-

Printed via the EU tax law app / web

201806080471931452018/C 221/041262018CJC22120180625MT01MTINFO_JUDICIAL201802163531

Kawża C-126/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Szekszárdi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fis-16 ta’ Frar 2018 – Dalmandi Mezőgazdasági Zrt. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága


C2212018MT310120180216MT00043153

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Szekszárdi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fis-16 ta’ Frar 2018 – Dalmandi Mezőgazdasági Zrt. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-126/18)

2018/C 221/04Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Szekszárdi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Dalmandi Mezőgazdasági Zrt.

Konvenuta: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ( 1 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”) (b’mod partikolari, l-Artikolu 183 tagħha), u l-prinċipji ta’ effettività, ta’ effett dirett u ta’ ekwivalenza jipprekludu prassi ġudizzjarja interna ta’ Stat Membru li skontha l-punt tat-tluq, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-interessi moratorji, hija l-premessa li l-awtorità fiskali nazzjonali ma wettqet ebda ksur (omissjoni), jiġifieri li ma kienet responsabbli għal ebda dewmien fil-ħlas inkonnessjoni mal-parti mhux rekuperabbli tal-VAT fuq l-akkwisti mhux imħallsa tal-persuni taxxabbli, peress li, fil-mument li fih l-imsemmija awtorità tat id-deċiżjoni tagħha, il-liġi nazzjonali li kienet tikser id-dritt Komunitarju kienet fis-seħħ u li kien biss iktar tard li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-inkompatibbiltà tar-rekwiżit inkluż fiha mad-dritt Komunitarju? B’dan il-mod, il-prassi nazzjonali aċċettat bħala kważi-konformi mad-dritt l-applikazzjoni ta’ tali rekwiżit stabbilit fil-liġi nazzjonali li kienet tikser id-dritt tal-Unjoni sa ma din ġiet formalment imħassra mil-leġiżlatur nazzjonali.

2)

Id-dritt Komunitarju, partikolarment id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT (b’mod partikolari, l-Artikolu 183 tagħha), il-prinċipju ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, jipprekludi l-leġiżlazzjoni u l-prassi ta’ Stat Membru li skonthom, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-interessi moratorji, għandha ssir distinzjoni skont jekk in-nuqqas ta’ rkupru tat-taxxa mill-awtorità fiskali sarx b’osservanza tad-dispożizzjoniijiet nazzjonali fis-seħħ — li rriżultaw li kienu jiksru d-dritt Komunitarju — jew jekk sarx bi ksur ta’ dan tal-aħħar, u li fir-rigward tar-rata tal-interessi fuq il-VAT mhux irkuprata f’terminu raġjonevoli minħabba rekwiżit tad-dritt nazzjonali li ġie ddikjarat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, jindikaw żewġ perijodi separati b’tali mod li,

għall-ewwel perijodu – peress li dakinhar il-leġiżlazzjoni Ungeriża kuntrarja għad-dritt Komunitarju kienet għadha fis-seħħ u li, għaldaqstant, l-awtoritajiet fiskali Ungeriżi ma wettqu l-ebda ksur billi ma awtorizzawx ir-rimbors f’terminu raġjonevoli tal-VAT imsemmija fil-fatturi–, il-persuni taxxabbli jistgħu jitolbu biss, bħala interessi moratorji, dawk l-interessi skont ir-rata bażika tal-bank ċentrali, filwaqt li,

għat-tieni perijodu, hemm lok li jitħallsu interessi ekwivalenti għad-doppju tar-rata bażika tal-bank ċentrali meħuda bħala riferiment mid-dritt Ungeriż f’każ ta’ dewmien, iżda unikament għall-ħlas tardiv tal-interessi moratorji kif ikkalkulati għall-ewwel perijodu?

3)

Id-dritt Komunitajru, b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li tistabbilixxi, bħala d-data tal-bidu tal-kalkolu tal-interessi moratorji (interessi komposti, jew interessi fuq l-interessi) pagabbli, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, fuq l-ammont prinċipali li jikkonsisti fl-interessi moratorji (interessi fuq il-VAT) dovuti minħabba r-rimbors tardiv tat-taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, mhux id-data ta’ eżiġibbiltà inizjali tal-interessi fuq il-VAT (prinċipali), iżda data suċċessiva, b’kont meħud b’mod partikolari tal-fatt li d-dritt li jintalab ħlas tal-interessi fuq it-taxxi miġbura jew mhux rimborsati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa dritt suġġettiv li jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni stess?

4)

Id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li tobbliga lill-persuna taxxabbli tippreżenta talba speċjali meta hija titlob interessi minħabba ksur li jikkonsisti f’dewmien tal-awtorità fiskali, filwaqt li tali talba speċjali għall-ħlas ta’ interessi moratorji ma hijiex neċessarja f’każijiet oħra, meta dawn tal-aħħar għandhom jingħataw ex officio?

5)

F’każ li tingħata risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li skontha interessi komposti (interessi fuq l-interessi), dovuti minħabba l-ħlas tardiv ta’ ammont prinċipali konsistenti fl-interessi (interessi fuq il-VAT) dovuti fuq taxxa li l-ġbir tagħha ġie sussegwentement iddikjarat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jingħataw biss jekk il-persuna taxxabbli tressaq talba eċċezzjonali li l-kontenut tagħha ma jkunx jikkonċerna konkretament l-interessi iżda l-irkupru – fid-data tat-tħassir fid-dritt intern tad-dispożizzjoni li tipprevedi, bi ksur tad-dritt Komunitarju, il-ġbir tal-VAT minħabba nuqqas ta’ ħlas –tal-VAT relattiva, speċifikament, għall-akkwisti mhux imħallsa, peress li l-interessi fuq il-VAT li jikkostitwixxu l-bażi għall-interessi komposti mitluba – li la ġew imħallsa f’dak il-mument u lanqas wara – kienu diġà eżiġibbli għall-perijodi ta’ dikjarazzjoni preċedenti ta’ qabel it-talba eċċezzjonali?

6)

F’każ li tingħata risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li tipprevedi d-dekadenza ta’ dritt għall-interessi (interessi komposti), dovuti minħabba l-ħlas tardiv ta’ ammont prinċipali li jikkonsisti fl-interessi (interessi fuq il-VAT) dovuti fuq taxxa li l-ġbir tagħha ġie sussegwentement iddikjarat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ djun ta’ interessi fuq il-VAT li ma kinux suġġetti għall-perijodu ta’ dikjarazzjoni tal-VAT affettwat mit-terminu ta’ preskrizzjoni previst għall-preżentata ta’ talba eċċezzjonali peress li dawn kienu eżiġibbli qabel?

7)

Id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ effettività kif ukoll tan-natura suġġettiva tad-dritt li jintalbu l-interessi fuq it-taxxi illegalment mhux irrimborsati jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li ċċaħħad b’mod definittiv lill-persuna taxxabbli mill-possibbiltà li jitlob interessi fuq taxxa, li nġabret abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-irkupru tal-VAT f’każ ta’ akkwisti mhux imħallsa u li sussegwentement ġiet iddikjarata kuntrarja għad-dritt Komunitarju, u dan

billi tali prassi ma tqisx it-talba għall-interessi bħala fondata minħabba l-fatt li d-dispożizzjoni sussegwentement iddikjarata kuntrarja għad-dritt Komunitarju kienet fis-seħħ fil-mument meta t-taxxa kienet eżiġibbli (peress li ma kienx hemm dewmien u li l-awtorità tat-taxxa sempliċement aplikat il-liġi li kienet fis-seħħ),

u iktar tard – wara li tħassret id-dispożizzjoni li tirrestrinġi id-dritt għall-irkupru ddikjarata kuntrarju għad-dritt Komunitarju – b’effett tal-preskrizzjoni?

8)

Id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru, li b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali interna sussegwentement iddikjarata kuntrarja għad-dritt Komunitarju, tirrendi l-possibbiltà li jintablu, għall-perijodu kollu 2005-2011, interessi moratorji fuq l-ammont prinċipali, li jikkonsisti fl-interessi li l-persuna taxxabbli għandha dritt għalihom fuq it-taxxa mhux rimborsata fid-data ta’ eżiġibbiltà inizjali, dipendenti fuq il-punt dwar jekk il-persuna taxxabbli hijiex f’pożizzjoni li titlob l-irkupru tat-taxxa fid-dikjarazzjoni tagħha tal-VAT għall-perijodu (jiġifieri ix-xahar ta’ Settembru 2011) li matulu tħassret id-dispożizzjoni kuntrarja għad-dritt Komunitarju inkwistjoni, minkejja li l-ħlas tal-ammont prinċipali li jikkonsisti fl-interessi fuq il-VAT la sar f’dan il-mument u lanqas iktar tard, jiġifieri fid-data li fiha l-qorti nazzjonali ġiet adita bit-talba għall-interessi?


( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).