C-262/16 - Shields & Sons Partnership

Printed via the EU tax law app / web

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 296(2) – Artikolu 299 – Skema komuni b’rata fissa għall-bdiewa – Esklużjoni tal-iskema komuni – Kundizzjonijiet – Kunċett ta’ ‘kategorija ta’ bdiewa’”

Fil-Kawża C‑262/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) [qorti superjuri (awla tat-tassazzjoni u taċ-Chancery), ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

Shields & Sons Partnership

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-15 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Shields & Sons Partnership, minn G. Edwards, assistit minn M. C. P. Thomas, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn G. Brown u J. Kraehling, bħala aġenti, assistiti minn R. Chapman, barrister,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany‑Hornung kif ukoll minn R. Lyal u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 296(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Shields & Sons Partnership u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (awtoritajiet tat-taxxa u tad-dwana, ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem, l-“amministrazzjoni fiskali”), rigward l-annullament minn dawn tal-aħħar taċ-ċertifikat ta’ sħubija fl-iskema komuni b’rata fissa għall-bdiewa (iktar ’il quddiem, l-“iskema b’rata fissa”) li kien inħareġ għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        It-Titolu XII tad-Direttiva dwar il-VAT jiddefinixxi l-iskemi speċjali ta’ impożizzjoni għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Il-Kapitolu 2 ta’ dan it-titolu, li jinkludi l-Artikoli 295 sa 305 ta’ din id-direttiva, jirrigwarda l-iskema b’rata fissa.

4        L-Artikolu 296 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

“1.      Fejn l-applikazzjoni għall-bdiewa ta’ l–arranġamenti normali tal-VAT, jew l-iskema speċjali pprovduta fil-Kapitolu 1, x’aktarx li twassal għal diffikultajiet, l-Istati Membri jistgħu japplikaw għall-bdiewa, skont dan il-Kapitolu, skema b’rata fissa mfassla b’mod li tpatti għall-VAT imposta fuq xiri ta’ merkanzija u servizzi magħmula mill-bdiewa b’rata fissa.

2.      Kull Stat Membru jista’ jeskludi mill-iskema b’rata fissa ċertu kategoriji ta’ bdiewa, kif ukoll bdiewa li għalihom applikazzjoni ta’ l-arranġamenti normali tal-VAT, jew tal-proċeduri simplifikati previsti fl-Artikolu 281, x’aktarx li ma tirriżultax f’diffikulatjiet amministrattivi.

3.      Kull bidwi b’rata fissa jista’ jagħżel, soġġett għar-regoli u l-kondizzjonjiet stabbiliti minn kull Stat Membru, għall-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti normali tal-VAT jew, kif ikun il-każ, il-proċeduri simplifikati previsti fl-Artikolu 281.”

5        Skont l-Artikolu 297 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom, fejn hu meħtieġ, jiffissaw il-persentaġġi kompensatorji b’rata fissa. Huma jistgħu jiffissaw persentaġġi li jvarjaw għall-foresterija, għas-sotto-diviżjonijiet differenti ta’ l-agrikoltura u għas-sajd.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-persentaġġi ta’ kumpens b’rata fissa ffissati skont l-ewwel paragrafu qabel japplikawhom.”

6        L-Artikolu 298 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Il-persentaġġi ta’ kumpens b’rata fissa għandhom ikunu kkalkulati abbażi ta’ l-istatistika makro-ekonomika għall-bdiewa b’rata fissa waħedhom għat-tliet snin preċedenti.

Il-persentaġġi jistgħu jitnaqqsu jew jiżdiedu sa l-eqreb nofs-punt. L-Istati Membri jistgħu wkoll inaqqsu tali persentaġġi għal rata żero.”

7        L-Artikolu 299 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Il-persentaġġi ta’ kumpens b’rata fissa jistgħu ma jkollhomx l-effett li jiksbu għall-bdiewa b’rata fissa rifużjonijiet akbar mill-VAT fuq ix-xiri imposta.”

 Id-dritt tar-Renju Unit

8        Taħt it-titolu “Bdiewa, eċċ”, l-Artikolu 54 tal-Value Added Tax Act 1994 (liġi tal-1994 dwar it-taxxa fuq il valur miżjud, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1994”) jipprevedi:

“1)      L-[amministrazzjoni fiskali] tista’, konformement mad-dispożizzjonijiet li hija tista’ tadotta fir-regolamenti tagħha, toħroġ ċertifikat għall-finijiet ta’ dan l-artikolu lil kull persuna li turi:

a)      li hija teżerċita attività jew attivitajiet speċifikati,

b)      li d-deskrizzjoni tagħha tikkorrispondi ma’ dik stabbilita u li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti, [...]

[...]

3)      L-[amministrazzjoni fiskali] tista’ tiffissa permezz ta’ regolamenti ammont inkluż fil-korrispettiv imħallas għal kull kunsinna jew provvista taxxabbli li ssir:

a)      fil-kuntest jew għall-finijiet tal-attivitajiet tagħha minn persuna li għall-perijodu rilevanti jkollha ċertifikat maħruġ taħt dan l-artikolu,

b)      matul perijodu li fih il-persuna inkwistjoni ma kinitx persuna taxxabbli, u

c)      lil persuna taxxabbli,

li jiġi ttrattat, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dritt tal-benefiċjarju tal-kunsinna jew tal-provvista għall-kreditu previst fl-Artikoli 25 u 26, bħala l-VAT fuq il-kunsinni jew il-provvisti magħmula lil din il-persuna.

4)      L-ammont li, għall-finijiet ta’ kwalunkwe dispożizzjoni adottata taħt il-paragrafu 3 hawn fuq, jista’ jiġi inkluż fil-korrispettiv imħallas għal kwalunkwe kunsinna jew provvista huwa ugwali għal perċentwali, kif iffissat, jekk ikun il-każ, mit-Treasury permezz ta’ digriet, tas-somma li, biż-żieda ta’ dan l-ammont, tkun ugwali għall-korrispettiv imħallas għall-operazzjoni inkwistjoni.

5)      Is-setgħa mogħtija lill-[amministrazzjoni fiskali] permezz tar-regolamenti adottati taħt l-Artikolu 39 li tipproċedi għar-rimbors lill-persuni li jaqgħu taħt dan l-artikolu tal-VAT li tkun tikkostitwixxi għalihom taxxa tal-input li kieku kienu persuni taxxabbli fir-Renju Unit tinkludi s-setgħa li tipproċedi għall-pagament lill-persuni li jaqgħu taħt dan l-artikolu tas-somom ekwivalenti għall-ammonti li jkunu jikkostitwixxu għalihom taxxa tal-input skont ir-regolamenti adottati taħt dan l-artikolu li kieku kienu persuni taxxabbli fir-Renju Unit, u r-riferimenti magħmula għar-rimbors tal-VAT fl-Artikolu [39] jew fi kwalunkwe dispożizzjoni oħra għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ dan.

6)      Ir-regolamenti adottati taħt dan l-artikolu jistgħu jistabbilixxu:

[...]

b)      il-każijiet li fihom [l-amministrazzjoni fiskali] tista’ tannulla ċ-ċertifikat maħruġ lil persuna u l-mod li bih hija għandha tipproċedi,

[...]

8)      Skont dan l-artikolu, ‘attività speċifikata’ tfisser kull attività speċifikata permezz ta’ digriet tat-Treasury u eżerċitata minn persuna li għandha titqies bħala bidwi fis-sens tal-Artikolu 25 tas-[Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23),] (skema komuni ta’ rata fissa għall-bdiewa) minħabba l-eżerċizzju ta’ din l-attività.”

9        Il-punt 1 tal-Parti II tal-anness tal-Value Added Tax (Flat-rate Scheme for Farmers) (Designated Activities) Order 1992 [digriet tal-1992 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (skema komuni b’rata fissa għall-bdiewa) (attivitajiet speċifikati)] jindika t-trobbija tal-annimali fost l-attivitajiet li jippermettu lil persuna tissieħeb mal-iskema b’rata fissa.

10      Il-Value Added Tax (Flat-rate Scheme for Farmers) (Percentage Addition) Order 1992 [digriet tal-1992 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (skema komuni b’rata fissa għall-bdiewa) (perċentwali addizzjonali)] jistabbilixxi għal 4 % r-rata ta’ kumpens b’rata fissa, li tapplika għall-bdiewa kollha msieħba fl-imsemmija skema.

11      Il-Value Added Tax Regulations 1995 (regolamenti tal-1995 dwar it-taxxa fuq il valur miżjud) jinkludu t-Taqsima XXIV, adottata skont l-Artikolu 54 tal-liġi tal-1994 u li fiha jinsabu l-Artikoli 202 sa 211.

12      Taħt it-titolu “Skema b’rata fissa”, l-Artikolu 203 tar-regolamenti tal-1995 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud jipprevedi:

“1)      [L-amministrazzjoni fiskali] għandha, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 204, toħroġ iċ-ċertifikat ta’ bidwi b’rata fissa għall-finijiet ta’ din l-iskema b’rata fissa [...]

2)      Meta persuna jkollha, għall-perijodu rilevanti, ċertifikat maħruġ taħt dan l-artikolu (indipendentement minn jekk tkunx persuna taxxabbli jew le), kull kunsinna ta’ prodotti jew provvista ta’ servizzi li hija tagħmel fil-kuntest jew għall-finijiet tal-parti kkonċernata tal-attività tagħha għandha tiġi injorata għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk hijiex, jew saritx jew ma għadhiex tista’ tiġi rreġistrata konformement mal-imsemmi Anness 1 tal-[liġi tal-1994], jew jekk hija għandhiex, jew kisbitx jew jekk ma baqgħalhiex id-dritt li tiġi rreġistrata.”

13      L-Artikolu 204 ta’ dawn ir-regolamenti, intitolat “Eliġibbiltà għall-iskema”, jipprevedi:

“Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 203 huma dawk li ġejjin:

a)      il-persuna turi lil[l-amministrazzjoni fiskali] li hija teżerċita attività speċifikata jew diversi attivitajiet speċifikati;

b)      li matul it-tliet snin li jippreċedu l-applikazzjoni tagħha għal sħubija, il-persuna:

i)      ma ġietx ikkundannata minħabba ksur li huwa marbut mal-VAT;

ii)      ma wettqet l-ebda pagament fir-rigward tal-VAT sabiex tevita prosekuzzjoni taħt l-Artikolu 152 tal-Customs and Excise Management Act 1979 [liġi dwar id-dwana u d-dazji tas-sisa tal-1979], kif applikat mill-Artikolu 72(12) tal-[liġi tal-1994];

iii)      ma kinitx is-suġġett ta’ sanzjoni taħt l-Artikolu 60 tal-[liġi tal-1994];

c)      il-persuna tippreżenta l-applikazzjoni tagħha għal sħubija permezz tal-formola nru 14 prevista fl-Anness 1 ta’ dawn ir-regolamenti, u

d)      il-persuna turi lil[l-amministrazzjoni fiskali] li l-ammonti totali msemmija fl-Artikolu 209 rigward il-kunsinni u l-provvisti li hija ser tagħmel matul is-sena li ssegwi d-data tas-sħubija tagħha ma humiex ser jaqbżu b’3 000 [lira sterlina (GBP) (madwar EUR 3 410)] jew iktar l-ammont tat-taxxa tal-input li għalih hija kienet tkun intitolata tikkredita f’din is-sena.”

14      Skont l-Artikolu 206(1)(i) tar-regolamenti tal-1995 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, l-amministrazzjoni fiskali tista’ tannulla ċ-ċertifikat ta’ sħubija ta’ persuna fl-iskema b’rata fissa meta hija tqis li dan huwa meħtieġ sabiex jiġi ppreżervat id-dħul.

15      Il-punt 7.2 tal-VAT Notice 700/46/12 (komunikazzjoni tal-VAT 700/46/12), dokument li, skont ma tippreċiża l-qorti tar-rinviju, ma għandux il-forza tal-liġi, iżda huwa meqjus mill-amministrazzjoni fiskali li jiddefinixxi kategorija ta’ bdiewa li għandhom jiġu esklużi mill-iskema b’rata fissa, jipprevedi:

“Inti għandek titlaq mill-iskema [...] jekk jiġi kkonstatat li inti tirkupra inkwantu bidwi b’rata fissa ammont sostanzjalment ogħla mill-ammont li kont tirkupra kieku inti suġġett għall-iskema normali tal-VAT.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija soċjetà kkostitwita minn membri tal-istess familja u hija teżerċita attività agrikola fl-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit). Hija trabbi bhejjem bovini mixtrija mingħand kumpannija assoċjata, Shield Livestock Limited, li hija ssemmen qabel ma tbigħhom mill-ġdid lil Anglo Beef Processors, kumpannija li topera biċċerija.

17      Fuq il-parir ta’ din tal-aħħar, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet li tissieħeb fl-iskema b’rata fissa, u dan ġiet aċċettat fl-1 ta’ Mejju 2004. B’dan il-mod hija kellha d-dritt li żżid il-prezz tal-bejgħ tal-bhejjem bovini b’rata fissa ta’ 4 %, żieda li tagħti d-dritt, għall-klijenti tagħha, għal tnaqqis. Fl-applikazzjoni tagħha għal sħubija, hija stmat li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien ser jammonta għal GBP 700 000 (madwar EUR 795 760) matul l-ewwel sena wara s-sħubija tagħha. Is-sena finanzjarja magħluqa fit-30 ta’ Ġunju 2003 kienet indikat ammont ta’ bejgħ ta’ GBP 633 718 (madwar EUR 720 410).

18      Fis-27 ta’ Ġunju 2012, uffiċjali tal-amministrazzjoni fiskali ltaqgħu mal-espert kontabbli tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sabiex jistabbilixxu jekk hija setgħetx tkompli tibbenefika mill-iskema b’rata fissa. Matul din il-laqgħa, ġew eżaminati diversi dikjarazzjonijiet finanzjarji, fosthom il-kontijiet tal-qligħ u t-telf u l-karti tal-bilanċ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll tabella li tqabbel l-ammonti li din kienet irċeviet b’applikazzjoni tar-rata fissa ta’ 4 % u l-ammonti li hija setgħet tnaqqas inkwantu taxxa tal-input kieku hija kienet suġġetta għall-iskema normali tal-VAT.

19      B’dan il-mod l-uffiċjali tal-amministrazzjoni fiskali kkonstataw li, għas-snin finanzjarji 2004/2005 sa 2011/2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ħadet, mis-sħubija tagħha fl-iskema b’rata fissa, vantaġġ finanzjarju li jammonta għal GBP 374 884.23 GBP (madwar EUR 426 170).

20      B’deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2012, l-amministrazzjoni fiskali annullat iċ-ċertifikat ta’ sħubija tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-iskema b’rata fissa, minħabba li l-qligħ magħmul mill-applikazzjoni tar-rata ta’ kumpens b’rata fissa kien jeċċedi b’mod sinjifikattiv it-taxxa tal-input li hija setgħet tnaqqas kieku hija kienet suġġetta għall-iskema normali tal-VAT.

21      Wara lment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-amministrazzjoni fiskali kkonfermat din id-deċiżjoni.

22      B’sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2014, il-First-tier Tribunal (Tax chamber) [qorti tal-prim’istanza (qorti tat-tassazzjoni), ir-Renju Unit] ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u din tal-aħħar appellat quddiem l-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) [qorti superjuri (qorti tat-tassazzjoni u taċ Chancery), ir-Renju Unit].

23      Il-qorti msemmija l-aħħar ikkonstatat li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, fuq żewġ punti marbuta mal-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT.

24      L-ewwel punt huwa dak dwar jekk l-uniċi każijiet li fihom bidwi jista’ jiġi eskluż mill-iskema b’rata fissa huma dawk previsti fl-Artikolu 296(2) tad-Direttiva dwar il-VAT.

25      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li dan l-artikolu jistabbilixxi l-lista eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jeskludi l-bdiewa mill-iskema b’rata fissa, peress li d-Direttiva dwar il-VAT ma tagħti lill-Istati Membri l-ebda setgħa diskrezzjonali sabiex jeskludu persuna speċifika. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-iskema b’rata fissa għandha tiġi ġestita b’mod li tinkiseb newtralità fiskali tal-VAT b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar il-VAT. Fost dawn id-dispożizzjonijiet, hija tindika li l-Artikolu 296(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi l-possibbiltà li jiġu esklużi mhux bdiewa speċifiċi, iżda kategoriji ta’ bdiewa kif ukoll il-bdiewa li għalihom l-applikazzjoni tal-iskema normali tal-VAT ma tippreżentax diffikultajiet amministrattivi. Fl-aħħar nett, hija tispeċifika li l-Artikolu 299 tad-Direttiva dwar il-VAT jirrigwarda biss l-iffissar tal-perċentwali ta’ kumpens b’rata fissa sabiex jiġi ggarantit li l-iskema b’rata fissa tkun, globalment, fiskalment newtrali u li dan l-artikolu ma jippermettix li jiġi eskluż produttur speċifiku minn din l-iskema.

26      L-amministrazzjoni fiskali hija tal-fehma li, sabiex tiġi ggarantita n-newtralità fiskali tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw is-sħubija fl-iskema b’rata fissa għal kundizzjonijiet oħrajn minbarra dawk imsemmija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sakemm ma tiġi miksura l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT. Fl-opinjoni tagħha, l-għan tal-iskema b’rata fissa huwa li toqrob kemm jista’ jkun għan-newtralità fiskali tal-VAT fuq il-livell individwali u globali. Hija tqis li jekk produtturi speċifiċi jitħallew ikomplu bis-sħubija tagħhom f’din l-iskema meta l-vantaġġ li huma jiksbu minnha huwa kbir wisq tiġi ppreġudikata, għall-bdiewa meħuda fit-totalità tagħhom, in-newtralità fiskali tal-VAT.

27      It-tieni punt, identifikat mill-qorti tar-rinviju, li dwaru l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux bejniethom, huwa dak tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kategoriji ta’ bdiewa” fis-sens tal-Artikolu 296(2) tad-Direttiva dwar il-VAT.

28      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-amministrazzjoni fiskali eskludietha mill-iskema b’rata fissa fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħha u mhux minħabba li hija tagħmel parti minn kategorija ta’ bdiewa ddefinita skont l-Artikolu 296(2) tad-Direttiva dwar il-VAT. It-terminu “kategorija” jindika grupp li jista’ jiġi identifikat abbażi ta’ karatteristiċi oġġettivi, u dan jippermetti lil kull bidwi li jiddetermina b’livell ta’ ċertezza raġonevoli jekk huwa jaqax jew le taħt dan il-grupp. F’dan il-każ, l-amministrazzjoni fiskali ma identifikat l-ebda grupp ta’ bdiewa b’mod suffiċjentement ċert. Jekk tiġi aċċettata bħala kategorija ta’ bdiewa, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 296(2), dik prevista mill-amministrazzjoni fiskali, dan jagħti lil din tal-aħħar setgħa diskrezzjonali ladarba tali kategorija tirriżulta minn termini impreċiżi jew li jħallu libertà kompleta lill-imsemmija amministrazzjoni sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi ta’ fatturi suġġettivi.

29      L-amministrazzjoni fiskali tqis li l-kategorija prevista hija suffiċjentement preċiża sabiex tikkostitwixxi kategorija ta’ bdiewa fis-sens tal-Artikolu 296(2) tad-Direttiva dwar il-VAT u li hija ddefinita fil-punt 7.2 tal-komunikazzjoni tal-VAT 700/46/12, li jgħid li jistgħu jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-iskema b’rata fissa l-bdiewa li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat li l-ammont li huma jirkupraw inkwantu bdiewa suġġetti għall-iskema b’rata fissa huwa sostanzjalment ogħla mill-ammont li jirkupraw kieku jkunu suġġetti għall-iskema normali tal-VAT. L-Artikolu 206(1)(i) tar-regolamenti tal-1995 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud huwa fl-istess sens.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) [qorti superjuri (qorti tat-tassazzjoni u taċ Chancery)] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fir-rigward tal-iskema komuni b’rata fissa għall-bdiewa li hija stabbilita mill-Kapitolu 2 tat-Titolu XII tad-Direttiva [2006/11], l‑Artikolu 296(2) [ta’ din id-direttiva] għandu jiġi interpretat bħala li jipprovdi sistema eżawrjenti għal meta Stat Membru jkun jista’ jeskludi bidwi mill-iskema komuni b’rata fissa għall-bdiewa. B’mod partikolari:

a)      Stat Membru jkun jista’ jeskludi bdiewa mill-iskema komuni b’rata fissa għall-bdiewa unikament abbażi tal-[imsemmi] Artikolu 296(2)?

b)      Stat Membru jkun jista’ wkoll jeskludi bidwi mill-iskema komuni b’rata fissa għall-bdiewa billi juża l-Artikolu 299 [tad-Direttiva dwar il-VAT]?

c)      Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jagħti lil Stat Membru d-dritt li jeskludi bidwi mill-iskema komuni b’rata fissa għall‑bdiewa?

d)      Stati Membri għandhom dritt li jeskludu bdiewa mill-iskema komuni b’rata fissa għall-bdiewa abbażi ta’ motivi oħrajn?

2)      Kif għandu jiġi interpretat it-terminu ‘kategoriji ta’ bdiewa’ fl‑Artikolu 296(2) tad-[Direttiva dwar il-VAT]? B’mod partikolari:

a)      Kategorija rilevanti ta’ bdiewa għandha tkun tista’ tiġi identifikata b’riferiment għal karatteristiċi oġġettivi?

b)      Kategorija rilevanti ta’ bdiewa tista’ tiġi identifikata b’riferiment għal kunsiderazzjonijiet ekonomiċi?

c)      Liema livell ta’ preċiżjoni huwa meħtieġ meta tiġi identifikata kategorija ta’ bdiewa li Stat Membru kellu l-intenzjoni li jeskludi?

d)      Dan jagħti dritt lil Stat Membru li jitratta bħala kategorija rilevanti ‘bdiewa li jiġi stabbilit li jkunu qed jirkupraw sostanzjalment iktar bħala membri tal-iskema b’rata fissa milli kieku kienu rreġistrati għall-VAT’?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

31      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 296(2) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jiddefinixxi b’mod eżawrjenti l-każijiet kollha li fihom Stat Membru jista’ jeskludi bidwi mill-iskema b’rata fissa jew jekk l-Artikolu 299 ta’ din id-direttiva, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jew motivi oħrajn jistgħux ikunu l-bażi għal tali esklużjoni.

32      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, l-amministrazzjoni fiskali pproċediet bl-annullament, fuq bażi individwali, taċ-ċertifikat ta’ sħubija tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-iskema b’rata fissa minħabba li l-qligħ magħmul mill-applikazzjoni tar-rata ta’ kumpens b’rata fissa kien jeċċedi b’mod sinjifikattiv it-taxxa tal-input li hija setgħet tnaqqas kieku hija kienet suġġetta għall-iskema normali tal-VAT.

33      Għandu jitfakkar li l-iskema b’rata fissa hija skema derogatorja li tikkostitwixxi eċċezzjoni mill-iskema ġenerali tad-Direttiva dwar il-VAT u li, għaldaqstant, għandha tiġi applikata biss sa fejn huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tagħha (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Harbs, C‑321/02, EU:C:2004:447, punt 27; tat-8 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑524/10, EU:C:2012:129, punt 49, kif ukoll tat-12 ta’ Ottubru 2016, Nigl et, C‑340/15, EU:C:2016:764, punt 37).

34      Fost iż-żewġ għanijiet assenjati lil din l-iskema, jinsab dak li jirrigwarda imperattiv ta’ semplifikazzjoni amministrattiva għall-bdiewa kkonċernati, li għandu jiġi kkonċiljat ma’ dak tal-kumpens tal-VAT tal-input sostnuta minn dawn il-bdiewa waqt l-akkwist ta’ oġġetti użati għall-bżonnijiet tal-attivitajiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑524/10, EU:C:2012:129, punt 50, kif ukoll tat-12 ta’ Ottubru 2016, Nigl et, C‑340/15, EU:C:2016:764, punt 38).

35      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 296(2) tad-Direttiva dwar il-VAT isemmi biss il-possibbiltà li jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-iskema b’rata fissa ċerti kategoriji ta’ bdiewa kif ukoll il-bdiewa li għalihom l-applikazzjoni tal-iskema normali tal-VAT jew tal-modalitajiet issemplifikati previsti fl-Artikolu 281 ta’ din id-direttiva ma tippreżentax diffikultajiet amministrattivi.

37      Madankollu, la l-għanijiet tal-imsemmija skema b’rata fissa u lanqas il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 296(2) tad-Direttiva dwar il-VAT ma jimplikaw il-kunsiderazzjoni li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jammetti motivi oħrajn għal esklużjoni.

38      Huwa minnu li wieħed mill-għanijiet segwiti permezz tal-iskema b’rata fissa huwa dak li l-bdiewa li huma suġġetti għaliha jingħataw il-possibbiltà li jikkumpensaw l-ispejjeż tal-VAT li dawn tal-aħħar sostnew minħabba l-attività tagħhom. Madankollu, ir-riskju ta’ kumpens żejjed tal-VAT jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Artikolu 299 ta’ din id-direttiva fir-rigward tat-totalità tal-bdiewa b’rata fissa. Għal dan il-għan, dan l-artikolu jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu l-perċentwali ta’ kumpens b’rata fissa għal livelli li jkollhom l-effett li jiksbu għat-“totalità tal-bdiewa b’rata fissa” rimborsi ogħla mill-VAT tal-input imposta.

39      Barra minn hekk, l-Artikoli 297 sa 299 tal-imsemmija direttiva jipprevedu li l-iffissar ta’ dawn il-perċentwali jsir globalment minn kull Stat Membru abbażi tad-data makroekonomika li tirrigwarda biss il-bdiewa b’rata fissa tat-tliet snin preċedenti. Għaldaqstant, l-Artikolu 299 tal-istess direttiva ma jistax jiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li jiġi eskluż, fuq bażi individwali, bidwi mill-iskema b’rata fissa fid-dawl tar-rimborsi miksuba permezz tal-applikazzjoni tal-imsemmija perċentwali.

40      Fl-aħħar nett, minkejja li l-qorti tar-rinviju ssemmi l-possibbiltà li jiġi annullat iċ-ċertifikat ta’ sħubija fl-iskema b’rata fissa minħabba li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju ta’ din l-iskema jippreġudika l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, għandu jiġi osservat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-leġiżlatur tal-Unjoni deliberament ibbaża din l-iskema fuq ċerta ġeneralizzazzjoni, u dderoga minn dan il-prinċipju kif seta’ jagħmel validament, sa fejn in-newtralità fiskali, fis-sens li dan il-kunċett għandu fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi mhux prinċipju ġuridiku awtonomu, iżda wieħed mill-għanijiet segwiti permezz tad-Direttiva dwar il-VAT, li huwa kkonkretizzat permezz tal-Artikoli 167 et seq ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input sostnuta.

41      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bħala prinċipju, l-iskema b’rata fissa ma tistax tiżgura newtralità perfetta tal-VAT, u dan sa fejn din l-iskema hija intiża ġustament sabiex tikkonċilja dan l-għan ma’ dak ta’ semplifikazzjoni tar-regoli li għalihom huma suġġetti l-bdiewa b’rata fissa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑524/10, EU:C:2012:129, punt 53).

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni jekk bidwi li jibbenefika minn din l-iskema jikseb, bħal f’dan il-każ, kumpensi tal-VAT li huma ogħla mill-ammont tal-VAT tal-input li huwa seta’ jnaqqas kieku kien suġġett għal din it-taxxa skont l-iskema normali jew l-iskema ssemplifikata ta’ tassazzjoni.

43      Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jistax jiġġustifika miżura ta’ esklużjoni mill-iskema b’rata fissa, bħalma huwa l-annullament ta’ ċertifikat ta’ sħubija f’din l-iskema.

44      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 296(2) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprevedi b’mod eżawrjenti l-każijiet kollha li fihom Stat Membru jista’ jeskludi bidwi mill-iskema b’rata fissa.

 Fuq it-tieni domanda

45      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 296(2) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-bdiewa li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat li l-ammont li huma jirkupraw inkwantu msieħba fl-iskema b’rata fissa huwa sostanzjalment ogħla mill-ammont li jirkupraw kieku jkunu suġġetti għall-iskema normali tal-VAT jew għall-iskema ssemplifikata tal-VAT jistgħu jikkostitwixxu kategorija ta’ bdiewa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

46      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 296(2) tad-Direttiva dwar il-VAT isemmi l-possibbiltajiet ta’ esklużjoni tal-bdiewa mill-iskema b’rata fissa, filwaqt li jispeċifika li tali esklużjoni tista’, b’mod partikolari, tikkonċerna kategoriji ta’ bdiewa, mingħajr madankollu ma jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kategoriji ta’ bdiewa”.

47      Huwa minnu li tali kunċett jirreferi għall-attività eżerċitata mill-bdiewa kkonċernati, li, sabiex jifformaw kategorija, għandu jkollhom karatteristika jew diversi karatteristiċi komuni.

48      Jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-kategoriji ta’ bdiewa, li hemm riferiment għalihom f’dan l-Artikolu 296(2) għandhom jissemmew abbażi ta’ kriterji oġġettivi, ċari u preċiżi, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew, jekk ikun il-każ, mill-awtorità eżekuttiva, awtorizzata f’dan ir-rigward mil-leġiżlatur nazzjonali. Minbarra dan, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-kriterji għandhom jiġu ffissati bil-quddiem, fis-sens li l-kategorija li taqa’ taħt l-esklużjoni għandha tiġi ddefinita a priori u in abstracto, sabiex kull bidwi, waqt l-eventwali deċiżjoni li jissieħeb fl-iskema, ikun f’pożizzjoni li jevalwa jekk huwiex parti mill-kategorija li taqa’ taħt l-esklużjoni u jekk huwiex ser ikompli, sussegwentement, jagħmel parti minn din il-kategorija.

49      B’dan il-mod, bidwi għandu jkun jista’ jwettaq ex ante analiżi individwali tas-sitwazzjoni tiegħu sabiex jiddetermina jekk jagħmilx parti, fid-dawl tal-kriterji oġġettivi stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni, minn kategorija ta’ bdiewa eskluża mill-iskema b’rata fissa. Min-naħa l-oħra, kategorija ta’ bdiewa, fis-sens tal-Artikolu 296(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, ma tistax tiġi ddefinita b’riferiment għal kriterju li ma jippermettix lill-persuni kkonċernati jipproċedu b’tali analiżi individwali, mingħajr ma jiġu miksura r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali.

50      F’dan il-każ, dan huwa preċiżament il-każ ta’ kriterju ta’ esklużjoni mill-iskema b’rata fissa bbażat fuq il-kunċett ta’ ammont “sostanzjalment ogħla”.

51      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 296(2) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-bdiewa li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat li l-ammont li huma jirkupraw inkwantu msieħba fl-iskema b’rata fissa huwa sostanzjalment ogħla mill-ammont li jirkupraw kieku jkunu suġġetti għall-iskema normali jew għall-iskema ssemplifikata tal-VAT ma jistgħux jikkostitwixxu kategorija ta’ bdiewa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 296(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprevedi b’mod eżawrjenti l-każijiet kollha li fihom Stat Membru jista’ jeskludi bidwi mill-iskema komuni b’rata fissa tal-bdiewa.

2)      L-Artikolu 296(2) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-bdiewa li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat li l-ammont li huma jirkupraw inkwantu msieħba fl-iskema komuni b’rata fissa tal-bdiewa huwa sostanzjalment ogħla mill-ammont li jirkupraw kieku jkunu suġġetti għall-iskema normali jew għall-iskema ssemplifikata tat-taxxa fuq il-valur miżjud ma jistgħux jikkostitwixxu kategorija ta’ bdiewa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.