C-657/19 - Finanzamt D

Printed via the EU tax law app / web

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

8 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjonijiet – Artikolu 132(1)(g) – Provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-għajnuna soċjali u mas-sigurtà soċjali – Redazzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni dwar l-istat ta’ dipendenza – Persuna taxxabbli kkummissjonata mis-servizz mediku tal-assigurazzjoni għal dipendenza – Organi rrikonoxxuti bħala li għandhom natura soċjali”

Fil-Kawża C‑657/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

Finanzamt D

vs

E,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tat-Tielet Awla li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tmien Awla, F. Biltgen u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Finanzamt D, minn P. Kröger, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Mantl u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Finanzamt D (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Fiskali”) u E dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi mwettqa minn din tal-aħħar, li jikkonsistu fir-redazzjoni, bħala subappaltatur tas-servizz mediku ta’ skema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza, ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni dwar id-dipendenza tal-persuni assigurati minn din l-iskema.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 131 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, tat-Titolu IX tagħha, jipprovdi:

“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.”

4        Il-Kapitolu 2 tat-Titolu IX tad-Direttiva dwar il-VAT huwa intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl‑interess pubbliku”. Dan il-kapitolu jinkludi l-Artikoli 132 sa 134 ta’ din id-direttiva.

5        Skont l-Artikolu 132(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijet li ġejjin:

[…]

(ċ)       il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;

[…]

(g)       il-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk provduti mid-djar ta’ l-anzjani, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali;

[...]”

6        L-Artikolu 134 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“Il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi m’għandhiex tingħata eżenzjoni, kif previst fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1), fil-każijiet li ġejjin:

(a)       fejn il-provvista m’hijiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti;

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

7        Il-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (BGB1. I 2008, p. 2794) (iktar ’il quddiem l-“UStG”), jipprovdi li huma suġġetti għall-VAT il-kunsinna u provvisti oħra ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fit-territorju nazzjonali minn imprenditur fil-kuntest tal-impriża tiegħu.

8        Skont l-Artikolu 4 tal-UStG, minn fost it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi, huma eżentati:

“[...]

14.      (a) il-provvista ta’ kura personali mwettqa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ tabib, ta’ dentist, ta’ prattikant fil-qasam tas-saħħa (Heilpraktiker), ta’ fiżjoterapista, ta’ majjistra, jew ta’ kwalunkwe attività professjonali medika jew paramedika analoga. [...]

      (b) il-kura fl-isptarijiet u l-kura medika, inklużi d-dijanjostika, l-eżamijiet mediċi, il-prevenzjoni, ir-riabilitazzjoni, l-għajnuna waqt it-twelid u s-servizzi ta’ ospizju kif ukoll it-tranżazzjonijiet li huma marbuta mill-qrib magħhom, ipprovduti mill-organi rregolati mid-dritt pubbliku. [...]

15.      is-servizzi li l-organi legali tas-sigurtà soċjali [...]

(a)       jipprovdu lil xulxin,

(b)       jipprovdu lill-persuni assigurati [...]

15a.      Is-servizzi li s-servizzi mediċi tal-assigurazzjoni għall-mard (Artikolu 278 tal-Kapitolu V tas-Sozialgesetzbuch [il-Kodiċi Soċjali]) [...] jipprovdu lil xulxin jew lill-organi legali bis-saħħa tal-liġi [...]

16.       Il-provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-operat ta’ stabbilimenti li jagħtu assistenza jew kura lil persuni li jeħtieġu għajnuna fiżika, mentali jew psikoloġika pprovduti minn

[...]

(k)      [b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013: (1)] stabbilimenti li l-ispejjeż ta’ assistenza jew ta’ kura tagħhom ikunu, matul is-sena ċivili preċedenti, ġew totalment jew fil-parti l-kbira tagħhom koperti, f’mill-inqas 40 % tal-każijiet [25 % b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013], mill-organiżmi legali ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali [...].”

9        L-Artikolu 18 tal-Kapitolu XI tal-Kodiċi Soċjali, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (BGB1. I 2012, p. 2246) (iktar ’il quddiem is-“SGB XI”), jipprevedi:

“1.      L-iskemi ta’ assigurazzjoni għal dipendenza għandhom iqabbdu lis-servizz mediku tal-assigurazzjoni għall-mard jew lil esperti indipendenti oħra sabiex jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet ta’ dipendenza humiex issodisfatti u sabiex jevalwaw il-portata ta’ din id-dipendenza. Fil-kuntest ta’ dawn l-eżamijiet, is-servizz mediku jew l-esperti kkummissjonati mill-iskema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza għandhom jiddeterminaw, permezz ta’ eżami tal-applikant, id-diffikultajiet li dan jiltaqa’ magħhom fit-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 14(4) kif ukoll in-natura, il-portata u t-tul probabbli tal-ħtieġa ta’ assistenza, u għandhom jistabbilixxu l-eżistenza ta’ limitazzjoni serja tal-kapaċità li l-applikant jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum [...]. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti wkoll, jekk ikun il-każ, il-miżuri li huma adegwati, neċessarji u raġonevoli sabiex tiġi eliminata, imnaqqsa jew evitata aggravazzjoni tad-dipendenza, inklużi s-servizzi ta’ riedukazzjoni u ta’ riabilitazzjoni mediċi; f’dan ir-rigward, il-persuni assigurati għandhom ikunu intitolati għal servizzi ta’ riedukazzjoni u ta’ riabilitazzjoni mediċi mingħand l-istituzzjoni kompetenti [...]

[...]

7.       Il-missjonijiet tas-servizz mediku għandhom jiġu eżerċitati minn tobba, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-membri tal-persunal li jipprovdu l-kura u ta’ professjonisti kompetenti oħra. [...]”

10      L-Artikolu 53a tas-SGB XI jipprevedi li:

“L-iSpitzenverband Bund der Pflegekassen (il-Konfederazzjoni tal-Iskemi ta’ Assigurazzjoni għal Dipendenza) għandha tistabbilixxi linji gwida fil-qasam tal-assigurazzjoni soċjali għal dipendenza dwar

1.      il-kooperazzjoni tal-iskemi ta’ assigurazzjoni għal dipendenza mas-servizzi mediċi;

2.      l-implimentazzjoni u l-garanzija ta’ evalwazzjoni unika;

3.      ir-rapporti u l-istatistika li għandhom jingħataw mis-servizzi mediċi;

4.      l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-evalwazzjoni u tal-pariri mogħtija [...];

5.      il-prinċipji tat-taħriġ komplementari u kontinwu.

Il-linji gwida huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-Ministeru Federali għas-Saħħa. Huma jorbtu lis-servizzi mediċi.”

11      It-Taqsima B1 tar-Richtlinien des Spitzenverbandes Bund der Pflegekassen (GKV-Spitzenverband) zur Begutachtung von Pflegebedürftigkeit (Begutachtungsrichtlinien – BRi) (il-Linji Gwida tal-Konfederazzjoni tal-Iskemi ta’ Assigurazzjoni għal Dipendenza (Konfederazzjoni tal-Assigurazzjoni għall-Mard Legali) dwar l-Evalwazzjoni tad-Dipendenza (Direttivi dwar l-Evalwazzjoni)), fil-verżjoni tagħhom tat-8 ta’ Ġunju 2009, tipprevedi, b’mod partikolari, li “l-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu minn esperti mħarrġa u kkwalifikati”, li jinkludu “it-tobba, l-infermiera u professjonisti oħra li jkunu għad-dispożizzjoni tas-servizz mediku sabiex jaffronta l-volum ta’ xogħol kurrenti”. Din it-Taqsima B1 tipprovdi li, “[s]abiex jaffronta perijodi ta’ xogħol intensiv u sabiex jindirizza kwistjonijiet tekniċi speċifiċi, is-servizz mediku jista’ jitlob l-għajnuna ta’ tobba, ta’ infermiera jew ta’ professjonisti kompetenti oħra, li jintervjenu bħala membri tal-persunal estern”. Skont l-imsemmija taqsima, “[m]eta, b’mod eċċezzjonali, tintalab l-għajnuna ta’ tobba li jaħdmu fis-settur privat, ta’ infermiera ta’ servizzi ta’ għajnuna fid-dar, ta’ impriżi li jipprovdu kura bi skop ta’ lukru, kif ukoll ta’ persuni li jeżerċitaw attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom fil-qasam tal-kura, għandu jiġi żgurat li ma jkunx hemm kunflitti ta’ interessi”.

12      Il-punt 2 tar-rekwiżiti dwar il-kwalifiki tal-esperti, kif stabbiliti fir-Richtlinien des GKV‑Spitzenverbands zur Zusammenarbeit der Pflegekassen mit anderen unabhängigen Gutachtern (Unabhängige Gutachter-Richtlinien – UGu‑RiLi) (il-Linji Gwida tal-Konfederazzjoni tal-Iskemi ta’ Assigurazzjoni għal Dipendenza dwar il-Kollaborazzjoni tal-Iskemi ta’ Assigurazzjoni għal Dipendenza ma’ Esperti Indipendenti oħra (Direttivi dwar l-Esperti Indipendenti), fil-verżjoni tagħhom tas-6 ta’ Mejju 2013, jistabbilixxi b’mod partikolari l-“kundizzjonijiet professjonali” li huma “meħtieġa għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ espert, fis-sens tad-Direttivi dwar il-Proċedura għall-Konstatazzjoni tad-Dipendenza kif ukoll dwar id-Determinazzjoni tal-Kontenut tal-Istrument ta’ Evalwazzjoni taħt [is-SGB XI] (Direttivi ta’ Evalwazzjoni-BRi)”. Skont l-imsemmi punt 2, dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti mit-tobba approvati, konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fl-istess punt.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali hija infermiera gradwata, li bbenefikat minn taħriġ mediku bażiku u minn taħriġ akkademiku fil-qasam tax-xjenzi tal-infermiera, kif ukoll minn taħriġ komplementari fil-ġestjoni tal-kwalità fil-qasam tad-dipendenza. L-attivitajiet professjonali tagħha jinkludu wkoll il-provvista taxxabbli ta’ tagħlim dwar il-kura marbuta mad-dipendenza.

14      Matul is-snin 2012 sa 2014, il-konvenuta fil-kawża prinċipali stabbilixxiet, f’isem il-Medizinischer Dienst der Krankenversicherung Niedersachsen (is-Servizz Mediku tal-Assigurazzjoni għall-Mard ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“MDK”) rapporti ta’ evalwazzjoni tad-dipendenza ta’ ċerti pazjenti sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-drittijiet tagħhom għas-servizzi ta’ kura mħallsa mill-iskema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza. Matul dan il-perijodu, il-MDK kien jibagħtilha rendikont mensili tas-servizzi pprovduti, mingħajr indikazzjoni tal-VAT. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ddikjarat dawn is-servizzi bħala eżentati mill-VAT.

15      Wara li twettqet verifika, l-Awtorità Fiskali qieset li l-attività ta’ evalwazzjoni tad-dipendenza la kienet eżentata mid-dritt nazzjonali u lanqas mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, permezz ta’ deċiżjonijiet tat-3 ta’ Frar 2015, hija żiedet id-dħul mill-bejgħ iddikjarat mill-konvenuta fil-kawża prinċipali bl-ammonti netti ffatturati lill-MDK u ffissat il-VAT dovuta minn din tal-aħħar għas-snin 2012 u 2013, kif ukoll il-ħlasijiet bil-quddiem tal-VAT għall-ewwel tliet trimestri tas-sena 2014.

16      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali kkontestat dawn id-deċiżjonijiet permezz ta’ rikors quddiem il-qorti kompetenti fl-ewwel istanza, li laqgħet, essenzjalment, dan ir-rikors. Filwaqt li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-imsemmija qorti qieset li r-redazzjoni ta’ rapporti ta’ perizja fil-qasam tas-saħħa kienet eżentata mill-VAT bħala “provvista marbuta mill-qrib mal-għajnuna soċjali u mas-sigurtà soċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan il-kuntest, hija rrilevat li, mix-xahar ta’ Novembru 2012, l-iskemi ta’ assigurazzjoni għal dipendenza kellhom legalment il-possibbiltà li jagħtu lil esperti indipendenti missjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-persuni assigurati, b’tali mod li, peress li kienet ikkummissjonata mill-MDK, il-konvenuta fil-kawża prinċipali setgħet tinvoka din l-eżenzjoni.

17      L-Awtorità Fiskali ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn sostniet li d-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-eżenzjoni mill-VAT, li ma jipprevedux eżenzjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ evalwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma konformi mad-dritt tal-Unjoni.

18      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont id-dritt nazzjonali, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ma tistax tibbenefika minn eżenzjoni mill-VAT fir-rigward tas-servizzi ta’ evalwazzjoni kkonċernati. Madankollu, din il-qorti ma teskludix li din tal-aħħar tista’ tinvoka direttament l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT fir-rigward tas-servizzi marbuta mill-qrib mal-għajnuna soċjali u mas-sigurtà soċjali.

19      Skont l-imsemmija qorti, ma huwiex madankollu ċert li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tista’ tibbenefika minn din l-eżenzjoni. Fil-fatt, sabiex tkun tista’ tibbenefika minnha, huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, fir-rigward tal-kundizzjoni li s-servizzi kkonċernati għandhom ikunu indispensabbli għal u marbuta mill-qrib mal-għajnuna soċjali u mas-sigurtà soċjali, jista’ jitqies li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta peress li servizzi ta’ evalwazzjoni tad-dipendenza, bħal dawk ipprovduti mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, jippermettu lill-iskema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza kkonċernata tevalwa s-sitwazzjoni ta’ dipendenza tal-persuni assigurati tagħha, sabiex jiġi ddeterminat id-dritt tagħhom għal benefiċċji li jaqgħu taħt l-għajnuna soċjali u s-sigurtà soċjali.

20      Madankollu, jibqa’ dubju f’dan ir-rigward sa fejn, skont il-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju, li tagħmel riferiment għas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, “go fair” Zeitarbeit (C‑594/13, EU:C:2015:164), il-provvista ta’ servizzi ma hijiex meqjusa li hija marbuta mill-qrib mal-għajnuna soċjali meta ma tiġix ipprovduta direttament lill-persuna dipendenti iżda lil organu li għalih dawn is-servizzi jkunu neċessarji għall-eżekuzzjoni, favur din il-persuna, tas-servizzi eżentati tiegħu stess.

21      Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, fis-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Unterpertinger (C‑212/01, EU:C:2003:625), il-Qorti tal-Ġustizzja warrbet l-eżistenza ta’ dritt għal eżenzjoni taħt l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienet ikkaratterizzata mir-redazzjoni ta’ rapport ta’ perizja dwar l-istat tas-saħħa ta’ persuna sabiex tingħata pensjoni tal-invalidità.

22      Min-naħa l-oħra, jekk jiġi aċċettat li servizzi ta’ evalwazzjoni tad-dipendenza, bħal dawk ipprovduti mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-għajnuna soċjali u mas-sigurtà soċjali, tqum il-kwistjoni ta’ jekk il-fornitur ikkonċernat jistax jiġi kklassifikat bħala organu rrikonoxxut bħala li għandu natura soċjali mill-Istat Membru kkonċernat, u għalhekk jissodisfa t-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT.

23      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju ma teskludix li tali rikonoxximent jista’ jirriżulta mill-fatt li l-fornitur ikkonċernat ipprovda s-servizzi tiegħu bħala subappaltatur f’isem organu rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali, f’dan il-każ il-MDK, peress li l-kunċett ta’ organu rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali jista’ jinkludi wkoll persuni fiżiċi jew entitajiet privati bi skop ta’ lukru. Għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar ir-rikonoxximent ta’ tali organi, u għalkemm, skont il-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju, ir-rikonoxximent bħala organu li għandu natura soċjali ma jkoprix subappaltaturi ta’ tali organu, tista’ tkun meħtieġa konklużjoni oħra għar-raġuni li, minħabba l-eżistenza ta’ linji gwida dwar l-evalwazzjoni tad-dipendenza, l-użu ta’ terzi mill-MDK għat-twettiq tal-evalwazzjoni jkun irregolat minn dispożizzjonijiet.

24      Fit-tieni lok, għalkemm is-subappalt, fih innifsu, ma huwiex suffiċjenti għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk ir-rikonoxximent bħala organu li għandu natura soċjali jistax jirriżulta mill-fatt li l-organi ta’ sigurtà soċjali jassumu r-responsabbiltà għall-ispejjeż marbuta mas-subappaltatur, fejn dan it-teħid ta’ responsabbiltà jikkostitwixxi, skont id-dritt tal-Unjoni, element rilevanti f’dan ir-rigward. Madankollu, f’dan il-każ, l-iskema kkonċernata tieħu responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż b’mod indirett u b’rata fissa biss, jiġifieri permezz tal-MDK, li jħallas lis-subappaltatur. Skont il-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju, finanzjament indirett tal-ispejjeż mill-organi ta’ sigurtà soċjali jista’ jkun biżżejjed, iżda għad hemm dubji dwar dan il-punt sa fejn il-leġiżlatur Ġermaniż, meta ttraspona d-Direttiva dwar il-VAT, uża parzjalment, f’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “bi ħlas”, kunċett dan li jista’ jeħtieġ teħid ta’ responsabbiltà intenzjonat u volontarju tal-ispejjeż mill-organi ta’ sigurtà soċjali.

25      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’sitwazzjoni fejn ir-responsabbiltà għall-ispejjeż marbuta mas-subappaltatur tittieħed indirettament minn organu ta’ sigurtà soċjali, ir-rikonoxximent ta’ dan is-subappaltatur bħala organu li għandu natura soċjali jistax ikun suġġett għall-konklużjoni effettiva ta’ kuntratt ma’ organu ta’ għajnuna soċjali jew ta’ sigurtà soċjali, jew jekk huwiex biżżejjed, għal dan il-għan, li kuntratt ikun jista’ jiġi konkluż konformement mad-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, sa mit-30 ta’ Ottubru 2012, dan id-dritt jipprevedi l-possibbiltà, għall-iskemi ta’ assigurazzjoni għal dipendenza, li jitqabbdu esperti indipendenti sabiex jevalwaw, minflok il-MDK, id-dipendenza tal-persuni assigurati. Dawn l-esperti indipendenti għandhom jissodisfaw rekwiżiti ta’ kwalifiki ffissati b’mod iddettaljat fil-linji gwida adottati minn dawn l-iskemi. Jista’ jitqies li, f’din is-sitwazzjoni, jeżisti kuntratt, sa fejn id-dritt tal-Unjoni jawtorizzah.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn persuna taxxabbli tistabbilixxi, fuq talba tal-[MDK], rapporti ta’ evalwazzjoni dwar id-dipendenza ta’ ċerti pazjenti, l-attività eżerċitata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva [dwar il-VAT]?

2.      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

(a)      Għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ impriża bħala organu ta’ natura soċjali fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva [dwar il-VAT], huwa biżżejjed li din l-impriża tipprovdi, bħala subappaltatur, servizzi fuq talba ta’ entità li, taħt id-dritt nazzjonali, tibbenefika minn rikonoxximent bħala organu ta’ natura soċjali fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva [dwar il-VAT]?

(b)      Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-punt (a) tat-tieni domanda: f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-ispejjeż ta’ stabbiliment irrikonoxxut fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva [dwar il-VAT] jiġu koperti b’rata fissa mill-fondi għall-mard u mill-assigurazzjoni għad-dipendenza huwa biżżejjed sabiex subappaltatur ta’ dan l-organu jitqies huwa stess li huwa organu rrikonoxxut?

(c)      Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-punti (a) u (b) tat-tieni domanda: l-Istat Membru jista’ jissuġġetta r-rikonoxximent bħala organu ta’ natura soċjali għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli tkun effettivament ikkonkludiet kuntratt ma’ istituzzjoni tas-sigurtà soċjali jew tal-għajnuna soċjali, jew huwa biżżejjed, għall-finijiet ta’ tali rikonoxximent, li jista’ jiġi konkluż kuntratt taħt id-dritt nazzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

27      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li:

–        ir-redazzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni tad-dipendenza minn espert indipendenti, f’isem is-servizz mediku ta’ skema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza, li jintużaw minn din tal-aħħar sabiex tevalwa l-portata tad-drittijiet għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali u ta’ sigurtà soċjali li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-persuni assigurati tagħha, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-għajnuna soċjali u mas-sigurtà soċjali;

–        din id-dispożizzjoni tipprekludi li dan l-espert jiġi mċaħħad mir-rikonoxximent bħala organu li għandu natura soċjali minkejja li, l-ewwel, huwa jipprovdi s-servizzi tiegħu marbuta mar-redazzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni tad-dipendenza, fil-kwalità ta’ subappaltatur, fuq talba tal-imsemmi servizz mediku, li kien is-suġġett ta’ tali rikonoxximent, it-tieni, l-ispejjeż tar-redazzjoni ta’ dawn ir-rapporti jitħallsu, b’mod indirett u b’rata fissa, mill-iskema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza kkonċernata u, it-tielet, l-imsemmi espert għandu l-possibbiltà, skont id-dritt nazzjonali, li jikkonkludi, direttament ma’ din l-iskema, kuntratt dwar ir-redazzjoni tal-imsemmija rapporti sabiex jibbenefika minn dan ir-rikonoxximent, iżda ma użax din il-possibbiltà.

28      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-termini użati sabiex jiġu identifikati l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini għandha tkun konformi mal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. B’hekk, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 132 għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħdu lil dawn l-eżenzjonijiet mill-effetti tagħhom (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann, C‑174/11, EU:C:2012:716, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fir-rigward tal-għan imfittex mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, din hija intiża, billi tiżgura trattament iktar favorevoli, fil-qasam tal-VAT, għal ċerti provvisti ta’ servizzi ta’ interess ġenerali mwettqa fis-settur soċjali, li tnaqqas l-ispiża ta’ dawn is-servizzi u li b’hekk tagħmel lil dawn tal-aħħar iktar aċċessibbli għall-individwi li jistgħu jibbenefikaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence, C‑335/14, EU:C:2016:36, punt 41).

30      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-eżenzjoni prevista minnha tapplika għall-provvista ta’ servizzi u għall-kunsinna ta’ merkanzija li jkunu, minn naħa, “marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” u, min-naħa l-oħra, li jkunu mwettqa “minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann, C‑174/11, EU:C:2012:716, punt 21).

31      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni li l-provvista ta’ servizzi għandha tkun marbuta mill-qrib mal-għajnuna soċjali u mas-sigurtà soċjali, din il-kundizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 134(a) tad-Direttiva dwar il-VAT li jeżiġi, fi kwalunkwe każ, li l-kunsinna ta’ merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi kkonċernati għandhom ikunu indispensabbli għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt l-għajnuna soċjali u s-sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, Stichting Kinderopvang Enschede, C‑415/04, EU:C:2006:95, punti 24 u 25).

32      Issa, fil-kawża ineżami, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu fir-redazzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni tad-dipendenza, tissodisfa, bħala prinċipju, din il-kundizzjoni sa fejn, skont il-konstatazzjonijiet tagħha, kondiviżi essenzjalment mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ppreżentaw osservazzjonijiet, dawn ir-rapporti, redatti minn espert debitament imħarreġ, huma neċessarji għat-twettiq tajjeb, mill-iskema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza kkonċernata, tal-missjonijiet tagħha fil-qasam tal-għajnuna soċjali u tas-sigurtà soċjali, li jinkludu, b’mod partikolari, il-finanzjament tal-kura marbuta mad-dipendenza favur il-persuni assigurati tagħha.

33      Madankollu, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar il-fatt li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jirriżulta li provvista ta’ servizzi, anki jekk dawn is-servizzi jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tal-benefiċċji tal-għajnuna soċjali u tas-sigurtà soċjali, xorta waħda ma titqiesx li hija marbuta mill-qrib mal-għajnuna soċjali u mas-sigurtà soċjali meta dawn is-servizzi ma jiġux ipprovduti direttament lill-persuna dipendenti iżda lil persuna taxxabbli oħra, li għaliha dawn is-servizzi jkunu neċessarji sabiex tkun tista’ twettaq is-servizzi eżentati tagħha stess.

34      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għalkemm huwa minnu li, kif jirriżulta mill-fatt li fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT tissemma l-provvista ta’ servizzi pprovduti mid-djar tal-anzjani, l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tkopri, b’mod partikolari, servizzi ta’ għajnuna u ta’ kura li jibbenefikaw direttament minnhom il-persuni koperti mill-miżuri ta’ għajnuna soċjali u ta’ sigurtà soċjali kkonċernati, la l-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni u lanqas l-għan tagħha ma jinkludu indizji fis-sens li hija eskluża minn din l-eżenzjoni l-provvista ta’ servizzi li, mingħajr ma jiġu pprovduti direttament lill-imsemmija persuni, xorta waħda jkunu indispensabbli għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet ta’ għajnuna soċjali u ta’ sigurtà soċjali. Dan jista’ jkun il-każ ta’ provvista ta’ servizzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermettu lill-entità inkarigata bit-twettiq ta’ dawn it-tranżazzjonijiet tiddetermina jekk il-persuni kkonċernati humiex intitolati jibbenefikaw mill-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali u ta’ sigurtà soċjali u tadotta b’mod utli deċiżjonijiet f’dan ir-rigward.

35      Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi ebda kundizzjoni dwar id-destinatarju tat-tranżazzjonijiet eżentati iżda tagħti, għall-kuntrarju, importanza lin-natura intrinsika ta’ dawn it-tranżazzjonijiet kif ukoll lill-kwalità tal-operatur li jipprovdi s-servizzi jew li jikkunsinna l-merkanziji kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence, C‑335/14, EU:C:2016:36, punt 46).

36      Min-naħa l-oħra, kif jenfasizza l-Gvern Ġermaniż, l-għan tal-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa li tnaqqas l-ispiża tat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, jikkorrobora l-interpretazzjoni fis-sens li l-eżenzjoni ta’ provvista ta’ servizzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-VAT ma tiddependix mill-kwistjoni ta’ lil min huma pprovduti dawn is-servizzi f’sitwazzjoni fejn dawn is-servizzi jikkostitwixxu stadju indispensabbli fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna soċjali u ta’ sigurtà soċjali u f’sitwazzjoni fejn il-fatt li dawn is-servizzi jkunu suġġetti għall-VAT ikollu neċessarjament l-effett li jżid l-ispiża tal-imsemmija tranżazzjonijiet.

37      Għaldaqstant, sabiex provvista ta’ servizzi marbuta mar-redazzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni tad-dipendenza titqies li hija marbuta mill-qrib mal-għajnuna soċjali u mas-sigurtà soċjali, ma huwiex neċessarju li dawn is-servizzi jingħataw direttament lill-persuni dipendenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College, C‑434/05, EU:C:2007:343, punti 31 u 32).

38      It-tieni, f’dan il-kuntest huwa irrilevanti l-fatt li l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni titwettaq mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, fil-kwalità tagħha ta’ subappaltatur, lil persuna taxxabbli oħra, f’dan il-każ il-MDK, li għaliha dawn is-servizzi huma neċessarji sabiex tkun tista’ tipprovdi s-servizzi eżentati tagħha stess, li din il-persuna taxxabbli twettaq għall-iskema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza kkonċernata.

39      F’dan ir-rigward, għalkemm fil-punt 28 tas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, “go fair” Zeitarbeit (C‑594/13, EU:C:2015:164), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, li l-provvista ta’ servizzi marbuta mat-tqegħid ta’ ħaddiema għad-dispożizzjoni ta’ persuna taxxabbli oħra ma tikkostitwixxix, bħala tali, provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali mwettqa fis-settur soċjali, minn dan madankollu ma jirriżultax li l-provvista ta’ servizzi differenti, jiġifieri dawk tat-tfassil ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni tad-dipendenza, li fir-rigward tagħhom huwa stabbilit li huma, bħala tali, indispensabbli sabiex l-iskema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza kkonċernata tkun tista’ twettaq b’mod sħiħ il-kompiti ta’ natura soċjali tagħha, ma hijiex marbuta mill-qrib mal-għajnuna soċjali u mas-sigurtà soċjali għas-sempliċi raġuni li dawn is-servizzi jiġu pprovduti, fil-kuntest ta’ subappalt, lill-MDK.

40      Barra minn hekk, huwa minnu li, fil-punt 43 tas-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Unterpertinger (C‑212/01, EU:C:2003:625), fil-kuntest tal-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), li t-termini tiegħu ġew riprodotti, essenzjalment mingħajr bidla, fl-Artikolu 132(1)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li servizz li jikkonsisti fit-twettiq ta’ perizja medika u li jkun intiż li tingħata tweġiba għall-mistoqsijiet identifikati fil-kuntest ta’ talba għal perizja, iżda li jitwettaq bil-għan li jippermetti lil terz jieħu deċiżjoni li tipproduċi effetti legali fil-konfront tal-persuna kkonċernata jew ta’ persuni oħra, ma huwiex eżentat mill-VAT bħala “servizz ta’ kura lill-persuna”, sa fejn l-għan prinċipali ta’ tali servizz ma huwiex il-protezzjoni, inklużi l-manteniment jew ir-riabilitazzjoni, tas-saħħa tal-persuna kkonċernata minn din il-perizja permezz ta’ tranżazzjonijiet eżentati, iżda li tiġi ssodisfatta kundizzjoni legali jew kuntrattwali prevista fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni dwar l-għoti ta’ pensjoni tal-invalidità.

41      Madankollu, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, minn dan ma jirriżultax li r-redazzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni tal-istat ta’ dipendenza ta’ persuna, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex indispensabbli u marbuta mill-qrib mat-twettiq mill-iskema kkonċernata tat-tranżazzjonijiet ta’ għajnuna soċjali u ta’ sigurtà soċjali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha.

42      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-provvista ta’ servizzi, sabiex tkun eżentata, għandha titwettaq minn organi rregolati mid-dritt pubbliku jew minn organi oħra rrikonoxxuti bħala li għandhom natura soċjali mill-Istat Membru kkonċernat, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kunċett ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku, b’tali mod li tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni kkonċernata fil-każ biss li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “organi oħra rrikonoxxuti li għandhom natura soċjali mill-Istat Membru kkonċernat”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT.

43      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT la jispeċifika l-kundizzjonijiet u lanqas il-modalitajiet għar-rikonoxximent tan-natura soċjali tal-organi li ma jkunux organi rregolati mid-dritt pubbliku. Għaldaqstant, bħala prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi r-regoli dwar kif tali rikonoxximent jista’ jingħata lil tali organi, filwaqt li f’dan ir-rigward l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence, C‑335/14, EU:C:2016:36, punti 32 u 34).

44      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tar-rikonoxximent tan-natura soċjali tal-organi li ma jkunux organi rregolati mid-dritt pubbliku, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, konformement mad-dritt tal-Unjoni u suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, jieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi. Fost dawn l-elementi jista’ jkun hemm l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, irrispettivament minn jekk ikunux nazzjonali jew reġjonali, leġiżlattivi jew amministrattivi, fiskali jew ta’ sigurtà soċjali, in-natura ta’ interess ġenerali tal-attivitajiet tal-persuna taxxabbli kkonċernata, il-fatt li persuni taxxabbli oħra li jeżerċitaw l-istess attivitajiet jibbenefikaw diġà minn rikonoxximent simili, kif ukoll il-fatt li r-responsabbiltà għall-parti l-kbira tal-ispejjeż tas-servizzi inkwistjoni eventwalment tittieħed minn skemi tal-mard jew minn organi oħra tas-sigurtà soċjali, b’mod partikolari meta l-operaturi privati jkollhom relazzjonijiet kuntrattwali ma’ dawn l-organi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C‑141/00, EU:C:2002:473, punt 58, u tal-21 Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence, C‑335/14, EU:C:2016:36, punt 35).

45      Huwa biss jekk l-Istat Membru ma jkunx osserva l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu li l-persuna taxxabbli tista’ tinvoka l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT sabiex toġġezzjona għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni. F’dan il-każ, il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, jekk il-persuna taxxabbli hijiex organu rrikonoxxut bħala li għandu natura soċjali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann, C‑174/11, EU:C:2012:716, punti 28 u 32).

46      F’dan il-każ, għalkemm il-konvenuta fil-kawża prinċipali pprovdiet is-servizzi tagħha bħala subappaltatur tal-MDK, li, skont id-dritt Ġermaniż, huwa rrikonoxxut bħala organu li għandu natura soċjali, hija ma kinitx is-suġġett hija stess ta’ dan ir-rikonoxximent. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija, b’mod partikolari mill-Awtorità Fiskali u mill-Gvern Ġermaniż, huwa minnu li esperti indipendenti jistgħu, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 16(k) tal-Artikolu 4 (il-punt 16(l) b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013) tal-UStG, jiġu rrikonoxxuti bħala organu li għandu natura soċjali, jekk jikkonkludu direttament mal-iskema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza kuntratt għall-provvista tal-imsemmija servizzi, fejn il-konklużjoni diretta ta’ tali kuntratt tippermetti lil din l-iskema tivverifika hija stess il-kompetenzi professjonali ta’ dawn l-esperti u, b’hekk, tiggarantixxi l-kwalità tas-servizzi pprovduti. Madankollu, skont dawn l-istess spjegazzjonijiet, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ma kkonkludietx tali kuntratt, b’tali mod li ma tistax tinvoka tali rikonoxximent fuq il-bażi tad-dritt Ġermaniż.

47      B’hekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fid-dawl tal-elementi indikati minnha fit-tieni domanda tagħha, jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja marritx lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta naqset milli tipprevedi l-possibbiltà li espert indipendenti li jkun f’sitwazzjoni bħal dik tal-konvenuta fil-kawża prinċipali jiġi rrikonoxxut bħala organu li għandu natura soċjali.

48      F’dan il-kuntest, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina din il-kwistjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, hemm lok li jsirulha l-preċiżazzjonijiet segwenti.

49      L-ewwel, il-fatt li l-intervent ta’ esperti indipendenti fl-evalwazzjoni tal-istat ta’ dipendenza tal-persuni assigurati ta’ skema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza huwa previst fit-Taqsima B 1 tal-Linji gwida msemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza ma huwiex biżżejjed, bħala tali, sabiex tiġi stabbilita n-natura soċjali tal-esperti kkonċernati, sa fejn l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-servizzi pprovduti minnhom hija biss wieħed fost numru ta’ elementi oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata din in-natura soċjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Les Jardins de Jouvence, C‑335/14, EU:C:2016:36, punt 39). Dan japplika iktar u iktar fil-kawża ineżami sa fejn minn dawn l-istess linji gwida jidher li jirriżulta li l-għajnuna ta’ esperti indipendenti tista’ tintalab biss “b’mod eċċezzjonali”, b’mod partikolari f’“perijodi ta’ xogħol intensiv”.

50      Barra minn hekk, jekk ir-rikonoxximent bħala organu li għandu natura soċjali jkun jirriżulta mis-sempliċi fatt li l-persuna taxxabbli kkonċernata kienet ikkummissjonata minn persuna taxxabbli oħra diġà rrikonoxxuta bħala tali, dan ikun ifisser, fl-aħħar mill-aħħar, li din tal-aħħar tkun awtorizzata teżerċita s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istat Membru u joħloq ir-riskju, kif irrileva essenzjalment il-Gvern Ġermaniż, li jkun possibbli li jiġu evitati l-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali għall-għoti ta’ tali rikonoxximent.

51      It-tieni, għalkemm huwa minnu li l-fatt li r-responsabbiltà għall-parti l-kbira tal-ispejjeż tas-servizzi kkonċernati tittieħed minn organu ta’ sigurtà soċjali, bħall-iskema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza, jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwalità tal-persuna taxxabbli kkonċernata bħala organu li għandu natura soċjali, l-importanza ta’ dan l-element hija inqas meta t-teħid ta’ responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż minn din l-iskema jitwettaq biss b’mod indirett, bħalma huwa l-każ fil-kawża ineżami, permezz tal-MDK, mingħajr ma jkun ibbażat fuq deċiżjoni espliċita tal-imsemmija skema jew jirriżulta minn kuntratt konkluż minnha mal-imsemmija persuna taxxabbli għall-provvista tal-imsemmija servizzi. F’dan ir-rigward, is-sempliċi possibbiltà li jiġi konkluż kuntratt, mingħajr ma tkun intużat, ma tistax tkun suffiċjenti.

52      It-tielet, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li persuni taxxabbli oħra rregolati mid-dritt privat li jwettqu l-istess attivitajiet bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali jibbenefikaw minn rikonoxximent bħala organu li għandu natura soċjali f’ċirkustanzi simili għal dawk li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, ir-rifjut li jingħata, fil-kawża ineżami, tali rikonoxximent ma jidhirx li jippreġudika l-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

53      B’hekk, iċ-ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li, fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward ta’ dan ir-rikonoxximent, skont l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        ir-redazzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni tad-dipendenza minn espert indipendenti f’isem is-servizz mediku ta’ skema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza, li jintużaw minn din tal-aħħar sabiex tevalwa l-portata tad-drittijiet għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali u ta’ sigurtà soċjali li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-persuni assigurati tagħha, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-għajnuna soċjali u mas-sigurtà soċjali sakemm din ir-redazzjoni tkun indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tat-tranżazzjonijiet li jaqgħu f’dan il-qasam;

–        din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li dan l-espert jiġi mċaħħad mir-rikonoxximent bħala organu li għandu natura soċjali minkejja li, l-ewwel, huwa jipprovdi s-servizzi tiegħu dwar ir-redazzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni tad-dipendenza fil-kwalità ta’ subappaltatur, fuq talba tal-imsemmi servizz mediku, li kien is-suġġett ta’ tali rikonoxximent, it-tieni, l-ispejjeż tar-redazzjoni ta’ dawn ir-rapporti jitħallsu, b’mod indirett u b’rata fissa, mill-iskema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza kkonċernata u, it-tielet, l-imsemmi espert għandu l-possibbiltà, skont id-dritt nazzjonali, li jikkonkludi, direttament ma’ din l-iskema, kuntratt dwar ir-redazzjoni tal-imsemmija rapporti sabiex jibbenefika minn dan ir-rikonoxximent, iżda ma użax din il-possibbiltà.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        ir-redazzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni tad-dipendenza minn espert indipendenti f’isem is-servizz mediku ta’ skema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza, li jintużaw minn din tal-aħħar sabiex tevalwa l-portata tad-drittijiet għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali u ta’ sigurtà soċjali li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-persuni assigurati tagħha, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-għajnuna soċjali u mas-sigurtà soċjali sakemm din ir-redazzjoni tkun indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tat-tranżazzjonijiet li jaqgħu f’dan il-qasam;

–        din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li dan l-espert jiġi mċaħħad mir-rikonoxximent bħala organu li għandu natura soċjali minkejja li, l-ewwel, huwa jipprovdi s-servizzi tiegħu dwar ir-redazzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni tad-dipendenza fil-kwalità ta’ subappaltatur fuq talba tal-imsemmi servizz mediku, li kien is-suġġett ta’ tali rikonoxximent, it-tieni, l-ispejjeż tar-redazzjoni ta’ dawn ir-rapporti jitħallsu, b’mod indirett u b’rata fissa, mill-iskema ta’ assigurazzjoni għal dipendenza kkonċernata u, it-tielet, l-imsemmi espert għandu l-possibbiltà, skont id-dritt nazzjonali, li jikkonkludi, direttament ma’ din l-iskema, kuntratt dwar ir-redazzjoni tal-imsemmija rapporti sabiex jibbenefika minn dan ir-rikonoxximent, iżda ma użax din il-possibbiltà.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.