C-219/12 - Fuchs / Finanzamt Freistadt Rohrbach Urfahr

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 4(1) u (2) — Kunċett ta’ ‘attivitajiet ekonomiċi’ — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Sfruttament ta’ installazzjoni fotovoltajka li tinsab fuq il-bejt ta’ dar użata bħala abitazzjoni — Provvista lin-netwerk — Remunerazzjoni — Produzzjoni ta’ elettriku inqas mill-elettriku kkonsmat”

Fil-Kawża C-219/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura

Finanzamt Freistadt Rohrbach Urfahr

vs

Unabhängiger Finanzsenat Außenstelle Linz,

fil-preżenza ta’:

Thomas Fuchs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, G. Arestis, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE tal-10 ta’ April 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Finanzamt Freistadt Rohrbach Urfahr (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) u l-Unabhängiger Finanzsenat Außenstelle Linz, dwar it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tal-input imħallsa fuq installazzjoni fotovoltajka li tinsab fuq il-bejt ta’ dar użata bħala abitazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, li jikkostitwixxi t-Titolu II tagħha, intitolat “Applikazzjoni”, jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għall-VAT]:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”

4        L-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva kien jipprovdi:

“1.      [‘]Persuna taxxabbli[’] tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

2.      L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.”

5        Skont l-Artikolu 5(1) u (2) tas-Sitt Direttiva:

“1.      [‘]Provvista ta’ oġġetti[’] tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali.

2.      Enerġija elettrika, [...] u affarijiet simili għandhom jitqiesu bħala proprjetà korporali.”

6        L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f tagħha, kien jipprovdi:

“1.      Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.

2.      Sakemm il-merkanzija u s-servizi jintużaw għall-iskop tat-transazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandu jħallas:

a)      [VAT dovuta jew] imħalsa għal merkanzija jew servizzi pprovduti jew li se jkunu pprovduti lilha minn persuna taxxabbli oħra li għandha tħallas it-taxxa fit-territorju tal-pajjiż;

[…]”.

 Id-dritt Awstrijak

7        L-Artikolu 2(1) u (3) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tal-1994 (Umsatzsteuergesetz 1994, BGBl. 663/1994), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi dan li ġej:

“Huwa imprenditur kull minn b’mod indipendenti jeżerċità attività ekonomika jew professjonali. L-impriża tinkludi l-attività ekonomika jew professjonali kollha tal-imprenditur. Hija kummerċjali jew professjonali kull attività eżerċitata bil-għan li jiġi ġġenerat dħul fuq bażi kontinwa, anki jekk ma jkunx hemm l-intenzjoni li jsir profitt u, fil-każ ta’ assoċjazzjoni ta’ persuni, anki jekk l-attivita tagħha tkun tikkonċerna biss lill-membri tagħha”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Fl-2005, T. Fuchs installa installazzjoni fotovoltajka fuq il-bejt ta’ daru użata bħala abitazzjoni, għall-ammont gross ta’ EUR 38 367.76. Din l-installazzjoni kienet is-suġġett ta’ sussidju ta’ darba ta’ EUR 19 020.

9        Din l-installazzjoni ma għandha ebda kapaċità għall-ħażna ta’ elettriku u l-elettriku kollu prodott jiġi pprovdut lin-netwerk, abbażi ta’ kuntratt ta’ aċċess għal dan in-netwerk li daħal fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2005 u li ġie konkluż għal perijodu indeterminat mal-kumpannija Ökostrom Solarpartner, Ö Vertriebs-GmbH. Din il-provvista titħallas bil-prezz tas-suq, jiġifieri EUR 0.181 kull kWh gross, u hija suġġetta għall-VAT. L-elettriku neċessarju għall-bżonnijiet tad-dar jinxtara lura mingħand din il-kumpannija bl-istess prezz bħal dak tal-provvista.

10      Matul il-perijodu 2005 sa 2008 T. Fuchs ikkonsma 44 600 kWh meħuda min-netwerk pubbliku għall-bżonnijiet ta’ daru. Huwa forna definittivament 11 156 kWh fin-netwerk tal-elettriku u kkonsma direttament 8 645 kWh. Huwa għalhekk ittrasferixxa fin-netwerk il-kwantità totali prodotta permezz tal-installazzjoni fotovoltajka tiegħu, jiġifieri 19 801 kWh.

11      F’dan ir-rigward, wara talba sabiex il-fatti jiġu ċċarati, mressqa skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Verwaltungsgerichtshof ippreċiżat, permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Jannar 2013 li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 tal-istess xahar, billi bbażat ruħha fuq konstatazzjoni tal-fatti magħmula mill-qorti tal-appell, li l-kunċett ta’ elettriku kkonsmat “direttament” kellu jinftiehem fis-sens li dan l-elettriku ttieħed min-netwerk pubbliku, immedjatament jew ftit tal-ħin wara li seħħ it-trasferiment tiegħu fin-netwerk.

12      T. Fuchs talab ir-rimbors tal-ammont ta’ EUR 6 394,63 imħallas bħala VAT tal-input fuq ix-xiri tal-imsemmija installazzjoni fotovoltajka.

13      Il-Finanzamt ikkunsidra li T. Fuchs ma kienx awtorizzat inaqqas il-VAT tal-input imħallsa minħabba li, bl-isfruttament tal-installazzjoni fotovoltajka tiegħu, dan tal-aħħar ma kienx iwettaq attività ekonomika. T. Fuchs ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Unabhängiger Finanzsenat Außenstelle Linz fejn sostna li huwa kien qed iwettaq attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva.

14      L-Unabhängiger Finanzsenat Außenstelle Linz laqgħet dan ir-rikors u l-Finanzamt ikkontesta d-deċiżjoni ta’ din il-qorti quddiem il-Verwaltungsgerichtshof.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, is-segwenti domanda preliminari:

“L-operat ta’ installazzjoni fotovoltajka mqabbda man-netwerk, li ma għandhiex impjant indipendenti għall-ħażna tal-elettriku u li tinsab fuq jew qrib residenza privata użata bħala abitazzjoni, u li, minn perspettiva teknika, hija mfassla b’tali mod li l-elettriku prodott mill-installazzjoni huwa konstantament inferjuri għall-ammont totali ta’ elettriku kkonsmat privatament mill-operatur tal-installazzjoni f’daru, hija ‘attività ekonomika’ ta’ dan l-operatur, fis-sens tal-Artikolu 4 tas-[Sitt Direttiva]?”

 Fuq id-domanda preliminari

16      Skont l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva, persuna taxxabbli tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fl-Artikolu 4(2), ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ din l-attività. Dan il-kunċett ta’ “attivitajiet ekonomiċi” huwa ddefinit fl-istess Artikolu 4(2) bħala li jinkludi l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jipprovdu servizzi, u b’mod partikolari t-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli sabiex minnha jiġi ġġenerat dħul fuq bażi kontinwa (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2007, T-Mobile Austria et, C-284/04, Ġabra p. I-5189, punt 33, kif ukoll Hutchison 3G et, C-369/04, Ġabra p. I-5247, punt 27).

17      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-analiżi tad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ persuna taxxabbli u ta’ attivitajiet ekonomiċi turi b’mod ċar kemm il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni kopert mill-kunċett ta’ attivitajiet ekonomiċi kif ukoll in-natura oġġettiva ta’ dan il-kunċett, fis-sens li l-attività hija kkunsidrata fiha nnifisha, indipendentement mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, T-Mobile Austria et, punt 35, kif ukoll Hutchison 3G et, punt 29).

18      F’dan il-każ, l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija l-isfruttament ta’ installazzjoni fotovoltajka. Tali attività għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “attivitajiet ekonomiċi”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva, jekk din tiġi eżerċitata bl-għan li jiġi ġġenerat dħul fuq bażi kontinwa.

19      Il-kwistjoni ta’ jekk l-attività inkwistjoni hijiex intiża li tiġġenera dħul fuq bażi kontinwa, hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni kollha tal-każ, fosthom, b’mod partikolari, in-natura tal-oġġett ikkonċernati (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Rēdlihs, C-263/11, punt 33).

20      Dan il-kriterju għandu jippermetti wkoll li jiġi ddeterminat jekk individwu użax proprjetà b’mod tali li l-attività tiegħu għandha tiġi kklassifikata bħala “attività ekonomika” fis-sens tas-Sitt Direttiva. Il-fatt li oġġett jista’ jiġi sfruttat biss ekonomikament huwa biżżejjed, bħala regola ġenerali, sabiex jiġi rrikonoxxut li l-proprjetarju tiegħu jisfruttah għall-bżonnijiet ta’ attivitajiet ekonomiċi u, b’konsegwenza, sabiex jiġġenera dħul fuq bażi kontinwa. Minn naħa l-oħra, jekk oġġett, minħabba n-natura tiegħu, jista’ jintuża kemm għal skopijiet ekonomiċi kif ukoll privati, il-kundizzjonijiet kollha tal-isfruttament tiegħu għandhom jiġu analizzati sabiex jiġi stabbilit jekk huwiex qed jintuża biex jiġġenera dħul, li effettivament ikun fuq bażi kontinwa (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996 Enkler, C-230/94, Ġabra p. I-4517, punt 27, u Rēdlihs, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

21      F’dan l-aħħar każ, il-paragun bejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet li fihom il-persuna kkonċernata tisfrutta effettivament l-oġġett u, min-naħa l-oħra, dawk li fihom normalment titwettaq l-attività ekonomika korrispondenti jista’ jikkostitwixxi wieħed mill-metodi li jippermetti li jiġi vverifikat jekk l-attività kkonċernata titwettaqx sabiex jiġi ġġenerat dħul fuq bażi kontinwa (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Enkler, punt 28, u Rēdlihs, punt 35).

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-oġġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri installazzjoni fotovoltajka konnessa man-netwerk u li tinsab fuq jew qrib dar użata bħala abitazzjoni, jista’, min-natura tiegħu stess, jintuża kemm għal-skopijiet ekonomiċi kif ukoll għal skopijiet privati.

23      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kwistjoni ta’ jekk il-provvista ta’ elettriku inkwistjoni saritx sabiex jiġi ġġenerat dħul, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ dħul għandu jinftiehem fis-sens ta’ remunerazzjoni riċevuta inkambju għall-attività mwettqa.

24      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-elettriku prodott mill-installazzjoni fotovoltajka inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie pprovdut lin-netwerk u li, min-naħa l-oħra, skont il-kuntratt ta’ aċċess għal dan in-netwerk, l-imsemmija provvista saret inkambju għal remunerazzjoni.

25      Issa, kemm mill-kliem tal-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġi kkunsidrat li l-isfruttament ta’ oġġett tanġibbli jew intanġibbli jitwettaq bil-għan li jiġi ġġenerat dħul, ma huwiex rilevanti jekk dan l-isfruttament huwiex jew le intiż sabiex jiġġenera profitt.

26      Peress li l-installazzjoni li tinsab fuq il-bejt tad-dar użata bħala abitazzjoni tal-operatur tagħha tipproduċi l-elettriku li jiġi ttrasferit fin-netwerk inkambju għal remunerazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-isfruttament ta’ din l-installazzjoni jitwettaq sabiex jiġi ġġenerat dħul.

27      It-tieni nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt ta’ aċċess għan-netwerk, li daħal fis-seħħ fl-2005, ġie konkluż “għal perijodu indeterminat”. Peress li l-isfruttament ta’ din l-installazzjoni fotovoltajka jseħħ matul dan il-perijodu, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-provvista ta’ elettriku lin-netwerk permezz tal-installazzjoni fotovoltajka inkwistjoni ssir fuq bażi kontinwa u mhux biss fuq bażi okkażjonali. Għalhekk, remunerazzjoni bħal dik irċevuta mill-operatur tal-imsemmija installazzjoni ssir fuq bażi kontinwa, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva.

28      Sa fejn l-installazzjoni fotovoltajka inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipproduċi elettriku li jiġi pprovdut lin-netwerk inkambju għal dħul li jsir fuq bażi kontinwa, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżiti sabiex din l-attività titqies bħala koperta mill-kunċett ta’ “attivitajiet ekonomiċi”, fis-sens tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva, huma sodisfatti.

29      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt, espost mill-qorti tar-rinviju, li l-kwantità ta’ elettriku prodotta mill-imsemmija installazzjoni hija dejjem inqas mill-kwantità ta’ elettriku kkonsmata mill-operatur għall-bżonnijiet ta’ daru.

30      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minħabba l-karatteristiċi tekniċi tal-installazzjoni inkwistjoni, minn naħa, l-elettriku prodott jiġi pprovdut lin-netwerk u, min-naħa l-oħra, l-elettriku kkonsmat jinxtara mingħand l-operatur ta’ dan in-netwerk. Kif osservat il-qorti tar-rinviju, peress li l-kwistjoni tirrigwarda installazzjoni ta’ produzzjoni tal-elettriku konnessa man-netwerk, jista’ jkun impossibbli li l-oġġett funġibbli inkwistjoni, jiġifieri l-elettriku, jiġi kklassifikat u identifikat wara li dan jiġi ttrasferit fin-netwerk u wara li dan jiġi fornut lura min-netwerk.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-attività li tikkonsisti fil-provvista ta’ elettriku inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija indipendenti mill-operazzjoni li permezz tagħha l-operatur tal-installazzjoni fotovoltajka jieħu l-elettriku min-netwerk għall-bżonnijiet ta’ daru u li, għalhekk, ir-relazzjoni bejn il-kwantità ta’ elettriku prodotta, minn naħa, u l-kwantità ta’ elettriku kkonsmata, min-naħa l-oħra, hija irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ din l-attività ta’ provvista bħala attività ekonomika.

32      Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Gvern Awstrijak li jgħid li l-fatt li l-elettriku prodott mill-installazzjoni fotovoltajka ma huwiex iktar minn dak meħtieġ għall-bżonnijiet tad-dar juri li d-dħul magħmul mill-provvista ta’ elettriku lin-netwerk huwa r-riżultat tal-fatt li l-operatur qed jipprova jnaqqas il-kont tal-elettriku tiegħu u li, għalhekk, dan ma jeżerċitax l-attività ta’ sfruttament ta’ din l-installazzjoni sabiex jiġġenera dħul.

33      Barra minn hekk, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-operatur tal-installazzjoni jeżerċita attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva u peress li huwa stabbilit li din l-attività hija eżerċitata b’mod indipendenti, dan tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat li huwa persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 4(1).

34      Barra minn hekk, mill-proċess li l-qorti tar-rinviju bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmi operatur iżomm il-VAT, fuq il-parti kontraenti l-oħra, għall-provvista tal-elettriku kollu prodott mill-installazzjoni fotovoltajka tiegħu u li l-VAT hekk miżmuma tingħadda lill-amministrazzjoni tat-taxxa. Għalhekk, minn naħa, l-installazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tintuża esklużivament għal finijiet ta’ tranżazzjonijiet intaxxati output.

35      Min-naħa l-oħra, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha, il-pożizzjonijiet tal-awtorità tat-taxxa Awstrijaka kif esposta fid-digriet tar-rinviju u dik tal-Gvern Awstrijak kif esposta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, li l-operatur ta’ tali installazzjoni jaġixxi f’kapaċità privata, ma humiex kompatibbli mal-impożizzjoni tal-VAT fuq il-provvista tal-elettriku mwettqa minn dan tal-aħħar.

36      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li skont l-istruttura tas-sistema stabbilita mis-Sitt Direttiva, it-taxxa tal-input fuq l-oġġetti jew is-servizzi użati minn persuna taxxabbli għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha tista’ titnaqqas. It-tnaqqis tat-taxxa tal-input huwa marbut mal-ġbir tat-taxxa tal-output. Sa fejn l-oġġetti jew is-servizzi jintużaw għal finijiet ta’ tranżazzjonijiet intaxxati output, it-taxxa tal-output imħallsa fuq dan l-oġġett jew fuq dan is-servizz għandha titnaqqas sabiex jiġi evitat intaxxar doppju (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin kaupunki, C-184/04, Ġabra p. I-3039, punt 24, u tal-14 ta’ Settembru 2006, Wollny, C-72/05, Ġabra p. I-8297, punt 20).

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-isfruttament ta’ installazzjoni fotovoltajka li tinsab fuq jew qrib dar użata bħala abitazzjoni u li hija stabbilita b’tali mod li l-kwantità ta’ elettriku prodotta, minn naħa, hija dejjem inqas mill-kwantità totali ta’ elettriku kkonsmata b’mod privat mill-operatur tagħha u, min-naħa l-oħra, tiġi pprovduta lin-netwerk inkambju għal dħul li jsir fuq bażi kontinwa, huwa kopert mill-kunċett ta’ “attivitajiet ekonomiċi”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-isfruttament ta’ installazzjoni fotovoltajka li tinsab fuq jew qrib dar użata bħala abitazzjoni u li hija stabbilita b’tali mod li l-kwantità ta’ elettriku prodotta, minn naħa, hija dejjem inqas mill-kwantità totali ta’ elettriku kkonsmata b’mod privat mill-operatur tagħha u, min-naħa l-oħra, tiġi pprovduta lin-netwerk inkambju għal dħul li jsir fuq bażi kontinwa, huwa kopert mill-kunċett ta’ “attivitajiet ekonomiċi”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.