C-441/16 - SMS group

Printed via the EU tax law app / web

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

21 ta’ Settembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – It-Tmien Direttiva 79/1072/KEE – Direttiva 2006/112/KE – Persuna taxxabbli residenti fi Stat Membru ieħor – Rimbors tal-VAT imposta fuq merkanzija importata – Kundizzjonijiet – Elementi oġġettivi li jikkonfermaw l-intenzjoni tal-persuna taxxabbli li tuża l-merkanzija importata fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha – Riskju serju ta’ nuqqas ta’ twettiq tat-tranżazzjoni li ġġustifikat l-importazzjoni”

Fil-Kawża C‑441/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Înalta Curte de Casație şi Justiție (qorti superjuri ta’ kassazzjoni u ta’ ġustizzja, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

SMS group GmbH

vs

Direcţia Generală Regională a Finanțelor Publice București,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Berger (Relatur), President tal-Awla, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SMS group GmbH, minn E. Băncilă, avukat,

–        għall-Gvern Rumen, minn R.-H. Radu kif ukoll minn C.-M. Florescu u R.‑M. Mangu, , bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Galluzzo, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 sa 6 tat-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE, tas‑6 ta’ Diċembru 1979, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 79, iktar ’il quddiem it-“Tmien Direttiva”) u tal-Artikolu 17(2) u (3)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas‑17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SMS group GmbH u d-Direcţia Generală Regională a Finanțelor Publice București (direttorat ġenerali għall-finanzi pubbliċi ta’ Bukarest, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni tat-taxxa”) dwar ir-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imħallsa minn SMS group fir-Rumanija matul is-sena 2009.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-kawża prinċipali tirrigwarda talba għar-rimbors tal-VAT, li tressqet fit‑23 ta’ Diċembru 2009, wara l-importazzjoni ta’ merkanzija fl‑14 ta’ Settembru 2009. Konsegwentement, f’dan il-każ huma applikabbli, ratione temporis, it-Tmien Direttiva u d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem it-“Direttiva tal-VAT”).

 It-Tmien Direttiva

4        L-Artikolu 1 tat-Tmien Direttiva jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, ‘persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju tal-pajjiż’ għandha tfisser persuna [...] li, matul il-perjodu li hemm referenza għalih fl-ewwel u t-tieni sentenzi ta’ l-ewwel sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 7(1), li la kellha l-post ta’ l-attività ekonomika f’dak il-pajjiż, u lanqas kellha stabbiliment li minnu jkunu magħmula transazzjonijiet tan-negozju [...] u li, matul l-istess perjodu, ma tkunx issuplixxiet la merkanzija u lanqas servizzi meqjusa li kienu ġew ipprovduti f’dak il-pajjiż, bl-eċċezzjoni ta’:

(a) servizzi ta’ trasport [...];

(b) servizzi pprovduti fil-każijiet fejn it-taxxa tkun imħallsa biss mill-persuna li jkunu sarulha s-servizzi [...].”

5        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jirrifondi lil kull persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita fit-territorju ta’ dak il-pajjiż iżda li tkun stabbilita fi Stati Membru ieħor, soġġetta għall-kondizzjoniiet preskritti taħt, kull [VAT] mitluba fir-rigward ta’ servizzi jew proprjetà li tista’ tiċċaqlaq ipprovduta lilha minn persuni oħra taxxabbli fit-territorju tal-pajjiż jew mitluba fir-rigward ta’ l-importazzjoni ta’ merkanzija fil-pajjiż, sakemm tali merkanzija u servizzi jintużaw għall-għanijiet tat-transazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 17(3)(a) u (b) [tas-Sitt Direttiva] [...]”

6        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“Sabiex tikkwalifika għal rifużjoni, kull persuna taxxabbli kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 2 li ma tissuplixxix la merkanzija u l-anqas servizzi maħsuba li jkunu pprovduti fit-territorju tal-pajjiż għandha:

a)      tgħaddi lill-awtorità kompetenti […] applikazzjoni […]

b)      tipprovdi evidenza, fil-forma ta’ ċertifikat maħruġ mill-awtorità uffiċjali ta’ l-Istat li fih tkun stabbilita, li tkun persuna taxxabbli għall-għanijiet ta’ [VAT] f’dak l-Istat. [...]

ċ)      tiċċertifika permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li ma tkun ipprovdiet l-ebda merkanzija jew servizzi li kellhom ikunu pprovduti fit-territorju tal-pajjiż matul il-perjodu li hemm referenza għalih fl-ewwel u t-tieni sentenzi ta’ l-ewwel sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 7(1);

d)      twiegħed li tħallas lura kwalunkwe somma miġbura bi żball.”

7        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Sabiex tkun eliġibbli għal rifużjoni, kull persuna taxxabbli kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 2 li ma tkunx ipprovdiet la merkanzija u lanqas servizzi fit-territorju tal-pajjiż li kellhom ikunu pprovduti fil-pajjiż minbarra s-servizzi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(a) u (b) għandha:

a)      tissodisfa l-ħtiġijiet preskritti fl-Artikolu 3(a), (b) u (d);

b)      tiċċertifika permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li, matul il-perjodu li hemm referenza għalih fl-ewwel u t-tieni sentenzi ta’ l-ewwel sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 7(1), ma tkun ipprovdiet l-ebda merkanzija jew servizzi li kellhom ikunu pprovduti fit-territorju tal-pajjiż minbarra minn servizzi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(a) u (b).”

8        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tat-Tmien Direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, merkanzija u servizzi li għalihom tista’ ssir rifużjoni tat-taxxa għandhom jissodisfaw il-kondizzjoniiet preskritti fl-Artikolu 17 [tas-Sitt Direttiva] kif applikabbli fl-Istat Membru ta’ rifużjoni.”

9        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa redatt b’dan il-mod:

“Stati Membri jistgħu ma jimponux fuq persuni taxxabbli li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2 kwalunkwe obbligu, barra minn dawk li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 3 u 4, barra mill-obbligu li tkun ipprovduta, f’każijiet speċifiċi, l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikun stabbilit jekk l-applikazzjoni għal rifużjoni tkunx iġġustifikata.”

10      L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-applikazzjoni għal rifużjoni li għaliha hemm provdut fl-Artikoli 3 u 4 għandu jkollha x’taqsam max-xiri fur fatturi ta’ merkanzija jew servizzi jew għal importazzjonijiet magħmula matul perjodu ta’ mhux inqas minn tliet xhur jew mhux aktar minn sena kalendarja. [...]”

 Id-Direttiva tal-VAT

11      Id-Direttiva tal-VAT ħassret u ssostitwixxiet sa mill‑1 ta’ Jannar 2007 is-Sitt Direttiva. Skont il-premessi 1 u 3 tad-Direttiva tal-VAT, il-formulazzjoni mill-ġdid tas-Sitt Direttiva kienet meħtieġa sabiex id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli jiġu ppreżentati b’mod ċar u razzjonali bi struttura u redazzjoni riveduti mingħajr ma jkun hemm, bħala prinċipju, tibdil fis-sustanza.

12      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. [...]”

13      Skont l-Artikolu 70 ta’ din id-direttiva:

“L-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija tkun impurtata.”

14      L-Artikolu 146(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

a)      il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata għal destinazzjoni barra mill-Komunità minn jew għan-nom tal-bejjiegħ;

[...]”

15      L-Artikolu 167 tal-istess direttiva, li r-redazzjoni tiegħu hija identika għal dik tal-Artikolu 17(1) tas-Sitt Direttiva, jipprovdi:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

16      L-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT, li l-kontenut tiegħu huwa, essenzjalment, identiku għal dak tal-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, jipprevedi:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[...]

(e)      [VAT] dovut jew imħallas għal merkanzija importata f’dak l-Istat Membru.”

17      Il-kontenut tal-Artikolu 169 tad-Direttiva tal-VAT huwa, essenzjalment, identiku għal dak tal-Artikolu 17(3) tas-Sitt Direttiva. Dan l-ewwel artikolu jipprovdi:

“Minbarra t-tnaqqis msemmi fl-Artikolu 168, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata li tnaqqas l-VAT imsemmija hemmhekk, safejn il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għal finijiet ta’ dan li ġej:

(a)      transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet msemmijin fit–tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1), li twettqu barra mill-Istat Membru li fih dik it-taxxa hi dovuta jew imħallsa, li fir-rigward tiegħu il-VAT tista’ titnaqqas jekk dawn twettqu f’dak l-Istat Membru;

(b)      transazzjonijiet li huma eżenti skond [l-Artikolu] 146 [...];

[...]”

18      L-Artikolu 170 tad-Direttiva tal-VAT huwa redatt kif ġej:

“Il-Persuni taxxabbli kollha li, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 [tat-Tmien Direttiva] [...] mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetta għall-VAT għandhom ikunu intitolati jirċievu rifużjoni ta’ dik il-VAT safejn il-merkanzija u s-servizzi huma użati għall-finijiet ta’ dan li ġej:

(a)      transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 169;

[...]”

19      L-Artikolu 171(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“Għandha ssir rifużjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetti għall-VAT, imma li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, skond ir-regoli ta’ implimentazzjoni ddettaljati stabbiliti [fit-Tmien Direttiva].

[…]”

 Id-dritt Rumen

20      L-Artikolu 147bis tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (Liġi Nru 571/2003 dwar il-kodiċi fiskali), intitolat “Rimbors tat-taxxa għall-persuni taxxabbli mhux irreġistrati għall-finijiet tal-VAT fir-Rumanija”, jipprevedi:

“1)      Fil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi:

a)      il-persuna taxxabbli mhux irreġistrata u li ma hijiex obbligata tirreġistra għall-finijiet tal-VAT fir-Rumanija, stabbilita fi Stat Membru ieħor, tista’ titlob ir-rimbors tat-taxxa mħallsa; [...]

[...]”

21      Il-punt 49 tal-Hotărârea Guvernului nr. 44/2004 pentru aprobarea Normelor metodologice de aplicare a Codului fiscal (Deċiżjoni tal-Gvern Nru 44/2004 li tapprova n-normi metodoloġiċi ta’ applikazzjoni tal-kodiċi fiskali) jipprovdi:

“[...]

3)      Il-persuna taxxabbli [...] hija persuna taxxabbli li [...] ma hijiex irreġistrata u li ma hijiex obbligata tirreġistra għall-finijiet tat-taxxa fir-Rumanija [...], ma hijiex stabbilita u ma għandhiex sede fiss fir-Rumanija li twettaq l-attivitajiet ekonomiċi minnu u li, matul dan il-perijodu, ma wettqitx kunsinna ta’ merkanzija jew provvista ta’ servizzi fir-Rumanija [...]

4)      Ir-rimbors tat-taxxa [...] jingħata lill-persuna taxxabbli msemmija fil-paragrafu 3 sa fejn il-merkanzija u s-servizzi [...] importati fir-Rumanija, li t-taxxa tħallset għalihom, jintużaw mill-persuna taxxabbli għal:

a)      it-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw l-attività ekonomika tagħha li permezz tagħhom il-persuna taxxabbli kienet tkun intitolata tnaqqas it-taxxa li kieku dawn it-tranżazzjonijiet seħħew fir-Rumanija [...];

[...]

5)      Sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għar-rimbors, kull persuna taxxabbli msemmija fil-paragrafu 3 għandha tikkonforma mal-obbligi li ġejjin:

[...]

c)      tikkonferma permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li, matul il-perijodu msemmi fl-applikazzjoni għal rimbors tagħha, hija ma wettqitx kunsinna ta’ merkanzija jew provvista ta’ servizzi li seħħew jew li tqiesu li seħħew fir-Rumanija [...];

[...]

6)      Is-servizzi fiskali kompetenti ma jistgħux jimponu, fuq il-persuna taxxabbli li titlob ir-rimbors [...], obbligi oħrajn minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 5. Eċċezzjonalment, is-servizzi fiskali kompetenti jistgħu jitolbu lill-persuna taxxabbli li tipprovdi l-informazzjoni neċessarja sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-applikazzjoni għal rimbors.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      SMS group hija kumpannija stabbilita fil-Ġermanja li tikkummerċjalizza u tinstalla impjanti intiżi għall-iffurmar tal-azzar. Fis‑7 ta’ Frar 2008, SMS Meer, entità li sadanittant ġiet assimilata f’SMS group, ikkonkludiet, bħala bejjiegħ, kuntratt imsejjaħ “Nru 27” ma’ Zimekon Handels GmbH Autriche (iktar ’il quddiem ix-“xerrej”), dwar it-twettiq u l-kunsinna ta’ sistema ta’ wweldjar ta’ pajpijiet għall-produzzjoni ta’ tubi u ta’ profili tubulari tal-azzar permezz ta’ wweldjar bl-elettriku lonġitudinali (iktar ’il quddiem ir-“RSA”). Id-destinatarju tar-RSA kienet il-kumpannija OOO Zimekon Ukraine.

23      Skont il-pjan ta’ ħlas previst bil-kuntratt Nru 27, ix-xerrej kellu jħallas, għall-ewwel parti tax-xogħlijiet għall-produzzjoni tar-RSA, ħlas bil-quddiem ta’ EUR 2 miljun fix-xahar ta’ Marzu 2008, u sussegwentement ammont ta’ EUR 800 000 fil‑15 ta’ April 2008, EUR 1 miljun addizzjonali fil‑15 ta’ Mejju 2008 u, fl-aħħar nett, ammont ta’ EUR 1 miljun fil‑15 ta’ Ġunju 2008. Il-kunsinna lid-destinatarju kellha sseħħ bejn l‑1 ta’ Ġunju 2009 u t‑30 ta’ Settembru 2009, bil-kundizzjoni li l-ħlasijiet previsti b’dan il-kuntratt ikunu saru fit-termini imposti.

24      Fis‑26 ta’ Ġunju 2008, minkejja li x-xerrej kien ħallas biss il-ħlas bil-quddiem ta’ EUR 2 miljun, SMS Meer ikkonkludiet ma’ Asmas AES, stabbilita fit-Turkija, ftehim ta’ subappalt, għall-kunsinna ta’ tagħmir li SMS Meer kellha bżonn sabiex tipprovdi r-RSA (iktar ’il quddiem il-“merkanzija inkwistjoni”). Fil‑5 ta’ Novembru 2008, fuq it-talba tax-xerrej, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt Nru 27 madankollu ġiet sospiża sal‑1 ta’ Settembru 2009, peress li x-xerrej kien jinsab f’diffikultajiet finanzjarji. SMS Meer talbet lix-xerrej jagħmel il-kumplament tal-ħlasijiet, filwaqt li speċifikat li x-xogħlijiet kienu se jkomplu biss wara l-ħlas tal-ammonti dovuti.

25      Fl‑14 ta’ Settembru 2009, SMS Meer importat mit-Turkija lejn ir-Rumanija l-merkanzija inkwistjoni u ħallset il-VAT relatata magħha fl-ammont ta’ RON 1 487 739 (lei Rumeni) (madwar EUR 327 500). Wara l-importazzjoni, din il-merkanzija tpoġġiet f’maħżen fir-Rumanija.

26      Peress li x-xerrej ma onorax il-kumplament tal-ħlasijiet, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt Nru 27 ma tkomplietx. Skont SMS group, il-merkanzija inkwistjoni ma setgħetx tintuża għal proġetti oħrajn u hija għandha l-intenzjoni li tarmiha bħala scrap.

27      Fit‑23 ta’ Diċembru 2009, SMS Meer talbet lill-amministrazzjoni tat-taxxa għar-rimbors tal-VAT imħallsa fir-Rumanija meta saret l-importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni. Bi tweġiba għal talba għal informazzjoni addizzjonali mill-amministrazzjoni tat-taxxa, SMS Meer argumentat li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt Nru 27, hija kellha l-intenzjoni li tesporta din il-merkanzija. Madankollu hija ma pprovdietx informazzjoni konkreta dwar id-destinazzjoni jew id-data meta għandha sseħħ din l-esportazzjoni.

28      L-amministrazzjoni tat-taxxa madankollu ċaħdet li tirrimborsa l-VAT, peress li qieset li SMS Meer ma ppreżentatx dokumenti ta’ sostenn li jistabbilixxu ċ-ċirkulazzjoni sussegwenti tal-merkanzija inkwistjoni u l-benefiċjarju finali tagħha. Wara li s-servizz tal-ipproċessar tal-ilmenti tal-amministrazzjoni tat-taxxa ċaħad ir-rikors amministrattiv ippreżentat minn SMS Meer kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut, il-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz tal-ewwel sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2012, ċaħdet it-talba ta’ SMS Meer intiża li tannulla dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni tat-taxxa.

29      Din l-ewwel sentenza madankollu tħassret mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (qorti superjuri ta’ kassazzjoni u ta’ ġustizzja, ir-Rumanija), li bagħtet il-kawża lura quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell ta’ Bukarest). Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2014, din tal-aħħar mill-ġdid ċaħdet it-talba ta’ SMS Meer bħala infondata, peress li, skont l-imsemmija qorti, l-amministrazzjoni tat-taxxa kienet eżiġiet ġustament li SMS Meer tiġġustifika ċ-ċirkulazzjoni sussegwenti tal-merkanzija inkwistjoni. Fil-fatt, SMS Meer hija obbligata, skont l-Artikolu 147bis(1)(a) tal-Liġi Nru 571/2003, li tipproduċi l-prova tad-destinazzjoni tal-merkanzija importata fir-Rumanija, peress li d-destinazzjoni effettiva tagħha hija rilevanti għas-sistema fiskali applikabbli.

30      SMS Meer appellat fil-kassazzjoni mis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2014, billi argumentat li l-konklużjoni tal-kuntratt Nru 27 max-xerrej u l-eżekuzzjoni parzjali tiegħu kienet tranżazzjoni taxxabbli. Barra minn hekk, il-kuntratt Nru 27 kien eżegwit ukoll permezz tal-għoti ta’ ħlas bil-quddiem ta’ EUR 2 miljun fuq l-ammont totali tal-prezz miftiehem, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ sub-appalt u x-xiri minn fornitur fit-Turkija ta’ parti mill-komponenti meħtieġa għall-manifattura tar-RSA. SMS Meer għaldaqstant stabbilixxiet rabta diretta bejn l-importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni u t-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. Ir-rimbors tal-VAT ma jistax jiddependi, skont SMS Meer, fuq il-prova taċ-ċirkulazzjoni ta’ din il-merkanzija wara l-importazzjoni, minkejja li l-kuntratt Nru 27, b’mod definittiv, ma tkompliex. Mal-importazzjoni, il-partijiet kien għad kellhom l-intenzjoni li t-tranżazzjoni titwettaq.

31      Skont il-qorti tar-rinviju, meta saret l-importazzjoni, SMS Meer kellha riskju serju li l-kuntratt Nru 27 jiġi tterminat, sa fejn ix-xerrej ma kienx għadu jonora l-partijiet tal-ħlas dovuti konformement ma’ dan il-kuntratt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li saret l-importazzjoni meta l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt kienet sospiża jimplikax li l-importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni ma kinitx għad għandha rabta mal-eżekuzzjoni tiegħu.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (qorti superjuri ta’ kassazzjoni u ta’ ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 2 [sa 5 tat-Tmien Direttiva], moqrija flimkien mal-Artikolu 17(2) u (3)(a) [tas-Sitt Direttiva], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi ta’ awtorità fiskali nazzjonali li tqis li ma jkunx hemm elementi oġġettivi li jiġġustifikaw l-intenzjoni ddikjarata tal-persuna taxxabbli li tuża l-beni importati fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha, fil-każ fejn, fid-data tal-importazzjoni, il-kuntratt li permezz tiegħu l-persuna taxxabbli tkun xtrat u importat il-beni kien sospiż, bir-riskju serju li l-provvista/it-tranżazzjoni sussegwenti li fir-rigward tagħha ġew importati l-imsemmija beni, ma titwettaqx iktar?

2)      Il-prova taċ-ċirkulazzjoni sussegwenti tal-beni importati, jiġifieri li jiġi stabbilit jekk u kif il-beni importati kienu effettivament intenzjonati għat-tranżazzjonijiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli, hija kundizzjoni supplimentari meħtieġa għall-finijiet tar-rimbors tal-VAT, differenti minn dawk previsti fl-Artikoli 3 u 4 tat-[Tmien Direttiva] u pprojbita skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva, jew inkella informazzjoni neċessarja fuq il-kundizzjoni sostantiva għar-rimbors dwar l-użu ta’ beni importati fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, li l-awtorità fiskali tistà teżiġi skont l-Artikolu 6 tat-Tmien Direttiva?

3)      Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 [sa 5 tat-Tmien Direttiva], moqrija flimkien mal-Artikolu 17(2) u (3)(a) tas-[Sitt Direttiva], id-dritt ta’ rimbors tal-VAT jista’ jinċaħad jekk it-tranżazzjoni sussegwenti prevista, fil-kuntest li fih kienu intenzjonati li jintużaw il-beni importati, ma titwettaqx iktar? F’tali ċirkustanzi, l-intenzjoni effettiva tal-beni, f’dan il-każ, jekk l-imsemmija beni ntużawx fi kwalunkwe każ, b’liema mod u f’liema territorju, jiġifieri fl-Istat Membru fejn tħallset il-VAT jew inkella barra minn dan l-Istat Membru, hija rilevanti?”

 Fuq id-domandi preliminari

33      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-Tmien Direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 170 tad-Direttiva tal-VAT, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li Stat Membru jirrifjuta lil persuna taxxabbli li ma hijiex stabbilita fit-territorju tiegħu d-dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa meta saret l-importazzjoni ta’ merkanzija f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, meta saret l-importazzjoni, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt li fil-kuntest tiegħu l-persuna taxxabbli xtrat u importat din il-merkanzija kienet sospiża, it-tranżazzjoni li għaliha kellha tintuża din il-merkanzija finalment ma saritx u l-persuna taxxabbli ma pproduċietx il-prova taċ-ċirkulazzjoni sussegwenti tagħha.

34      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li t-Tmien Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi l-arranġamenti għar-rimbors tal-VAT imħallsa fi Stat Membru minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li tarmonizza b’dan il-mod id-dritt għar-rimbors kif jirriżulta mill-Artikolu 170 tad-Direttiva tal-VAT (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2007, Planzer Luxembourg, C‑73/06, EU:C:2007:397, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-kuntest, mill-Artikolu 2 tat-Tmien Direttiva jirriżulta li kull Stat Membru għandu jirrimborsa lil kull persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita fit-territorju tiegħu iżda li tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor, suġġett għall-kundizzjonijiet preskritti taħt din id-direttiva, il-VAT imposta, b’mod partikolari, fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija f’dan l-ewwel Stat Membru, sakemm tali merkanzija tintuża għall-għanijiet tat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 170 tad-Direttiva tal-VAT.

36      F’dan ir-rigward, l-Artikoli 3 u 4 tat-Tmien Direttiva jispeċifikaw il-formalitajiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jinkiseb tali rimbors.

37      Issa, bħalma esponiet ġustament il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, it-Tmien Direttiva ma għandhiex l-għan la li tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u lanqas il-portata tad-dritt għar-rimbors. Fil-fatt, mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jirriżulta li d-dritt għar-rimbors tal-VAT huwa ddeterminat konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva tal-VAT.

38      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li d-dritt, għal persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru, li tikseb rimbors tal-VAT imħallsa fi Stat Membru ieħor, kif irregolat mit-Tmien Direttiva, jirrifletti d-dritt, mogħti lilha mid-Direttiva tal-VAT, li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa fl-Istat Membru tagħha stess (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Daimler u Widex, C‑318/11 u C‑319/11, EU:C:2012:666, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi dritt għal tnaqqis jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u, bħala prinċipju, ma jistax jiġi limitat. Huwa jiġi eżerċitat immedjatament għat-taxxi kollha li kienu suġġetti għalihom it-tranżazzjonijiet input (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Gemeente Woerden, C‑267/15, EU:C:2016:466, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fil-fatt, is-sistema ta’ tnaqqis u, għaldaqstant, ta’ rimbors, hija intiża li teħles kompletament lin-negozjant mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Is-sistema komuni tal-VAT tfittex, konsegwentement, li tiggarantixxi n-newtralità perfetta fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, ikunu liema jkunu l-għanijiet jew ir-riżultati tagħhom, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu huma stess suġġetti għall-VAT (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, Klub, C‑153/11, EU:C:2012:163, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-kundizzjonijiet tad-dritt għar-rimbors, mill-Artikolu 170 tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 169 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li kull persuna taxxabbli li, fis-sens tal-Artikolu 1 tat-Tmien Direttiva, ma hijiex stabbilita fl-Istat Membru li fih twettaq l-importazzjoni ta’ merkanzija suġġetta għall-VAT, għandha d-dritt li tikseb ir-rimbors ta’ din it-taxxa, sakemm din il-merkanzija tintuża jew għat-tranżazzjonijiet tagħha li jaqgħu taħt l-attivitajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, imwettqa ’l barra mill-Istat Membru li fih din it-taxxa hija dovuta jew imħallsa u li jagħtu dritt għal tnaqqis li kieku twettqu f’dan l-Istat Membru, jew għal ċerti tranżazzjonijiet eżentati.

42      Dan id-dritt għar-rimbors iqum, konformement mal-Artikoli 70 u 167 tad-Direttiva tal-VAT, meta t-taxxa ssir dovuta, jew meta ssir l-importazzjoni tal-merkanzija (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, Klub, C‑153/11, EU:C:2012:163, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk SMS Meer tistax titqies bħala persuna taxxabbli, fis-sens tal-Artikolu 1 tat-Tmien Direttiva, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi, essenzjalment, żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, il-persuna taxxabbli inkwistjoni ma għandu jkollha, matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, l-ebda stabbiliment fl-Istat Membru li fih hija tkun qiegħda titlob dan ir-rimbors. Min-naħa l-oħra, hija ma għandhiex tkun wettqet, matul l-istess perijodu, kunsinni ta’ merkanzija jew provvisti ta’ servizzi meqjusa li jkunu saru f’dan l-Istat Membru, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti provvisti ta’ servizzi speċifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, E.ON Global Commodities, C‑323/12, EU:C:2014:53, punt 42).

44      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li SMS Meer tissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet. B’mod partikolari, huwa stabbilit li, meta saret l-importazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-kumpannija kienet persuna suġġetta għat-taxxa tal-VAT fil-Ġermanja, bħala kumpannija li teżerċita f’dan l-Istat Membru attivitajiet ekonomiċi li jikkonsistu fil-kummerċjalizzazzjoni u l-installazzjoni ta’ impjanti intiżi għall-iffurmar tal-azzar, u li hija ma kinitx obbligata tirreġistra għall-finijiet tal-VAT fir-Rumanija.

45      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk SMS Meer aġixxietx bħala persuna taxxabbli meta saret l-importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fir-Rumanija, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” huwa ddefinit, konformement mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, b’rabta ma’ dak ta’ “attività ekonomika” (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2012, Gran Via Moineşti, C‑257/11, EU:C:2012:759, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Individwu li jimporta merkanzija għall-finijiet ta’ attività ekonomika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jagħmel dan bħala persuna taxxabbli, anki jekk din il-merkanzija ma hijiex użata immedjatament għal din l-attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2012, Gran Via Moineşti, C‑257/11, EU:C:2012:759, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dak li jinkorri xi spejjeż ta’ investiment bl-intenzjoni, ikkonfermata minn elementi oġġettivi, li jeżerċita attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, għandu jitqies bħala persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1985, Rompelman, 268/83, EU:C:1985:74, punt 24; tad‑29 ta’ Frar 1996, INZO, C‑110/94, EU:C:1996:67, punt 17, u tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Sveda, C‑126/14, EU:C:2015:712, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Il-kwistjoni dwar jekk persuna taxxabbli taġixxix bħala tali hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni kollha tal-każ, fejn fost din hemm in-natura tal-merkanzija inkwistjoni u l-perijodu li jkun għadda bejn ix-xiri tagħha u l-użu tagħha għall-għanijiet tal-attivitajiet ekonomiċi ta’ din il-persuna taxxabbli (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, Klub, C‑153/11, EU:C:2012:163, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li tintalab tipprovdi risposti utli lill-qorti nazzjonali, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet li ngħatawlha, li jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Posnania Investment, C‑36/16, EU:C:2017:361, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-każ, huwa stabbilit li SMS Meer, wara li rċeviet ħlas bil-quddiem ta’ EUR 2 miljun, ikkonkludiet, fis‑26 ta’ Ġunju 2008, ftehim ta’ sub-appalt, dwar il-merkanzija inkwistjoni, li nxtrat bħala tagħmir meħtieġ għat-twettiq tar-RSA u, għaldaqstant, għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt Nru 27. Minn dawn il-konstatazzjonijiet jidher li din il-kumpannija importat il-merkanzija inkwistjoni bl-intenzjoni, ikkonfermata minn elementi oġġettivi, li teżerċita attività ekonomika.

50      F’dan ir-rigward, il-fatt biss li l-kuntratt Nru 27 kien sospiż meta ġiet importata l-merkanzija inkwistjoni ma għandux rilevanza, minħabba, b’mod partikolari, tal-fatt li għandu jiġi preżunt li SMS Meer kienet tikser l-obbligi kuntrattwali tagħha fil-konfront tas-subappaltatur tagħha li kieku hija kienet irrifjutat il-kunsinna tal-merkanzija għar-raġuni biss li l-kuntratt Nru 27 kien sospiż. Barra minn hekk, kien biss wara li din il-merkanzija kienet fil-fatt importata li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ma tkomplietx b’mod definittiv, u dan għal raġunijiet indipendenti mill-volontà ta’ SMS Meer, jiġifieri d-diffikultajiet ta’ ħlas li kkonfronta x-xerrej.

51      SMS Meer għaldaqstant aġixxiet, meta saret l-importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni, bħala persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT.

52      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-użu tal-merkanzija inkwistjoni għal tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 170 tad-Direttiva tal-VAT, huwa stabbilit li d-destinatarju tar-RSA, li għat-twettiq tiegħu SMS Meer akkwistat din il-merkanzija, kien jinsab fl-Ukraina. Għaldaqstant, l-importazzjoni tal-imsemmija merkanzija seħħet sabiex issir, b’mod definittiv, esportazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 146 tad-Direttiva tal-VAT, tranżazzjoni li jagħmel riferiment għaliha l-Artikolu 170 ta’ din id-direttiva.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li SMS Meer akkwistat, meta saret l-importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fir-Rumanija, id-dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa.

54      L-eżistenza ta’ dan id-dritt ma hijiex imminata mill-fatt li t-tranżazzjoni li fil-kuntest tagħha l-merkanzija inkwistjoni għandha tiġi użata finalment ma saritx u li SMS Meer ma setgħetx tipproduċi l-prova, meħtieġa mill-amministrazzjoni tat-taxxa, taċ-ċirkulazzjoni sussegwenti tal-imsemmija merkanzija.

55      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi frawdolenti jew abbużivi, u bil-kundizzjoni ta’ eventwali regolarizzazzjonijiet skont il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva tal-VAT, id-dritt għar-rimbors, ladarba jeżisti, jibqa’ kweżit (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, Klub, C‑153/11, EU:C:2012:163, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      B’mod iktar partikolari, meta l-persuna taxxabbli ma setgħetx tuża l-merkanzija li tat lok għar-rimbors fil-kuntest tat-tranżazzjoni maħsuba minħabba ċirkustanzi li ma jaqgħux taħt ir-rieda tagħha, id-dritt għar-rimbors jibqa’ kweżit għaliex, f’każ bħal dan, ma jeżisti ebda riskju ta’ frodi jew ta’ abbuż li jista’ jiġġustifika r-rifjut tar-rimbors (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, Klub, C‑153/11, EU:C:2012:163, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali kunsiderazzjonijiet japplikaw a fortiori għal persuna taxxabbli, bħal SMS Meer, peress li, skont id-dikjarazzjonijiet tagħha, hija ma kellha ebda użu ieħor għall-merkanzija inkwistjoni.

57      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, sa fejn l-awtoritajiet fiskali nazzjonali ma għandhomx elementi oġġettivi li jippruvaw li d-dritt għar-rimbors qam b’mod abbużiv jew frawdolenti, fatt li, b’mod definittiv, huwa r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, il-fatti sussegwenti għall-importazzjoni ma għandhomx rilevanza. B’mod partikolari, li wieħed jeżiġi li SMS Meer tipproduċi l-prova li l-merkanzija inkwistjoni ġiet finalment esportata ’l barra mir-Rumanija jwassal, fil-verità, li tiżdied kundizzjoni sostantiva għall-eżerċizzju tad-dritt għar-rimbors, mhux prevista mis-sistema tal-VAT.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tweġiba għad-domandi magħmula għandha tkun li t-Tmien Direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 170 tad-Direttiva tal-VAT, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li Stat Membru jirrifjuta lil persuna taxxabbli li ma hijiex stabbilita fit-territorju tiegħu d-dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa meta ssir l-importazzjoni ta’ merkanzija f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, meta saret l-importazzjoni, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt li fil-kuntest tiegħu l-persuna taxxabbli xtrat u importat din il-merkanzija kienet sospiża, it-tranżazzjoni li għaliha kellha tintuża din il-merkanzija finalment ma saritx u l-persuna taxxabbli ma pproduċietx il-prova taċ-ċirkulazzjoni sussegwenti tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE, tas6 ta’ Diċembru 1979, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż, moqrija flimkien mal-Artikolu 170 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li Stat Membru jirrifjuta lil persuna taxxabbli li ma hijiex stabbilita fit-territorju tiegħu d-dritt għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa meta ssir l-importazzjoni ta’ merkanzija f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, meta saret l-importazzjoni, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt li fil-kuntest tiegħu l-persuna taxxabbli xtrat u importat din il-merkanzija kienet sospiża, it-tranżazzjoni li għaliha kellha tintuża din il-merkanzija finalment ma saritx u l-persuna taxxabbli ma pproduċietx il-prova taċ-ċirkulazzjoni sussegwenti tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.