C-592/15 - British Film Institute

Printed via the EU tax law app / web

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

tal-15 ta’ Frar 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 13A(1)(n) – Eżenzjonijiet ta’ ċertu provvisti ta’ servizzi kulturali – Assenza ta’ effett dirett – Determinazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi kulturali eżentati – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri”

Fil-Kawża C‑592/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (taqsima ċivili), ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

vs

British Film Institute,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-British Film Institute, minn P. Drinkwater, solicitor, Z. Yang, barrister, D. Milne, QC, u A. Lee, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn S. Singh, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), u tal-Artikolu 132(1)(n) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (amministrazzjoni tat-taxxa u tad-dwana tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni tat-taxxa”) u l-British Film Institute (iktar ’il quddiem il-“BFI”), dwar l-issuġġettar tiegħu għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq il-provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-BFI u li jikkonsistu fl-għoti tad-dritt għad-dħul għal wiri ta’ films.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva, bit-titolu “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta' kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:

[...]

(n)       ċertu servizzi kulturali u oġġetti marbuta mill-qrib magħhom fornuti minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew minn entitajiet kulturali rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat;

[...]”

4        Skont l-Artikoli 411 u 413 tagħha, id-Direttiva 2006/112 ħassret u ssostitwixxiet, mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, b’mod partikolari s-Sitt Direttiva.

 Id-dritt tar-Renju Unit

5        Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ittraspona l-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva biss fl-1 ta’ Ġunju 1996, data li fiha l-Group 13 of Schedule 9 of the Value Added Tax Act 1994 (kategorija 13 tal-Anness 9 tal-liġi tal-1994 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud) daħal fis-seħħ.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Il-BFI huwa korp mingħajr skop ta’ lukru li r-rwol tiegħu huwa li jippromwovi ċ-ċinema fir-Renju Unit. Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1990 u l-31 ta’ Mejju 1996 (iktar ’il quddiem il-“perjodu kontenzjuż”), il-BFI ħallas il-VAT bir-rata normali fuq is-servizzi ta’ għoti tad-dritt għad-dħul għal wiri ta’ films.

7        Fit-30 ta’ Marzu 2009, il-BFI ressaq talba quddiem l-amministrazzjoni tat-taxxa intiża għar-rimbors tal-VAT imħallsa matul il-perijodu kontenzjuż, filwaqt li sostna li dawn is-servizzi ta’ għoti tad-dritt għad-dħul kienu jikkostitwixxu provvisti ta’ servizzi kulturali eżentati bis-saħħa tal-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva. Din it-talba ġiet miċħuda.

8        Ir-rikors tal-BFI kontra din iċ-ċaħda ġie milqugħ mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [qorti tal-ewwel istanza (awla tat-taxxa), ir-Renju Unit]. Fid-deċiżjoni tagħha tal-5 ta’ Diċembru 2012, din il-qorti ddeċidiet li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għandha effett dirett.

9        L-amministrazzjoni tat-taxxa appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) [qorti superjuri (awla tat-taxxa u taċ-chancery, ir-Renju Unit], li ċaħad dan l-appell, filwaqt li ddeċieda li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għandha kontenut suffiċjentement ċar u preċiż u, għaldaqstant, hija ta’ effett dirett. Il-kelma “ċertu” li tinsab f’din id-dispożizzjoni kellha, fil-fatt, tiġi interpretata fis-sens li din l-eżenzjoni tikkonċerna “l-”provvisti ta’ servizzi kulturali pprovduti minn korpi pubbliċi jew minn korpi kulturali rrikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat. L-amministrazzjoni tat-taxxa ġiet awtorizzata tippreżenta appell quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (taqsima ċivili)], ir-Renju Unit].

10      Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, jekk l-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva kellu jiġi interpretat fis-sens li dan ikopri “l-”provvisti ta’ servizzi kulturali pprovduti minn korpi tad-dritt pubbliku jew minn kopri kulturali oħra rrikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat fis-sens li ta’ din id-dispożizzjoni, dan ikun ifisser li l-BFI, li jikkostitwixxi tali korp, ikun jista’ jinvoka direttament din id-dispożizzjoni, sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni li tirrigwarda s-servizzi tiegħu ta’ għoti tad-dritt għad-dħul għal wiri ta’ films matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1990 u l-31 ta’ Mejju 1996. Il-BFI jkun jista’ wkoll ikompli jibbaża ruħu direttament fuq din id-dispożizzjoni wara l-31 ta’ Mejju 1996, anke jekk il-provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-BFI ma jagħmlux parti mill-provvisti ta’ servizzi kulturali li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit eżentat minn din id-data.

11      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (taqsima ċivili)] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“i)      It-termini tal-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva, b’mod partikolari fil-frażi ‘ċertu servizzi kulturali’, huma suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex l-Artikolu 13A(1)(n) ikollu effett dirett, b’tali mod li jeżenta l-provvisti ta’ servizzi kulturali minn korpi tad-dritt pubbliku jew korpi kulturali rikonoxxuti oħra, bħall-provvisti tal-[BFI] fil-kawża odjerna, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali traspożittiva?

ii)      It-termini tal-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva, b’mod partikolari fil-frażi “ċertu servizzi kulturali”, jagħtu lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom permezz tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni u, jekk dan huwa l-każ, x’diskrezzjoni hija?

iii)      Il-konkolużjonijiet marbuta mad-domandi preċedenti japplikaw ukoll għall-Artikolu132(1)(n) tad-direttiva [2006/112]?”

  Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

12      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva, li jipprevedi l-eżenzjoni ta’ “ċertu servizzi kulturali”, għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett, b’tali mod li, fl-assenza ta’ traspożizzjoni, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata direttament minn korp tad-dritt pubbliku jew minn korp kulturali ieħor irrikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat u li jipprovdi servizzi kulturali.

13      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan jew ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti, jew ikun għamel traspożizzjoni inkorretta tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, EU:C:1982:7, punt 25; tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 31, kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2016, Ambisig, C‑46/15, EU:C:2016:530, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      Fir-rigward tal-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva, għandu jitfakkar li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tirrigwarda “ċertu servizzi kulturali”. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax liema provvisti ta’ servizzi kulturali l-Istati Membri huma obbligati jeżentaw. Fil-fatt, din la tistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ servizzi kulturali li għandhom jiġu eżentati u lanqas obbligu tal-Istati Membri li jeżentaw il-provvisti kollha ta’ servizzi kulturali, iżda sempliċement tirreferi għal “ċertu” minn dawn is-servizzi. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istat Membri l-kompitu jiddeterminaw il-provvisti ta’ servizzi kulturali li jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni.

15      Il-BFI, filwaqt li jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprevedi li l-eżenzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 13A(1), jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li huma intiżi sabiex jiġu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT bejn Stat Membru u ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Žamberk, C‑18/12, EU:C:2013:95, punt 17), isostni li l-espressjoni “ċertu servizzi kulturali” għandha tiġi interpretata fis-sens li din tkopri l-provvisti kollha ta’ servizzi kulturali pprovduti minn korpi tad-dritt pubbliku jew minn korpi kulturali oħra rrikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat, u li għaldaqstant, din hija suffiċjentement ċara u preċiża.

16      Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li tali interpretazzjoni ma tikkorrispondix għas-sens abitwali tal-kelma “ċertu” użata fl-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva u ċċaħħad l-effett utli tal-użu ta’ din il-kelma f’din id-dispożizzjoni.

17      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni ssuġġerita mill-BFI tista’ twessa’ l-portata tal-eżenzjoni li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni lil hinn minn din il-kelma għall-provvisti kollha ta’ servizzi kulturali, kuntrarjament għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprevedi li l-kliem użat sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet tal-Artikolu 13A(1) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College, C‑434/05, EU:C:2007:343, punt 16; tat-22 ta’ Ottubru 2015, Hedqvist, C‑264/14, EU:C:2015:718, punti 34 u 35, kif ukoll tal-25 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑22/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:118, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-BFI, ir-rekwiżit li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-eżenzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 13A(1) ma huwiex assolut. Fil-fatt, għalkemm l-eżenzjonijiet previsti f’dan l-artikolu jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li huma intiżi sabiex jiġu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT bejn Stat Membru u ieħor, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jafda lill-Istati Membri l-kompitu li jiddefinixxu xi wħud mill-kliem ta’ eżenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, Gemeente Emmen, C‑468/93, EU:C:1996:139, punt 25; tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National, C‑169/04, EU:C:2006:289, punti 38 u 39, kif ukoll tad-9 ta’ Diċembru 2015, Fiscale Eenheid X, C‑595/13, EU:C:2015:801, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      L-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva hija kkonfermata mill-oriġini ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jilħaq.

20      F’dan ir-rigward, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 20 u 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma laqax il-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea li tinkludi lista eżawrjenti tal-provvisti ta’ servizzi kulturali li għandhom jiġu eżentati (ara l-proposta għal Sitt Direttiva tal-Kunsill fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima [COM(73) 950 finali, tal-20 ta’ Ġunju 1973]), iżda, billi uża l-kliem “ċertu servizzi kulturali”, għażel redazzjoni ta’ din l-eżenzjoni li tippermetti lill-Istati Membri jiddeterminaw il-provvisti ta’ servizzi kulturali li huma jeżentaw.

21      Hekk kif il-Kummissjoni enfasizzat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm hija, sussegwentement, ipproponiet li t-test inizjali tal-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva jiġi ssostitwit b’lista eżawrjenti tal-provvisti ta’ servizzi kulturali eżentati (ara l-proposta għal dsatax-il Direttiva tal-Kunsill fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li temenda d-Direttiva 77/388/KEE – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud [COM(84) 648 finali, tal-5 ta’ Diċembru 1984]), il-leġiżlatur tal-Unjoni żamm dan it-test inizjali li, skont l-analiżi li tinsab fl-ewwel rapport tagħha lill-Kunsill dwar il-funzjonament tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud ippreżentat skont l-Artikolu 34 tas-Sitt Direttiva 77/388 [COM(83) 426 finali, tal-14 ta’ Settembru 1983], iħalli l-kompitu ta’ definizzjoni tal-kontenut ta’ din l-eżenzjoni għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru.

22      Hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-provvisti ta’ servizzi kulturali eżentati tista’ tiġi spjegata mill-varjetà kbira ta’ tradizzjonijiet kulturali u patrimonjali reġjonali fi ħdan l-Unjoni u, xi drabi, fi ħdan l-istess Stat Memrbu.

23      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li, billi jirreferi għal “ċertu servizzi kulturali”, l-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva ma jeħtieġx l-eżenzjoni tal-provvisti kollha ta’ servizzi kulturali, b’tali mod li l-Istati Membri jistgħu jeżentaw “ċertu” servizzi filwaqt li jissuġġettaw lil oħrajn għall-VAT.

24      Inkwantu din id-dispożizzjoni tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fid-determinazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi kulturali eżentati, din ma tissodisfax il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, sabiex tkun tista’ tiġi invokata direttament quddiem il-qrati nazzjonali.

25      Din il-konstatazzjoni ma hijiex kkontestata mill-kunsiderazzjonjiet li jinsabu fil-punti 34 sa 37 tas-sentenza tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis (C‑453/02 u C‑462/02, EU:C:2005:92) u fil-punti 59 sa 61 tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C‑363/05, EU:C:2007:391), li abbażi tagħhom marġni ta’ diskrezzjoni eventwali tal-Istati Membri mhux neċessarjament teskludi l-effett dirett tal-eżenzjonijiet ikkonċernati.

26      Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni rrilevat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis, (C‑453/02 u C‑462/02, EU:C:2005:92), tirrigwarda l-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni relatati ma’ eżenzjoni u mhux il-marġni ta’ diskrezzjoni li tippermettilhom jiddeterminaw il-portata ta’ eżenzjoni, hekk kif tirriżulta b’mod partikolari mill-kliem “ċertu servizzi kulturali” imsemmija fl-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva.

27      Fir-rigward tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C‑363/05, EU:C:2007:391), għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva huwa differenti mill-eżenzjoni inkwistjoni f’dik il-kawża, sa fejn dan jeħtieġ biss l-eżenzjoni ta’ “ċertu” provvisti ta’ servizzi kulturali.

28      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonjiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva , li jipprevedi l-eżenzjoni ta’ “ċertu servizzi kulturali”, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandux effett dirett, b’tali mod li, fl-assenza ta’ traspożizzjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata direttament minn korp tad-dritt pubbliku jew minn korp kulturali ieħor irrikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat u li jipprovdi servizzi kulturali.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

29      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

 Fuq l-ispejjeż

30      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13A(1)(n) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, li jipprevedi l-eżenzjoni ta’ “ċertu servizzi kulturali”, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandux effett dirett, b’tali mod li, fl-assenza ta’ traspożizzjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata direttament minn korp tad-dritt pubbliku jew minn korp kulturali ieħor irrikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat u li jipprovdi servizzi kulturali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.