C-256/14 - Lisboagás GDL

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

11 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 9, 73, 78, l-ewwel paragrafu, punt a), 79, l-ewwel paragrafu, punt c) – Valur taxxabbli – Inklużjoni tal-ammont tat-taxxi muniċipali ta’ okkupazzjoni ta’ taħt l-art imħallsa mill-kumpannija konċessjonarja tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass fil-valur taxxabbli tal-VAT applikabbli għas-servizz ipprovdut minn din il-kumpannija lill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass”

Fil-Kawża C‑256/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa ‑ CAAD) (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

Lisboagás GDL ‑ Sociedade Distribuidora de Gás Natural de Lisboa SA

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn A. Ó Caoimh, President tal-Awla, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Lisboagás GDL ‑ Sociedade Distribuidora de Gás Natural de Lisboa SA, minn N. Pena u L. Scolari, avukati,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Germani u K. Karavasili, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u R. Campos Laires, kif ukoll minn A. Cunha, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Guerra e Andrade u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Lisboagas GDL ‑ Sociedad Distribuidora de Gas natural de Lisboa SA (iktar ’il quddiem “Lisboagas”) u l-Autoridade Tributaria e Aduaneira (awtorità fiskali u tad-dwana) rigward atti ta’ awto-likwidazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għax-xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju tal-2012.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

4        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva:

“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.”

5        L-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

6        Skont il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78, ta’ din id-direttiva, it-taxxi, id-dazji, l-imposti u l-piżijiet, minbarra l-VAT innifisha, għandhom jiġu inklużi fil-valur taxxabbli.

7        Min-naħa l-oħra, il-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li mill-valur taxxabbli għandhom jiġu esklużi l-ammonti riċevuti minn persuna taxxabbli mingħand ix-xerrej jew il-kerrej, bħala ħlas lura għan-nefqa mħallsa f’isem u għan-nom ta’ dawn tal-aħħar u li huma mdaħħla fil-kotba tiegħu f’kont ta’ sospiża.

 Id-dritt Portugiż

8        L-Artikolu 2 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-valur miżjud (Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado, iktar ’il quddiem is-“CIVA”), jipprevedi:

“1 ‑ Dawn li ġejjin huma suġġetti għat-taxxa:

a)      il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, b’mod indipendenti u ordinarju, jeżerċitaw attivitajiet ta’ produzzjoni, kummerċ jew ta’ provvista ta’ servizzi, inklużi l-attivitajiet fil-minjieri, l-attivitajiet agrikoli u dawk fil-professjonijiet, kif ukoll dawk li, bl-istess mod indipendenti, jipprattikaw tranżazzjoni taxxabbli waħda, sakemm din l-operazzjoni tkun inċidentali għall-eżerċizzju tal-imsemmija attivitajiet, indipendentement minn fejn hija sseħħ jew meta, indipendentement minn tali rabta, din l-operazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-impatt reali tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi [...] u t-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi [...].

[...]

2 – Madankollu, l-Istat u l-persuni ġuridiċi l-oħra tad-dritt pubbliku ma humiex suġġetti għat-taxxa meta jwettqu operazzjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika anki meta huma jiġbru f’din l-okkażjoni ħlasijiet jew kwalunkwe korrispettiv ieħor, sa fejn il-fatt li ma humiex suġġetti għat-taxxa ma joħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni.

[...]”

9        L-Artikolu 16 tas-CIVA jipprevedi:

“1 ‑ Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 10, il-valur taxxabbli tal-kunsinni ta’ oġġetti u tal-provvisti ta’ servizzi taxxabbli għandu jikkorrispondi għall-valur tal-korrispettiv miksub jew li għandu jinkiseb mix-xerrej, mid-destinatarju jew minn terz.

[...]

5 ‑ Fil-valur taxxabbli tal-kunsinni ta’ oġġetti u tal-provvisti ta’ servizzi taxxabbli, għandhom jiġu inklużi l-elementi li ġejjin:

a)      it-taxxi, dazji, imposti u ħlasijiet, minbarra t-taxxa fuq il-valur miżjud innifisha;

[...]

6 ‑ Ma għandhomx jiġu inklużi fil-valur taxxabbli msemmi fil-punt preċedenti l-elementi li ġejjin:

[...]

c)      l-ammonti mħallsa f’isem u għan-nom tax-xerrej tal-oġġetti jew tad-destinatarju tas-servizzi, debitament irreġistrati f’kontijiet ta’ terzi mill-persuna taxxabbli;

[...]”

10      Skont l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 53-E/2006, tad-29 ta’ Diċembru 2006, li tapprova l-iskema ġenerali tat-taxxi tal-awtoritajiet lokali (Lei n 53-E/2006, V tad-29 ta’ Diċembru 2006, Aprova o regime geral das taxas das autarquias locais), tad-29 ta’ Diċembru 2006 (Diario da Republica, 1re série, n  248, tad-29 ta’ Diċembru 2006):

“It-taxxi tal-awtoritajiet lokali huma taxxi li huma bbażati fuq il-provvista konkreta ta’ servizz pubbliku lokali, fuq l-użu privat ta’ oġġetti tal-qasam pubbliku u privat tal-awtoritajiet lokali jew fuq it-tneħħija ta’ ostakolu legali għall-imġiba ta’ individwi, meta dan ikun jaqa’ taħt l-awtoritajiet lokali skont il-liġi.”

11      L-Artikolu 6(1)(c) ta’ din il-liġi jippermetti lill-muniċipalitajiet japplikaw din it-taxxa “fil-każ ta’ użu jew sfruttament tal-proprjetà muniċipali tal-qasam pubbliku jew privat”.

 Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Lisboagas hija l-konċessjonarja esklużiva tas-servizz pubbliku tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass f’muniċipalitajiet fir-reġjun ta’ Lisbona (il-Portugall), responsabbli, b’mod partikolari, għall-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni ta’ dan in-netwerk. Peress li dan in-netwerk huwa magħmul b’mod partikolari minn pajpijiet installati taħt l-art fil-qasam pubbliku ta’ ċerti muniċipalitajiet li jinsabu fiż-żona ta’ konċessjoni, Lisboagas hija suġġetta għall-ħlas ta’ taxxi ta’ okkupazzjoni ta’ taħt l-art, (iktar ’il quddiem it-“TOS”) imposti minn dawn il-muniċipalitajiet.

13      Konformement mal-kuntratt ta’ konċessjoni, Lisboagas, wara li tkun ħallset it-TOS lill-muniċipalitajiet, tgħaddi l-ammont ta’ dawn it-taxxi fuq il-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass fiż-żona ta’ konċessjoni meta hija tiffattura lil din tal-aħħar għall-użu tal-infrastrutturi tan-netwerk għall-provvista tal-gass lill-konsumaturi. Sussegwentement, il-kumpannija msemmija l-aħħar tgħaddi l-ammont tat-TOS fuq il-konsumaturi fil-fattura tal-provvista tal-gass.

14      Fuq l-istruzzjonijiet tal-awtorità fiskali, Lisboagas ikkalkolat il-VAT bir-rata normali ta’ 23 % fuq l-ammonti tat-TOS li ġew mgħoddija, sussegwentement, fuq il-konsumaturi matul ix-xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju 2012. Hija iddikjarat din il-VAT fid-denunzji perjodiċi korrispondenti tagħha u ħallsitha fil-ħin.

15      Wara ċ-ċaħda tat-talbiet mhux kuntenzjużi tagħha għall-ħlas lura tal-VAT, fid-29 ta’ April 2013 Lisboagas ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal Arbitral Tributario (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD).

16      Insostenn ta’ dan ir-rikors, Lisboagas issostni, b’mod partikolari, li l-fatt li t-TOS jiġu mgħoddija ma jikkostitwixxix “attività ekonomika” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, minħabba l-assenza ta’ korrispettiv dirett jew indirett, b’tali mod li dan ma huwiex provvista bi ħlas u ma jiġġenerax valur miżjud.

17      Barra minn hekk, skont Lisboagas, il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva tal-VAT, traspost permezz tal-Artikolu 16(5)(a) tas-CIVA ma japplikax għat-TOS, peress li dawn tal-aħħar ma għandhomx rabta diretta ma’ tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa minnha, ma humiex relatati mal-eżerċizzju tal-attività li hija s-suġġett tal-kuntratt ta’ konċessjoni u, b’mod partikolari, il-ġbir tagħhom ma jirrappreżentax il-korrispettiv effettiv għal tranżazzjoni taxxabbli mwettqa minnha fir-rigward tal-entità li tikkummerċjalizza l-gass.

18      Hija żżid li, peress li t-TOS huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT meta jinġabru mill-muniċipalitajiet skont l-Artikolu 2 tas-CIVA, is-sempliċi fatt li jiġu mgħoddija mingħajr ebda marġni ma għandux jagħti lok għall-inklużjoni tagħhom fil-valur taxxabbli tal-VAT. Il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT jeħtieġ, fil-fatt, li t-trattament ta’ spiża partikolari fir-rigward tal-VAT jinżamm meta l-ammont eżatt ta’ din l-ispiża jiġi ffatturat mill-ġdid lil terz.

19      L-Autoridade Tributaria e Aduaneira ssostni li l-fatt li Lisboagas titħallas lura l-ammont ta’ VAT li tkun ikkalkolat u rċeviet mill-klijent tagħha jwassal għal arrikiment indebitu li ma huwiex permess taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali u taħt id-dritt tal-Unjoni.

20      Barra minn hekk, hija tosserva li l-użu jew l-utilizzazzjoni ta’ oġġett tal-qasam pubbliku jinvolvi att ta’ konsum li, għall-finijiet tal-VAT, jammonta għal provvista ta’ servizzi u ma jistax jiġi allegat li l-ħlas tat-TOS ma għandu l-ebda rabta diretta mat-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa minn Lisboagas, ladarba d-distribuzzjoni tal-gass ssir minn taħt l-art ta’ kostitwenza jew muniċipalità partikolari.

21      Hija tqis li, jekk il-ġbir tat-TOS ma huwiex suġġett għall-VAT, sa fejn il-konċessjoni ta’ oġġetti tal-qasam pubbliku hija mogħtija mill-muniċipalitajiet fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tagħhom, it-taxxa tiġi mgħoddija minn persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat u dan il-fatt jagħmel parti, min-naħa tiegħu, minn provvista ta’ servizzi li tintemm bil-provvista tal-gass lill-konsumaturi.

22      Il-qorti tar-rinviju tosserva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali titlob it-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li d-deċiżjoni li hija ser tieħu sabiex issolvi t-tilwima fil-kawża prinċipali mhux ser tkun suġġetta għal rikors.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni [...] jipprekludi li jiġi kkalkolat il-VAT meta jinġabru, mingħajr ebda marġni, minn impriża privata fornitriċi ta’ infrastruttura ta’ distribuzzjoni ta’ gass naturali lil impriża li tixtri s-servizzi tagħha, l-ammonti ta’ taxxi ta’ okkupazzjoni ta’ taħt l-art, imħallsa lill-muniċipalitajiet li fihom jeżistu pajpijiet li jintegraw dawn l-infrastrutturi?

2)      Peress li t-taxxi ta’ okkupazzjoni ta’ taħt l-art huma kkalkolati mill-awtoritajiet lokali, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-VAT, id-dritt tal-Unjoni [...] jipprekludi li jiġi kkalkolat il-VAT meta jinġabru l-ammonti ta’ dawn it-taxxi mħallsa minn impriża privata fornitriċi ta’ infrastruttura ta’ distribuzzjoni ta’ gas naturali lil impriża li tixtri s-servizzi tagħha?”

 Fuq id-domandi preliminari

24      Peress li l-Kummissjoni tinnota, fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li l-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija qed titlob l-interpretazzjoni tagħhom u lanqas ir-raġunijiet li wassluha sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi, fil-fatt, li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha jkun fiha dikjarazzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

25      Madankollu, peress li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mal-fatti attwali jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 25, kif ukoll Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 32).

26      F’dan il-każ, minkejja l-assenza ta’ dettalji fid-deċiżjoni tar-rinviju rigward id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom intalbet l-interpretazzjoni u r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt, jirriżulta mill-espożizzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ppreżentata f’din id-deċiżjoni, kif ukoll mid-domandi magħmula, li dawn tal-aħħar jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-Direttiva tal-VAT u li d-dispożizzjonijiet rilevanti biex tingħata risposta għalihom, partikolarment fir-rigward tal-argumenti mressqa minn Lisboagas, huma l-Artikoli 9(1), 73, il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78, u l-punt c) tal-ewwel paragrafu, tal-Artikolu 79 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li risposta għal dawn id-domandi għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-imsemmija tilwima.

27      Minn dan jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

28      Dwar il-mertu, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 9(1), 73, il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78, u l-punt c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ammont ta’ taxxi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jitħallas lill-muniċipalitajiet mill-kumpannija konċessjonarja tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass minħabba l-użu ta’ qasam pubbliku tal-imsemmija muniċipalitajiet u li jiġi mgħoddi minn din il-kumpannija fuq kumpannija oħra li hija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass, imbagħad mgħoddi minn din tal-aħħar fuq il-konsumaturi finali, għandu jiġi inkluż fil-valur taxxabbli tal-VAT applikabbli għas-servizz ipprovdut minn l-ewwel waħda fost dawn il-kumpanniji lit-tieni waħda.

29      Skont il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva tal-VAT, it-taxxi għandhom, bl-eċċezzjoni tal-VAT innifisha, jiġu inklużi fil-valur taxxabbli tal-VAT. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li, sabiex taxxa tkun tista’ taqa’ taħt il-valur taxxabbli tal-VAT, minkejja li ma tirrappreżentax valur miżjud u ma tikkostitwixxix il-korrispettiv ekonomiku tal-provvista ta’ oġġetti jew tal-provvista ta’ servizzi, hija għandu jkollha rabta diretta ma’ din il-kunsinna jew ma’ din il-provvista, u li l-kwistjoni dwar jekk il-fatt li jiġġenera l-imsemmija taxxa jikkoinċidix ma’ dak tal-VAT huwa element deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi De Danske Bilimportorer, C‑98/05, EU:C:2006:363, punt 17; Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑228/09, EU:C:2010:295, punt 30; Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑433/09, EU:C:2010:817, punt 34, kif ukoll TVI, C‑618/11, C‑637/11 u C‑659/11, EU:C:2013:789, punti 37 u 39)

30      Fil-każ preżenti, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-TOS jitħallsu minn Lisboagas lill-muniċipalitajiet, qabel it-tranżazzjoni suġġetta għall-VAT li sseħħ bejn Lisboagas u l-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass lill-konsumaturi u indipendentement minn din it-tranżazzjoni, bħala korrispettiv għall-użu tal-qasam pubbliku muniċipjali minħabba l-preżenza fih tal-infrastrutturi tan-netwerk tal-gass operat minn Lisboagas. Din tgħaddi, sussegwentement, l-ammont ta’ dawn it-TOS fuq il-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass meta tiffattura lil din tal-aħħar għall-użu tal-imsemmija infrastrutturi għall-provvista tal-gass lill-konsumaturi.

31      Minn dan isegwi li t-TOS ma jirrappreżentawx valur miżjud u ma jikkostitwixxux il-korrispettiv ekonomiku għall-operazzjoni suġġetta għall-VAT li sseħħ bejn il-kumpannija konċessjonarja tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass u l-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass u li l-fatt li jiġġenera dawn it-TOS ma jikkoinċidix ma’ dak tal-VAT, b’tali mod li dawn ma għandhom l-ebda rabta diretta ma’ din l-operazzjoni.

32      Għaldaqstant, it-TOS ma jagħmlux parti mit-taxxi li għandhom jiġu inklużi, skont il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva tal-VAT, fil-valur taxxabbli tal-VAT.

33      Mill-bqija, meta tgħaddi l-ammont tat-TOS fuq il-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass fil-fatturazzjoni lil din tal-aħħar għall-użu tal-imsemmija infrastrutturi għall-provvista tal-gass lill-konsumaturi, Lisboagas ma tgħaddix it-TOS inkwantu tali, iżda l-prezz tal-użu tal-qasam pubbliku muniċipali. Dan il-prezz jagħmel parti mill-ispejjeż totali sostnuti minn Lisboagas u inkluż fil-prezz tal-provvista tagħha li għandhom jitħallsu lill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass. Il-fatt li, konformement mal-kuntratt ta’ konċessjoni, l-ammont tat-TOS huwa s-suġġett ta’ entrata separata fil-fattura maħruġa minn Lisboagas imbagħad fil-fatturi mibgħuta mill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass lill-konsumaturi huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

34      Konsegwentement, l-ammont tat-TOS jikkostitwixxi element tal-korrispettiv miksub minn Lisboagas mingħand il-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass għall-provvista tagħha, li ma huwiex kkontestat li din hija “attività ekonomika” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT. Skont l-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva, dan l-ammont għandu, għalhekk, jiġi inkluż fil-valur taxxabbli tal-VAT għal dan il-provvista.

35      Barra minn hekk, l-ammont tat-TOS ma jistax jiġi eskluż mill-valur taxxabbli tal-VAT ta’ din il-provvista msemmija l-aħħar abbażi tal-punt c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva tal-VAT, peress li l-ammont jinġabar mhux bħala rimbors għal spejjeż sostnuti f’isem u akkont tal-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass lill-konsumaturi, iżda biex jagħmel tajjeb għall-ispiża tal-użu tal-qasam muniċipali sostnuta minn Lisboagas għall-bżonnijiet tal-attività tagħha.

36      Kuntrarjament għal dak li ssostni din tal-aħħar, l-inklużjoni tal-ammont tat-TOS fil-valur taxxabbli tal-VAT applikabbli għas-servizz li hija tipprovdi lill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprekludi li kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi simili, li jkunu f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu trattati b’mod differenti fir-rigward tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BGŻ Leasing, C‑224/11, EU:C:2013:15, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-VAT, il-muniċipalitajiet ma humiex ikkunsidrati li huma suġġetti għall-VAT meta huma jiġbru taxxi bħat-TOS, filwaqt li, taħt l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, kumpanniji bħal Lisboagas huma kkunsidrati li huma suġġetti għall-VAT meta dawn iwettqu “attivitajiet ekonomiċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet fil-punti 31, 33, u 34 ta’ din is-sentenza, il-ġbir tat-TOS mill-muniċipalitajiet u t-trasferiment, minn Lisboagas lill-kumpannija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass, tad-dritt li tuża n-netwerk tal-gass li hija topera bil-ħlas ta’ korrispettiv li jintegra fih l-ammont tat-TOS ma jikkostitwixxux “tranżazzjonijiet simili”.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għaż-żewġ domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 9(1), 73, il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78, u l-punt c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ammont ta’ taxxi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jitħallas lill-muniċipalitajiet mill-kumpannija konċessjonarja ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass minħabba l-użu tal-qasam pubbliku tal-imsemmija muniċipalitajiet u li mbagħad jiġi mgħoddi minn din il-kumpannija fuq kumpannija oħra, responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass, imbagħad minn din tal-aħħar fuq il-konsumaturi finali, għandu jiġi inkluż fil-valur taxxabbli tal-VAT applikabbli għas-servizz ipprovdut mill-ewwel waħda fost dawn il-kumpanniji lit-tieni kumpannija skont l-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 9(1), 73, il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78, u l-punt c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ammont ta’ taxxi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jitħallas lill-muniċipalitajiet mill-kumpannija konċessjonarja ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass minħabba l-użu tal-qasam pubbliku tal-imsemmija muniċipalitajiet u li mbagħad jiġi mgħoddi minn din il-kumpannija fuq kumpannija oħra, responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass, imbagħad minn din tal-aħħar fuq il-konsumaturi finali, għandu jiġi inkluż fil-valur taxxabbli tat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għas-servizz ipprovdut mill-ewwel waħda fost dawn il-kumpanniji lit-tieni kumpannija skont l-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.