-

Printed via the EU tax law app / web

C_2018240MT.01001702.xml

9.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Portugall) fis-26 ta’ Marzu 2018 – Idealmed III – Serviços de Saúde SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira

(Kawża C-211/18)

(2018/C 240/20)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Idealmed III – Serviços de Saúde SA

Konvenuta: Autoridade Tributária e Aduaneira

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1) tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem, “id-Direttiva dwar il-VAT”) jipprekludi sptar proprjetà ta’ kumpannija rregolata mid-dritt privat, li kkonkludiet ftehimiet għall-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza medika mal-Istat u ma’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, milli jitqies li beda jopera taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku, kif previst f’tali dispożizzjoni, meta l-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfatti:

iktar minn 54.5 % tad-dħul, inkluż l-ammonti ffatturati lill-utenti benefiċjarji rilevanti, jiġi minn korpi tal-Istat u sottosistemi tas-saħħa pubblika, bi prezzijiet stipulati fil-ftehimiet konklużi magħhom;

iktar minn 69 % tal-utenti huma benefiċjarji ta’ sottosistemi tas-saħħa pubblika jew jirċievu servizzi pprovduti fil-qafas ta’ ftehimiet konklużi ma’ korpi tal-Istat;

iktar minn 71 % tas-servizzi mediċi jitwettqu fil-qafas tal-ftehimiet konklużi ma’ sottosistemi tas-saħħa pubblika u ma’ korpi tal-Istat; u

l-attività magħmula għandha importanza kbira mill-perspettiva tal-interess pubbliku ġenerali?

2)

Fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 377 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Portugall għażel li jkompli jeżenta mill-VAT it-tranżazzjonijiet magħmula mill-isptarijiet mhux imsemmija fl-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva u ta lil tali persuni taxxabbli d-dritt ta’ għażla għall-intaxxar tal-imsemmija tranżazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 391 tad-Direttiva, bil-kundizzjoni li jibqgħu jkunu suġġetti għal tali skema ta’ tassazzjoni għal perijodu minimu ta’ ħames snin u bil-possibbiltà li jerġgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ eżenzjoni biss jekk jagħmlu dikjarazzjoni espressa għal dak l-għan, l-imsemmi Artikolu 391 u/jew il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ newtralità u ta’ nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-utenti u tal-persuni taxxabbli li huma korpi rregolati mid-dritt pubbliku, jipprekludu lill-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Amministrazzjoni Finanzjarja Portugiża, iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Finanzjarja Portugiża”) milli timponi l-iskema ta’ eżenzjoni qabel ma jiddekorri l-perijodu msemmi iktar ’il fuq, peress li tqis li l-persuna taxxabbli bdiet tipprovdi servizzi taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku?

3)

L-Artikolu 391 tad-Direttiva dwar il-VAT u/jew il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq jipprekludu liġi ġdida milli tirrikjedi l-applikazzjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni għall-persuni taxxabbli li preċedentement għażlu l-iskema ta’ tassazzjoni, qabel ma jiddekorri l-perijodu ta’ ħames snin?

4)

L-Artikolu 391 tad-Direttiva dwar il-VAT u/jew il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq jipprekludu leġiżlazzjoni li tipprovdi li persuna taxxabbli li għażlet l-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni, għaliex fiż-żmien meta għażlet dik l-iskema ma kinitx qiegħda tipprovdi servizzi ta’ kura tas-saħħa taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku, tista’ tkompli tkun suġġetta għal tali skema jekk tibda tipprovdi tali servizzi taħt kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1.