C-424/11 - Wheels Common Investment Fund Trustees et

Printed via the EU tax law app / web

62011CJ0424

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Marzu 2013 ( *1 )

“Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 77/388/KEE — Eżenzjoni tal-immaniġġjar tal-fondi speċjali ta’ investiment — Portata — Skemi ta’ pensjonijiet tal-irtirar mix-xogħol”

Fil-Kawża C-424/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Awwissu 2011, fil-proċedura

Wheels Common Investment Fund Trustees Ltd,

National Association of Pension Funds Ltd,

Ford Pension Fund Trustees Ltd,

Ford Salaried Pension Fund Trustees Ltd,

Ford Pension Scheme for Senior Staff Trustee Ltd

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, J.-J. Kasel u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Wheels Common Investment Fund Trustees Ltd et, minn P. Lasok, QC imqabbad minn A. Brown, solicitor,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Murrell, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u C. Soulay, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) u tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Wheels Common Investment Fund Trustees Ltd et u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) dwar rifjut minn dawn tal-aħħar li jeżentaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ fond ipprovduti lil Wheels Common Investment Fund Trustees Ltd et.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Is-Sitt Direttiva ġiet abrogata permezz tad-Direttiva 2006/112, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007. Peress li l-perijodu inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali huwa bejn l-1 ta’ Lulju 2004 u t-30 ta’ Ġunju 2007, dawn iż-żewġ direttivi huma applikabbli għall-dawn il-proċeduri.

4

L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 huma essenzjalment redatti fi kliem identiku. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT “l-imaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri”.

Id-dritt tar-Renju Unit

5

L-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 kien, fil-mument tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, traspost permezz tal-punti 9 u 10 tal-grupp 5 tal-Anness 9 tal-Liġi tal-1994 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Value Added Tax Act 1994), li skonthom kienu eżenti:

“9.

l-immaniġġjar ta’ organu ta’ investiment kollettiv awtorizzat li għandu l-forma ta’ trust [‘authorised unit trust’, iktar ’il quddiem l-‘AUT’] jew ta’ fond ta’ investiment immobbiljarju;

l-immaniġġjar tal-attiv ta’ investiment ta’ kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli [‘Open-ended investment company’, iktar ’il quddiem l-‘OEIC’]”.

6

Sabiex tittieħed inkunisderazzjoni d-deċiżjoni mogħtija fis-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C-363/05, Ġabra p. I-5517, iktar ’il quddiem is-“sentenza Claverhouse”), il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-punti 9 u 10 twessa’, b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2008, permezz tad-Digriet tal-2008 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Finance) [Value Added Tax (Finance) (no 2) Order 2008]. Dawn il-punti issa jeżentaw l-immaniġġjar ta’ organi ta’ investiment kollettiv fil-forma ta’ OEIC u ta’ AUT kif ukoll l-immaniġġjar ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv tat-tip magħluqa, bħall-Investment trust companies.

7

In-nota 6 għall-grupp 5 tal-Anness tal-Liġi tal-1994 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tipprovdi li l-OEIC u l-AUT huma ddefiniti fil-Liġi tal-2000 dwar is-servizzi u swieq finanzjarji (Financial Services and Markets Act 2000).

8

Il-Parti XVII ta’ din l-aħħar liġi tipprovdi b’mod partikolari dan li ġej fl-Artikoli 235 sa 237:

“235.

Skemi ta’ investiment kollettiv

(1)   F’din il-parti, ‘organu ta’ investiment kollettiv’ ifisser, l-arranġamenti kollha li jikkonċernaw beni ta’ kull tip, inkuż il-flus, li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li jippermettu lill-persuni li jipparteċipaw fl-arrangamenti (jew billi jsiru proprjetarji totalment jew parzjalment tal-beni, jew b’mod ieħor), jipparteċipaw fil- jew jirċievu profitti jew dħul li joriġinaw mill-akkwist, miż-żamma, mill-immaniġġjar jew mill-bejgħ tal-beni jew sommom imħallsa fuq dawn il-profitti jew dħul jew li jirċievu porzjoni minnhom.

(2)   Dawn l-arranġamenti għandhom ikunu tali li l-persuni li jipparteċipaw fihom (il-parteċipanti) ma jeżerċitawx kontroll ta’ kuljum fuq l-immaniġġjar tal-beni, irrispettivament minn jekk għandhomx jew le id-dritt li li jiġu kkonsultati jew li jagħtu istruzzjonijiet.

(3)   Dawn l-arranġamenti għandhom ukoll ikollhom għal tal-inqas waħda karatteristiċi segwenti:

(a)

il-kontribuzzjonijiet tal-parteċipanti, l-istess bħall-profitti jew id-dħul li minnhom jirriżultaw il-ħlasijiet, huma miġbura flimkien;

(b)

il-beni huma mmaniġġjati totalment minn jew f’isem il-persuna responsabbli għall-organu.

[…]

236.

Kumpanniji ta’ investiment b’kapital varjabbli

(1)   F’din il-parti, ‘kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli’ tfiser, organu ta’ investiment kollettiv li jissodisfa kemm il-kundizzjoni patrimonjali kif ukoll il-kundizzjoni ta’ investiment.

(2)   Il-kundizzjoni patrimonjali tikkonsisti fil-fatt li l-beni huma mmaniġġjati minn jew f’isem persuna ġuridika (‘PĠ’) li hija l-proprjetarja ekonomika tagħhom u li l-għan tagħha huwa li tinvesti dawn il-fondi għall-finijiet ta’:

(a)

tqassim tar-riskju tal-investiment; u

(b)

għoti, lill-membri tagħha, tal-benefiċċju tar-riżultati tal-immaniġġjar ta’ dawn il-fondi minn jew f’isem din il-persuna ġuridika.

[…]

237.

Definizzjonijiet oħra

[…]

(3)   F’din il-parti:

‘authorised unit trust’ ifisser, unit trust awtorizzat għall-finijiet ta’ din il-liġi permezz ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni meħuda taħt l-Artikolu 243.

‘kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli’ tfisser, kumpannija kkostitwita skont ir-regolamenti msemmija fl-Artikolu 262, li tibbenefika minn deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni meħuda bis-saħħa ta’ kull dispożizzjoni prevista mir-regolamenti msemmija fl-Artikolu 262(2)(l).

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Wheels Common Investment Fund Trustees Ltd (iktar ’il quddiem “Wheels”) hija t-“trustee” ta’ fond, li fih huwa miġbur flimkien, għall-finijiet ta’ investiment, l-attiv tal-iskemi ta’ pensjoni tax-xogħol stabbiliti mill-impriża Ford Motor Company sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-ftehim kollettivi.

10

Kull skema tipprovdi pensjonijiet lil kategorija ta’ ex impjegati, ikkalkolati abbażi tal-aħħar salarju tal-membri affiljati u tal-anzjanità fl-impriża. Matul l-impjieg tagħhom, l-affiljati mal-iskema, li hija miftuħa għall-impjegati kollha mingħajr ma hija obbligatorja, iħallsu kontribuzzjonijiet ta’ ammont fiss imnaqqas mis-salarju tagħhom. Il-persuna li timpjega tħallas ukoll kontribuzzjonijiet f’ammont suffiċjenti sabiex jiġi żgurat il-finanzjament tal-ispiża rimanenti tal-benefiċċji ta’ pensjoni.

11

Fiż-żmien tal-fatti, Capital International Limited kienet tipprovdi servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ fond lil Wheels. B’mod konformi mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tar-Renju Unit dwar il-VAT, hija ffatturat lil Wheels VAT fuq dawn is-servizzi u ħallset din il-VAT lill-Commissioners.

12

Matul ix-xhar ta’ Settembru 2007, wara l-għoti tas-sentenza Claverhouse, iċċitata iktar ’il fuq, Capital International Limited talbet lill-Commissioners il-ħlas lura tal-VAT relatata mal-provvista ta’ servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ fond li hija kienet ipprovdiet, billi sostniet li dawn is-servizzi kienu jaqgħu taħt l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 jew taħt l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva, skont il-perijodu kkonċernat.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Jannar 2008, il-Commissioners ċaħdu din it-talba. Għaldaqstant Wheels ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber). Għalkemm, skont il-qorti tar-rinviju, is-servizzi pprovduti lil Wheels jikkostitwixxu servizzi ta’ “maniġġjar” skont l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva u fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, hemm dubju dwar il-klassifikazzjoni tal-fond miżmum minn Wheels bħala “fond speċjali ta’ investiment” fis-sens ta’ din l-eżenzjoni.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)

Il-kliem ‘fondi [speċjali] ta’ investiment’ li jinsab fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT u [f]l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi (i) skema ta’ pensjoni ta[li-]rtirar [mix-xogħol] stabbilita minn persuna li tħaddem [timpjega] sabiex toffri lill-impjegati tagħha benefiċċji ta’ pensjoni u/jew (ii) fond komuni ta’ investiment li fi ħdanu jinġabar l-attiv ta’ diversi skemi ta’ pensjoni għall-finijiet ta’ investimenti meta, fil-kuntest tal-iskemi ta’ pensjoni inkwistjoni:

(a)

il-pensjoni li tista’ tiġi perċepita minn membru [affiljat] hija ddefinita minn qabel fl istatuti tal-iskema (ibbażata fuq formula msejsa fuq it-tul tal-karriera tal membru ma’ min iħaddem u s-salarju tiegħu) u mhux fuq il-bażi tal-valur tal-attiv tal-iskema;

(b)

min iħaddem għandu jikkontribwixxi għall-iskema;

(c)

huma biss l-impjegati ta’ min iħaddem li jistgħu jipparteċipaw fl-iskema u jirċievu pensjoni f’dan il-kuntest (fejn parteċipant f’din l-iskema huwa indikat bħala ‘membru’);

(d)

impjegat huwa ħieles li jiddeċiedi li jsir jew ma jsirx membru;

(e)

impjegat li huwa membru huwa normalment obbligat li jikkontribwixxi għall-iskema abbażi ta’ perċentwali tas-salarju tiegħu;

(f)

il-kontribuzzjonijiet minn min iħaddem u mill-membri huma miġbura mit-trustee tal-iskema u jiġu investiti (ġeneralment f’azzjonijiet [titoli]) bil-għan li jiġi stabbilit fond li minnu jitħallsu lill-membri l-benefiċċji provduti taħt l-iskema;

(g)

jekk l-attiv tal-iskema huwa ogħla minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu ffinanzjati l-benefiċċji previsti taħt l-iskema, it-trustee tal-iskema u/jew min iħaddem jista’, skont it-termini tal-iskema u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, jagħżel waħda mis-segwenti soluzzjonijiet (i) inaqqs il-kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ min iħaddem; (ii) jittrasferixxu parti jew l-intier tal-eċċess tal-benefiċċju lil min iħaddem jew (iii) iżidu l-benefiċċji għall-membri tal-iskema;

(h)

jekk l-attiv tal-iskema jkun inqas milli meħtieġ biex jiffinanzja l-benefiċċji previsti fil-kuntest tal-iskema, min iħaddem huwa bħala prinċipju obbligat li jassorbi l-iżbilanċ u, jekk min iħaddem ma jagħmilx dan jew ma jkunx jista’ jagħmel dan, il-benefiċċji rċevuti mill-membri jiġu mnaqqsa;

(i)

l-iskema tippermetti li l-membri jagħmlu kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali ([‘additional voluntary contributions’ jew] ‘AVC’) li ma jkunux miżmuma mill-iskema, iżda ttrasferiti lil terz għall-finijiet ta’ investimenti u l-provvista ta’ benefiċċji addizzjonali msejsa fuq il-prestazzjoni tal-investimenti magħmulin (dawn l-arranġamenti ma humiex suġġetti għall-VAT);

(j)

il-membri huma intitolati li jittrasferixxu l-benefiċċji akkumulati tagħhom fil-kuntest tal-iskema (evalwati abbażi tal-valur attwarjali ta’ dawn il-benefiċċji fil-mument tat-trasferiment) għal skemi ta’ pensjoni oħra;

(k)

il-kontribuzzjonijiet ta’ minn min iħaddem u tal-membri għall-iskema ma humiex ikkunsidrati bħala dħul tal-membri għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul;

(l)

il-pensjonijiet riċevuti mill-membri fil-kuntest tal-iskema huma kkunsidrati bħala dħul tal-membri għall-finijiet tat-taxxa tad[fuq id]-dħul; u

(m)

min iħaddem, u mhux il-membri tal-iskema, jieħdu r-responsabbiltà għall-ispiża tal-ġestjoni tal-iskema?

(2)

Fid-dawl (i) tal-għanijiet tal-eżenzjoni previsti taħt l-Artikolu [13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva] u l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, (ii) tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali u (iii) taċ-ċirkostanzi deskritti fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari:

(a)

Stat Membru jista’ jiddefinixxi, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, il-fondi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ‘fondi ta’ investiment’ b’tali mod li jeskludi l-fondi li għalihom isir referiment fl-ewwel domanda preliminari u jinkludi impriżi [organi] ta’ investiment kollettiv fis-sens tad-Direttiva [tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139), kif emendata bid-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Jannar 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 302, iktar ’il quddiem id-‘Direttiva UCITS’)]?

(b)

Sa fejn (jekk ikun il-każ) il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin huma rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk fond, kif deskritt fl-ewwel domanda preliminari, għandu jew ma għandux jiġi kkunsidrat minn Stat Membru, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, bħala fond speċjali ta’ investiment:

il-karatteristiċi tal-fond (kif deskritt fl-ewwel domanda preliminari);

sa fejn il-fond huwa ‘simili u għalhekk jikkompeti ma’’ mezzi ta’ investiment li diġà ġew identifikati mill-Istat Membru bħala fondi speċjali ta’ investiment?

3)

Jekk, fil-kuntest tat-tweġiba għad-domanda 2b(ii), hemm lok li jiġi evalwat sa fejn il-fond huwa ‘simili u għalhekk jikkompeti ma’’ mezzi ta’ investiment li diġà ġew ikkunsidrati mill-Istat Membru bħala fond speċjali ta’ investiment, l-eżistenza jew il-livell ta’ ‘kompetizzjoni’ bejn il-fond inkwistjoni u tali mezzi oħra ta’ investiment għandha tiġi kkunsidrata bħala kwistjoni separata minn dik ta’ xebh?”

Fuq id-domandi preliminari

15

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk u taħt liema kundizzjonijiet attivi ta’ skema ta’ pensjonijiet tal-irtirar u l-fond ta’ investiment li fih dan huwa miġbur flimkien jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” skont l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 35(1)(g) tad-Direttiva 2006/112.

16

Hemm lok li qabel kollox jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-eżenzjonijiet previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva u fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom, fil-prinċipju, jingħataw definizzjoni komuni li għandha bħala għan li jiġu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għall-ieħor, b’mod li l-Istati Membri ma jistgħux ibiddlu l-kontenut tagħhom, dan ma huwiex madankollu l-każ meta l-leġiżlatur ikun ikkonferilhom il-kompitu li jiddefinixxu ċerti termini ta’ eżenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National, C-169/04, Ġabra p. I-4027, punti 38 u 39 kif ukoll Claverhouse, iċċitata iktar ’il fuq, punti 19 u 20). Issa, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Istati Membri s-setgħa li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Abbey National, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41, kif ukoll Claverhouse, punt 43).

17

Din is-setgħa ta’ definizzjoni hekk rikonoxxuta lill-Istati Membri hija madankollu limitata bil-projbizzjoni li jiġi ppreġudikat il-kliem stess tal-eżenzjoni użat mil-leġżilatur tal-Unjoni (ara, s-sentenza Claverhouse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). Stat Membru ma jistax b’mod partikolari, mingħajr ma jirrendi bla effett il-kliem stess “fondi speċjali ta’ investiment”, jagħżel minn fost il-fondi speċjali ta’ investiment dawk li jibbenefikaw mill-eżenzjoni u dawk li ma jibbenefikawx minnha. Dawn id-dispożizzjonijiet għaldaqstant jagħtuh bis is-setgħa li jiddefinixxi, fid-dritt intern tiegħu, il-fondi li jikkorrispondu għall-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” (ara s-sentenza Claverhouse, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 sa 43).

18

Is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” għandha wkoll tiġi eżerċitata b’osservanza tal-għanijiet imħaddna mis-Sitt Direttiva u mid-Direttiva 2006/112 kif ukoll tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT (ara s-sentenza Claverhouse, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 43).

19

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-għan tal-eżenzjoni tal-operazzjonijiet relatati mal-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment huwa, b’mod partikolari, li jiġi ffaċilitat, fir-rigward tal-investituri, l-investiment f’titoli permezz ta’ organi ta’ investiment, billi jiġu esklużi l-ispejjeż tal-VAT, u għaldaqstant, billi tiġi żgurata n-newtralità tas-sistema komuni tal-VAT fir-rigward tal-għażla bejn l-investiment dirett f’titoli u dak li jseħħ permezz ta’ organi ta’ investiment kollettiv (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Abbey National, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62, u Claverhouse, punt 45).

20

Fir-rigward, minn naħa, tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, dan il-prinċipju jipprekludi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet jiġu ttratati b’mod differenti fir-rigward tal-ġbir tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, Cimber Air, C-382/02, Ġabra p. I-8379, punti 23 u 24; tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C-280/04, Ġabra p. I-10683, punt 39; Abbey National, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56, u Claverhouse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

21

Barra minn hekk hemm lok li jiġi rrilevat li dan il-prinċipju ma jeżiġix li l-operazzjonijiet ikunu identiċi. Fil-fatt minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-imsemmi prinċipju jipprekludi wkoll li provvisti ta’ servizzi simili, li huma għalhekk f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mil-lat tal-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-109/02, Ġabra p. I-12691, punt 20; tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis, C-453/02 u C-462/02, Ġabra p. I-1131, punt 24; tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, Ġabra p. I-4427, punt 54; tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.P., C-106/05, Ġabra p. I-5123, punt 32; tat-12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg, C-246/04, Ġabra p. I-589, punt 33; tas-27 ta’ April 2006, Solleveld u van den Hout-van Eijnsbergen, C-443/04 u C-444/04, Ġabra p. I-3617, punt 3; kif ukoll Claverhouse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

22

Għaldaqstant hemm lok li jiġi ddeterminat jekk fond ta’ investiment li fih l-attiv ta’ skema ta’ pensjonijiet tal-irtirar huwa miġbur flimkien, li għandu karatteristiċi bħal dawk ippreżentati mill-fond inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex identiku għall-fondi li jikkostitwixxu “fondi speċjali ta’ investiment”, skont l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, jew huwiex suffiċjentement komparabbli ma’ dawn tal-aħħar sabiex ikun f’kompetizzjoni magħhom.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fondi li jikkostitwixxu organi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli skont id-Direttiva UCITS jikkostitwixxu fondi speċjali ta’ investiment (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank, C-44/11, punt 32). Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, l-organi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli jikkostitwixxu, fil-fatt, organi li, bħall-AUT u l-OEIC (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Claverhouse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50), għandhom bħala għan esklużiv, skont l-għan imħaddan mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva u fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, l-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli tal-kapital miġbur mingħand il-pubbliku.

24

Barra minn hekk, fondi li, mingħajr ma jikkostitwixxu organi ta’ investiment kollettiv skont id-Direttiva UCITS, għandhom karatteristiċi identiċi għal dawn tal-aħħar u għaldaqstant iwettqu l-istess operazzjonijiet jew, għal tal-inqas, għandhom karatteristiċi komparabbli sal-punt li jinsabu f’kompetizzjoni magħhom għandhom ukoll jiġu kkunsidrati bħala fondi speċjali ta’ investiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Abbey National, punti 53 sa 56, kif ukoll Claverhouse, punti 48 sa 51).

25

Issa, fond ta’ investiment li fih l-attiv ta’ skema ta’ pensjonijiet tal-irtirar huwa miġbur flimkien, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies bħala organu ta’ investiment kollettiv, skont id-Direttiva UCITS. Tali fond ma huwiex, fil-fatt, miftuħ għall-pubbliku, iżda jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, vantaġġ relatat mal-impjieg, li l-persuni li jimpjegaw jagħtu biss lill-impjegati tagħhom. Għaldaqstant tali fond ma huwiex identiku għall-fondi li jikkostitwixxu “fondi speċjali ta’ investiment”, fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva u tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112.

26

Tali fond ta’ investiment lanqas ma huwa komparabbli mal-organi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti mid-Direttiva UCITS sal-punt li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt hemm diversi karatteristiċi li joħolqu differenza bejntihom, sabiex dawn ma jistgħux jitqiesu bħala li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet.

27

B’mod partikolari, l-affiljati ma’ skema ta’ pensjonijiet tal-irtirar, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jsostnux ir-riskju li jirriżulta mill-immaniġġjar tal-fond ta’ investiment li fih l-attiv ta’ din l-iskema huwa miġbur flimkien, bid-differenza tal-investituri privati li jinvestu l-assi tagħhom f’organu ta’ investiment kollettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Claverhouse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50). Filwaqt li l-pensjoni li tista’ tiġi riċevuta minn impjegat, membru ta’ skema ta’ pensjonijiet tal-irtirar bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bl-ebda mod ma tiddependi mill-valur tal-attiv tal-iskema u mill-prestazzjoni tal-investimenti magħmula mill-amministraturi tal-iskema, iżda hija ddefinita minn qabel abbażi tat-tul tal-karriera mal-persuna li timpjega u l-ammont tas-salarju, ir-rendiment li jistgħu jistennew il-persuni li jixtru ishma f’organu ta’ investiment kollettiv jiddependi mill-prestazzjoni tal-investimenti magħmula mill-amminsitraturi tal-fond fil-perijodu li fih huma għandhom dawn l-ishma.

28

Barra minn hekk, skema ta’ pensjonijiet tal-irtirar, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija differenti wkoll minn organu ta’ investiment kollettiv mil-lat tal-persuna li timpjega. Din tal-aħħar ma tinsabx f’sitwazzjoni bħal dik ta’ investitur f’organu ta’ investiment kollettiv sa fejn, anki jekk hija għandha wkoll tbati l-konsegwenzi finanzjarji tal-investimenti magħmula mill-amministraturi tal-iskema, il-kontribuzzjonijiet li hija tħallas fl-iskema ta’ pensjonijiet tal-irtirar jikkostitwixxu mezz li bih hija tissodisfa l-obbligi legali tagħha fir-rigward tal-impjegati tagħha.

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li fond ta’ investiment li jiġbor flimkien l-attiv ta’ skema ta’ pensjonijiet tal-irtirar ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment”, skont dawn id-dispożizzjonijiet, li l-immaniġġjar tagħhom jista’ jiġi eżentat mill-VAT fid-dawl tal-għan ta’ dawn id-direttivi u tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, peress li l-affiljati ma jsostnux ir-riskju li jirriżulta mill-immaniġġjar ta’ dan il-fond u peress li l-kontribuzzjonijiet li l-persuna li timpjega tħallas fl-iskema ta’ pensjonjiet tal-irtirar jikkostitwixxu mezz li bih hija tissodisfa l-obbligi legali tagħha fir-rigward tal-impjegati tagħha.

Fuq l-ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, u l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ta’ 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li fond ta’ investiment li jiġbor flimkien l-attiv ta’ skema ta’ pensjonijiet tal-irtirar ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment”, skont dawn id-dispożizzjonijiet, li l-immaniġġjar tagħhom jista’ jiġi eżentat mit-taxxa fuq il-valur miżjud fid-dawl tal-għan ta’ dawn id-direttivi u tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, peress li l-affiljati ma jsostnux ir-riskju li jirriżulta mill-immaniġġjar ta’ dan il-fond u peress li l-kontribuzzjonijiet li l-persuna li timpjega tħallas fl-iskema ta’ pensjonjiet tal-irtirar, jikkostitwixxu mezz li bih hija tissodisfa l-obbligi legali tagħha fir-rigward tal-impjegati tagħha.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.