C-400/15 - Landkreis Potsdam-Mittelmark

Printed via the EU tax law app / web

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

15 ta’ Settembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Dritt għal tnaqqis – Deċiżjoni 2004/817/KE – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru – Spejjeż relatati ma’ oġġetti u servizzi – Perċentwali tal-użu tagħhom għal skopijiet mhux ekonomiċi ta’ iktar minn 90 % tal-użu totali tagħhom – Esklużjoni mid-dritt għal tnaqqis”

Fil-Kawża C‑400/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Landkreis Potsdam-Mittelmark

vs

Finanzamt Brandenburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Šváby, President tal-Awla, J. Malenovský u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal-Landkreis Potsdam-Mittelmark, minn J. Wulf-von Moers, konsulent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/817/KE, tad-19 ta’ Novembru 2004, li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika miżura derogatorja mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq il-valur tal-bejgħ [id-dħul mill-bejgħ] (ĠU 2008, L 333M, p. 213, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Landkreis Potsdam-Mittelmark (distrett ta’ Potsdam-Mittelmark, il-Ġermanja) u l-Finanzamt Brandenburg (dipartiment tat-taxxi ta’ Brandenburg, il-Ġermanja) fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovut minn dan id-distrett għas-sena fiskali 2008.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Is-Sitt Direttiva

3        Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) tħassret u ġiet issostitwita, mill-1 ta’ Jannar 2007, bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE, tat-22 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2010, L 10, p. 14). Peress li s-sena fiskali kontenzjuża hija dik tas-sena 2008, ir-referenzi magħmula għas-Sitt Direttiva għandhom jinqraw bħala referenzi għad-Direttiva 2006/112 u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness XII tagħha.

4        L-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, kien jipprevedi li:

“1. ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.”

5        L-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva kien jiddisponi:

“Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas:

a)      l-użu ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozzju tiegħu fejn [il-VAT] fuq dawn l-oġġetti hija deduċibbli kollha jew parti minnha;”

6        Skont l-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-direttiva:

“Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

a)      [il-VAT] dovuta jew mħallsa fir-rigard ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra”.

7        L-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva kien jipprevedi:

“Il-Kunsill, jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunwe’ Stat Membru biex jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, biex tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tat-taxxa jew biex iżommu ċertu tipi ta’ evażjoni tat-taxxa jew evitar. Miżuri intiżi biex jissimplifikaw il-proċedura għall-ġbir tat-taxxa, ħlief għal ħaġa negliġibbli, tista’ ma taffettwax l-ammont ta’ taxxa dovuta fl-istadju finali tat-taxxa.”

 Id-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni

8        Il-premessa 3 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tistabbilixxi li:

“Il-miżura derogatorja hija intiża biex teskludi kompletament in-nefqa għal oġġetti u servizzi mid-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT meta aktar minn 90% ta’ l-oġġetti u servizzi huma użati għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli, jew ta’ l-impjegati tagħha, jew għal skopijiet li mhumiex ta’ negozju in ġenerali. Din il-miżura hija deroga mill-Artikolu 17 tas-[Sitt Direttiva], kif emendata bl-Artikolu 28f ta’ dik id-Direttiva, u hija ġġustifikata bil-ħtieġa li tiġi simplifata l-proċedura li biha tintalab il-VAT; hija taffettwa l-ammont ta’ taxxa dovut fl-istadju finali tal-konsum biss negliġibbilment.”

9        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“B’deroga mill-Artikolu 17(2) tas-[Sitt Direttiva], il-Ġermanja hija awtorizzata li teskludi n-nefqa fuq oġġetti u servizzi mid-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT meta aktar minn 90% ta’ l-oġġetti u servizzi in kwistjoni huma użati għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli, jew ta’ l-impjegati tagħha, jew, b’mod aktar ġenerali, għal skopijiet li mhumiex ta’ negozju.”

10      Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2009.”

11      L-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni jiddisponi:

“Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.”

 Id-dritt Ġermaniż

12      L-Artikolu 15 tal-Umsatzsteuergesetz (liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, iktar ’il quddiem l-“UStG”) jipprevedi li:

“1)      L-imprenditur jista’ jnaqqas, bħala VAT tal-input,

a)      il-VAT legalment dovuta għal provvisti u servizzi oħra li kienu mwettqa minn imprenditur ieħor għall-bżonnijiet tal-impriża tiegħu. […]

[…]

Il-kunsinna, l-importazzjoni jew l-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġett li imprenditur juża fin-negozju tiegħu f’perċentwali ta’ inqas minn 10 % ma għandhomx jitqiesu li saru għan-negozju tiegħu.

[…]

2)      Hija eskluża t-tnaqqis tal-VAT tal-input għall-kunsinna, għall-importazzjoni jew għall-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġett […] li l-imprenditur juża għat-tranżazzjonijiet li ġejjin:

a)      it-tranżazzjonijiet eżentati;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Id-distrett ta’ Potsdam-Mittelmark hija kollettività territorjali li, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, twettaq funzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kapaċitajiet tal-muniċipalitajiet u tal-amministrazzjonijiet li jaqgħu taħt dan id-distrett. Bħala awtorità pubblika, hija responsabbli, b’mod partikolari fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, għall-bini u għall-manutenzjoni tat-toroq, kif ukoll għaż-żamma tas-sigurtà fit-toroq fit-territorju tagħha. Hija wettqet dawn il-funzjonijiet permezz ta’ impriża awtonoma (Eigenbetrieb) li ma għandhiex personalità ġuridika.

14      Matul is-sena fiskali 2008, id-distrett ta’ Potsdam-Mittelmark akkwista bosta oġġetti, jiġifieri makkinarju għal xogħlijiet, vetturi kummerċjali u aċċessjorji, li huwa uża essenzjalment għas-servizzi mwettqa fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika. Madankollu, huwa uża dawn l-oġġetti wkoll, sal-ammont ta’ 2.65 %, għal servizzi ta’ żabra u qtugħ ta’ siġar, għal xogħlijiet ta’ ħsad u tindif, kif ukoll għal servizzi tax-xitwa, fost oħrajn, ipprovduti lil partijiet terzi. Għal dawn is-servizzi, huwa kien suġġett għall-VAT.

15      Id-dipartiment tat-taxxi ta’ Brandenburg ma awtorizzax it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa u imposta fuq l-oġġetti msemmija fil-punt preċedenti, peress li dawn l-oġġetti ma ġewx użati għall-impriża tad-distrett ta’ Potsdam-Mittelmark f’perċentwali ta’ mill-inqas 10 %, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-UStG. Fuq ilment tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, id-dipartiment tat-taxxi ta’ Brandenburg approva parti mit-tnaqqis mitlub, għal raġuni oħra. Il-kumplament tar-rikors ġie miċħud. L-appell minn din id-deċiżjoni, ippreżentat mid-distrett ta’ Potsdam-Mittelmark quddiem il-Finanzgericht Berlin-Brandenburg (qorti tal-finanzi ta’ Berlin‑Brandenburg, il-Ġermanja), ġie miċħud minn dan tal-aħħar.

16      Permezz tar-rikors għal Reviżjoni tiegħu quddiem il-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi), ir-rikorrent sostna li r-rifjut tat-tnaqqis tal-VAT jikser id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont id-distrett ta’ Potsdam-Mittelmark, għalkemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet awtorizzata, permezz tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, tapplika miżura derogatorja għall-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, din l-awtorizzazzjoni ma tkoprix esklużjoni tat-tnaqqis tal-VAT tal-input għall-każijiet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn oġġetti jkunu ntużaw f’perċentwali ta’ iktar minn 90 % għal attivitajiet mhux ekonomiċi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, iżda li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “li mhumiex ta’ negozju”. Konsegwentement, id-distrett ta’ Potsdam-Mittelmark iqis li għandu dritt għal tnaqqis proporzjonali ta’ 2.65 % tal-VAT tal-input imħallsa.

17      Barra minn hekk, huwa sostna li r-rifjut tat-tnaqqis tal-VAT tal-input jikser il-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tal-kompetizzjoni, peress li dan ir-rifjut iwassal sabiex l-ammonti tal-VAT tal-input li ma jistgħux jitnaqqsu jiġu integrati bħala spejjeż diretti fil-kalkolu tal-prezzijiet, filwaqt li t-tranżazzjonijiet tal-output imwettqa minnu f’kompetizzjoni ma’ impriżi privati jkunu kompletament taxxabbli. Għalhekk, huwa jkun qiegħed isofri żvantaġġ kompetittiv strutturali.

18      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont id-dritt nazzjonali, id-distrett ta’ Potsdam-Mittelmark ma għandux id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input li huwa jsostni. Fil-fatt, huwa juża l-oġġetti inkwistjoni essenzjalment sabiex iwettaq il-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku tiegħu, u biss sa perċentwali ta’ 2.65 % fil-kuntest tal-impriża tiegħu għal skopijiet ta’ servizzi li huma suġġetti għal taxxa. Skont it-tieni sentenza, tal-Artikolu 15(1) tal-UStG, f’dan il-każ, it-tnaqqis tal-VAT tal-input huwa eskluż, peress li l-proporzjon tal-użu għall-impriża tar-rikorrent huwa inqas minn 10 %.

19      Din il-qorti tfakkar li, skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, permezz ta’ deroga għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija awtorizzata li teskludi mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT li huma imposti fuqhom, l-ispejjeż relatati ma’ oġġetti u servizzi meta l-perċentwali tal-użu tagħhom għall-bżonnijiet privati tal-persuna taxxabbli jew għal dawk tal-persunal tagħha jew, b’mod iktar ġenerali, għal finijiet mhux relatati man-negozju tagħha, tkun ogħla minn 90 % tal-użu totali tagħhom.

20      Issa, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, jekk il-persuna taxxabbli għandha l-intenzjoni li tuża, anki parzjalment, oġġett għal attività mhux ekonomika li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva, ma jkollhiex dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input.

21      Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ kunsinna ta’ oġġett li l-persuna taxxabbli trid tuża kemm għal attivitajiet ekonomiċi suġġetti għall-VAT, kif ukoll għal skopijiet privati “li mhumiex ta’ negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva, huwa jista’ jalloka dan l-oġġett fl-intier tiegħu fl-assi tal-impriża tiegħu u, fuq il-bażi ta’ din l-allokazzjoni, ikollu d-dritt sħiħ tat-tnaqqis tal-VAT tal-input. Madankollu, l-użu tal-imsemmi oġġett għal skopijiet li ma humiex relatati mal-impriża tiegħu, ikun suġġett għall-VAT, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Puffer (C‑460/07, EU:C:2009:254, punt 39).

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont dawn il-prinċipji, it-tnaqqis tal-VAT tal-input huwa neċessarjament eskluż sa fejn id-distrett ta’ Potsdam-Mittelmark juża l-oġġetti li akkwista sa perċentwali ta’ 97.35 % għall-attivitajiet tiegħu li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, li jkunu attivitajiet mhux ekonomiċi li ma jaqgħux taħt is-sistema tal-VAT. Barra minn hekk, ir-rikorrent għandu dritt, bħala prinċipju, għal tnaqqis tal-VAT tal-input, sa perċentwali ta’ 2.65 %. Madankollu, dan it-tnaqqis huwa eskluż skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-UStG.

23      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-punt ta’ jekk l-Artikolu (1) tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, huwiex intiż li jeskludi biss it-tnaqqis tal-VAT tal-input meta oġġett jintuża għall-bżonnijiet privati tal-persuna taxxabbli jew għal dawk tal-persunal tagħha jew, b’mod iktar ġenerali, għal finijiet mhux relatati man-negozju tagħha, jew jekk huwiex applikabbli wkoll f’każijiet fejn, bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa jintuża f’perċentwali ta’ iktar minn 90 % għal attivitajiet mhux ekonomiċi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

24      Din il-qorti tqis li, fuq il-bażi tas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie (C‑515/07, EU:C:2009:88), l-awtorizzazzjoni li tinsab fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li hija tawtorizza l-esklużjoni tat-tnaqqis tal-VAT tal-input biss fil-każijiet fejn l-oġġett akkwistat jiġi utilizzat f’perċentwali ta’ iktar minn 90 % “għal skopijiet li mhumiex ta’ negozju”, u mhux għal attivitajiet mhux ekonomiċi, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT. F’dan il-każ, it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-UStG ma taqax fl-ambitu tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni sa fejn it-tnaqqis tal-VAT tal-input huwa wkoll eskluż fil-każ ta’ użu mhux ekonomiku ta’ iktar minn 90 %.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-[UStG] tipprevedi li l-kunsinna, l-importazzjoni jew l-akkwist intra-Komunitarji ta’ oġġetti li imprenditur juża fin-negozju tiegħu f’perċentwali ta’ inqas minn 10 % ma għandhomx jitqiesu li saru għan-negozju tiegħu – u għalhekk teskludi t-tnaqqis tal-VAT tal-input.

Din ir-regola hija bbażata fuq l-Artikolu 1 tad-[Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni] li tawtorizza lill-Ġermanja, b’deroga għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva […], teskludi l-ispejjeż relatati ma’ tali oġġetti u servizzi mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT imposta fuqhom meta l-perċentwali tal-użu tagħhom għall-bżonnijiet privati tal-persuna taxxabbli jew għal dawk tal-persunal tagħha jew, b’mod iktar ġenerali, għal finijiet mhux relatati man-negozju tagħha, tkun ogħla minn 90 % tal-użu totali tagħhom.

Din l-awtorizzazzjoni – skont il-formulazzjoni tagħha – tapplika unikament għall-każijiet koperti mill-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva […] (Artikolu 26 tad-Direttiva [2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2009/162]), jew tapplika wkoll fil-każijiet kollha li fihom oġġett jew servizz jintuża biss parzjalment għal skopijiet tan-negozju?”

 Fuq id-domanda preliminari

26      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għal sitwazzjoni fejn impriża takkwista oġġetti jew servizzi li jintużaw minnha f’perċentwali ta’ iktar minn 90 % għal attivitajiet mhux ekonomiċi, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

27      Kif jiriżulta mill-formulazzjoni tagħha, id-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni hija deroga għall-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, li bis-saħħa tagħha jistabbilixxi li persuna taxxabbli tista’ tnaqqas il-VAT tal-input sa fejn l-oġġetti u s-servizzi jintużaw għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tiegħu, jiġifieri għal attività ekonomika.

28      Sabiex jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta’ “skopijiet li mhumiex ta’ negozju” li jinsab fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jinkludix sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ir-rikorrent jeżerċita attivitajiet li huwa responsabbli għalihom bħala awtorità pubblika, jiġifieri attivitajiet mhux ekonomiċi, għalkemm jifformaw parti min-negozju tiegħu, għandu jsir riferiment għad-definizzjoni mogħtija għal dan il-kunċett fis-Sitt Direttiva, li kienet il-bażi għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 27(1) tagħha.

29      Bħalma jirriżulta mill-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva, użu għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju jista’ jkun suġġett għall-VAT.

30      Min-naħa l-oħra, l-attivitajiet mhux ekonomiċi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva (sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2008, Securenta, C‑437/06, EU:C:2008:166, punti 30 u 31, kif ukoll tat-12 ta’ Frar 2009, Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie, C‑515/07, EU:C:2009:88, punti 36 u 37).

31      Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva ma huwiex fil-fatt intiż li jistabbilixxi regola li abbażi tagħha tranżazzjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-VAT jistgħu jitqiesu li twettqu “għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, tali interpretazzjoni jkollha l-effett li xxejjen is-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva (sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie, C‑515/07, EU:C:2009:88, punt 38).

32      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkorroborati mill-istruttura tas-sistema komuni tal-VAT, f’liema kuntest id-distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi u l-attivitajiet mhux ekonomiċi ssegwi kriterji differenti minn dawk li jiddistingwu bejn użu għan-negozju u użu għal skopijiet li ma humiex ta’ negozju, b’mod partikolari privati.

33      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ użu ta’ investiment kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għal dawk privati, il-persuna kkonċernata għandha l-għażla, għall-iskopijiet tal-VAT, jew li talloka totalment dan l-oġġett għall-patrimonju tal-impriża tagħha, jew li żżommhom totalment fil-patrimonju privat tagħha u b’hekk teskludihom kompletament mis-sistema tal-VAT, jew inkella li tinkludihom fl-impriża tagħha biss sa fejn dawn jintużaw effettivament għal skopijiet kummerċjali (sentenza tat-23 ta’ April 2009, Puffer, C‑460/07, EU:C:2009:254, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Min-naħa l-oħra, tali libertà ta’ għażla ma teżistix meta għandu jiġi stabbilit jekk oġġett jintużax jew le għal attività ekonomika. Meta impriża tuża oġġett kemm għal attivitajiet ekonomiċi, kif ukoll għal attivitajiet mhux ekonomiċi, l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva sempliċement jipprevedi dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa. Il-miżuri li l-Istati Membri huma meħtieġa jadottaw f’dan ir-rigward għandhom josservaw il-prinċipju ta’ newtralità fiskali li fuqu hija bbażata s-sistema komuni tal-VAT (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Securenta, C‑437/06, EU:C:2008:166, punt 36).

35      Skont dan il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, is-sistema ta’ tnaqqis hija intiża li teħles kompletament lin-negozjant mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha (sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie, C‑515/07, EU:C:2009:88, punt 27).

36      Issa, esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis għal oġġetti użati għan-negozju li jintużaw għal attivitajiet ekonomiċi f’perċentwali ta’ inqas minn 10 %, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit.

37      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma kompletament applikabbli għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “skopijiet li mhumiex ta’ negozju” li jinsab fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ unità u ta’ koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-kunċetti użati fl-atti adottati fuq l-istess suġġett għandhom ikollhom l-istess tifsira, sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx esprima intenzjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 188, kif ukoll tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 28). F’dan il-każ dan ma seħħx.

38      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-kunċett ta’ “skopijiet li mhumiex ta’ negozju” kien jingħata interpretazzjoni differenti fiż-żmien preċedenti għas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie (C‑515/07, EU:C:2009:88), minkejja li d-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, adottata fid-19 ta’ Novembru 2004, dejjem tista’ tirrigwarda d-distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi u l-attivitajiet mhux ekonomiċi, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha natura retroattiva u għalhekk tapplika sa mid-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni interpretata (sentenza tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, EU:C:1980:100, punt 16).

39      Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-kunċett ta’ “skopijiet li mhumiex ta’ negozju” jista’ jingħata interpretazzjoni differenti fir-rigward taż-żmien preċedenti għas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie (C‑515/07, EU:C:2009:88), minn fejn jirriżulta li dan il-kunċett ma jirrigwardax id-distinzjoni ta’ bejn l-attivitajiet ekonomiċi u l-attivitajiet mhux ekonomiċi.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni fejn impriża takkwista oġġetti jew servizzi li hija tuża f’perċentwali ta’ iktar minn 90 % għal attivitajiet mhux ekonomiċi, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/817/KE, tad-19 ta’ Novembru 2004, li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika miżura derogatorja mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq il-valur tal-bejgħ [id-dħul mill-bejgħ], għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni fejn impriża takkwista oġġetti jew servizzi li hija tuża f’perċentwali ta’ iktar minn 90 % għal attivitajiet mhux ekonomiċi, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.