C-104/12 - Becker

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Frar 2013 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 17(2)(a) – Dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Neċessità tal-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni tal-input u tranżazzjoni tal-output – Kriterju li jistabbilixxi din ir-rabta – Servizzi ta’ avukat ipprovduti fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali għall-korruzzjoni mibdija f’kapaċità personali kontra l-amministratur u s-soċju prinċipali ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata”

Fil-Kawża C-104/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

Finanzamt Köln-Nord

vs

Wolfram Becker,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel (Imħallef Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u C. Soulay, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2)(a) u l-Artikolu 22(3)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/115/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 352, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Finanzamt Köln-Nord (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) u W. Becker dwar id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) imħallsa bil-quddiem minn W. Becker fuq l-onorarji tal-avukat marbuta ma’ proċeduri kriminali li huwa kien suġġett għalihom bħala amministratur u soċju prinċipali ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f tagħha, jipprovdi:

“Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

(a)       il-[VAT] dovuta jew mħallsa fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra”.

4        Skont l-Artikolu 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva:

“Biex teżerċita d-dritt li tnaqqas, il-persuna taxxabbli trid:

(a) fir-rigward tad-deduzzjonijet taħt l-Artikolu 17(2)(a), iżomm fattura, miktuba b’mod konformi ma’ l-Artikolu 22(3)”.

5        Skont il-ħames inċiż tal-Artikolu 22(3)(b) tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28h tagħha, il-fatturi maħruġa skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom, għall-finijiet tal-VAT, jinkludu l-isem sħiħ u l-indirizz tal-persuna taxxabbli u tal-klijent tagħha.

 Id-dritt Ġermaniż

6        Skont l-ewwel punt tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-liġi tal-2005 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz 2005, BGBl. 2005 I, p. 386, iktar ’il quddiem l-“UStG”), l-imprenditur jista’ jnaqqas, bħala taxxi tal-input imħallsa, it-taxxa dovuta legalment għal servizzi li kienu ġew eżegwiti minn imprenditur ieħor għall-bżonnijiet tal-impriża tiegħu.

7        It-tnaqqis huwa eskluż, skont l-ewwel punt tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-UStG, għal servizzi li l-imprenditur juża sabiex iwettaq tranżazzjonijiet li huma eżenti.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Meta seħħew il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, W. Becker kien imprenditur individwali u soċju maġġoritarju ta’ A-GmbH (iktar ’il quddiem “A”), kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Ġermaniż. W. Becker u X kienu amministraturi ta’ A, fejn l-għan soċjali tagħha kien jikkonsisti fl-eżekuzzjoni taħt titolu oneruż ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni suġġetti għall-VAT. Sussegwentement, P, ir-rappreżentant awtorizzat ta’ A, sar ukoll amministratur ta’ din il-kumpannija.

9        W. Becker u A kienu marbuta bi ftehim ta’ integrazzjoni fiskali skont l-UStG. Konsegwentement, W. Becker u A kienu kkunsidrati bħala persuna taxxabbli unika, fejn W. Becker assuma r-responsabbiltà, bħala impriża “li tikkontrolla”, għall-obbligi fiskali tal-grupp tal-impriżi magħmula mill-impriża tiegħu individwali u minn A.

10      Wara li A kienet eżegwiet, taħt titolu oneruż u taxxabbli, kuntratt għal xogħlijiet li hija kienet ingħatat, il-Prosekutur kompetenti fetaħ investigazzjoni kriminali kontra W. Becker u P. Fil-fatt, A kienet issuspettata li bbenefikat, qabel il-konklużjoni tal-ftehim, minn informazzjoni kunfidenzjali rigward l-offerti sottomessi mill-impriżi kompetituri u li għaldaqstant setgħat tissottometti l-offerta l-iktar vantaġġuża. Sabiex tikseb din l-informazzjoni, hija għamlet donazzjonijiet, li taħt il-liġi kriminali setgħu jitqiesu, rispettivament, bħala korruzzjoni jew kompliċità għal dak li jirrigwarda W. Becker u P kif ukoll bħala korruzzjoni passiva għal dak li jirrigwarda l-benefiċjarju ta’ dawn id-donazzjonijiet.

11      Il-proċeduri kriminali mibdija kontra W. Becker u P kienu ġew, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali Ġermaniża, sospiżi permezz tal-ħlas ta’ somom b’riżultat ta’ ftehim.

12      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni kriminali, W. Becker u P kienu rrappreżentati kull wieħed mill-avukati rispettivi tagħhom. Madankollu, skont il-ftehim dwar l-onorarji tal-imsemmija avukati, W. Becker, bħala akkużat, u A kienu rappreżentati minn avukat wieħed, filwaqt li P, bħala akkużat, u A wkoll, kienu rrappreżentati minn avukat ieħor. Iż-żewġ ftehim kellhom unikament, għal dak li jirrigwarda lill-klijenti, il-firma u t-timbru ta’ A, irrappreżentata minn W. Becker u P, fil-kwalità tagħhom ta’ amministraturi.

13      L-avukati indirizzaw il-fatturi tagħhom lil A. W. Becker, bħala impriża li tikkontrolla lil A, ipproċeda, matul is-sena inkwistjoni, jiġifieri l-2005, għat-tnaqqis tal-VAT fuq l-imsemmija fatturi.

14      Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Finanzamt, min-naħa tagħha, qieset li l-VAT inkwistjoni ma setgħatx titnaqqas u għalhekk ħarġet avviż ta’ rettifika kontra W. Becker. Peress li l-ilment imressaq minn dan tal-aħħar quddiem il-Finanzamt ġie miċħud, W. Becker ressaq azzjoni quddiem il-Finanzgericht Köln, li laqgħet ir-rikors tiegħu.

15      Il-Bundesfinanzhof, li quddiemha ġie ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi mill-Finanzamt, tfakkar, fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis jippreżumi l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn it-tranżazzjonijiet tal-input u t-tranżazzjonijiet tal-output. Madankollu, il-Finanzamt għandha dubji dwar jekk l-eżistenza ta’ tali rabta tiddependix mill-kontenut oġġettiv tas-servizz akkwistat jew inkella mir-raġuni tal-akkwist ta’ dan is-servizz.

16      Fil-fatt, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata tiddependi minn elementi oġġettivi (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2000, Midland Bank, C-98/98, Ġabra p. I-4177, punt 32) kif ukoll minn natura oġġettiva tat-tranżazzjoni inkwistjoni (sentenza tas-6 ta’ April 1995, BLP Group, C-4/94, Ġabra p. I-983, punt 24). Issa, f’dan il-każ, jekk nirreferu għan-natura oġġettiva tas-servizzi pprovduti mill-avukat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma intiżi direttament u immedjatament li jipproteġu l-interessi privati taż-żewġ akkużati. Barra minn hekk, il-proċeduri kriminali kienu biss kontrihom fil-kapaċità personali tagħhom, u mhux kontra A, minkejja l-fatt li kien legalment possibbli li jinfetħu wkoll proċeduri kontra dan tal-aħħar.

17      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hemm ukoll lok li jiġi eżaminat jekk is-servizz akkwistat huwiex ibbażat esklużivament fuq l-attivitajiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli (sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Investrand, C-435/05, Ġabra p. I-1315, punt 33). L-istess jgħodd ukoll fil-kawża prinċipali, peress li s-servizzi inkwistjoni ma kinux jiġu pprovduti miż-żewġ avukati li kieku A ma kinitx teżerċita attività li tiġġenera dħul mill-bejgħ u, għaldaqstant, taxxabbli. B’hekk jista’ jitqies li l-imsemmija servizzi għandhom rabta diretta u immedjata mal-attività ekonomika fl-intier tagħha ta’ A. F’sitwazzjoni bħal din, W. Becker, bħala impriża li tikkontrolla lil A, għandu dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa.

18      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Ir-rabta diretta u immedjata li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija determinanti għall-interpretazzjoni tal-frażi “għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu” fis-sens tal-Artikolu 17(2)(a) tas-[Sitt Direttiva], għandha tiġi ddeterminata

–        skont il-kontenut oġġettiv tas-servizz miksub mill-persuna taxxabbli (f’dan il-każ: attività ta’ avukat kriminali intiża sabiex persuna fiżika ma tkunx suġġetta għal kundanna kriminali) jew

–        skont il-fatt li ta lok għall-provvista miksuba (f’dan il-każ: attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, li fil-kuntest tagħha allegatament twettaq reat kriminali minn persuna fiżika)?

2)      Jekk huwa determinanti l-fatt li ta lok għall-provvista: persuna taxxabbli li tikkummissjona provvista flimkien ma’ impjegat tibbenefika, skont l-Artikolu 17(2)(a) tas-[Sitt Direttiva], minn dritt għal tnaqqis sħiħ jew inkella parzjali biss u, fil-każ ta’ akkwist ta’ provvista minn diversi destinatarji, liema huma r-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati meta tinħareġ fattura skont il-ħames inċiż tal-Artikolu 22(3)(b) tas-[Sitt Direttiva]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

19      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jitfakkar l-ewwel nett li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni tal-input partikolari u tranżazzjoni waħda jew iktar tal-output li tagħti d-dritt għal tnaqqis hija, bħala prinċipju, neċessarja sabiex dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa jiġi rrikonoxxut lill-persuna taxxabbli u sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ tali dritt (ara s-sentenzi Midland Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24; tat-22 ta’ Frar 2001, Abbey National, C-408/98, Ġabra p. I-1361, punt 26, u Investrand, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). Id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT imposta fuq ix-xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi tal-input jippreżupponi li l-ispejjeż sostnuti għall-akkwist tagħhom huma parti mill-elementi kostituttivi tal-prezz ta’ tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli li jagħtu dritt għal tnaqqis (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Midland Bank, punt 30, u Abbey National, punt 28).

20      Dritt għal tnaqqis huwa madankollu wkoll ammess favur persuna taxxabbli, anki fl-assenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn it-tranżazzjoni tal-input partikolari u tranżazzjoni waħda jew iktar tal-output li tagħti dritt għal tnaqqis, meta l-ispejjeż tas-servizzi inkwistjoni jagħmlu parti mill-ispejjeż ġenerali tal-persuna taxxabbli u jkunu, bħala tali, elementi kostituttivi tal-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi li hija tipprovdi. Dawn l-ispejjeż, għandhom, fil-fatt, rabta diretta u immedjata mal-attività ekonomika fl-intier tagħha tal-persuna taxxabbli (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Midland Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik, C-465/03, Ġabra p. I-4357, punt 36).

21      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, għal dak li jirrigwarda n-natura tar-“rabta diretta u immedjata” li għandha teżisti bejn tranżazzjoni tal-input u tranżazzjoni tal-output, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma jkunx realistiku jekk wieħed jipprova jiżviluppa formulazzjoni iktar preċiża f’dan ir-rigward. Fil-fatt, meta tittieħed inkunsiderazzjoni d-diversità tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u professjonali, ikun impossibbli li tingħata risposta iktar xierqa fir-rigward tal-manjiera sabiex tiġi stabbilita, fil-każijiet kollha, ir-relazzjoni li għandha teżisti bejn it-tranżazzjonijiet tal-input u dawk tal-output sabiex il-VAT tal-input tkun tista’ titnaqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Midland Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

22      Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tar-rabta diretta, li hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tat-taxxa u tal-qrati nazzjonali, huma dawn tal-aħħar li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom żvolġew it-tranżazzjonijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Midland Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25) u jqisu biss it-tranżazzjonijiet li huma oġġettivament marbuta mal-attività taxxabbli tal-persuna taxxabbli.

23      Fil-fatt, l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni biss in-natura oġġettiva tat-tranżazzjoni inkwistjoni huwa dak l-iktar konformi mal-għan tas-sistema komuni tal-VAT, li hija intiża li tiżgura ċ-ċertezza legali u li tiffaċilita l-atti inerenti għall-applikazzjoni tal-imsemmija VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BLP Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24; tad-9 ta’ Ottubru 2001, Cantor Fitzgerald International, C-108/99, Ġabra p. I-7257, punt 33, tad-29 ta’ Ottubru 2009, SKF, C-29/08, Ġabra p. I-10413, punt 47).

24      Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja, ddeċidiet li huwa fir-rigward tal-kontenut oġġettiv tagħhom li huwa xieraq li jiġi stabbilit jekk teżistix rabta diretta u immedjata bejn l-oġġetti u s-servizzi użati u tranżazzjoni tal-output taxxabbli jew, eċċezzjonalment, tranżazzjoni tal-input taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Midland Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-intenzjoni ddikjarata ta’ persuna taxxabbli li talloka oġġett speċifiku għal tranżazzjoni suġġetta għall-VAT, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1985, Rompelman, 268/83, Ġabra p. 655, punt 24).

25      L-interpretazzjoni li tipprovdi li huwa xieraq, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “rabta diretta u immedjata” bejn tranżazzjoni partikolari u l-attività taxxabbli fl-intier tagħha skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi oġġettivi tal-oġġetti u tas-servizzi akkwistati ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 33 u 36 tas-sentenza tagħha Investrand, iċċitata iktar ’il fuq, qieset, essenzjalment, li, peress li t-tkomplija tal-attività taxxabbli ma tikkostitwixxix ir-raġuni esklużiva għalfejn ċertu nfiq u spejjeż jiġu sostnuti, dawn tal-aħħar ma jistgħux jitqiesu li għandhom rabta diretta u immedjata ma’ din l-attività.

26      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 25 sa 34 ta’ din is-sentenza, huwa fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li fihom żvolġew it-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza u, partikolarment, tal-elementi fattwali li jirriżultaw mill-proċess ippreżentat lilha li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, minn naħa, li Investrand BV ma wettqet l-ebda tranżazzjoni tal-output speċifika taxxabbli fir-rigward tal-VAT li tirriżulta mill-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija ddeċidiet, min-naħa l-oħra, li, fin-nuqqas ta’ Investrand BV li tistabbilixxi li hija ma kinitx tinkorri dawk l-ispejjeż li kieku hija ma kinitx teżerċita attività ekonomika taxxabbli, dawn tal-aħħar ma jistgħux jitqiesu li ġew sostnuti minħabba bżonnijiet tal-attivitajiet taxxabbli fl-intier tagħhom.

27      Huwa biss minħabba l-fatt li hija ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami li hija wetqet, il-kontenut oġġettiv tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħat tiddeċiedi, fil-punt 34 tas-sentenza Investrand, iċċitata iktar ’il fuq, li s-sitwazzjoni ta’ Investrand BV hija paragunabbli ma’ dik ta’ azzjonist privat u li setgħat tikkonkludi li dawn it-tranżazzjonijiet ma setgħux jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fis-sentenza tagħha Investrand, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskluditx li, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, it-tranżazzjonijiet inkwistjoni setgħu, f’ċirkustanzi oħra, ikunu marbuta ma’ attività ekonomika taxxabbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet biss, kif jirriżulta essenzjalment mill-punt 33 tal-imsemmija sentenza, li, anki jekk Investrand BV ma eżerċitatx attività taxxabbli, din il-kumpannija xorta waħda kienet tinkorri l-ispejjeż inkwistjoni, b’tali mod li dawn tal-aħħar ma jistgħux jitqiesu li ġew sostnuti minħabba l-attivitajiet taxxabbli ta’ din il-kumpannija.

29      F’dawn il-kundizzjonijiet, hekk kif sostna l-Gvern Ġermaniż, il-fatt li l-istabbiliment tar-rabta diretta u immedjata li teżisti bejn provvista ta’ servizzi u l-attività ekonomika taxxabbli fl-intier tagħha għandu jsir abbażi tal-kontenut oġġettiv ta’ din il-provvista ta’ servizzi ma jeskludix li tista’ tiġi kkunsidrata wkoll ir-raġuni esklużiva tat-tranżazzjoni inkwistjoni, peress li din tal-aħħar għandha titqies li tikkostitwixxi kriterju li jistabbilixxi l-kontenut oġġettiv. Malli jiġi stabbilit li tranżazzjoni ma tkunx twettqet għall-bżonnijiet tal-attivitajiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, din it-tranżazzjoni ma tistax titqies li għandha rabta diretta u immedjata ma’ dawn l-attivitajiet fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk din it-tranżazzjoni tkun, fir-rigward tal-kontenut oġġettiv tagħha, suġġetta għall-VAT.

30      Fil-kawża ineżami, fl-ewwel lok, skont l-indizji pprovduti mill-qorti tar-rinviju, is-servizzi pprovduti minn avukat, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma intiżi li jipproteġu direttament u immedjatament l-interessi privati taż-żewġ persuni akkużati bi ksur dovut għall-aġir personali tagħhom. Barra minn hekk, kif diġà ġie ppreċiżat fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, il-proċeduri kriminali kienu unikament kontra l-akkużati fil-kapaċità personali tagħhom u mhux kontra A, minkejja l-fatt li kien legalment possibbli li jinfetħu wkoll proċeduri kontra dan tal-aħħar. Din il-qorti kkonkludiet, ġustament, li, fir-rigward tal-kontenut oġġettiv tagħhom, l-ispejjeż relatati ma’ dawn is-servizzi ma jistgħux jitqiesu li ġew sostnuti minħabba l-bżonnijiet tal-attivitajiet taxxabbli fl-intier tagħhom ta’ A.

31      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tinnota li, sa fejn is-servizzi ma kinux jiġu pprovduti miż-żewġ avukati kkonċernati li kieku A ma kinitx teżerċita attività li tiġġenera dħul mill-bejgħ u, għaldaqstant, taxxabbli, teżisti rabta kawżali bejn l-ispejjeż relatati ma’ dawn is-servizzi u l-attività ekonomika fl-intier tagħha ta’ A. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din ir-rabta kawżali ma tistax titqies li tikkostitwixxi rabta diretta u immedjata fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hekk kif tosserva l-qorti tar-rinviju stess, ma teżisti l-ebda rabta legali bejn il-proċeduri kriminali u A, b’tali mod li dawn is-servizzi għandhom jitqiesu li ġew ipprovduti totalment barra mill-kuntest tal-attivitajiet taxxabbli ta’ A.

32      F’dan ir-rigward, għandu jintqal ukoll li l-fatt li d-dritt ċivili nazzjonali jobbliga lil impriża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tbati l-ispejjeż marbuta mad-difiża, f’proċeduri kriminali, tal-interessi tar-rappreżentanti tagħha ma għandux rilevanza għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar is-sistema komuni tal-VAT. Fil-fatt, fir-rigward tal-iskema oġġettiva tal-VAT li ġiet implementata minn din is-sistema, hija biss ir-relazzjoni oġġettiva bejn is-servizzi pprovduti u l-attività ekonomika taxxabbli tal-persuna taxxabbli li hija deċiżiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, RBS Deutschland Holdings, C-277/09, Ġabra p. I-13805, punt 54), bir-riskju li tipperikola b’mod serju l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam.

33      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni partikolari u l-attività fl-intier tagħha tal-persuna taxxabbli sabiex jiġi ddeterminat jekk l-oġġetti u s-servizzi ntużawx minnha “għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu [tagħha]”, skont l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva, tiddependi fuq il-kontenut oġġettiv tal-oġġett jew tas-servizz akkwistat minn din il-persuna taxxabbli. F’dan il-każ, is-servizzi pprovduti minn avukat, li l-għan tagħhom huwa li jiġu evitati sanzjonijiet kriminali kontra persuni fiżiċi, amministraturi ta’ impriża taxxabbli, ma jagħtux lil din l-impriża d-dritt li tnaqqas bħala taxxa tal-input il-VAT dovuta fuq is-servizzi pprovduti.

 Fuq it-tieni domanda

34      Fid-dawl tar-risposta tal-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni partikolari u l-attività fl-intier tagħha tal-persuna taxxabbli sabiex jiġi ddeterminat jekk l-oġġetti u s-servizzi ntużawx minnha “għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu [tagħha]”, skont l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/115/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2001, tiddependi fuq il-kontenut oġġettiv tal-oġġett jew tas-servizz akkwistat minn din il-persuna taxxabbli.

F’dan il-każ, is-servizzi pprovduti minn avukat, li l-għan tagħhom huwa li jiġu evitati sanzjonijiet kriminali kontra persuni fiżiċi, amministraturi ta’ impriża taxxabbli, ma jagħtux lil din l-impriża d-dritt li tnaqqas bħala taxxa tal-input il-VAT dovuta fuq is-servizzi pprovduti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.