C-695/19 - Rádio Popular

Printed via the EU tax law app / web

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Lulju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/112/KE – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Eżenzjonijiet – Artikolu 135(1)(a) – Kunċetti ta’ tranżazzjonijiet ta’ ‘assigurazzjoni’ u ‘servizzi relatati ta’ brokers u ta’ aġenti tal-assigurazzjoni’ – Artikolu 174(2) – Dritt għal tnaqqis – Tnaqqis pro rata – Estensjoni tal-garanzija li tirrigwarda apparati elettrodomestiċi u tagħmir ieħor fil-qasam tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni – Kunċett ta’ ‘tranżazzjonijiet finanzjarji’”

Fil-Kawża C‑695/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall) permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Settembru 2019, fil‑proċedura

Rádio Popular – Electrodomésticos, SA

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Rádio Popular – Electrodomésticos, SA, minn A. M. Rosa da Silva Garcia, advogada,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, R. Campos Laires, A. Homem u P. Barros da Costa, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, I. Kotsoni, u K. Georgiadis, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 174(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Rádio Popular – Electrodomésticos, SA (iktar ’il quddiem “Rádio Popular”) u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) (iktar ’il quddiem l-“AT”) dwar it-tnaqqis, minn Rádio Popular, tat-taxxa tal-input imħallsa għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet tal-bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-VAT:

“Fuq kull transazzjoni, il-VAT, kalkulata fuq il-prezz tal–merkanzija jew tas-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali merkanzija jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta' l-ammont tal-VAT li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.”

4        L-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 3, intitolat “Eżenzjonijiet għal attivitajiet oħrajn”, tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

(a)      [tranżazzjonijiet ta’] assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni, inklużi servizzi relatati mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni;

(b)      l-għoti u n-negozjar ta’ kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih;

(ċ)      in-negozju ta' kwalunkwe negozjar f'garanziji ta' kreditu jew kwalunkwe garanzija għall-flus oħra u l-immaniġġjar ta' garanziji tal-kreditu mill-persuna li qed tagħti l-kreditu;

(d)      transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċernaw kontijiet ta' depożitu u kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma eskluża l-kollezzjoni tad-debitu;

(e)      transazzjoniet, inkluż negozjar, li jikkonċerna l-munita, karti tal-flus u muniti użati bħala valuta legali, bl-eċċezzjoni ta' oġġetti tal-kollezzjoni, jiġifieri, deheb, fidda u muniti oħrajn tal-metall jew karti tal-flus li normalment m'humiex użati bħala valuta legali jew muniti b'interess numismatiku;

(f)      transazzjonijet, inkluż negozjar iżda mhux l-immaniġġjar jew iż-żamma fiż-żgur, f'ishma, interessi f'kumpanniji jew assoċjazzjonijet, obbligazzjonijiet (debentures) u sigurtajiet oħrajn, iżda esklużi dokumenti li jistabbilixxu titolu għal merkanzija, u d-drittijiet jew sigurtajiet imsemmija fl-Artikolu 15(2);

(g)      maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri;

[…]”

5        L-Artikolu 173 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ merkanzija jew servizzi użati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-VAT tista' titnaqqas skont l-Artikoli 168, 169 u 170, u għal transazzjonijiet li fir–rigward tagħhom il-VAT ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss tal-VAT li hi attribwibbli għat-transazzjonijiet ta’ qabel għandha l-possibbiltà li tiġi mnaqqsa.

Il–proporzjon li jista’ jitnaqqas għandu jkun stabbilit, skond l-Artikoli 174 u 175, għat-transazzjonijiet taxxabbli kollha mwettqa mill-persuna taxxabbli.

2.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)      jawtorizzaw lill-persuna taxxabbli biex tistabbilixxi proporzjon għal kull settur tan-negozju tiegħu, sakemm kontijiet separati huma miżmuma għal kull settur;

(b)      jeħtieġu li l-persuna taxxabbli tiddetermina proporzjon għal kull settur tan-negozju tiegħu u biex iżżomm kontijiet separati għal kull settur;

(ċ) jawtorizzaw jew jeħtieġu li l-persuna taxxabbli tagħmel it-tnaqqis abbażi ta’ l-użu ta’ parti jew tat-totalità tal-merkanzija u s-servizzi;

[…]”

6        L-Artikolu 174(1) u (2) tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.      Il-proporzjon li jista’ jitnaqqas għandu jkun magħmul minn frazzjoni li jinkludi l-ammonti li ġejjin:

(a)      bħala numeratur, l-ammont totali, mingħajr VAT, tal-bejgħ kull sena attribwibbli għal transazzjonijet li fuqhom il-VAT tista' titnaqqas skond l-Artikoli 168 u 169;

(b)      bħala denominatur, l-ammont totali, esklużiv mill-VAT, tal-bejgħ kull sena attribwibbli għat-transazzjonijiet inklużi fin-numeratur u għal transazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-VAT ma tistax titnaqqas.

[…]

2.      Bħala deroga mill-paragrafu 1, l-ammonti li ġejjin għandhom ikunu esklużi mill-kalkulazzjoni tal-proporzjon li jista’ jitnaqqas:

(a)      l-ammont ta’ bejgħ attribwibbli lil provvisti ta’ merkanzija kapitali użata mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tagħha;

(b)      l-ammont ta’ bejgħ attribwibbli għal transazzjonijet dwar beni immobbli anċillari u transazzjonijiet finanzjarji;

(ċ)      l-ammont ta’ bejgħ attribwibbli għat-transazzjonijet speċifikati fil-punti (b) sa (g) ta’ l-Artikolu 135(1), safejn dawn it-transazzjonijiet huma anċillari.”

 Id-dritt Portugiż

7        L-Artikoli 9 u 23 tal-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”), fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali, jittrasponu fid-dritt Portugiż id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT imsemmija fil-punti 3 sa 6 ta’ din is-sentenza.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Rádio Popular hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li l-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fil-bejgħ ta’ apparati elettrodomestiċi u tagħmir ieħor fil-qasam tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni.

9        Barra minn hekk, hija tipproponi lix-xerrejja tal-oġġetti tagħha numru ta’ servizzi addizzjonali bħal, b’mod partikolari, l-estensjoni tal-garanzija fuq l-oġġetti mixtrija. Din l-estensjoni tirriżulta minn kuntratt ta’ assigurazzjoni li permezz tiegħu l-impriża ta’ assigurazzjoni tiggarantixxi lix-xerrej, fil-każ ta’ inċident, il-kumpens tal-oġġett mixtri, jew, eventwalment, is-sostituzzjoni tiegħu, matul perijodu li jmur lil hinn mill-perijodu kopert mill-garanzija pprovduta mill-manifattur. Dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa konkluż bejn impriża ta’ assigurazzjoni u x-xerrejja tal-oġġetti mibjugħa minn Rádio Popular.

10      Bħala intermedjarja fil-bejgħ ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni, Rádio Popular tiffattura lill-klijent, bħala korrispettiv għall-estensjoni tal-garanzija mogħtija, ammont li jiżdied mal-prezz tal-oġġett mixtri. L-attività ta’ bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija b’hekk isseħħ meta jinbiegħu oġġetti u ssir billi jintużaw, bħala prinċipju, l-istess riżorsi materjali u personali bħal dawk użati għal dan il-bejgħ ta’ oġġetti.

11      Peress li kkunsidrat li l-bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija jikkostitwixxi tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni eżentati mill-VAT, Rádio Popular ma llikwidatx il-VAT relatata ma’ dan il-bejgħ iżda madankollu naqqset integralment il-VAT tal-input imħallsa għall-attività kollha tagħha matul is-snin 2014 sa 2017.

12      Wara l-kontrolli mwettqa mill-AT f’Rádio Popular relatati ma’ dawn is-snin finanzjarji, din l-awtorità kkonkludiet li din il-kumpannija kienet żbaljat meta naqqset il-VAT kollha mħallsa matul l-imsemmija snin, minħabba li t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija mwettqa minn Rádio Popular kienu eżentati mill-VAT u għalhekk ma kinux jagħtu dritt għal tnaqqis tal-VAT. Peress li t-taxxa mħallsa fuq l-akkwist ta’ oġġetti u ta’ servizzi b’użu mħallat tista’ titnaqqas biss proporzjonalment għall-ammont annwali tat-tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis, l-imsemmija awtorità wettqet, fir-rigward ta’ Rádio Popular, erba’ likwidazzjonijiet tal-VAT u interessi kumpensatorji, għal ammont totali ta’ EUR 356 433.05.

13      Wara li Rádio Popular talbet it-twaqqif ta’ tribunal ta’ arbitraġġ kolleġjali sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità ta’ dawn il-likwidazzjonijiet, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal ta’ Arbitraġġ fil-Qasam Fiskali (iċ-Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall) iddikjara li kien ikkostitwit fil-11 ta’ April 2019.

14      Skont dan il-tribunal, huwa stabbilit bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li l-attività ta’ Rádio Popular li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija tibbenefika mill-eżenzjoni dwar it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, li ġiet trasposta fil-Kodiċi tal-VAT. Peress li din il-parti tat-tranżazzjonijiet imwettqa minn Rádio Popular ma tagħtix, għaldaqstant, dritt għal tnaqqis, il-qorti tar-rinviju tindika li, bħala prinċipju, għandu jsir tnaqqis pro rata, kif previst, għal oġġetti jew servizzi b’użu mħallat, fl-Artikoli 173 u 174 ta’ din id-direttiva.

15      Madankollu Rádio Popular issostni li t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija huma “tranżazzjonijiet finanzjarji” ta’ natura anċillari meta mqabbla mal-attività prinċipali ta’ bejgħ ta’ apparati elettrodomestiċi u ta’ tagħmir ieħor fil-qasam tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni, b’tali mod li, skont l-eċċezzjoni prevista kemm fl-Artikolu 23(5) tal-Kodiċi tal-VAT kif ukoll fl-Artikolu 174(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT, l-ammont relatat ma’ dawk it-tranżazzjonijiet għandu jiġi injorat għall-finijiet tal-kalkolu tal-proporzjon li jista’ jitnaqqas. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet finanzjarji”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, taħt piena ta’ ksur tal-prinċipju fundamentali ta’ newtralità li jirregola din id-direttiva kif ukoll tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

16      Min-naħa l-oħra, l-AT issostni li l-imsemmija tranżazzjonijiet la jistgħu jiġu kklassifikati bħala “tranżazzjonijiet finanzjarji” u lanqas bħala “tranżazzjonijiet anċillari” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet. F’dan ir-rigward, hija tindika, minn naħa, li t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistgħux jiġu assimilati ma’ “tranżazzjonijiet finanzjarji”, peress li d-Direttiva tal-VAT tagħmel distinzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ kunċetti. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tas-sentenza tad-29 ta’ April 2004, EDM (C‑77/01, EU:C:2004:243), it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija ma humiex “tranżazzjonijiet anċillari”.

17      F’dan ir-rigward, l-AT tirrileva, b’mod partikolari, li l-bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija jsir b’mod abitwali minn Rádio Popular u li dan jagħtiha qligħ ta’ madwar 35 % tal-ammont imħallas minn kull xerrej ta’ estensjoni ta’ garanzija, filwaqt li dan il-benefiċċju huwa neċessarju għall-vijabbiltà ekonomika tagħha.

18      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-evalwazzjoni tal-AT li dan il-bejgħ ma għandux natura anċillari meta mqabbel mal-bejgħ ta’ apparati elettrodomestiċi u ta’ tagħmir ieħor fil-qasam tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni hija vvizzjata bi żbalji ta’ fatt u ta’ liġi. Hija tindika wkoll li ma ġiex ipprovat li l-vijabbiltà ekonomika ta’ Rádio Popular tiddependi mill-bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija. Filwaqt li tfakkar fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-servizzi anċillari, dik il-qorti tosserva, b’mod partikolari, li hija biss perċentwali żgħira, stmata għal 0.62 % tal-valur totali tal-oġġetti jew tas-servizzi akkwistati minn Rádio Popular għat-tkomplija tal-attività tagħha, li huwa attribwibbli għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija.

19      Fi kwalunkwe każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn it-tranżazzjonijiet jistgħux jiġu kklassifikati bħala “transazzjonijiet finanzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 174(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 135(1)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tqis li qari flimkien tal-imsemmija dispożizzjonijiet juri li l-ammonti relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni ma humiex esklużi mill-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ fil-Qasam Fiskali (iċ-Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD)) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tranżazzjonijiet ta’ intermedjazzjoni fil-bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija fuq apparati elettrodomestiċi, imwettqa minn persuna suġġetta għall-VAT li l-attività prinċipali tagħha hija l-bejgħ ta’ apparati elettrodomestiċi lill-konsumatur, jikkostitwixxu tranżazzjonijiet finanzjarji jew huma ekwiparabbli għalihom bis-saħħa tal-prinċipji ta’ newtralità u ta’ nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, b’effett tal-esklużjoni tal-ammont ta’ kalkolu tiegħu tal-pro rata tat-tnaqqis, skont l-Artikolu 135(1)(b) u/jew (ċ) tad-Direttiva [tal-VAT]?”

 Fuq id-domanda preliminari

21      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-Artikolu 135(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT, li huwa direttament imsemmi mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, l-Artikolu 174 ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-proporzjon li jista’ jitnaqqas, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tingħata risposta għal din id-domanda.

22      B’mod partikolari, il-paragrafu 2 ta’ dan l-aħħar artikolu jipprevedi, għal ċerti tranżazzjonijiet, b’mod partikolari għal tranżazzjonijiet ta’ natura anċillari, deroga mill-metodu ta’ kalkolu tal-proporzjon li jista’ jitnaqqas, kif previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li skontha l-ammont tad-dħul mill-bejgħ relatat ma’ dawn it-tranżazzjonijiet għandu jiġi eskluż mid-denominatur tal-frazzjoni użata għall-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas imsemmi fl-imsemmi paragrafu 1.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula għandha tinftiehem li hija intiża sabiex jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk l-Artikolu 174(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 135(1) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal tranżazzjonijiet ta’ intermedjazzjoni fil-bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija li jitwettqu minn persuna taxxabbli fil-kuntest tal-attività prinċipali tagħha li tikkonsisti fil-bejgħ lill-konsumaturi ta’ apparati elettrodomestiċi u ta’ tagħmir ieħor fil-qasam tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni, u jekk, għaldaqstant, id-dħul mill-bejgħ għandux jiġi eskluż mid-denominatur tal-frazzjoni użata għall-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas previst fl-Artikolu 174(1) tad-Direttiva tal-VAT.

24      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu li t-tranżazzjonijiet ta’ intermedjazzjoni fil-bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt l-Artikolu 135(1)(a) ta’ din id-direttiva u huma, għalhekk, eżentati mill-VAT.

25      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fost it-tranżazzjonijiet koperti mid-deroga prevista fl-Artikolu 174(2) tad-Direttiva tal-VAT, ma jinsabux it-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1)(a) ta’ din id-direttiva.

26      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk tranżazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. Jekk dan jirriżulta li huwa l-każ, ikun hemm lok, fit-tieni lok, li jiġi ddeterminat jekk tali tranżazzjonijiet jistgħux, madankollu, jaqgħu taħt il-paragrafu (2)(b) jew (ċ) tal-Artikolu 174 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-ammont tad-dħul mill-bejgħ relatat ma’ dawn it-tranżazzjonijiet għandu jiġi eskluż mid-denominatur tal-frazzjoni użata għall-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, peress li dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2020, United Biscuits (Pensions Trustees) u United Biscuits Pension Investments, C‑235/19, EU:C:2020:801, punt 29).

28      Skont l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri għandhom jeżentaw, minn naħa, it-“[tranżazzjonijiet ta’] assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni, inklużi servizzi relatati mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni”.

29      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni hija kkaratterizzata, b’mod ġeneralment irrikonoxxut, mill-fatt li l-assiguratur jintrabat, permezz tal-ħlas minn qabel ta’ primjum, li jipprovdi lill-persuna assigurata, fil-każ ta’ twettiq tar-riskju kopert, is-servizz miftiehem matul il-konklużjoni tal-kuntratt. Huma jimplikaw min-natura tagħhom l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz ta’ assigurazzjoni u l-persuna li r-riskji tagħha jkunu koperti mill-assigurazzjoni, jiġifieri l-assigurat (sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro, C‑40/15, EU:C:2016:172, punti 22 u 23, kif ukoll tal-25 ta’ Marzu 2021,Q‑GmbH (Assigurazzjoni għar-riskji speċjali), C‑907/19, EU:C:2021:237, punt 32).

30      Issa, f’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li Rádio Popular ma hijiex hija stess marbuta bil-kuntratt ta’ assigurazzjoni li jipprevedi l-estensjoni ta’ garanzija favur xerrejja ta’ apparati elettrodomestiċi u tagħmir ieħor fil-qasam tal-informatika u tal-komunikazzjoni elettronika bħala persuni assigurati, iżda taġixxi biss bħala intermedjarju bejnhom u bejn assiguratur li miegħu dan il-kuntratt huwa konkluż u li huwa responsabbli, barra minn hekk, mill-kopertura tar-riskju hekk assigurat.

31      Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk tranżazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux “servizzi relatati mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT.

32      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, l-eżenzjoni ta’ dawn is-servizzi hija suġġetta għall-osservanza ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: minn naħa, l-imsemmija servizzi għandhom ikunu “relatati” ma’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u, min-naħa l-oħra, għandhom jitwettqu “mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni” (sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Q‑GmbH (Assigurazzjoni għar-riskji speċjali), C‑907/19, EU:C:2021:237, punt 34).

33      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-terminu “relatati” huwa wiesa’ biżżejjed sabiex ikopri servizzi differenti li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u, b’mod partikolari, ir-regolazzjoni tal-inċidenti, li jikkostitwixxi waħda mill-partijiet essenzjali ta’ dawn it-tranżazzjonijiet (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro, C‑40/15, EU:C:2016:172, punt 33).

34      Peress li mid-deskrizzjoni tal-fatti magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-provvista inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonsisti, essenzjalment, fil-bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija li jirrigwardaw oġġetti mixtrija, li jippreżenta ruħu fil-forma ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni kif huwa kkaratterizzat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, tali provvista għandha titqies li hija relatata ma’ tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT.

35      Fir-rigward tat-tieni waħda mill-imsemmija kundizzjonijiet, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-servizzi li għalihom tintalab l-eżenzjoni skont l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT humiex imwettqa minn broker jew intermedjarju tal-assigurazzjoni, wieħed ma għandux jibbaża ruħu fuq il-kwalità formali tal-fornitur, iżda għandu jeżamina l-kontenut stess ta’ dawn is-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Q‑GmbH (Assigurazzjoni għar-riskji speċjali), C‑907/19, EU:C:2021:237, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, għandu jiġi vverifikat jekk iż-żewġ kriterji humiex issodisfatti. Fl-ewwel lok, il-fornitur għandu jkollu relazzjoni mal-assiguratur u mal-assigurat, peress li din ir-relazzjoni tista’ tkun indiretta biss jekk il-fornitur ikun subappaltatur tal-broker jew tal-intermedjarju. Fit-tieni lok, l-attività tiegħu għandha tkopri aspetti essenzjali tal-funzjoni ta’ intermedjarju tal-assigurazzjoni, bħat-tfittxija ta’ klijenti potenzjali u t-twaqqif ta’ relazzjonijiet ta’ dawn mal-assiguratur, bil-għan li jiġu konklużi kuntratti ta’ assigurazzjoni (sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Q‑GmbH (Assigurazzjoni għar-riskji speċjali), C‑907/19, EU:C:2021:237, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, dawn il-kriterji huma a priori ssodisfatti minn fornitur bħal Rádio Popular sa fejn, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, dan il-fornitur ikun f’kuntatt dirett kemm mal-assiguratur, li tiegħu huwa jbigħ il-prodotti ta’ assigurazzjoni li jinkludu l-estensjoni ta’ garanzija, kif ukoll mal-assigurat bil-għan tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti waqt il-bejgħ ta’ apparati elettrodomestiċi u ta’ tagħmir ieħor fil-qasam tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni, u li jeżerċita, meta jagħmel hekk, attivitajiet li essenzjalment jirrigwardaw il-funzjoni ta’ intermedjarju tal-assigurazzjoni, bħat-tiftix ta’ klijenti u t-tqegħid tagħhom f’kuntatt mal-assiguratur, bil-ħsieb li jiġu konklużi kuntratti ta’ assigurazzjoni.

38      Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-verifiki li finalment għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, tranżazzjonijiet ta’ intermedjazzjoni fil-bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jitwettqu minn persuna taxxabbli fil-kuntest tal-attività prinċipali tagħha li tikkonsisti fil-bejgħ lill-konsumaturi ta’ apparati elettrodomestiċi u ta’ tagħmir ieħor fil-qasam tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni, jikkostitwixxu provvisti ta’ servizzi relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni mwettqa mill-brokers u mill-intermedjarji tal-assigurazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.

39      Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, tali tranżazzjonijiet ma humiex koperti mid-deroga għall-metodu ta’ kalkolu tal-proporzjon ta’ tnaqqis prevista fl-Artikolu 174(2) ta’ din id-direttiva, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tirreferix għall-punt (a) tal-Artikolu 135(1) tal-imsemmija direttiva.

40      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk tranżazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minkejja li jikkostitwixxu provvisti ta’ servizzi relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni mwettqa minn intermedjarju tal-assigurazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, jistgħux madankollu jiġu kklassifikati, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, bħala tranżazzjonijiet finanzjarji anċillari, fis-sens tal-punti (b) u (ċ) tal-Artikolu 174(2) ta’ din id-direttiva.

41      Sa fejn l-Artikolu 174(2)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT jirreferi għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punti (b) sa (g) tal-Artikolu 135(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, li, fl-Artikolu 135(1) tal-imsemmija direttiva, issir distinzjoni ċara bejn it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni msemmija fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni u t-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punti (b) sa (g) tagħha, b’mod partikolari t-tranżazzjonijiet ta’ natura finanzjarja.

42      Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, minn naħa, u tal-Artikolu 135(1)(b) sa (g) ta’ din id-direttiva, min-naħa l-oħra, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet ikopru tranżazzjonijiet distinti u li t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni ma jistgħux jiġu assimilati mat-tranżazzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 174(2) tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro, C‑40/15, EU:C:2016:172, punt 29).

43      Sussegwentement, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Għalkemm hija ċertament ġurisprudenza stabbilita li dan il-prinċipju jipprekludi li merkanzija jew provvista ta’ servizzi li jixxiebhu, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing, C‑224/11, EU:C:2013:15, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata), ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u t-tranżazzjonijiet finanzjarji jikkostitwixxu tranżazzjonijiet “simili”, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza.

44      Fi kwalunkwe każ, kif kien repetutament deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi prinċipju ma jippermettix li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni jiġi estiż fl-assenza ta’ dispożizzjoni inekwivokabbli. Fil-fatt, l-imsemmi prinċipju ma huwiex regola tad-dritt primarju li tista’ tiddetermina l-validità ta’ eżenzjoni, iżda prinċipju ta’ interpretazzjoni li għandu jiġi applikat b’mod parallel għall-prinċipju li jipprevedi li l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro, C‑40/15, EU:C:2016:172, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fl-aħħar nett, mutatis mutandis, interpretazzjoni fis-sens li l-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, li jinsab fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, u dak ta’ “tranżazzjonijiet finanzjarji”, li jinsab fl-Artikolu 174(2)(b) ta’ din id-direttiva, huma sinonimi ma tistax tiġi aċċettata.

46      Fil-fatt, il-funzjonament tajjeb u l-interpretazzjoni uniformi tas-sistema komuni tal-VAT jimplikaw, bħala prinċipju, li tranżazzjonijiet simili koperti mid-Direttiva tal-VAT ma jkunux indikati minn kunċetti differenti skont jekk humiex koperti minn dispożizzjoni jew oħra ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding, C‑242/08, EU:C:2009:647, punt 31).

47      Minn dan isegwi li tranżazzjoni kklassifikata bħala “tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, ma tistax tikkostitwixxi tranżazzjoni, ta’ natura finanzjarja u anċillari, fis-sens tal-Artikolu 174(2)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 135(1)(b) sa (g) tal-imsemmija direttiva, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din hijiex, barra minn hekk, “anċillari” fis-sens ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

48      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 174(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 135(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal tranżazzjonijiet ta’ intermedjazzjoni fil-bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija li jitwettqu minn persuna taxxabbli fil-kuntest tal-attività prinċipali tagħha li tikkonsisti fil-bejgħ lill-konsumaturi ta’ apparati elettrodomestiċi u ta’ tagħmir ieħor fil-qasam tal-informatika u ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, b’tali mod li l-ammont tal-valur tal-bejgħ relatat ma’ dawn it-tranżazzjonijiet ma għandux ikun eskluż mid-denominatur tal-frazzjoni użata għall-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas previst fl-Artikolu 174(1) tal-imsemmija direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 174(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-Artikolu 135(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal tranżazzjonijiet ta’ intermedjazzjoni fil-bejgħ ta’ estensjonijiet ta’ garanzija li jitwettqu minn persuna taxxabbli fil-kuntest tal-attività prinċipali tagħha li tikkonsisti fil-bejgħ lill-konsumatur ta’ apparati elettrodomestiċi u ta’ tagħmir ieħor fil-qasam tal-informatika u ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, b’tali mod li l-ammont tal-valur tal-bejgħ relatat ma’ dawn it-tranżazzjonijiet ma għandux ikun eskluż mid-denominatur tal-frazzjoni użata għall-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas previst fl-Artikolu 174(1) tal-imsemmija direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.