C-616/15 - Il-Kummissjoni vs Il-Ä ermanja

Printed via the EU tax law app / web

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Settembru 2017 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(f) – Eżenzjoni ta’ servizzi pprovduti lill-membri tagħhom minn gruppi indipendenti ta’ persuni – Limitazzjoni għall-gruppi indipendenti li l-membri tagħhom jeżerċitaw numru limitat ta’ professjonijiet”

Fil-Kawża C‑616/15,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fl-20 ta’ Novembru 2015,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Owsiany-Hornung kif ukoll minn B.‑R. Killmann u R. Lyal, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

IrRepubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller kif ukoll minn K. Petersen, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi llimitat l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għal gruppi indipendenti ta’ persuni (iktar ’il quddiem il-“GIP”) li l-membri tagħhom jeżerċitaw numru limitat ta’ professjonijiet, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Is-Sitt Direttiva

2        Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), ġiet imħassra u ssostitwita, mill-1 ta’ Jannar 2007, bid-Direttiva 2006/112. L-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva kien jipprovdi:

“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet.

Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kull każ, dawn il-korpi għandhom jitqiesu bħala taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-lista li hemm fl-Anness D, iżda li l-attivitajiet ma jkunux tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.

[…]”

3        L-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva kien jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:

[…]

f)      servizzi fornuti minn grupp ta’ persuni indipendenti li l-attivitajiet tagħhom huma eżenti minn jew m’humiex soġġetti għat-taxxa tal-valur miżjud, għall-iskopijiet li jagħtu lill-membri tagħhom is-servizzi neċessarji direttament għall-eżerċizzju ta’ l-attività tagħhom, fejn dawn il-gruppi kemm jitolbu mill-membri tagħhom ħlas lura eżatt tas-sehem tagħhom ta’ l-ispejjeż konġunti, dejjem jekk t-tali eżenzjoni mhux probabbli li twassal għal tfixkil ta’ kompetizzjoni;

[…]”

4        L-Artikolu 28(3) u (4) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“3.      Matul il-perjodu transizzjonali riferut fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu:

1.      ikomplu soġġetti jintaxxaw it-transazzjonjiet eżenti taħt l-Artikolu 13 jew 15 stabbiliti fl-Anness E ma’ din id-Direttiva;

[…]

4.      Il-perjodu transizzjonali għandu għall-ewwel idum għal ħames snin mill-1 ta’ Jannar 1978. Mill-iktar tard sitt xhur qabel l-aħħar ta’ dan il-perjodu, u sussegwentament kif neċessarju, il-Kunsill għandu jirrevedi s-sitwazzjoni fir-rigward tad-derogazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 fuq il-bażi tar-rapport mill-Kummissjoni u għandu b’mod unanimu jiddetermina fuq proposta mill-Kummissjoni, jekk kwalunkwe jew dawn id-derogazzjonijiet kollha għandhomx ikunu aboliti.”

5        L-Anness E tal-imsemmija direttiva, intitolat “Transazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 28(3)(a)”, kien jipprevedi:

“[…]

3.      Transazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 13 A (1)(f) barra dawk ta’ gruppi ta’ natura medika jew paramedika;

[…]”

 It-Tmintax-il Direttiva 89/465/KEE

6        Skont l-Artikolu 1 tat-Tmintax-il Direttiva tal-Kunsill 89/465/KEE, tat-18 ta’ Lulju 1989, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq it-turnover – Abolizzjoni ta’ ċerti derogi stabbiliti fl-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva, 77/388/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1. p. 138):

“Id-Direttiva 77/388/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1.      It-transazzjonijiet imsemmija fil-punti 1, 3 sa 6, 8, 9, 10, 12, 13 u 14 ta’ l-Anness E għandhom jiġu aboliti b’effett mill-1 ta’ Jannar 1990.

[…]”

 Id-Direttiva 2006/112

7        L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdu:

“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.”

8        L-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tat-Titolu IX, intitolat “Eżenzjonijiet” tagħha, jipprevedi:

“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.”

9        L-Artikolu 132(1) tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 2, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, tat-Titolu IX tagħha, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

a)      il-provvista mis-servizzi postali pubbliċi ta’ servizzi barra t-trasport ta’ passiġġieri u s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni, u l-provvista ta’ merkanzija inċidentali għalihom;

b)      sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin immexxija minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew, skond kondizzjonijet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi regolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti;

ċ)      il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;

d)      il-provvista ta’ organi, demm u ħalib umani;

e)      il-provvista ta’ servizzi mit-tekniċi dentali fil-kapaċità tal-professjoni tagħhom u l-provvista ta’ prototeżi dentali pprovduti minn dentisti u tekniċi dentali;

f)      il-provvista ta’ servizzi minn gruppi ta’ persuni indipendenti, li qed iwettqu attività li hi eżenti mill-VAT jew għaliha mhumiex persuni taxxabbli, għall-finijiet li jagħtu lill-membri tagħhom is-servizzi meħtieġa direttament għall-eżerċizzju ta’ dik l-attività, fejn dawk il-gruppi kemm jitolbu mill-membri tagħhom ħlas lura eżatt tas-sehem tagħhom ta’ l-ispejjeż konġunti, sakemm tali eżenzjoni mhux probabbli li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni;

g)      il-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk provduti mid-djar ta’ l-anzjani, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali;

[…]

i)      il-provvista ta’ edukazzjoni tat-tfal jew taż-żgħażagħ, edukazzjoni skolastika jew universitarja, taħriġ vokazzjonali jew taħriġ mill-ġdid, inkluża l-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija li hija relatata mill-qrib magħhom, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku li jkollhom dan bħala l-għan tagħhom jew minn organizzazzjonijiet oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala li għandhom oġġetti simili;

[…]

m)      il-provvista ta’ ċertu servizzi marbuta mill-qrib ma’ sport u edukazzjoni fiżika minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt lill persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika;

n)      il-provvista ta’ ċertu servizzi kulturali, u l-provvista ta’ merkanzija marbuta mill-qrib magħhom, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi kulturali oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat;

[…]”

10      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112:

“L-Istati Membri jistagħu jagħmlu l-għoti lil korpi għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta’ kull eżenzjoni pprovduta fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1) soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijet li ġejjin:

[…]

d)      l-eżenzjonijiet m’għandhomx joħoolqu l-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bi żvantaġġ għal impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT.”

11      L-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 3, intitolat “Eżenzjonijiet għal attivitajiet oħrajn”, tat-Titolu IX tagħha, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

a)      assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni, inklużi servizzi relatati mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni;

[…]

d)      transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċernaw kontijiet ta’ depożitu u kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma eskluża l-kollezzjoni tad-debitu;

e)      transazzjoniet, inkluż negozjar, li jikkonċerna l-munita, karti tal-flus u muniti użati bħala valuta legali, bl-eċċezzjoni ta’ oġġetti tal-kollezzjoni, jiġifieri, deheb, fidda u muniti oħrajn tal-metall jew karti tal-flus li normalment m’humiex użati bħala valuta legali jew muniti b’interess numismatiku;

[…]”

 Id-dritt Ġermaniż

12      It-tieni Kapitolu, intitolat “Eżenzjoni u rimbors tat-taxxa” tal-Umsatzsteuergesetz (liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, iktar ’il quddiem l-“UStG”) jinkludi, fl-Artikolu 4 tiegħu, lista ta’ provvisti ta’ servizzi eżentati mill-VAT. Skont l-Artikolu 4(14) tal-UStG, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, huma eżentati:

“a)      il-provvista tal-kura medika fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi, ta’ tabib, dentist, healer, fiżjoterapista, majjistra jew ta’ kwalunkwe attività professjonali medika analoga. L-ewwel sentenza ma tapplikax għall-provvista jew għat-tiswija ta’ proteżijiet dentali [...] u ta’ apparat ortodontiku [...], sa fejn l-imprenditur ikun immanifatturahom jew sewwihom fl-impriża tiegħu;

b)      l-isptarijiet u l-kura medika, inklużi dijanjosi, eżamijiet mediċi, prevenzjoni, riabilitazzjoni, għajnuna fit-twelid u servizzi ta’ kura għall-anzjani kif ukoll l-attivitajiet li huma marbuta mill-qrib magħhom, żgurati minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku […];

[…]

d)      provvisti ta’ servizzi oħra li gruppi li l-membri tagħhom jeżerċitaw il-professjonijiet previsti fl-ittra a) jew jagħmlu parti mill-istabbilimenti msemmija fl-ittra b), jipprovdu lill-membri tagħhom, meta dawn is-servizzi jkunu meħtieġa direttament għall-eżerċizzju tal-attivitajiet previsti fl-ittra a) jew fl-ittra b) u meta l-gruppi jillimitaw ruħhom li jitolbu lill-membri tagħhom rimbors eżatt tas-sehem tagħhom fl-ispejjeż konġunti;

[…]”

 Il-proċedura prekontenzjuża

13      Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tat-23 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-eżenzjoni mill-VAT ta’ provvisti ta’ servizzi mwettqa minn gruppi indipendenti ta’ persuni li jeżerċitaw attività li hija eżentata jew li għaliha huma ma humiex persuna taxxabbli, sabiex jagħtu lill-membri tagħhom is-servizzi meħtieġa direttament għall-eżerċizzju ta’ din l-attività.

14      Il-Kummissjoni indikat f’din l-ittra li d-dritt Ġermaniż kien jillimita din l-eżenzjoni għall-provvisti ta’ servizzi mwettqa minn GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw attivitajiet jew professjonijiet fil-qasam tas-saħħa, filwaqt li d-Direttiva 2006/112 ma kinitx tillimita l-eżenzjoni inkwistjoni għal gruppi ta’ kategoriji professjonali speċifiċi, iżda kienet tipprevedi din l-eżenzjoni għall-gruppi ta’ persuni kollha, sa fejn dawn tal-aħħar kienu eżentati mill-VAT jew ma kinux persuna taxxabbli għall-attività li kienu jeżerċitaw. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li d-dritt Ġermaniż dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ma kienx konformi mal-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif intiżi mid-Direttiva 2006/112.

15      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ komunikazzjoni tat-22 ta’ Marzu 2010. F’din tal-aħħar, hija kkonfermat li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni kienet teżenta effettivament il-provvisti ta’ servizzi mwettqa mill-GIP biss sa fejn kienu kkonċernati gruppi ta’ tobba jew persuni li jeżerċitaw professjonijiet paramediċi kif ukoll gruppi ta’ sptarijiet jew ta’ stabbilimenti tal-istess natura. Hija sostniet li din il-limitazzjoni kienet iġġustifikata mill-fatt li kien il-leġiżlatur nazzjonali li kellu jiddetermina liema kategoriji professjonali setgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni mingħajr ma jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, fil-fehma ta’ dan l-Istat Membru, il-leġiżlatur Ġermaniż kien qies, wara eżami, li din l-eżenzjoni inkwistjoni kienet iġġustifikata biss għall-qasam tas-saħħa.

16      Fis-7 ta’ April 2011, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. F’din tal-aħħar, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-argument ta’ dan l-Istat Membru, li skontu, sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-attivitajiet u l-professjonijiet tas-saħħa kienu l-uniċi li setgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni. Skont din l-istituzzjoni, mill-proċedura leġiżlattiva tal-Unjoni kien jirriżulta li d-Direttiva 2006/112 kienet intiża preċiżament sabiex testendi l-eżenzjoni għal gruppi li jinkludu kategoriji oħra ta’ persuni. Il-Kummissjoni, barra minn hekk, sostniet li qrati Ġermaniżi kellhom iwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni diversi drabi għal kategoriji professjonali minbarra dawk elenkati fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ.

17      Il-Kummissjoni indikat ukoll li hija ma kinitx tifhem l-elementi li fuqhom ibbaża ruħu l-leġiżlatur Ġermaniż sabiex jikkonstata l-persistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-każ fejn, minbarra l-professjonijiet tas-saħħa diġà eżentati, kellu jestendi l-eżenzjoni inkwistjoni lis-setturi ekonomiċi nazzjonali kollha. Din l-istituzzjoni kkunsidrat li l-imsemmi leġiżlatur ma kellux jevalwa d-distorsjoni tal-kompetizzjoni possibbli billi jibbaża ruħu fuq riflessjoni ġenerali. Fil-fehma tagħha, għall-kuntrarju, kellu jirrifjuta l-eżenzjoni inkwistjoni biss f’każ ta’ perikolu reali li din tal-aħħar, meħuda bħala tali, tkun tista’ tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni immedjatament jew fil-futur.

18      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għall-imsemmi opinjoni motivata permezz ta’ komunikazzjoni tas-6 ta’ Ġunju 2011. F’din tal-aħħar, dan l-Istat Membru insista, l-ewwel nett, fuq il-pożizzjoni tad-dispożizzjoni dwar l-eżenzjoni inkwistjoni fl-istruttura tad-Direttiva 2006/112, jiġifieri fil-kapitolu ddedikat għall-eżenzjonijiet favur ċertu attivitajiet ta’ interess ġenerali. Minn dan hija ddeduċiet li din l-eżenzjoni ma setgħetx tiġi estiża għall-attivitajiet kollha tal-ħajja ekonomika.

19      It-tieni nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet li t-traspożizzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata fid-dritt intern kienet ħadet inkunsiderazzjoni preċiżament il-projbizzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, billi limitat din l-eżenzjoni għal ċerti kategoriji professjonali tal-qasam tas-saħħa. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru enfasizza li l-leġiżlatur Ġermaniż kien ikkunsidra li l-imsemmija eżenzjoni kienet iġġustifikata biss għall-gruppi ta’ professjonijiet tas-saħħa, peress li ma kinux jeżistu fornituri indipendenti għall-attivitajiet proposti minn dan it-tip ta’ gruppi.

20      It-tielet nett, l-imsemmi Stat Membru rrileva li l-Kummissjoni ma kinitx identifikat liema kategorija professjonali tkun eskluża bi żball mill-eżenzjoni inkwistjoni permezz tad-dritt Ġermaniż.

21      Konsegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċaħdet it-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex hija tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata.

22      Peress li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tkompli tillimita l-eżenzjoni mill-VAT għall-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw attività fil-qasam tas-saħħa, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

23      Il-Kummissjoni tirrileva li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 4(14) tal-UStG, tillimita l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 għas-servizzi pprovduti minn GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw numru limitat ta’ professjonijiet, li huma essenzjalment limitati għall-qasam tas-saħħa. Skont il-Kummissjoni, din il-limitazzjoni hija kuntrarja għall-imsemmi Artikolu 132(1)(f).

24      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li l-imsemmija leġiżlazzjoni hija inkompatibbli mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, peress li dan ma huwiex limitat għas-servizzi pprovduti minn GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw ċerti kategoriji professjonali speċifiċi.

25      Skont il-Kummissjoni, l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata għall-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw attivitajiet ta’ interess ġenerali, iżda hija intiża għall-GIP kollha li l-membri tagħhom jeżerċitaw attività eżentata mill-VAT. Din l-istituzzjoni żżid li, anki jekk din l-eżenzjoni kienet tkopri biss lill-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw attivitajiet ta’ interess ġenerali, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma huwiex madankollu limitat għall-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw professjonijiet fil-qasam tas-saħħa, kif tipprevedi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni.

26      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-interpretazzjoni tagħha tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 hija kkonfermata mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, mill-għan intiż minnha u mill-kuntest storiku li minnu tifforma parti, kif ukoll mis-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C-8/01, EU:C:2003:621), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja applikat l-eżenzjoni inkwistjoni għall-provvisti ta’ servizzi mwettqa minn grupp ta’ kumpanniji tal-assigurazzjoni.

27      Skont il-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li l-kapitolu li jappartjeni għalih l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 huwa intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku” ma tippermettix li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tiġi mċaħħda mill-univokalità tagħha. It-titolu ta’ dan il-kapitolu huwa r-riżultat ta’ negliġenza redazzjonali, li hija spjegata mill-fatt li l-proposta inizjali għal Sitt Direttiva kienet tipprevedi limitazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni għall-GIP ta’ natura medika jew paramedika.

28      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata b’riferiment għall-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112.

29      Skont din l-istituzzjoni, il-preżenza jew l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni tista’ tiġi evalwata biss fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ. Huwa impossibbli li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod ġenerali għas-servizzi pprovduti minn professjonijiet speċifiċi u għas-servizzi offruti minn GIP li huma marbuta direttament magħhom. Għaldaqstant, ikun kuntrarju għall-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2006/112 li l-leġiżlatur stess iwettaq dan l-eżami skont il-kategorija, għal setturi professjonali sħaħ, kif għamel il-leġiżlatur Ġermaniż.

30      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, fl-ewwel lok, li mill-formulazzjoni u mill-pożizzjoni tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 fi ħdan din tal-aħħar, kif ukoll mill-kuntest storiku li minnu tifforma parti din id-dispożizzjoni u mill-għanijiet tagħha jirriżulta, li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-eżenzjoni inkwistjoni huwa limitat għal gruppi ta’ persuni li jeżerċitaw ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali.

31      Qabel kollox, fir-rigward ta’ din il-formulazzjoni u ta’ din il-pożizzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrileva li l-imsemmija eżenzjoni tinsab fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112, li jifforma parti mill-Kapitoli 2 tagħha, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”. Minn dan isegwi li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) ta’ din id-direttiva tista’ tirrigwarda biss provvisti ta’ servizzi mwettqa minn GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw attivitajiet ta’ interess ġenerali.

32      Dan l-Istat Membru jikkunsidra, b’mod iktar partikolari, li l-eżenzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni tapplika biss għall-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 132(1)(b) sa (e) tad-Direttiva 2006/112, li jippreċedu l-eżenzjoni li tinsab fl-Artikolu 132(1)(f) ta’ din id-direttiva, u jirrigwardaw il-qasam tas-saħħa. Kieku dan ma kienx il-każ, il-leġiżlatur kien iqiegħed din l-eżenzjoni fl-aħħar tal-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112, jew f’artikolu speċifiku.

33      L-interpretazzjoni li l-eżenzjoni inkwistjoni tirrigwarda l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 132(1)(b) sa (e) tad-Direttiva 2006/112 hija sostnuta mill-użu li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mill-kelma “professjonisti”, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha ta’ din l-eżenzjoni, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2008, Stichting Centraal Begeleidingsorgaan voor de Intercollegiale Toetsing (C‑407/07, EU:C:2008:713, punt 37). Fid-Direttiva 2006/112, il-kelma “professjonisti” hija, fil-fatt, prinċipalment użata fil-kuntest tal-professjonijiet mediċi.

34      Sussegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssonti li l-argument tagħha huwa kkonfermat mill-kuntest storiku li minnu jifforma parti l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112. F’dan ir-rigward, hija tirrileva, b’mod partikolari, li, fl-ewwel verżjoni tas-Sitt Direttiva, id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 28(3)(a) u tal-punt 3 tal-Anness E ta’ din id-direttiva kienu intiżi sabiex jiggarantixxu li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(f) tagħha tapplika għas-servizzi pprovduti minn GIP ta’ natura medika jew paramedika, filwaqt li l-Istati Membri setgħu jkomplu jintaxxaw, sal-31 ta’ Diċembru 1989, is-servizzi analogi pprovduti mit-tipi l-oħra ta’ GIP. It-tneħħija, mill-1 ta’ Jannar 1990, ta’ din il-possibbiltà ma bidlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni, iżda iktar kellha l-għan li tneħħi ċerti diffikultajiet purament prattiċi, lil hinn mis-sistema tal-VAT.

35      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni hija ġġustifikata fid-dawl tal-kundizzjoni li l-eżenzjoni inkwistjoni tapplika biss jekk din ma tkunx tista’ tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. Hija ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni, il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jirrikorri għal evalwazzjoni skont il-kategorija professjonali tar-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li jeżisti fi ħdan ċerti kategoriji professjonali u, għalhekk, jillimita l-eżenzjoni inkwistjoni għal uħud minn dawn il-kategoriji.

36      F’dan ir-rigward, l-imsemmi Stat Membru jfakkar li din il-kundizzjoni la hija ċara biżżejjed u lanqas ma hija inkundizzjonata mill-perspettiva tal-kontenut tagħha u għandha għalhekk tiġi ppreċiżata fil-livell nazzjonali. L-evalwazzjoni tal-imsemmija kundizzjoni ma tistax tiġi fdata lill-awtoritajiet fiskali, peress li din tista’ titwettaq biss fuq il-bażi ta’ analiżi ekonomika kumplessa, li jirrigwardaw kull qasam ta’ attivitajiet.

37      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrileva li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C‑288/07, EU:C:2008:505, punti 35 u 36) jirriżulta, li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, li hija analoga għal dik li tinsab fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, tista’ titwettaq mil-leġiżlatur nazzjonali.

38      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li hija l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 258 TFUE, li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Issa, din l-istituzzjoni ma wrietx li eżenzjoni tas-servizzi pprovduti minn GIP lill-membri tagħhom ma tkunx twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni f’oqsma oħra minbarra dak tal-professjonisti msemmija mill-UStG.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li r-rikors tal-Kummissjoni jirrigwarda biss il-limitazzjoni, imwettqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 għall-gruppi li l-membri tagħhom jeżerċitaw numru limitat ta’ professjonijiet.

40      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 u, fit-tieni lok, għandha tiġi evalwata l-kundizzjoni li tirrigwarda l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, prevista f’din id-dispożizzjoni.

 Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112

41      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, l-ilment prinċipali tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-fatt li l-eżenzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata għall-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw attivitajiet ta’ interess ġenerali, iżda tkopri l-GIP kollha li l-membri tagħhom jeżerċitaw attività eżentata mill-VAT, inklużi, konsegwentement, dawk li l-membri tagħhom jeżerċitaw attività ekonomika fil-qasam tal-banek u tal-assigurazzjoni. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk din id-dispożizzjoni kienet tkopri biss lill-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw attivitajiet ta’ interess ġenerali, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma huwiex madankollu limitat għall-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw professjonijiet li jaqgħu fil-qasam tas-saħħa, kif tipprevedi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li jirrigwarda l-attività eżentata tal-membri ta’ GIP, ma jippermettix li jiġi eskluż li din l-eżenzjoni tkun tista’ tapplika għall-GIP kollha li l-membri tagħhom jeżerċitaw attività eżentata mill-VAT.

43      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tifforma parti (sentenzi tas-26 ta’ April 2012, Able UK, C-225/11, EU:C:2012:252, punt 22, u tal-4 ta’ April 2017, Fahimian, C‑544/15, EU:C:2017:255, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fir-rigward tal-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni tinsab fil-Kapitolu 2, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, tat-Titolu IX tagħha ta’ din id-direttiva. Dan it-titolu jindika li l-eżenzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni tkopri biss lill-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw attivitajiet ta’ interess ġenerali.

45      Din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkonfermata mill-istruttura tat-Titolu IX tal-imsemmija direttiva, li jirrigwarda l-“Eżenzjonijiet”. Fil-fatt, l-Artikolu 132(1)(f), fi ħdan id-Direttiva 2006/112, ma jinsabx fil-Kapitolu 1, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, ta’ dan it-titolu, iżda fil-Kapitolu 2 tiegħu. Barra minn hekk, fl-imsemmi titolu, titwettaq distinzjoni bejn il-Kapitolu 2, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, u l-Kapitolu 3, intitolat “Eżenzjonijiet għal attivitajiet oħrajn”, liema distinzjoni tindika li r-regoli previsti f’dan il-Kapitolu 2 għal ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali ma humiex applikabbli għall-attivitajiet oħra, imsemmija f’dan il-Kapitolu 3.

46      Issa, fl-Artikolu 135(1)(a), li jinsab fl-imsemmi Kapitolu 3, teżisti, eżenzjoni tal-“assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni”, kif ukoll, fis-subparagrafi (d) u (e), eżenzjoni ta’ ċerti tranżazzjonijiet li jaqgħu fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, bħal b’mod partikolari, “transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċernaw kontijiet ta’ depożitu u kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli”, u “transazzjoniet, inkluż negozjar, li jikkonċerna l-munita, karti tal-flus u muniti użati bħala valuta legali”. Mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 la tapplika għat-tranżazzjonijiet imwettqa fil-qasam tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u lanqas għal dawk imwettqa fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, u li, konsegwentement, is-servizzi pprovduti minn GIP li l-membri tagħhom joperaw f’dawn l-oqsma ma jaqgħux taħt din l-eżenzjoni.

47      Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, għandu jitfakkar l-għan tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112, li jikkonsisti fl-eżenzjoni mill-VAT ta’ ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali, sabiex jiġu ffaċilitati l-aċċess għal ċerti servizzi kif ukoll il-provvista ta’ ċerti beni, billi jiġu evitati l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-issuġġettar tagħhom għall-VAT (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2016, TMD, C-412/15, EU:C:2016:738, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Għalhekk, il-provvisti ta’ servizzi mwettqa minn GIP jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, meta dawn il-provvisti ta’ servizzi jikkontribwixxu direttament għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ interess ġenerali msemmija fl-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2016, TMD, C‑412/15, EU:C:2016:738, punti 31 sa 33).

49      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li dawn jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tinġabar għal kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2016, TMD, C‑412/15, EU:C:2016:738, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Minn dan jirriżulta li provvisti ta’ servizzi li ma jikkontribwixxux direttament għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ interess ġenerali msemmija f’dan l-Artikolu 132, iżda għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet eżentati oħra, b’mod partikolari fl-Artikolu 135 ta’ din id-direttiva, ma jistgħux jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112.

51      Konsegwentement, l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija intiża biss għall-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw attivitajiet ta’ interess ġenerali msemmija f’dan l-artikolu. Għaldaqstant, l-ilment prinċipali tal-Kummissjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 ma huwiex ristrett għall-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw attivitajiet ta’ interess ġenerali, għandu jiġi miċħud.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tagħmel fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C‑8/01, EU:C:2003:621), ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni dwar jekk l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva [li jikkorrispondi għall-Artikolu 132(1)(f), tad-Direttiva 2006/112] kinitx ristretta għas-servizzi pprovduti minn GIP li l-membri tagħhom kienu jeżerċitaw attivitajiet ta’ interess ġenerali.

53      Madankollu, l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 hija limitata għall-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw attività professjonali fil-qasam tas-saħħa għandhom jiġu miċħuda.

54      L-ewwel nett, is-sempliċi fatt li l-eżenzjoni dwar il-GIP hija prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 ma jippermettix li jiġi konkluż li din l-eżenzjoni tapplika biss għall-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 132(1)(b) sa (e) ta’ din id-direttiva, li jinsabu qabel dawk imsemmija fl-imsemmi Artikolu 132(1)(f) u li jikkonċernaw il-qasam tas-saħħa.

55      Fil-fatt, din l-eżenzjoni tirreferi għall-“gruppi ta’ persuni indipendenti, li qed iwettqu attività li hi eżenti mill-VAT jew għaliha mhumiex persuni taxxabbli”. Issa, minbarra l-attivitajiet imwettqa fil-qasam tas-saħħa, id-Direttiva 2006/112 tieħu inkunsiderazzjoni attivitajiet oħra ta’ interess ġenerali eżentati, bħalma huma l-attivitajiet marbuta mal-assistenza u mas-sigurtà soċjali, mal-edukazzjoni, mal-isport u mal-kultura, previsti, rispettivament, fl-Artikolu 132(1)(g)(i)(m) u (n) tad-Direttiva 2006/112.

56      It-tieni nett, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 huwa li jiġi evitat li l-persuna li toffri ċerti servizzi tkun suġġetta għall-ħlas tal-VAT meta hija kellha tikkollabora ma’ professjonisti oħra permezz ta’ struttura komuni responsabbli għal attivitajiet neċessarji għat-twettiq tal-imsemmija servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Stichting Centraal Begeleidingsorgaan voor de Intercollegiale Toetsing, C‑407/07, EU:C:2008:713, punt 37).

57      Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-użu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kelma “professjonisti”, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha ta’ din l-eżenzjoni ma ssostnix l-argument tagħha li din l-eżenzjoni tkopri biss GIP li l-membri tagħhom joperaw fil-qasam tas-saħħa. Fil-fatt, fir-rigward tal-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112, il-kliem “professjonijet” jew “professjoni” jintużaw biss, rispettivament, fil-paragrafu 1(ċ) u fil-paragrafu 1(e), ta’ dan l-artikolu u l-użu ta’ dan il-kliem ma jippermettix, konsegwentement, li jiġi konkluż li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) ta’ din id-direttiva tkopri biss GIP li l-membri tagħhom joperaw fil-qasam tas-saħħa.

58      It-tielet nett, ma jistax jiġi dedott mill-ġenesi tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija limitata għall-qasam tas-saħħa. Ċertament, storikament, l-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 28(3)(a) u mal-Anness E ta’ din tal-aħħar, kien jipprevedi l-possibbiltà li l-eżenzjoni inkwistjoni tiġi limitata għall-GIP ta’ natura medika jew paramedika.

59      Madankollu, il-fatt li s-Sitt Direttiva kienet tipprevedi possibbiltà ta’ deroga mill-imsemmija eżenzjoni biss għall-GIP minbarra dawk ta’ natura medika jew paramedika jindika, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess eżenzjoni jkopri wkoll GIP li l-membri tagħhom joperaw f’oqsma oħra minbarra dak tas-saħħa. Fi kwalunkwe każ, din il-possibbiltà ta’ deroga mill-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva tneħħiet, mill-1 ta’ Jannar 1990, permezz tal-Artikolu 1 tat-Tmintax-il Direttiva 89/465. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-imsemmija eżenzjoni ma hijiex limitata għall-GIP ta’ natura medika jew paramedika.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ilment invokat sussidjarjament mill-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 ma huwiex ristrett għall-GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw professjonijiet li ma jaqgħux fil-qasam tas-saħħa, kif tipprevedi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni, għandu jiġi milqugħ.

 Fuq il-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni

61      Skont l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika sakemm ma tistax tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni.

62      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jiddetermina liema oqsma ta’ attivitajiet jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni mingħajr ma tiġi kkawżata distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’dan il-każ, il-leġiżlatur Ġermaniż qies li din l-eżenzjoni kienet iġġustifikata biss għall-GIP li l-membri tagħhom joperaw fil-qasam tas-saħħa.

63      Għandha tiġi eżaminata, konsegwentement, il-kwistjoni ta’ jekk Stat Membru jistax, fid-dawl tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, jillimita, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-oqsma ta’ attivitajiet li fihom tapplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112.

64      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Istati Membri ma humiex obbligati jittrasponu din il-kundizzjoni b’mod litterali fid-dritt nazzjonali tagħhom (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et, 231/87 u 129/88, EU:C:1989:381, punt 23).

65      Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni, għal attività partikolari, tal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 tistax tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa ċertament possibbli għall-leġiżlatur nazzjonali li jipprevedi regoli li huma faċilment amministrati u kkontrollati mill-awtoritajiet kompetenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2015, Sopora, C‑512/13, EU:C:2015:108, punt 33). Fil-fatt, skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li huma suġġetti għalihom l-eżenzjonijiet, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jaffettwaw id-definizzjoni tal-kontenut tal-eżenzjonijiet previsti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑197/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:202 punt 31, u tal-25 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C-22/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:118, punti 28 u 29).

66      Issa, dan huwa preċiżament l-effett tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni, li permezz tagħha l-leġiżlatur nazzjonali eskluda s-servizzi kollha pprovduti minn GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw attivitajiet ta’ interess ġenerali, bl-eċċezzjoni tal-GIP li l-membri tagħhom joperaw fil-qasam tas-saħħa.

67      Kuntrarjament għal dak li sostniet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C-288/07, EU:C:2008:505) ma jirriżultax li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni tippermetti l-limitazzjoni tal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, b’mod ġenerali fuq il-livell tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dispożizzjoni differenti minn dik inkwistjoni, jiġifieri t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, li tipprovdi li l-korpi rregolati mid-dritt pubbliku kellhom jitqiesu li huma persuni taxxabbli sa fejn in-nuqqas ta’ ntaxxar tagħhom wassal għal distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li l-issuġġettar għall-VAT tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, skont din id-dispożizzjoni, jirriżulta mill-eżerċizzju ta’ attività partikolari inkwantu tali, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija korpi jiltaqgħux jew le ma’ kompetizzjoni fuq il-livell tas-suq lokali partikolari, li fih jeżerċitaw din l-attività. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li l-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, tippermetti l-limitazzjoni, b’mod ġenerali, tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni.

68      Kif irrilevat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni tista’ tkun kumplessa. Madankollu, hija ma ppreċiżatx għaliex din il-kumplessità tirrikjedi intervent tal-leġiżlatur nazzjonali li jeskludi, b’mod ġenerali, ta’ ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali fuq il-bażi ta’ din il-kundizzjoni.

69      Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 119 u 120 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward tal-GIP li l-membri tagħhom joperaw fil-qasam tas-saħħa, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża timponi evalwazzjoni każ b’każ, mill-awtoritajiet fiskali, tal-imsemmija kundizzjoni. Minn dan isegwi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija stess tqis li tali evalwazzjoni mill-awtoritajiet fiskali hija possibbli fil-qasam tas-saħħa. Madankollu, hija ma wrietx għaliex l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni hija differenti f’oqsma oħra minbarra dak tas-saħħa.

70      L-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova impost fuqha għandhom ukoll jiġu miċħuda. Fil-fatt, kif irrikonoxxa dan l-Istat Membru waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni ta’ jekk huwiex legali, għal-leġiżlatur nazzjonali, li jillimita, fid-dawl tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-oqsma ta’ attivitajiet li fihom tapplika l-eżenzjoni inkwistjoni, tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat.

72      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi limitat l-eżenzjoni mill-VAT għal GIP li l-membri tagħhom jeżerċitaw numru limitat ta’ professjonijiet, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112.

 Fuq l-ispejjeż

73      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet il-kawża, hemm lok li hija tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi llimitat l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud għal gruppi indipendenti ta’ persuni li l-membri tagħhom jeżerċitaw numru limitat ta’ professjonijiet, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.