C-291/18 - Grup Servicii Petroliere

Printed via the EU tax law app / web

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

 20 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 148(a) u (ċ) – Eżenzjonijiet marbuta mat-trasport internazzjonali – Kunsinna ta’ pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom innifishom – Kunċett ta’ ‘bastiment użat għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali’ – Portata”

Fil-Kawża C‑291/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ April 2018, fil-proċedura

Grup Servicii Petroliere SA

vs

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor,

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, F. Biltgen, J. Malenovský u L. S. Rossi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Grup Servicii Petroliere SA, minn A.-M. Iordache, D. Dascălu u A. Iancu, avocați,

–        għall-Gvern Rumen, minn C. Canţăr, C.-M. Florescu u E. Gane, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u P. Cottin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u A. Armenia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 148(a) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Grup Servicii Petroliere SA, kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fir-Rumanija, u l-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-Istat Membru, dwar ir-rifjut li tingħata eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) marbuta mal-kunsinna, minn din il-kumpannija, ta’ tliet pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom innifishom lil kumpanniji Maltin.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 160) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), intitolat “Esenzjoni ta’ l-esportazzjoni mill-Komunità u transazzjonijiet bħalha u trasport internazzjonali”, kien jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt il-kondizzjonijet li huma għandhom ifasslu għall-iskop biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u jipprevenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż:

[...]

4.       il-provvista ta’ oġġetti għall-għoti tal-karburant u l-provedimenti għall-bastimenti:

(a)       użati fin-navigazzjoni fl-ibħra miftuħa [f’ibħra internazzjonali] u jġorru passiġġieri għal ħlas u użati għall-iskop kummerċjali, industrijali jew għall-attivitajiet tas-sajd;

(b)       użati għas-salvataġġ u għajnuna fil-baħar, għas-sajd mal-kosta, ħlief bl-eċezzjoni, għal ta’ l-aħħar, għall-provvedimenti tal-vapuri;

[...]

5.       il-provvista, modifikazzjoni, tiswija, manteniment, nolleġġjar u kiri ta’ vapuri msemmija fil-paragrafu 4 (a) u (b) tal-provvista, kiri, tiswija u manteniment tat-tagħmir - inkluż it-tagħmir tas-sajd - inkorporat jew użat hemmhekk;

[...]”.

4        Is-Sitt Direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva dwar il-VAT, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007.

5        It-Titolu IX tad-Direttiva dwar il-VAT, intitolat “Eżenzjonijiet”, fih għaxar kapitoli. L-Artikolu 131 ta’ din id-direttiva, li huwa l-uniku artikolu li jinsab fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IX ta’ din tal-aħħar, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi:

“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.”

6        L-Artikolu 148 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jinsab fil-Kapitolu 7 tat-Titolu IX tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżenzjonijiet relatati mat-trasport internazzjonali”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

(a)       il-provvista ta’ merkanzija għall-għoti tal-karburant u l-provvedimenti għal bastimenti użati għan-navigazzjoni fl-ibħra fil-miftuħ [f’ibħra internazzjonali] u li jġorru passiġġieri għal ħlas jew użati għall-iskop ta’ attivitajiet kummerċjali, industrijali jew tas-sajd, jew għas-salvataġġ jew l-assistenza fil-baħar, jew għas-sajd mal-kosta, bl-eċċezzjoni, fil-każ ta’ bastimenti użati għas-sajd mal-kosta, ta’ provvedimenti tal-bastimenti;

[...]

(ċ)       il-provvista, modifikazzjoni, tiswija, manutenzjoni, noliġġ u kiri ta’ vapuri [bastimenti] msemmija fil-punt (a), u l-provvista, kiri, tiswija u manutenzjoni tat-tagħmir, inkluż it-tagħmir tas-sajd, inkorporat jew użat hemmhekk;

[...]”.

 Id-dritt Rumen

7        L-Artikolu 143(1) tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 li tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa), fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati mit-taxxa:

[...]

(h)       fil-każ ta’ bastimenti użati għan-navigazzjoni fuq il-baħar, it-trasport internazzjonali ta’ persuni u/jew merkanzija, għall-iskop ta’ sajd jew għal kwalunkwe attività ekonomika oħra jew għas-salvataġġ jew assistenza fuq il-baħar:

1.       il-provvista, modifika, tiswija, manutenzjoni, nolleġġ, leasing u kiri ta’ bastimenti, u l-provvista, leasing, kiri, tiswija u manutenzjoni ta’ tagħmir, inkluż tagħmir tas-sajd, inkorporat jew użat fih.”

8        L-Artikolu 23 tal-Ordonanța Guvernului nr. 42/1997 privind transportul maritim și pe căile navigabile interioare (id-Digriet tal-Gvern Nru 42/1997 dwar it-Trasport Marittimu u fuq l-Ilmijiet Interni), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan id-digriet, dawn li ġejjin huma bastimenti:

(a)       bastimenti tal-baħar u ta’ navigazzjoni interna ta’ kull tip, bi jew mingħajr propulsjoni, li jinnavigaw fuq il-wiċċ jew bl-immersjoni, iddisinjati sabiex iġorru merkanzija u/jew persuni, sabiex jistadu, sabiex jirmunkaw jew sabiex jimbuttaw;

(b)       installazzjonijiet li jżommu f’wiċċ l-ilma, bħal gangmi, elevaturi li jżommu f’wiċċ l-ilma, krejnijiet li jżommu f’wiċċ l-ilma, bramel tal-clamshell li jżommu f’wiċċ l-ilma, eċċ., bi propulsjoni jew mingħajrha;

(c)       strutturi li jżommu f’wiċċ l-ilma li normalment ma humiex maħsuba għall-moviment, bħal baċiri li jżommu f’wiċċ l-ilma, mollijiet li jżommu f’wiċċ l-ilma, puntuni, barrakki ta’ dgħajjes li jżommu f’wiċċ l-ilma, pjattaformi tat-tħaffir u oħrajn, fanali li jżommu fil-wiċċ;

(d)       inġenji tal-baħar użati għad-divertiment.”

9        Il-punt 1 tad-Decizia nr. 3/2015 a Comisiei fiscale centrale (id-Deċiżjoni Nru 3/2015 tal-Kummissjoni Fiskali Ċentrali) jipprevedi:

“Mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013: fil-każ ta’ bastimenti maħsuba għan-navigazzjoni fuq il-baħar, użati għat-trasport internazzjonali ta’ persuni u/jew oġġetti, għas-sajd jew għal kwalunkwe attività ekonomika oħra fuq il-baħar, l-eżenzjonijiet mill-VAT previsti fl-Artikolu 143(1)(h), [tal-Kodiċi tat-Taxxa] għandhom japplikaw jekk il-bastiment jintuża b’mod effettiv u fil-biċċa l-kbira għan-navigazzjoni fuq il-baħar. Fid-determinazzjoni ta’ jekk bastiment huwiex użat b’mod effettiv u fil-biċċa l-kbira fuq il-baħar, ma jistgħux jitqiesu kriterji oġġettivi biss, bħat-tul jew it-tunnellaġġ tal-bastiment, iżda dawn il-kriterji jistgħu jintużaw sabiex jeskludu mill-iskop tal-eżenzjonijiet bastimenti li, fi kwalunkwe każ, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 143(1)(h) tal-Kodiċi tat-Taxxa, jiġifieri dawk li ma humiex adattati għan-navigazzjoni fuq il-baħar. […]

Il-kunċett ta’ navigazzjoni ‘fuq il-baħar’, fit-tifsira tad-[Direttiva dwar il-VAT] u tal-Artikolu 143(1)(h) tal-Kodiċi tat-Taxxa, ikopri kwalunkwe parti tal-baħar barra l-ibħra territorjali ta’ kwalunkwe Stat li hija lil hinn mit-12-il mil nawtiku mkejjel mil-linji bażiċi stabbiliti skont id-dritt internazzjonali tal-baħar (il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, konkluża fil-Bajja ta’ Montego fl-10 ta’ Diċembru 1982).”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      F’Mejju 2008, Grup Servicii Petroliere biegħet tliet pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom innifishom, li joperaw fil-Baħar l-Iswed, lil kumpanniji Maltin għal ammont totali ta’ 96 miljun dollaru tal-Istati Uniti (USD) (madwar EUR 82 miljun). Fir-rigward tal-kunsinna ta’ dawn il-pjattaformi, din il-kumpannija ħarġet fatturi fejn applikat l-iskema ta’ eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 148(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT u fl-Artikolu 143(1)(h) tal-Kodiċi tat-Taxxa. L-imsemmija kumpannija kompliet topera dawn il-pjattaformi fil-Baħar l-Iswed matul is-sena 2008 bħala nolleġġatur.

11      Matul is-sena 2016, l-awtoritajiet fiskali Rumeni ħarġu avviż ta’ aġġustament fir-rigward tal-VAT mhux imħallsa fil-kuntest tal-imsemmija kunsinna, fejn imponew fuq Grup Servicii Petroliere somma ta’ iktar minn 113-il miljun lei Rumeni (RON) (madwar EUR 25 miljun), inklużi l-interessi u l-penalitajiet ta’ dewmien). Fil-motivi ta’ dan l-avviż jinsabu, b’mod partikolari, l-elementi segwenti:

–        għalkemm huma bastimenti, fis-sens tad-Digriet tal-Gvern Nru 42/1997, u għalkemm jistgħu jintużaw għan-navigazzjoni fuq il-baħar b’mod illimitat, il-pjattaformi inkwistjoni ma jinnavigawx waqt li tkun qiegħda titwettaq l-attività ta’ tħaffir, iżda jkunu jinsabu wieqfa; il-kolonni tagħhom ikunu mniżżla, ikunu qegħdin jistrieħu fuq il-qiegħ tal-baħar u jgħollu l-buq (il-parti li żżomm f’wiċċ l-ilma) ’il fuq mill-wiċċ tal-baħar, f’għoli ta’ bejn 60 u 70 metru;

–        fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 3/2015 tal-Kummissjoni Fiskali Ċentrali, sabiex il-kunsinna tal-pjattaformi taqa’ taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 143(1)(h) tal-Kodiċi tat-Taxxa, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, permezz ta’ kwalunkwe prova, li l-bastiment inkwistjoni jintuża b’mod effettiv u fil-biċċa l-kbira għan-navigazzjoni fuq il-baħar;

–        issa, il-provi disponibbli juru li l-pjattaformi jintużaw b’mod effettiv u fil-biċċa l-kbira f’pożizzjoni wieqfa għall-finijiet tal-attività tat-tħaffir, u mhux għan-navigazzjoni, li hija biss attività sussidjarja fil-konfront tal-attività ta’ tħaffir.

12      Il-kontestazzjoni amministrattiva ppreżentata kontra l-imsemmi avviż ta’ aġġustament ġiet miċħuda u għalhekk Grup Servicii Petroliere ressqet kawża quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija).

13      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fir-rikors tagħha, din il-kumpannija ssostni, essenzjalment, li l-awtoritajiet fiskali Rumeni llimitaw, b’mod illegali, il-portata tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 148(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, billi ssuġġettaw din l-eżenzjoni mhux biss għar-rekwiżit li l-bastimenti operati għal finijiet kummerċjali jew industrijali “jintużaw” f’ibħra internazzjonali, iżda wkoll li dawn il-bastimenti “jinnavigaw” f’ibħra internazzjonali.

14      Minkejja l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 148(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplikax għall-kunsinna ta’ pjattaforma għat-tħaffir offshore li kapaċi terfa’ lilha nnifisha, huwa meħtieġ li tiġi deċiża, fl-ewwel lok, il-kwistjoni ta’ jekk tali pjattaforma taqax taħt il-kunċett ta’ “bastiment”, fis-sens tal-Artikolu 148(a) ta’ din id-direttiva. Fit-tieni lok, u fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 148(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-attività ta’ navigazzjoni f’ibħra internazzjonali tkun effettivament predominanti meta mqabbla mal-attività ta’ tħaffir offshore.

15      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      L-Artikolu 148[(ċ)], moqri flimkien mal-Artikolu 148(a) tad-[Direttiva dwar il-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud tapplika, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-bejgħ ta’ pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom infushom, u tali pjattaforma taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘vapur’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, safejn din id-dispożizzjoni tirregola, skont il-Kapitolu 7 tad-direttiva, l-‘[e]żenzjonijiet relatati mat-trasport internazzjonali’[?]

(2)       F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 148(ċ), moqri flimkien mal-Artikolu 148(a) tad-[Direttiva dwar il-VAT], għandu jiġi interpretat fis-sens li kundizzjoni essenzjali għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud hija li waqt l-użu tagħha (bħala attività kummerċjali/industrijali), il-pjattaforma għat-tħaffir offshore li kapaċi terfa’ lilha nnifisha, li tkun waslet fl-ibħra internazzjonali, tibqa’ effettivament fi stat ta’ moviment, iżżomm f’wiċċ l-ilma, filwaqt li tispostja ruħha minn post għal ieħor, għal perijodu li jkun itwal minn dak li fih din tkun wieqfa jew immobbli, minħabba l-attività ta’ tħaffir fil-baħar, jiġifieri jekk l-attività ta’ navigazzjoni għandhiex tkun effettivament prevalenti meta mqabbla mal-attività ta’ tħaffir?”

 Fuq id-domandi preliminari

16      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 148(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “bastimenti użati għan-navigazzjoni fl-ibħra fil-miftuħ [f’ibħra internazzjonali]” li tinsab f’dan l-artikolu tapplika għall-kunsinna ta’ strutturi li jżommu f’wiċċ l-ilma, bħalma huma pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom innifishom tat-tip bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jintużaw b’mod predominanti f’pożizzjoni wieqfa sabiex jiġu sfruttati riżervi ta’ idrokarburi fil-baħar.

17      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kunsinni li l-eżenzjoni tagħhom hija prevista fl-Artikolu 148(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT huma suġġetti għall-kundizzjoni li jkollhom bħala suġġett bastimenti li jintużaw għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali u li jwettqu trasport bi ħlas ta’ passiġġieri jew li jintużaw għall-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali, industrijali jew ta’ sajd, fis-sens tal-Artikolu 148(a) ta’ din id-direttiva.

18      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat bl-istess termini bħall-punt 4(a) tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, li tħassret u ġiet issostitwita mid-Direttiva dwar il-VAT. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza dwar din id-dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva għadha rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Fast Bunkering Klaipėda, C‑526/13, EU:C:2015:536, punti 24 u 25).

19      Huwa għalhekk li minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, bħal fil-każ tal-eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva, dawk previsti fl-Artikolu 148 tad-Direttiva dwar il-VAT jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għaldaqstant għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Fast Bunkering Klaipėda, C‑526/13, EU:C:2015:536, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jimplika li l-eżenzjoni mill-VAT ta’ tranżazzjoni partikolari ma tistax tiddependi mill-klassifikazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Navicon, C‑97/06, EU:C:2007:609, punt 28).

20      Barra minn hekk, peress li jikkostitwixxu deroga mill-prinċipju ġenerali li kull kunsinna ta’ merkanzija u kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli għandhom ikunu suġġetti għall-VAT, l-imsemmija eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2006, Elmeka, C‑181/04 sa C‑183/04, EU:C:2006:563, punt 15, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑197/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:202, punt 30).

21      Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjoni marbuta mal-użu għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali, prevista fil-punt 4(a) tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, ma tapplikax biss għall-bastimenti li jwettqu trasport bi ħlas ta’ passiġġieri, iżda tapplika wkoll għal dawk li jeżerċitaw attività kummerċjali, industrijali jew ta’ sajd, li issa jinsabu elenkati kollha fl-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2006, Elmeka, C‑181/04 sa C‑183/04, EU:C:2006:563, punti 14 sa 16, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑197/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:202, punt 32).

22      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi interpretata l-espressjoni “bastimenti użati għan-navigazzjoni fl-ibħra fil-miftuħ [f’ibħra internazzjonali]”, li tinsab fl-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ din l-espressjoni jew tal-kliem li minnhom hija komposta, it-termini ta’ din id-dispożizzjoni u l-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Navicon, C‑97/06, EU:C:2007:609, punt 24).

23      F’dan id-dawl, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni, fil-kuntest ta’ din il-kawża, dwar il-kunċett ta’ “ibħra internazzjonali”, li d-definizzjoni spazjali tiegħu evolviet fid-dritt internazzjonali tal-baħar, u mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-karatteristiċi tekniċi li għandhom jiġu ssodisfatti minn bastiment sabiex ikun jista’ jitqies li jintuża għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-espressjoni “bastimenti użati għan-navigazzjoni”, li tinsab fl-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, timplika neċessarjament li l-istrutturi li jżommu f’wiċċ l-ilma inkwistjoni jintużaw għan-navigazzjoni. Issa, bastiment ma jistax jitqies li “jintuża” għan-navigazzjoni sakemm ma jintużax, minn tal-inqas prinċipalment jew b’mod predominanti, sabiex jiċċaqlaq fl-ispazju marittimu.

24      Fuq livell testwali, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mid-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan l-Artikolu 148(a) li, meta ma jużawx il-kelma “affectés”, jużaw, b’mod ġenerali, il-partiċipju passat tal-verb “utiliser”, bħal pereżempju l-verżjonijiet biċ-Ċek, (“užívaných”), bl-Ingliż (“used”), bir-Rumen (“utilizate”), bil-Finlandiż (“käytettävät”) u bl-Isvediż (“används”).

25      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan segwit mill-iskema li tagħmel parti minnha l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mit-titolu tal-Kapitolu 7 tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva jirriżulta li dan l-għan huwa li jiġi inkoraġġut it-trasport internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, A, C‑33/16, EU:C:2017:339, punt 37). F’dan il-kuntest, il-kunsinna ta’ bastimenti użati għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali għandha tkun eżentata mill-VAT skont l-Artikolu 148(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, bil-kundizzjoni li l-imsemmija bastimenti jkunu maħsuba sabiex imorru lejn l-ibħra internazzjonali. B’hekk, dan l-għan jikkorrobora l-interpretazzjoni msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, fis-sens li struttura li żżomm f’wiċċ l-ilma tista’ tiġi kklassifikata bħala “bastiment użat għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali” fil-każ biss li tintuża, minn tal-inqas prinċipalment jew b’mod predominanti, sabiex tiċċaqlaq fl-ispazju marittimu.

26      It-tfittxija tal-imsemmi għan ma hijiex kontradetta mill-eventwalità li, pereżempju, fil-qasam ambjentali jew fil-qasam tad-dazji tas-sisa, il-kunċetti ta’ “bastiment” jew ta’ “navigazzjoni” jistgħu jkunu interpretati b’mod differenti. Fil-fatt, jekk jitqies li teżisti tali differenza ta’ interpretazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata f’dawn l-oqsma ssegwi għanijiet differenti minn dawk indirizzati mill-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 148(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT.

27      Fit-tielet u l-aħħar lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 148(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT fis-sens li l-portata tiegħu tiġi limitata għall-istrutturi li jżommu f’wiċċ l-ilma użati prinċipalment sabiex jiċċaqilqu fl-ispazju marittimu hija konformi mal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-iskema ta’ eżenzjonijiet mill-VAT, li, kif tfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

28      F’dan il-każ, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 24 u 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa paċifiku li l-pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom innifishom, li kienu s-suġġett tal-kunsinna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma unitajiet mobbli għat-tħaffir fil-baħar ikkostitwiti minn buq li jżomm f’wiċċ l-ilma mgħammar b’diversi saqajn li jiċċaqilqu u li jkunu rtirati matul l-operazzjoni ta’ rmunkar sas-sit tat-tħaffir, u li, meta jasal fil-pożizzjoni tat-tħaffir, dan il-buq jittella’ diversi għexieren ta’ metri mill-wiċċ tal-baħar permezz ta’ dawn is-saqajn li jiġu estiżi u li jistrieħu fuq qiegħ il-baħar, sabiex jifformaw pjattaforma statika.

29      Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, jidher li l-pjattaformi għat-tħaffir offshore, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma humiex ta’ natura li jintużaw prinċipalment għall-finijiet tan-navigazzjoni, punt dan li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, b’tali mod li dawn l-istrutturi li jżommu f’wiċċ l-ilma ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala strutturi “użati għan-navigazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 148(a) tad-Direttiva dwar il-VAT. Għall-kuntrarju, kif sostnew il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea u bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-funzjoni prinċipali tagħhom hija li, meta jkunu f’pożizzjoni wieqfa, jiġu sfruttati riżervi ta’ idrokarburi fil-baħar.

30      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 148(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “bastimenti użati għan-navigazzjoni fl-ibħra fil-miftuħ [f’ibħra internazzjonali]” li tinsab f’dan l-artikolu ma tapplikax għall-kunsinna ta’ strutturi li jżommu f’wiċċ l-ilma, bħalma huma pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom innifishom tat-tip bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jintużaw b’mod predominanti f’pożizzjoni wieqfa sabiex jiġu sfruttati riżervi ta’ idrokarburi fil-baħar.

 Fuq l-ispejjeż

31      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 148(a) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “bastimenti użati għan-navigazzjoni fl-ibħra fil-miftuħ [f’ibħra internazzjonali]” li tinsab f’dan l-artikolu ma tapplikax għall-kunsinna ta’ strutturi li jżommu f’wiċċ l-ilma, bħalma huma pjattaformi għat-tħaffir offshore li kapaċi jerfgħu lilhom innifishom tat-tip bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jintużaw b’mod predominanti f’pożizzjoni wieqfa sabiex jiġu sfruttati riżervi ta’ idrokarburi fil-baħar.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.