali għal kull perijodu ta’ taxxa tal-valur taxxabbli fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet li għalihom tapplika l-iskema speċjali għandha ssir kif ġej:

1)      l-ispiża globali reali, inkluża t-taxxa, tal-provvisti tal-beni jew servizzi pprovduti minn impriżi ta’ negozju jew professjonali oħra lill-aġenzija matul il-perijodu ta’ taxxa rilevanti, użati fil-provvista ta’ vjaġġar għall-benefiċju tal-vjaġġatur għandhom jitnaqqsu mill-prezz globali, inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, li l-konsumatur għandu jħallas għal tranżazzjonijiet li fir-rigward tagħhom l-avveniment taxxabbli seħħ waqt l-istess perijodu ta’ taxxa;

2)      l-ammont globali taxxabbli għandu jiġi ddeterminat billi r-riżultat jiġi mmultiplikat b’100 u d-diviżjoni tar-riżultat b’100 magħduda mar-rata ta’ taxxa standard stabbilita fl-Artikolu 90 ta’ din il-liġi.

3.      Il-valur taxxabbli ma għandu qatt ikun negattiv.

Madankollu, fejn il-valur taxxabbli huwa ddeterminat b’mod globali, kwalunkwe somma li biha l-ammont li għandu jitnaqqas jeċċedi l-ammont li minnu jrid jitnaqqas jista’ jiġi miżjud mal-ammonti li għandhom jitnaqqsu matul il-perijodi ta’ taxxa immedjatament sussegwenti.”

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13      Fit-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja, fejn ġibdet l-attenzjoni ta’ din tal-aħħar dwar l-inkompatibbiltà possibbli tad-dritt Spanjol dwar l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar mal-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva VAT, minħabba l-applikazzjoni ta’ din l-iskema għal servizzi pprovduti lil persuni li ma humiex vjaġġaturi, li għaliha dan l-Istat Membru wieġeb permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Mejju 2007.

14      Fl‑1 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni supplementari lir-Renju ta’ Spanja li fiha hija qiegħdet mill-ġdid inkwistjoni, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tal-punt 1 tal-Artikolu 141(2) tal-Liġi 37/1992, li jipprovdu l-esklużjoni tal-iskema speċjali ta’ bejgħ lill-pubbliku, minn aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-imnut, ta’ vjaġġi organizzati minn aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-ingrossa, it-tieni nett, ir-regola speċifika li tikkonċerna l-iffatturar u t-tnaqqis previst fl-Artikolu 142 ta’ din il-liġi u, it-tielet nett, id-dispożizzjonijiet speċjali, imsemmija fl-Artikolu 146 tal-imsemmija liġi, dwar il-kalkolu globali tal-valur taxxabbli għal kull perijodu ta’ taxxa.

15      Ir-Renju ta’ Spanja wieġeb għal din l-aħħar ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Mejju 2008.

16      Billi ma kinitx sodisfatta bir-risposti mogħtija mir-Renju ta’ Spanja fl-ittri ta’ intimazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fid‑9 ta’ Ottubru 2009, li dan l-Istat Membru naqas milli jwieġeb.

17      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

18      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2011, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tal-Finlandja tħallew jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet tar-Renju ta’ Spanja.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment

 L-argumenti tal-partijiet

19      Il-Kummissjoni tqis li l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, prevista fl-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva VAT, hija applikabbli biss fil-każ ta’ bejgħ ta’ vjaġġi lil vjaġġaturi (iktar ’il quddiem l-“approċċ ibbażat fuq il-vjaġġatur”). Hija tilmenta li r-Renju ta’ Spanja awtorizza l-applikazzjoni ta’ din l-iskema fil-każ ta’ bejgħ ta’ vjaġġi lil kull tip ta’ klijenti (iktar ’il quddiem l-“approċċ ibbażat fuq il-klijent”).

20      Din l-istituzzjoni tfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-Artikoli 306 sa 310 essenzjalment jittrasponu dawk tal-Artikolu 26(1) sa (4) tas-Sitt Direttiva.

21      Issa, il-Kummissjoni ssostni li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-mument tal-adozzjoni tas-Sitt Direttiva, kienet li jirrestrinġi l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar għas-servizzi pprovduti lill-vjaġġatur, li huwa l-konsumatur finali. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, hija ssostni li ħamsa mis-sitt verżjonijiet lingwistiċi inizjali ta’ din id-direttiva jużaw sistematikament il-kelma “vjaġġatur” fl-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva b’mod perfettament ċar u koerenti. Minn dan jirriżulta li din il-kelma ma kienet teħtieġ ebda sforz ta’ interpretazzjoni li jmur lil hinn mis-sens litterali tagħha, b’tali mod li l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 26 kienet inekwivoka.

22      L-użu tal-kelma “klijent” (“customer”) fil-verżjoni fil-lingwa Ingliża tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxi żball, li barra minn hekk twettaq darba biss, fl-Artikolu 26(1) tagħha. Peress li din il-verżjoni bil-lingwa Ingliża serviet bħala bażi għat-traduzzjonijiet ulterjuri tas-Sitt Direttiva, din il-kelma ta’ spiss intużat f’dawn it-traduzzjonijiet, bħalma ntużat fil-bosta verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva VAT.

23      Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni speċifikat li l-verżjoni bil-lingwa Franċiża tas-Sitt Direttiva, li kienet tuża biss il-kelma “vjaġġatur” (“voyageur”), kienet ikkostitwixxiet it-test li fuqu l-Istati Membri kollha kkonċernati kienu ħadmu u li dwaru kienu qablu.

24      Il-Kummissjoni tenfasizza li d-dispożizzjonijiet dwar l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni uniformi. Il-koeżistenza tal-approċċ ibbażat fuq il-vjaġġatur u ta’ dak ibbażat fuq il-klijent huwa sors ta’ tassazzjonijiet doppji u ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

25      Il-Kummissjoni tispeċifika, billi tirreferi għall-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva, ir-raġunijiet li għalihom anki jekk il-kelma “klijent” kienet tidher f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva VAT, din għandha madankollu tinftiehem fis-sens ta’ “vjaġġatur”.

26      Qabel kollox, il-Kummissjoni tqis li, kieku l-approċċ ibbażat fuq il-klijent kellu jiġi aċċettat, il-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 26(1) tas-Sitt Direttiva, li l-aġenziji tal-ivvjaġġar jaġixxu “f’isimhom”, hija superfluwa ġaladarba operatur dejjem jaġixxi f’ismu fil-konfront tal-klijent tiegħu. Skont il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li dawn il-kliem ma għandhomx jingħataw interpretazzjoni litterali u li l-kelma “klijent” għandha tinftiehem fl-istess sens bħal dik ikkunsidrata fil-ħames verżjonijiet lingwistiċi l-oħra inizjali ta’ din id-direttiva, jiġifieri fis-sens ta’ “vjaġġatur”. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni ssostni li aġenzija tal-ivvjaġġar tista’ taġixxi kemm f’isimha kif ukoll f’isem terzi fir-rigward ta’ “vjaġġatur”.

27      Sussegwentement, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jagħti lill-kelma “klijent” mhux is-sens ta’ “vjaġġatur”, iżda dak ta’ kull tip ta’ “klijenti”, jirriżultaw konsegwenzi illoġiċi, ġaldarba l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar tapplika wkoll meta aġenzija tal-ivvjaġġar taġixxi bħala intermedjarja, b’mod partikolari meta tfittex klijenti f’isem lukandier, skont kuntratt ta’ intermedjazzjoni konkluż miegħu.

28      Il-Kummissjoni tqis li n-natura illoġika tidher ferm iktar ċara ladarba l-kelma “vjaġġatur” tintuża fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(2) tas-Sitt Direttiva, li tipprovdi li “t-transazzjonijet li jsiru mill-aġent [aġenzija] ta’ l-ivvjaġġar fir-rigward ta’ vjaġġ għandhom ikunu ttrattati bħala servizz waħdu pprovdut mill-aġent ta’ l-ivvaġġjar [lill-vjaġġatur (‘traveller’)]”. Issa, skont il-Kummissjoni, din il-frażi tkun nieqsa minn sens kieku l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar kellha tapplika mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwalità tad-destinatarju tas-servizzi. Li kieku dan kellu jkun il-każ, il-leġiżlatur missu, skont din l-istituzzjoni, uża l-kelma “klijent” b’mod sistematiku.

29      Il-Kummissjoni żżid tgħid li s-sitt verżjonijiet lingwistiċi inizjali tat-tielet sentenza tal-Artikolu 26(2) tas-Sitt Direttiva jużaw il-kelma “vjaġġatur”. Għaldaqstant, ma jkunx koerenti li jissemma l-“ammont totali li għandu jkun imħallas mill-vjaġġatur” kieku l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar setgħet tapplika indipendentement mill-kwalità tal-klijent tal-aġenziji tal-ivvjaġġar. Fil-fatt, meta tali aġenzija twettaq bejgħ lil aġenzija oħra, ikun meħtieġ għalhekk, skont il-Kummissjoni, li tiġi kkalkolata l-marġni msemmija f’din it-tielet sentenza tal-Artikolu 26(2) billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-differenza bejn l-ammont li għandu jitħallas mill-vjaġġatur u l-ispejjeż sostnuti mill-ewwel aġenzija tal-ivvjaġġar, liema fatt ikun nieqes minn rilevanza fin-nuqqas ta’ rabta bejnha u l-vjaġġatur.

30      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinvoka żewġ argumenti oħra. Hija tenfasizza, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva baqgħu fis-seħħ tul madwar 30 sena, sa ma din tal-aħħar ġiet imħassra, u li l-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan l-artikolu, li ġew wara s-sitt verżjonijiet inizjali, jadottaw, fil-maġġoranza tagħhom, il-kliem tal-ħames verżjonijiet inizjali identiċi, billi jużaw biss il-kelma “vjaġġatur”. Ħuma biss ħames verżjonijiet lingwistiċi ulterjuri ta’ dan l-artikolu li rreferew għall-verżjoni bil-lingwa Ingliża. It-tieni nett, il‑Kummissjoni tfakkar li l-eċċezzjonijiet għall-iskema ġenerali tal-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-approċċ ibbażat fuq il-klijent huwa l-aqwa wieħed sabiex jinkisbu l-għanijiet li jaqgħu taħt l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, din iċ-ċirkustanza ma tfissirx li dan l-approċċ huwa korrett. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-fatt li din l-iskema speċjali tista’ tiġi mtejba, iżda hija tenfasizza li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw tali approċċ b’inizjattiva tagħhom stess, filwaqt li jevitaw id-dispożizzjonijiet li jinsabu espressament fis-Sitt Direttiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-punt 28 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑204/03, Ġabra p. I‑8389). Hija żiedet tgħid li l-imsemmija skema speċjali ġiet introdotta sabiex tiffaċċja s-sitwazzjoni prevalenti fl‑1977, żmien li fih il-vjaġġi kienu prinċipalment mibjugħa direttament lill-vjaġġaturi mill-aġenziji tal-ivvjaġġar. Is-settur ikkonċernat illum jinkludi numru ikbar ta’ operaturi, iżda ma humiex l-Istati Membri, iżda l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu l-obbligu jtaffi n-nuqqasijiet tal-istess skema speċjali.

32      Wara li saru osservazzjonijiet mill-Istati Membri intervenjenti, filwaqt li sostniet b’saħħa l-approċċ ibbażat fuq il-vjaġġatur, il-Kummissjoni kkwalifikat kemxejn il-pożizzjoni tagħha billi indikat li l-kelma “vjaġġatur” tindika mhux biss il-persuna fiżika, iżda wkoll il-persuna ġuridika li tixtri pakkett għall-ħtiġijiet tagħha stess u li, konsegwentement, hija r-riċevitur finali tas-servizz ta’ vjaġġi. Għaldaqstant skont il-Kummissjoni hija inkluża wkoll taħt din il-kelma l-kumpannija li tixtri servizzi ta’ vjaġġi għall-impjegati tagħha. Min-naħa l-oħra, il-kelma “vjaġġatur” ma hijiex applikabbli għall-persuna fiżika jew għall-persuna ġuridika li tbigħ mill-ġdid l-imsemmi servizz lil persuna oħra. Din l-istituzzjoni tenfasizza li l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar ma hijiex applikabbli għal stadju preċedenti għall-bejgħ ta’ tali servizz lir-riċevitur finali.

33      Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-interpretazzjoni li tagħti l-Kummissjoni tal-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar li tinsab fl-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva VAT.

34      Dan l-Istat Membru jsostni l-argumenti li ġejjin, b’inizjattiva tiegħu stess, jew billi jesprimi l-qbil tiegħu mal-Istati Membri intervenjenti.

35      L-interpretazzjoni litterali magħmula mill-Kummissjoni ma tistax tiġi aċċettata, ġaladarba, minbarra l-verżjoni bil-lingwa Ingliża tal-Artikolu 306 tad-Direttiva VAT, bosta verżjonijiet oħra ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri dawk bil-lingwa Bulgara, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Finlandiża u Svediża ma jużawx il-kelma “vjaġġatur”, iżda l-kelma “klijent”.

36      L-analiżi tal-kliem użati fid-dispożizzjonijiet madwar l-Artikolu 26(1) tas-Sitt Direttiva jew dan l-Artikolu 306 lanqas ma jistgħu jservu bħala gwida sabiex tiġi ddeterminata l-portata eżatta ta’ dawn iż-żewġ l-aħħar dispożizzjonijiet. Fil-fatt, l‑eżami ta’ verżjonijiet lingwistiċi differenti minnhom jiżvela li l-kelma “vjaġġatur” ma tintużax b’mod sistematiku la fl-Artikolu 26(1) sa (4) tas-Sitt Direttiva u lanqas fl-Artikolu 306 sa 310 tad-Direttiva VAT. Ċerti verżjonijiet lingwistiċi jużaw sistematikament il-kelma “klijent”, filwaqt li oħrajn jużaw kemm il-kelma “vjaġġatur”, kif ukoll dik ta’ “klijent”. Dawn id-diverġenzi huma kaġun ta’ ambigwità, hekk kif jindika l-fatt li, b’mod partikolari r-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża u r–Repubblika Taljana jimplementaw l-approċċ ibbażat fuq il-klijent, filwaqt li l-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva VAT, bħal dawk ippubblikati fil-lingwi nazzjonali tagħhom, jużaw il-kelma “vjaġġatur”.

37      Minn dan ir-Renju ta’ Spanja jiddeduċi li għandha ssir interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati billi jiġu mfittxija l-għanijiet segwiti mill-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar. Għandu jingħad li dawn tal-aħħar ma humiex ikkontestati mill-Kummissjoni u jinkludu, minn naħa, is-semplifikazzjoni tar-regoli dwar il-VAT applikabbli għall-aġenziji tal-ivvjaġġar u, min-naħa l-oħra, it-tqassim tad-dħul mill-VAT bejn l-Istati Membri. Issa, huwa paċifiku wkoll li l-approċċ ibbażat fuq il-klijent huwa dak li l-aħjar jista’ jikseb dawn l-għanijiet. Konsegwentement, dan l-approċċ jikkostitwixxi l-unika interpretazzjoni korretta.

38      Ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li l-kwalità tar-riċevitur tas-servizz, sew jekk dan ikunx il-vjaġġatur, konsumatur finali jew aġenzija tal-ivvjaġġar intermedjarja, ma huwiex rilevanti. Dan l-Istat Membru jistrieh, b’analoġija, b’mod partikolari fuq is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1998, Madgett u Baldwin (C‑308/96 u C‑94/97, Ġabra p. I‑6229), u jsostni li, f’din is-sentenza, minkejja n-natura derogatorja tal-iskema speċjali inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva billi bbażat l-għan segwit minn din l-iskema fuq il-kliem ta’ dan l-artikolu.

39      L-approċċ ibbażat fuq il-klijent, bil-kontra ta’ dak ibbażat fuq il-vjaġġatur, jippermetti li jiġi osservat il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT billi jiġu ttrattati bl-istess mod l-operaturi li jbigħu direttament pakketti ta’ vjaġġi lill-vjaġġaturi u dawk li jbigħu tali vjaġġi lil operaturi oħra.

40      Fir-rigward tar-riskju ta’ tassazzjoni doppja invokat mill-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li dan huwa dovut għall-koeżistenza taż-żewġ approċċi inkwistjoni u li dan ir-riskju jispiċċa li kieku kellu jiġi kkunsidrat approċċ wieħed biss.

41      Fir-rigward tal-allegati inkoerenzi kkonstatati mill-Kummissjoni, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem “f’ismu fir-rigward tal-klijent” [traduzzjoni mhux uffiċjali tal-verżjoni Ingliża], ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-eżistenza tagħhom. Il-Kummissjoni tikkonfondi l-espressjoni “fir-rigward ‘tal-’klijent”, użata fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża tal-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva, u l-espressjoni “fir-rigward tal-klijent ‘tiegħu’”. Hija biss din it-tieni espressjoni li tista’ tkun ta’ natura superfluwa.

42      Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnifisha użat l-espressjoni “li jaġixxi f’ismu fir-rigward tal-klijenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] f’numru kbir ta’ verżjonijiet lingwistiċi tal-proposta tagħha għal Direttiva tal-Kunsill, tat‑8 ta’ Frar 2002, li temenda d-Direttiva fir-rigward tal-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar [COM(2002) 64 finali].

43      Il-biżgħa espressa mill-Kummissjoni li l-imsemmija espressjoni twassal għall-applikazzjoni tal-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar għall-intermedjarji ma għandhiex tkun minħabba r-riferiment espress li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 306(1) tad-Direttiva VAT li jeskludi din il-possibbiltà.

44      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-espressjoni “għandu jkun imħallas mill-vjaġġatur”, il-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet li din ma tistax tiġi interpretata litteralment u li tkopri wkoll il-korrispettiv li għandu jitħallas minn terz.

45      L-approċċ tal-Kummissjoni jqajjem problema prattika oħra, fis-sens li kieku l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar kellha tapplika biss għall-bejgħ lill-vjaġġatur, li huwa l-konsumatur finali, jista’ jkun neċessarju li jiġi vverifikat, skont il-każ, jekk ix-xerrej ta’ vjaġġ ikun effettivament il-persuna li tibbenefika minn din tal-aħħar u jekk huwiex se jbigħu mill-ġdid lil persuna oħra.

46      Barra minn hekk, ir-riferiment, mill-Kummissjoni, għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, ma huwiex rilevanti, ġaladarba d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, bil-kontra ta’ dawk inkwistjoni f’dan ir-rikors, huma inekwivoċi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dan l-ewwel ilment, għandu jiġi ddeterminat jekk billi l-aġenziji tal-ivvjaġġar jiġu awtorizzati japplikaw l-iskema speċjali inkwistjoni għat-tranżazzjonijet li dawn iwettqu mhux biss mal-“vjaġġaturi”, iżda wkoll ma’ kull tip ta’ “klijent”, ir-Renju ta’ Spanja ttrasponiex korrettament l-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva VAT.

48      Il-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola tal-imsemmija Artikoli 306 sa 310, minn naħa, u tal-Artikolu 26(1) sa (4) tas-Sitt Direttiva, min-naħa l-oħra, jużaw il-kelma “vjaġġatur” b’mod sistematiku. Min-naħa l-oħra, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ direttivi jużaw il-kliem “vjaġġatur” u/jew “klijent” fejn jinterkambjaw l-użu tagħhom minn dispożizzjoni għal oħra.

49      Minkejja d-diverġenzi partikolarment importanti, il-Kummissjoni ssostni li interpretazzjoni litterali, ibbażata fuq ħamsa mis-sitt verżjonijiet lingwistiċi inizjali tas-Sitt Direttiva li jużaw il-kelma “vjaġġatur” b’mod sistematiku, hija possibbli, fejn l-użu tal-kelma “klijent” fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi żball.

50      Iċ-ċirkustanza li din il-verżjoni bil-lingwa Ingliża biss tuża l-kelma “klijent”, barra minn hekk darba biss, tista’ tagħti lil wieħed x’jifhem li dan kien żball. L-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li d-dokument tax-xogħol li ta lok għas-Sitt Direttiva kien redatt bil-lingwa Franċiża, jistgħu wkoll jikkorroboraw l-idea li twettaq żball fit-traduzzjoni ta’ din id-direttiva bil-lingwa Ingliża.

51      Madankollu, numru ta’ konstatazzjonijiet iwasslu sabiex din l-analiżi tal-Kummissjoni titqiegħed inkwistjoni.

52      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, jekk dan kien żball, huwa ma ġiex korrett fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża tas-Sitt Direttiva.

53      Għandu jingħad ukoll li ma huwiex minnu li din tidher darba biss u hija assoċjata ma’ verżjonijiet lingwistiċi b’mod partikolari, fejn il-kelma “klijent” intużat minn numru ta’ verżjonijiet lingwistiċi tas-Sitt Direttiva u ma ntużatx biss fl-Artikolu 26(1) tagħha.

54      Barra minn hekk, filwaqt li dan l-allegat żball seta’ jiġi korrett mill-inqas fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva VAT, dan ma kienx il-każ, peress li l-kelma “klijent” tirriżulta wkoll f’numru ta’ verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikoli 306 sa 310 ta’ din id-direttiva, u xi drabi wkoll b’mod mhux sistematiku.

55      Fl-aħħar nett, il-proposta ta’ direttiva msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li kienet intiża sabiex tissostitwixxi l-leġiżlazzjoni eżistenti permezz ta’ test li essenzjalment jadotta l-approċċ ibbażat fuq il-klijent, kienet tuża l-kelma “vjaġġatur” fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-Artikolu 26(1) ta’ din id-direttiva, filwawt li użat il-kelma “klijent” fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ din l-istess dispożizzjoni.

56      Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, interpretazzjoni purament litterali tal-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar ibbażata fuq it-test ta’ verżjoni lingwistika waħda jew numru ta’ verżjonijiet lingwistiċi, bl-esklużjoni ta’ oħrajn, ma tistax tiġi milqugħa. B’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni, id‑dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C‑280/04, Ġabra p. I‑10683, punt 31).

57      F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet l-oħra madwar dawk li jużaw il-kelma “klijent”, hekk kif tintuża fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża tas-Sitt Direttiva, ivarjaw skont il-verżjonijiet lingwistiċi taż-żewġ direttivi inkwistjoni, anki jekk ebda konklużjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar ma tista’ tinsilet mill-istruttura ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

58      Fir-rigward tal-għan ta’ din l-iskema speċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret numru ta’ drabi li s-servizzi pprovduti mill-aġenziji tal-ivvjaġġar u mill-organizzaturi ta’ ġiti turistiċi huma kkaratterizzati mill-fatt li, bħala regola ġenerali, dawn is-servizzi huma komposti minn diversità ta’ servizzi, b’mod partikolari fil-qasam ta’ trasport u ta’ akkomodazzjoni, li huma eżegwiti kemm ġewwa kif ukoll barra mit-territorju tal-Istat Membru fejn l-impriża għandha s-sede jew l-istabbiliment permanenti tagħha. L-applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt komuni dwar il-post fejn tiġi imposta t-taxxa, il-valur taxxabbli u t-tnaqqis tat-taxxa tal-input issib ruħha, minħabba d-diversità u l-postijiet fejn jiġu pprovduti s-servizzi, ikkonfrontata b’diffikultajiet prattiċi għal dawn l-impriżi, li jostakolaw l-eżerċizzju tal-attività tagħhom. Huwa sabiex jiġu adattati r-regoli applikabbli man-natura speċifika ta’ din l-attività li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, fl-Artikolu 26(2) sa (4) tas-Sitt Direttiva, skema speċjali tal-VAT (ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1992, Van Ginkel, C‑163/91, Ġabra p. I‑5723, punti 13 sa 15; Madgett u Baldwin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18; tad‑19 ta’ Ġunju 2003, First Choice Holidays, C‑149/01, Ġabra p. I‑6289, punti 23 sa 25; tat‑13 ta’ Ottubru 2005, ISt, C‑200/04, Ġabra p. I‑8691, punt 21, kif ukoll tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Minerva Kulturreisen, C‑31/10, Ġabra p. I‑12889, punti 17 u 18).

59      Konsegwentement, l-imsemmija skema speċjali għandha għan ta’ semplifikazzjoni tar-regoli dwar il-VAT applikabbli għall-aġenziji tal-ivvjaġġar. Hija intiża wkoll sabiex tqassam id-dħul provenjenti mill-ġbir ta’ din it-taxxa b’mod ekwilibrat bejn l-Istati Membri, billi tiġi żgurata, minn naħa, l-attribuzzjoni tad-dħul mill-VAT minn kull servizz individwali lill-Istat Membru li fih seħħ il-konsum finali tas-servizz, u min-naħa l-oħra, l-attribuzzjoni ta’ dak id-dħul marbut mal-marġni tal-aġenzija tal-ivvjaġġar lill-Istat Membru li fih din tal-aħħar hija stabbilita.

60      Issa, għandu jiġi enfasizzat, liema fatt barra minn hekk ma huwiex ikkontestat, li l-approċċ ibbażat fuq il-klijent huwa dak li l-iktar jista’ jikseb dawn iż-żewġ għanijiet billi permezz ta’ dan l-approċċ l-aġenziji tal-ivvjaġġar ikunu jistgħu jibbenefikaw minn regoli ssemplifikati jkun liema jkun it-tip ta’ klijenti li lilhom huma jipprovdu s-servizzi tagħhom u billi jiffavorizza, b’dan il-mod, tqassim ekwilibrat tad-dħul bejn l-Istati Membri.

61      Iċ-ċirkustanza li, meta ġiet adottata, fl‑1977, l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, il-maġġoranza ta’ dawn tal-aħħar kienu jbigħu is-servizzi tagħhom direttament lill-konsumatur finali ma jfissirx li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jillimita din l-iskema speċjali għal dan it-tip ta’ bejgħ u jeskludi minnha l-bejgħ lil operaturi oħra.

62      Fil-fatt, meta operatur jorganizza vjaġġ fil-forma ta’ pakkett u jbigħu lil aġenzija tal-ivvjaġġar li sussegwentement tbigħu mill-ġdid lil konsumatur finali, huwa l-ewwel operatur li jassumi l-kompitu li jikkonsisti f’li jiġbor flimkien numru ta’ servizzi mixtrija minn diversi terzi suġġetti għall-VAT. Fir-rigward tal-għan tal-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, jeħtieġ li dan l-operatur ikun jista’ jibbenefika minn regoli ssemplifikati fil-qasam tal-VAT u li dawn ma jkunux riżervati lill-aġenzija tal-ivvjaġġar li, f’tali każ, tintrabat li tbigħ mill-ġdid lill-konsumatur finali l-pakkett li huwa jkun xtara mingħand l-imsemmi operatur.

63      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà twasslet sabiex tinterpreta l-kelma “vjaġġatur” billi tagħtu sens usa’ minn dak tal-konsumatur finali. B’hekk, fil-punt 28 tas-sentenza First Choice Holidays, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kliem “għandu jkun imħallas mill-vjaġġatur”, użat fl-Artikolu 26(2) tas-Sitt Direttiva, jista’ jiġi interpretat litteralment f’dan is-sens biss jekk jeskludi mill-ammont tat-taxxa tal-VAT element mill-“konsiderazzjoni [korrispettiv]” miksub min-naħa ta’ terz fis-sens tal-Artikolu 11 A(1)(a) ta’ din id-direttiva.

64      L-oġġezzjonijiet l-oħra min-naħa tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-esklużjoni tal-approċċ ibbażat fuq il-klijent ma jistgħux iqiegħdu din l-analiżi inkwistjoni.

65      Il-fatt li l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regoli ta’ dritt komuni, b’tali mod li, fiha nnifisha, din l-eċċezzjoni ma għandhiex tiġi estiża lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet imfittxija minnha (ara s-sentenza First Choice Holidays, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22), ma jfissirx madankollu li huwa meħtieġ li jiġi adottat l-approċċ ibbażat fuq il-vjaġġatur jekk dan jippreġudika l-effettività ta’ din l-iskema speċjali.

66      Filwaqt li tirrikonoxxi li l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar tista’ tiġi mtejba, il-Kummissjoni tenfasizza, billi tibbaża ruħha fuq il-punt 28 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu jadottaw b’inizjattiva tagħhom stess approċċ li, skont dawn l-Istati, itejjeb l-imsemmi skema peress li, inkella, ikunu qed jissostitwixxu lilhom infushom għal-leġiżlatur tal-Unjoni. Madankollu, din is-sentenza ma tistax tiġi utilment invokata f’dan il-każ, ġaladarba, bil-kontra tal-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din is-sentenza kienet inekwivoka.

67      L-argument ibbażat fuq l-allegati inkoerenzi li jidhru li jirriżultaw minn interpretazzjoni tal-kelma “klijent” mhux fis-sens ta’ “vjaġġatur”, iżda ta’ “kull tip ta’ klijenti” huwa validu biss fir-rigward tal-verżjoni inizjali bil-lingwa Ingliża tas-Sitt Direttiva u tal-verżjonijiet lingwistiċi sussegwenti, ibbażati fuqha, li jużaw din il-kelma f’okkażjoni waħda biss. Fir-rigward tal-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva VAT li jużaw din il-kelma b’mod sistematiku għall-Artikoli 306 sa 310 tagħha, dan l-argument huwa ineffettiv.

68      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ riskju li l-aġenziji tal-ivvjaġġar japplikaw l-imsemmija skema speċjali anki meta jaġixxu bħala intermedjarji, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li, fid-dawl tal-kliem espliċitu tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 306(1) tad-Direttiva VAT, li jeskludi, fi kwalunkwe każ, din il-possibbiltà, dan ir-riskju huwa infondat.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva VAT għandhom jiġu interpretati billi jiġi segwit l-approċċ ibbażat fuq il-klijent.

70      Għaldaqstant l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni lment

 L-argumenti tal-partijiet

71      Il-Kummissjoni ssostni li, billi jeskludi mill-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar il-bejgħ, magħmul mill-aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-imnut, vjaġġi organizzati minn aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-ingrossa, il-punt 1 tal-Artikolu 141(2) tal-Liġi 37/1992 huwa kuntrarju għall-Artikolu 306 tad-Direttiva VAT.

72      Il-Kummissjoni għandha dubji fir-rigward tal-fondatezza tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Renju ta’ Spanja, li din l-esklużjoni tapplika biss meta l-aġenzija tal-ivvjaġġar li tbigħ bl-imnut taġixxi f’isem terzi, jiġifieri, ġeneralment, f’isem aġenzija tal-ivvjaġġar li tbigħ bl-ingrossa.

73      Skont il-Kummissjoni, mhux biss din l-interpretazzjoni tneħħi kull sens sostantiv minn dan il-punt 1 tal-Artikolu 141(2), iżda hija fil-parti l-kbira contra legem u hija differenti mill-interpretazzjoni uffiċjali mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli nnifishom kif ukoll mid-duttrina. Barra minn hekk, li kieku l-imsemmija esklużjoni kienet tapplika biss meta l-aġenzija tal-ivvjaġġar taġixxi f’isem terzi, diffiċilment jidher li hija limitata għall-każijiet li fihom il-vjaġġ huwa organizzat minn aġenzija tal-ivvjaġġar li tbigħ bl-ingrossa.

74      Il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-kliem tal-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 141(2) ma jikkostitwixxix traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 306 tad-Direttiva VAT u huwa sors ta’ ambigwità.

75      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-allegata interpretazzjoni uffiċjali msemmija mill-Kummissjoni tikkostitwixxi sempliċi konsultazzjoni nieqsa minn saħħa vinkolanti. Huwa jsostni li l-punt 1 tal-Artikolu 141(2) tal-Liġi 37/1992 sempliċement jispeċifika li l-aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-imnut li jaġixxu f’isem aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-ingrossa ma jistgħux japplikaw l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar għall-bejgħ magħmul minnhom. Din il-preċiżazzjoni hija perfettament konformi mad-Direttiva VAT u d-dispożizzjoni inkwistjoni hija nieqsa minn ambigwità.

76      Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li ma kellux l-obbligu li jipproduċi provi, inkwantu l-Kummissjoni bbażat dan l-ilment biss fuq pubblikazzjonijiet li ma għandhomx in-natura ta’ regoli jew dispożizzjonijiet vinkolanti fl-ordinament ġuridiku Spanjol.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

77      Mill-kliem innifsu tal-punt 1 tal-Artikolu 141(2) tal-Liġi 37/1992 jirriżulta li l-aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-imnut lil pubbliku vjaġġi organizzati minn aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-ingrossa ma jistgħux japplikaw l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar.

78      Għandu jiġi kkonstatat li tali esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-iskema speċjali mkien ma hija prevista fl-Artikolu 306 tad-Direttiva VAT.

79      Ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax il-fatt li tali esklużjoni hija kuntrarja għal dan l-Artikolu 306, iżda jsostni li l-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 141(2) ma għandux jinftiehem f’sens litterali u li l-esklużjoni li huwa jipprovdi japplika biss meta l-aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-imnut jaġixxu bħala intermedjarju għal aġenzija tal-ivvjaġġar li tbigħ bl-ingrossa.

80      Dan l-argument ma jistax madankollu jiġi aċċettat, fid-dawl tal-kliem li barra minn hekk ġew spjegati mid-dispożizzjoni inkwistjoni, mill-opinjonijiet maħruġa mill-amministrazzjoni u mill-interpretazzjonijiet tagħhom magħmula mid-duttrina.

81      Għalkemm il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 258 TFUE, tistabbilixxi l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, l-Istati Membri xorta waħda għandhom l-obbligu, skont l-Artikolu 4(3) TFUE, tiffaċilita lill-Kummissjoni l-kisba tal-missjoni tagħha li tikkonsisti f’li tħares li t-Trattati u d-dritt derivat jiġu applikati. Minn dan isegwi li, meta l-Kummissjoni tkun ipproduċiet biżżejjed provi li juru li seħħew ċerti fatti fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan tal-aħħar li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, imsejħa “San Rocco”, C‑365/97, Ġabra p. I‑7773, punti 84 sa 86).

82      Issa, f’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja ma ppreżenta ebda deċiżjoni reċenti mill-amministrazzjoni tiegħu u ma ppreżenta ebda ġurisprudenza li turi li l-punt 1 tal-Artikolu 141(2) tal-Liġi 37/1992 kien ġie applikat mod ieħor milli skont is-sens litterali tiegħu.

83      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan il-punt 1 tal-Artikolu 141(2) huwa kuntrarju għall-Artikolu 306 tad-Direttiva VAT.

84      Għaldaqstant it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

 Fuq it-tielet ilment

 L-argumenti tal-partijiet

85      Il-Kummissjoni ssostni li mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 142 tal-Liġi 37/1992 jirriżulta li, fil-każ ta’ servizz ta’ vjaġġ ipprovdut lil persuna taxxabbli oħra, li jinkludi biss kunsinni magħmula fit-territorju Spanjol, l-aġenzija tal-ivvjaġġar tista’, wara li tikkonsulta l-klijent, isemmi fuq il-fattura, taħt il-kliem “ammont ta’ VAT inkluż fil-prezz”, perċentwali ddefinita tal-prezz VAT inkluża, li huwa meqjus li jitħallas mill-klijent u li dan għandu d-dritt inaqqas. L-amministrazzjoni fiskali Spanjola ammettiet b’mod ċar, b’risposta għal numru ta’ mistoqsijiet, li dan l-ammont jista’ jitnaqqas jekk il-klijent ikun persuna taxxabbli li jgawdi mid-dritt għal tnaqqis.

86      Il-Kummissjoni tqis li din id-dispożizzjoni tikser l-Artikolu 226 tad-Direttiva VAT, fir-rigward tar-riferimenti li għandhom jirriżultaw fuq il-fattura, kif ukoll l-Artikoli 168 u 169 ta’ din id-direttiva, billi tawtorizza t-tnaqqis ta’ ammont li ma għandu ebda relazzjoni mal-VAT imħallsa mid-destinatarju tas-servizzi pprovduti mill-aġenzija tal-ivvjaġġar. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni hija diskriminatorja, ġaladarba hija tapplika biss għall-vjaġġi li jinkludu esklużivament servizzi pprovduti fit-territorju Spanjol.

87      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-dispożizzjoni kontenzjuża jkopri biss l-ipoteżi li fiha impriża tixtri pakkett turistiku minn aġenzija tal-ivvjaġġar favur l-impjegati tagħha. Din id-dispożizzjoni hija neċessarja, ġaladarba l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi soluzzjoni għall-problema kkaġunata minn tali ipoteżi. Dan l-Istat Membru jenfasizza li ma huwa possibbli ebda tnaqqis meta vjaġġatur, fis-sens ta’ “persuna fiżika”, jixtri vjaġġ, jew meta aġenziji tal-ivvjaġġar jipprovdu servizzi bejniethom.

88      Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta n-natura allegatament diskriminatorja tad-dispożizzjoni inkwistjoni billi jsostni li hija konformi mal-Artikolu 309 tad-Direttiva VAT li tipprovdi eżenzjoni mis-servizz uniku pprovdut mill-aġenzija tal-ivvjaġġar għall-parti li tikkorrispondi għall-kunsinni ta’ beni u għas-servizzi pprovduti mwettqa barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. L-imsemmija dispożizzjoni għalhekk tipprekludi l-possibbiltà ta’ tnaqqis tat-taxxa għall-vjaġġi mixtrija li jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89      Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 142 tal-Liġi 37/1992 jippermetti lil persuna taxxabbli, taħt ċerti ċirkustanzi, inaqqas ammont ta’ VAT iffissat għal 6 % mill-prezz totali, VAT inkluża, li tkun ġiet iffatturata lilha.

90      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li dan it-tnaqqis imkien ma huwa previst mis-sistema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar.

91      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 168 tad-Direttiva VAT jippreżenta l-prinċipju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT. Din tal-aħħar issemmi t-taxxa tal-input fuq il-beni jew is-servizzi użati mill-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). Hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex tiġi żgurata n-newtralità tal-VAT, l-ammont tat‑taxxa mnaqqsa għandu jikkorrispondi eżattament għall-ammont tat-taxxa tal-input dovuta jew imħallsa.

92      Issa, l-Artikolu 142 tal-Liġi 37/1992 ma jinkludix l-ammont eżat tal-VAT li kellu jitħallas fuq is-servizzi miksuba mill-persuna taxxabbli, iżda ammont meqjus abbażi tal-ammont globali mħallas minn din tal-aħħar. Dan il-kalkolu assolutament ma jikkorrispondix mal-kalkolu tal-VAT prevista mis-sistema komuni ta’ VAT, li, b’mod konformi mal-Artikolu 78(a) tad-Direttiva VAT, jipprovdi, b’mod partikolari, li l-valur taxxabbli jeskludi l-VAT innifisha.

93      Għaldaqstant din id-dispożizzjoni ma hijiex kompatibbli mal-metodu ta’ kalkolu tal-VAT u lanqas ma hi kompatibbli mar-regoli relatati mad-dritt għal tnaqqis previsti mid-Direttiva VAT.

94      Minn dan jirriżulta wkoll li r-riferiment, fuq il-fattura, ta’ ammont li jikkorrispondi għal 6 % tal-prezz totali ffatturat ma jikkorrispondix mar-regoli dwar il-kontenut tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 226 tad-Direttiva VAT.

95      Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat, ġustament, li, billi ppermettiet it-tnaqqis eventwali inkwistjoni biss fil-każijiet fejn is-servizzi huma pprovduti fi Spanja, l-Artikolu 142 tal-Liġi 37/1992 tistabbilixxi diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, li hija inkompatibbli wkoll mas-sistema komuni ta’ VAT. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 309 tad-Direttiva VAT, iċċitati mir-Renju ta’ Spanja, ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, iservu bħala bażi għal dan l-Artikolu 142, inkwantu huma ma jistabbilixxu ebda distinzjoni bejn Stati Membri, iżda jipprovdu eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet magħmula barra mill-Unjoni.

96      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi milqugħ it-tielet ilment invokat mill-Kummissjoni.

 Fuq ir-raba’ lment

 L-argumenti tal-partijiet

97      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 146 tal-Liġi 37/1992, li jippermetti lill-aġenziji tal-ivvjaġġar jiddeterminaw globalment il-valur taxxabbli għal perijodu ta’ taxxa speċifiku u, fl-istess waqt, li jikkalkolaw għal dan il-perijodu marġni benefiċjarju wieħed għall-provvisti ta’ servizzi ta’ vvjaġġar kollha li jaqgħu taħt l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, ma għandhiex bażi legali fid-Direttiva VAT.

98      La l-Artikolu 73 tad-Direttiva VAT u lanqas l-Artikolu 318 tagħha ma huma tali li jikkostitwixxu bażi għal tali kalkolu. Il-mod kif l-awtoritajiet Spanjoli japplikaw l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar jista’, skont il-Kummissjoni, jagħti lok għal tnaqqis tar-riżorsi proprji tal-Unjoni u din tal-aħħar għandha dritt tirkupra l-ammont korrispondenti, flimkien mal-interessi.

99      Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-Artikolu 308 tad-Direttiva VAT għandu portata kbira biżżejjed biex tkun tista’ tiġi introdotta sistema ta’ determinazzjoni globali tal-valur taxxabbli għal kull perijodu ta’ taxxa, bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni Spanjola.

100    Dan l-Istat Membru jsostni li l-Artikolu 46 tal-Liġi 37/1992 huwa intiż sabiex tiġi ssemplifikata l-kisba tal-obbligi fiskali li għalihom huma suġġetti l-operaturi u ma jimponix obbligi. Il-metodu ta’ kalkolu previst josserva l-prinċipju ta’ newtralità u, konsegwentement, ma jagħti lok għal ebda tnaqqis tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

101    Għandu jiġi kkonstatat li l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar u, b’mod partikolari, l-Artikolu 308 tad-Direttiva VAT, iċċitat mir-Renju ta’ Spanja, ma jipprovdi ebda possibbiltà li jiġi ddeterminat il-valur taxxabbli tal-marġni benefiċjarja tal-aġenziji tal-ivvjaġġar b’mod globali.

102    L-Artikolu 318 tad-Direttiva VAT jippermetti fil-kuntest tal-iskemi speċjali espressament elenkati fil-Kapitolu 4 tat-Titolu XII ta’ din id-direttiva, jiġifieri dawk applikabbli fil-qasam tal-beni second hand jew tal-oġġetti tal-arti, ta’ kollezzjoni jew ta’ antikità, li jiġi ddeterminat il-valur taxxabbli b’mod globali, iżda, preċiżament, din id-dispożizzjoni tkopri biss ċerti oqsma, fejn fosthom ma jirriżultax dak tal-aġenziji tal-ivvjaġġar.

103    Konsegwentement, f’dan l-aħħar qasam, il-valur taxxabbli għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 308 tad-Direttiva VAT, billi jsir riferiment għal kull servizz ipprovdut mill-aġenzija tal-ivvjaġġar u mhux b’mod globali.

104    Għaldaqstant l-Artikolu 146 tal-Liġi 37/1992 ma huwiex komaptibbli mal-iskema speċjali tal-VAT prevista fl-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva VAT.

105    Konsegwentement ir-raba’ lment invokat mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li:

–        billi eskluda mill-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, il-bejgħ lill-pubbliku, mill-aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-imnut li jaġixxu f’isimhom stess, vjaġġi organizzati minn aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-ingrossa;

–        billi awtorizza lill-aġenziji tal-ivvjaġġar, taħt ċerti ċirkustanzi, li jniżżlu fil-fattura ammont globali ta’ VAT li ma għandu ebda relazzjoni mat-taxxa effettivament miġbura mingħand il-klijent, u billi awtorizza lil dan il-klijent, sa fejn huwa persuna taxxabbli, li jnaqqas dan l-ammont globali mill-VAT dovut, u

–        billi awtorizza lill-aġenziji tal-ivvjaġġar, sa fejn jibbenefikaw mill-imsemmija skema speċjali, jistabbilixxu l-valur taxxabbli globalment għal kull perijodu ta’ taxxa,

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 168, 226 u 306 sa 310 tad-Direttiva VAT.

 Fuq l-ispejjeż

107    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk jirriżulta li huwa ġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, parti għandha tbati frazzjoni tal-ispejjeż tal-parti l-oħra. Peress li l-Kummissjoni tilfet fir-rigward ta’ waħda minn erbgħa tal-motivi tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata tbati kwart tal-ispejjeż tagħha filwaqt li r-Renju ta’ Spanja għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.

108    Bis-saħħa tal-Artikolu 140 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Renju ta’ Spanja:

–        billi eskluda mill-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, il-bejgħ lill-pubbliku, mill-aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-imnut li jaġixxu f’isimhom stess, vjaġġi organizzati minn aġenziji tal-ivvjaġġar li jbigħu bl-ingrossa;

–        billi awtorizza lill-aġenziji tal-ivvjaġġar, taħt ċerti ċirkustanzi, li jniżżlu fil-fattura ammont globali ta’ VAT li ma għandu ebda relazzjoni mat-taxxa effettivament miġbura mingħand il-klijent, u billi awtorizza lil dan il-klijent, sa fejn huwa persuna taxxabbli, li jnaqqas dan l-ammont globali mill-VAT dovut, u

–        billi awtorizza lill-aġenziji tal-ivvjaġġar, sa fejn jibbenefikaw mill-imsemmija skema speċjali, jistabbilixxu l-valur taxxabbli globalment għal kull perijodu ta’ taxxa,

naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 168, 226 u 306 sa 310 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha.

4)      Ir-Renju ta’ Spanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

5)      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.