C-802/19 - Firma Z

Printed via the EU tax law app / web

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

11 ta’ Marzu 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 90(1) – Tnaqqis tal-ammont taxxabbli – Prinċipji ddefiniti fis-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs (C‑317/94, EU:C:1996:400) – Kunsinni ta’ prodotti mediċinali – Għoti ta’ skont – Natura ipotetika tad-domanda preliminari – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑802/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

Firma Z

vs

Finanzamt Y,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Kumin, President tal-Awla, T. von Danwitz u P. G. Xuereb (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Firma Z, minn A. Erdbrügger, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn R. Lyal u R. Pethke, sussegwentement minn R. Pethke, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif ukoll tal-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Firma Z, impriża li teżerċita, fil-Pajjiżi l-Baxxi, attività ta’ bejgħ ta’ prodotti mediċinali b’korrispondenza, u l-Finanzamt Y (l-Awtorità Fiskali Y, il-Ġermanja) dwar it-tnaqqis tal-ammont taxxabbli fil-każ ta’ skont tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem suġġetti għal preskrizzjoni medika u kkunsinnati mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2006/112:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

a)      il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali ;

b)      l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn :

i)      persuna taxxabbli li tkun qed taġixxi b’dan il-mod, jew minn persuna legali mhux taxxabbli, fejn il-bejjiegħ huwa persuna taxxabbli li qed jaġixxi b’dan il-mod li mhux eliġibbli għall-eżenzjoni għal intrapriżi żgħar li hemm provvediment għaliha fl-Artikoli 282 sa 292 u li m’hijiex koperta mill-Artikoli 33 u 36 ;

[...]”

4        L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kwalunkwe każ, korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Anness I, sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunux twettqu fuq skala tant żgħira li jkunu insinifikanti.”

5        L-Artikolu 20 tal-istess direttiva jipprevedi:

“‘Akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija’ għandha tfisser l-akkwist tad-dritt li tiddisponi bħala sid ta’ proprjetà tanġibbli mobbli, mibgħuta jew ittrasportata għand il-persuna li qed takkwista l-merkanzija, mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li qed takkwista l-merkanzija, fi Stat Membru minbarra dak li minnu ntbagħtet jew kienet ittrasportata l-merkanzija.

[...]”

6        L-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikolu 32, il-post tal-provvista tal-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata minn jew għan-nom tal-fornitur minn Stat Membru li mhux dak li fih tispiċċa l-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata jitqies bħala l-post fejn tinsab il-merkanzija fil-ħin li jintemm it-tluq jew it-trasport għall-konsumatur, fejn jintlaħqu il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      il-provvista tal-merkanzija titmexxa għal persuna taxxabbli, jew persuna legali mhux taxxabbli, li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha mhumiex soġġetti għall-VAT skond l-Artikolu 3(1), jew għal kull persuna oħra li mhix taxxabbli;

b)      il-merkanzija pprovduta la hi mezzi ġdid ta’ trasport u lanqas merkanzija pprovduta wara li tkun ingħaqdet jew ġiet installata, bi prova jew mingħajr, minn jew għan-nom tal-fornitur.”

7        L-Artikolu 73 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

8        Skont l-Artikolu 83 tal-istess direttiva:

“Rigward l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, l-ammont taxxabbli għandu jkun stabbilit abbażi ta’ l-istess fatturi bħal dawk użati skond il-Kapitolu 2 biex jiġi stabbilit l-ammont taxxabbli għall-provvista ta’ l-istess merkanzija fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat. [...]”

9        L-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni, ċaħda jew nuqqas ta’ pagament totali jew parzjali, jew fejn il-prezz hu mnaqqas wara li l-provvista tkun saret, l-ammont taxxabbli għandu jiġi ridott għaldaqstant skond kondizzjonijet li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.”

10      L-Artikolu 138(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni l barra mit-territroju tagħhom iżda fil-Komunità, jew mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li tkun qed takkwista l-merkanzija, għal persuna taxxabbli oħra, jew għal persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi bħala tali fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn bdiet tinbagħat jew tkun ittrasportata il-merkanzija.”

 Id-dritt Ġermaniż

 Id-dritt fil-qasam tal-VAT

11      Skont il-punti 1 u 5 tal-Artikolu 1(1) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2005 I, p. 386) (iktar ’il quddiem l-“UStG”), huma suġġetti għall-VAT:

“1)      il-kunsinni u provvisti oħra li imprenditur, fil-kuntest tal-impriża tiegħu, iwettaq bi ħlas fit-territorju nazzjonali,

[...]

5)      l-akkwist intra-Komunitarju mwettaq bi ħlas fit-territorju nazzjonali.”

12      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(a) tal-UStG jipprovdi:

“Ikun hemm akkwist intra-Komunitarju bi ħlas meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)      merkanzija tgħaddi, fil-kuntest ta’ kunsinna lil xerrej (akkwirent), mit-territorju ta’ Stat Membru għat-territorju ta’ Stat Membru ieħor [...]

2)      l-akkwirent ikun

a)      imprenditur li jakkwista l-beni għall-impriża tiegħu jew

b)      persuna ġuridika li ma għandhiex il-kwalità ta’ imprenditur jew li ma tiksibx l-beni għall-impriża tagħha, u

3)      il-kunsinna lill-akkwirent

a)      issir mill-imprenditur bi ħlas fil-kuntest tal-impriża tiegħu [...]

[...]”

13      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-UStG tipprevedi:

“Fil-każ ta’ modifika tal-ammont taxabbli ta’ tranżazzjoni taxxabbli, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1(1), l-imprenditur li jkun wettaq din it-tranżazzjoni għandu jemenda l-ammont tat-taxxa dovuta f’dan ir-rigward.”

 Id-dritt dwar l-assigurazzjoni għall-mard

14      L-Artikolu 2 tal-Fünftes Buch Sozialgesetzbuch (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, il-Ħames Ktieb), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2011 I, p. 2983), jipprovdi:

“1.      Il-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-assigurati tagħhom il-provvisti msemmija fit-tielet kapitolu b’osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (Artikolu 12), sa fejn dawn il-provvisti ma jkunux jaqgħu taħt ir-responsabbiltà stess tal-assigurati.

2.      L-assigurati għandhom jirċievu l-provvisti fil-forma ta’ provvisti in natura jew provvisti ta’ servizzi, għajr dispożizzjoni kuntrarja f’dan il-ktieb jew fid-disa’ ktieb [...] Il-provvista in natura u fil-forma ta’ servizzi għandha tkun is-suġġett ta’ ftehimiet konklużi mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard mal-fornituri skont id-dispożizzjonijiet tar-raba’ kapitolu.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Firma Z hija spiżerija li, matul is-sena 2013, ikkunsinnat mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja prodotti mediċinali emessi b’riċetta medika. Dawn il-prodotti mediċinali kienu ntbagħtu, minn naħa, lil persuni koperti mill-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja u, min-naħa l-oħra, lil persuni koperti minn assigurazzjoni għall-mard privata. Permezz ta’ risposta għal kwestjonarju dwar il-kundizzjoni li kienu jbatu minnha, Firma Z ħallset lill-persuni kkonċernati ċertu ammont bħala “kumpens”.

16      Meta Firma Z kienet tikkunsinna prodotti mediċinali emessi biss b’riċetta medika lil persuni koperti mill-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja, hija kienet, minn naħa, tqis li kkonkludiet kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw dawn il-prodotti mediċinali ma’ dawn il-persuni u li wettqet il-kunsinna direttament lil dawn tal-aħħar. Hija kienet tqis, billi tibbaża ruħha fuq ir-regoli li jirregolaw il-bejgħ bil-korrispondenza previsti fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2006/112 u fid-dritt nazzjonali, li dawn il-kunsinni kienu taxxabbli fil-Ġermanja. Hija kienet tqis ukoll li l-ammont tal-kumpens imħallas lill-imsemmija persuni kien iwassal għal tnaqqis tal-ammont taxxabbli skont l-Artikolu 17(1) tal-UStG. It-tassazzjoni tal-imsemmija kunsinni lill-persuni koperti minn assigurazzjoni għall-mard privata kif ukoll dik tal-kunsinna ta’ prodotti għall-kummerċjalizzazzjoni libera lil dawn il-persuni jew lill-persuni koperti mill-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja abbażi ta’ kuntratti ta’ bejgħ li Firma Z kienet ikkonkludiet direttament mal-imsemmija persuni ma humiex is-suġġett tal-kawża prinċipali.

17      Meta Firma Z kienet tikkunsinna prodotti mediċinali emessi biss b’riċetta medika lil persuni koperti mill-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja, hija kienet, minn naħa, twettaq kontabbiltà mal-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja abbażi tad-dritt tas-sigurtà soċjali u, min-naħa l-oħra, hija kienet tattribwixxi l-ammont tal-kumpens mogħti lill-persuni kkonċernati fuq il-parti li kellha titħallas minnhom għall-prodott mediċinali ordnat. Għal dawn il-kunsinni, Firma Z qieset li, mill‑1 ta’ Ottubru 2013, il-post ta’ kunsinna kien jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi u li hija setgħet tinvoka l-eżenzjoni mill-VAT prevista għall-kunsinni intra-Komunitarji. Il-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja kellhom, min-naħa tagħhom, iħallsu l-VAT fuq dawn l-akkwisti fil-Ġermanja skont l-Artikolu 2(1)(b)(i) tad-Direttiva 2006/112. Barra minn hekk, Firma Z qieset li l-ammont tal-kumpens imħallas lill-persuni koperti mill-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja kien iwassal, skont l-Artikolu 17(1) tal-UStG, għal tnaqqis tal-ammont taxxabbli relatat mal-kunsinni mwettqa fil-Ġermanja lill-persuni koperti minn assigurazzjoni għall-mard privata u hija għamlet rettifika f’dan ir-rigward.

18      Peress li l-Awtorità Fiskali Y ma segwietx dan l-approċċ, hija ħarġet avviż ta’ aġġustament. Wara ċ-ċaħda tal-ilment ta’ Firma Z kontra dan l-avviż, din tal-aħħar ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja).

19      Il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) ċaħdet dan ir-rikors abbażi tal-fatt li, peress li l-kunsinna lill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja ma kinitx taxxabbli, ma kienx possibbli li jitnaqqas l-ammont taxxabbli. Hija kkonstatat li ma kienet teżisti ebda bażi legali li fuqha Firma Z setgħet tibbaża d-dritt li tiġi rrimborsata parzjalment il-VAT.

20      Peress li qieset li, skont is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs (C‑317/94, EU:C:1996:400), hija kellha d-dritt li twettaq tnaqqis tal-ammont taxxabbli minħabba tnaqqis tar-remunerazzjoni tagħha, Firma Z ippreżentat, quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), appell għal reviżjoni mis-sentenza tal-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi).

21      Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fid-dawl tas-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs (C‑317/94, EU:C:1996:400, punti 28 u 31), u tas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Ibero Tours (C‑300/12, EU:C:2014:8, punt 29), meta manifattur ta’ prodott li, peress li ma jkunx marbut kuntrattwalment mal-konsumatur finali, iżda jkun l-ewwel wieħed b’katina ta’ tranżazzjonijiet li twassal għal dan tal-aħħar, jagħti skont tal-prezz lill-imsemmi konsumatur finali, l-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT għandu jitnaqqas skont din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22      Hija tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, irrifjutat tnaqqis tal-ammont taxxabbli fil-każ fejn aġenzija tal-ivvjaġġar, li taġixxi bħala intermedjarja, tagħti lill-konsumatur finali, fuq inizjattiva tagħha stess u bi spejjeż tagħha, skont tal-prezz fir-rigward tas-servizz prinċipali pprovdut mill-organizzatur ta’ mawriet turistiċi (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Ibero Tours, C‑300/12, EU:C:2014:8, punt 33).

23      Hija ssostni wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iskont mogħti, skont liġi nazzjonali, minn impriża farmaċewtika lil impriża tal-assigurazzjoni għall-mard privata jwassal, fis-sens tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112, għal tnaqqis tal-ammont taxxabbli favur din l-impriża farmaċewtika, meta kunsinni tal-prodotti farmaċewtiċi jsiru permezz ta’ bejjiegħa bl-ingrossa lil spiżeriji li jwettqu dawn il-kunsinni lil persuni koperti minn assigurazzjoni għall-mard privata li tirrimborsa lill-assigurati tagħha l-prezz tax-xiri tal-prodotti farmaċewtiċi (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Boehringer Ingelheim Pharma, C‑462/16, EU:C:2017:1006, punt 46).

24      Skont il-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju li jiġi ċċarat il-kunċett ta’ “katina ta’ tranżazzjonijiet”, li tibda mal-persuna li tagħti l-iskont, f’dan il-każ Firma Z, u tintemm mal-persuna li tirċevih, jiġifieri l-persuni koperti mill-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja. Il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk it-tranżazzjonijiet kollha ta’ din il-katina għandhomx jaqgħu jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/112 sabiex ikun jista’ jitwettaq it-tnaqqis tal-ammont taxxabbli previst fl-Artikolu 90(1) ta’ din id-direttiva.

25      F’dan ir-rigward, hija tfakkar li l-prinċipju ta’ newtralità jeżiġi li, f’kull pajjiż, il-beni simili jkollhom l-istess piż fiskali, indipendentement mit-tul taċ-ċirkwit ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni (sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs, C‑317/94, EU:C:1996:400, punt 20, u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Boehringer Ingelheim Pharma, C‑462/16, EU:C:2017:1006, punt 33). Konsegwentement, fil-fehma tagħha, it-tul ta’ dan iċ-ċirkwit ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni huwa ddeterminat mit-tranżazzjonijiet li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/112, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

26      Barra minn hekk, hija tqis li fil-kuntest tat-tilwima li tat lok għas-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Boehringer Ingelheim Pharma (C‑462/16, EU:C:2017:1006), l-iskont kellu l-effett li jnaqqas l-ispejjeż tal-impriżi tal-assigurazzjoni għall-mard privati u, għaldaqstant, l-ispejjeż ta’ dawk li kellhom ibatu l-piż tal-akkwist taxxabbli ta’ prodotti mediċinali, li ma huwiex il-każ fil-kawża li hija adita biha, peress li l-iskont mogħti lill-persuni koperti mill-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja ma għandu ebda effett fuq l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja.

27      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-ugwaljanza fit-trattament tat-tranżazzjonijiet imwettqa fit-territorju nazzjonali u ta’ dawk imwettqa fis-suq intern.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Spiżerija li tikkunsinna prodotti mediċinali għal fond obbligatorju tal-assigurazzjoni għall-mard u li tagħti skont lill-assigurat tista’, fuq il-bażi ta’ dan l-iskont, tnaqqas il-bażi taxxabbli skont is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs (C‑317/94, EU:C:1996:400)?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv: Il-fatt li spiżerija stabbilita fit-territorju nazzjonali għandha d-dritt tnaqqas il-bażi taxxabbli, iżda mhux spiżerija li tagħmel kunsinna intra-Komunitarja eżentata mit-taxxa lil fond obbligatorju tal-assigurazzjoni għall-mard minn Stat Membru ieħor, jikser il-prinċipji ta’ newtralità u ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-suq intern?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

29      Il-Gvern Ġermaniż jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari peress li d-domandi magħmula huma irrilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali u huma ta’ natura ipotetika.

30      Fil-fatt, il-Gvern Ġermaniż ifakkar li huwa paċifiku li l-kunsinni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jikkostitwixxu kunsinni intra-Komunitarji u, skont id-Direttiva 2006/112, kienu eżentati mill-VAT fl-Istat Membru tat-tluq, jiġifieri fil-Pajjiżi l-Baxxi. Konsegwentement, peress li ma jeżistix ammont taxxabbli fir-rigward ta’ dawn il-kunsinni, ikun impossibbli tnaqqis ta’ dan l-ammont skont l-Artikolu 90 ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż ifakkar ukoll li, fil-kawża prinċipali, Firma Z ma wettqitx tnaqqis tal-ammont taxxabbli fil-kuntest tal-kunsinni magħmula minnha lill-fond ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja, iżda naqqset l-ammont taxxabbli tal-kunsinni magħmula lill-persuni koperti minn assigurazzjoni għall-mard privata, filwaqt li dan l-ammont taxxabbli ma kellu ebda rabta mal-kunsinni mwettqa lill-fond tal-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja.

31      B’hekk, skont il-Gvern Ġermaniż, il-kwistjoni dwar jekk tnaqqis tal-ammont taxxabbli huwiex possibbli jirrigwarda biss sitwazzjoni marbuta mal-ispiżeriji stabbiliti fil-Ġermanja, fejn il-kunsinna ta’ prodotti mediċinali ma hijiex eżentata, iżda hija taxxabbli, li huwa irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

32      Fi kwalunkwe każ, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tipprojbixxi lill-ispiżeriji stabbiliti fit-territorju nazzjonali milli jagħtu skontijiet fuq il-prodotti mediċinali.

33      Firma Z tqis ukoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li teżisti, bejnha u l-persuni koperti mill-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja, relazzjoni diretta ta’ kunsinna. Konsegwentement, ir-roħs fil-prezzijiet inaqqas direttament l-ammont taxxabbli u ż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma irrilevanti, filwaqt li hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni preliminari tan-natura tar-relazzjoni bejn Firma Z u dawn il-persuni.

34      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112 fir-rigward tad-dritt ta’ spiżerija stabbilita fi Stat Membru għat-tnaqqis tal-ammont taxxabbli tagħha meta, minn naħa, hija twettaq kunsinna ta’ prodotti mediċinali, fi Stat Membru ieħor, lil fond nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja, peress li din it-tranżazzjoni taqa’, f’dan l-Istat Membru, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, u, min-naħa l-oħra, hija tagħti skont lil persuna affiljata ma’ dan il-fond li fir-rigward tagħha l-prodott mediċinali huwa pprovdut fil-kuntest tat-tieni kunsinna li ma taqax fil-kamp a’ applikazzjoni tal-VAT. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, b’mod suffiċjenti u preċiż, esponiet iċ-ċirkustanzi ta’ fatt li wasslu għall-kawża prinċipali kif ukoll il-kuntest ġuridiku tal-kawża prinċipali li minnu jirriżulta li d-domandi magħmula ma humiex ipotetiċi.

37      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ta’ Firma Z, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju indikat li, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt nazzjonali tal-assigurazzjoni għall-mard, hija ma kellhiex dubju dwar in-natura tar-relazzjonijiet tal-provvista inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 267 TFUE, li huwa bbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, hija biss awtorizzata tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali. Min-naħa l-oħra, hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Hija wkoll il-qorti nazzjonali biss li għandha, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija tixtieq tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din ma tistax, fuq it-talba ta’ parti fil-kawża prinċipali, teżamina kwistjonijiet li ma jkunux ġew ippreżentati quddiemha mill-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑7 ta’ Ottubru 2013, Società cooperativa Madonna dei miracoli, C‑82/13, EU:C:2013:655, punt 11, kif ukoll is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 48).

38      Minn dan isegwi, minn naħa, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija mitluba, f’dan il-każ, għandha rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li d-domandi magħmula ma humiex ta’ natura ipotetika, mingħajr ma hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni tan-natura tar-relazzjoni bejn Firma Z u l-persuni koperti mill-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja.

39      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

40      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fid-dawl tal-prinċipji ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs (C‑317/94, EU:C:1996:400), l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li spiżerija stabbilita fi Stat Membru tista’ tnaqqas l-ammont taxxabbli tagħha meta twettaq, bħala kunsinni intra-Komunitarji eżentati mill-VAT f’dan l-Istat Membru, kunsinni ta’ prodotti farmaċewtiċi lil fond ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja stabbilit fi Stat Membru ieħor u li hija tagħti skont lil persuni koperti minn din l-assigurazzjoni.

41      Skont l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112, fil-każ ta’ annullament, xoljiment, ħall, nuqqas ta’ pagament totali jew parzjali, jew ta’ tnaqqis tal-prezz wara li tkun saret it-tranżazzjoni, l-ammont taxxabbli għandu jitnaqqas debitament skont il-kundizzjonijet li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

42      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi stess tal-kawża prinċipali, il-bejgħ tal-prodotti farmaċewtiċi inkwistjoni huwa s-suġġett ta’ żewġ kunsinni, waħda mwettqa mill-ispiżerija lill-fond tal-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja u t-tieni waħda minn dan il-fond lill-persuni assigurati ma’ din tal-aħħar. Minn naħa, l-ewwel kunsinna hija kunsinna intra-Komunitarja li, skont l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112, hija eżentata fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għalhekk, il-fond ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja għandu, bħala persuna ġuridika, l-obbligu li jħallas il-VAT fuq l-akkwist li jikkorrispondi għal din il-kunsinna skont l-Artikolu 2(1)(b)(i) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, it-tieni kunsinna magħmula mill-fond ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja lill-assigurati tiegħu ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.

43      Madankollu, sa fejn Firma Z ma għandhiex ammont taxxabbli li jista’ jkun is-suġġett ta’ regolarizzazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112 ma humiex issodisfatti.

44      Barra minn hekk, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Firma Z kellha l-intenzjoni li tibbenefika, bħala konsegwenza ta’ skont mogħti lil persuni koperti mill-assigurazzjoni għall-mard obbligatorja, minn tnaqqis tal-ammont taxxabbli tagħha fir-rigward ta’ kunsinni lil persuni assigurati privatament. Madankollu, kif ġustament irrilevaw kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Kummissjoni, l-imputazzjoni tat-tnaqqis tal-ammont taxxabbli relatat ma’ tranżazzjoni fuq il-kalkolu tal-ammont taxxabbli ta’ tranżazzjoni oħra, fil-kuntest tas-sistema komuni tal-VAT, hija eskluża.

45      Fir-rigward tas-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs (C‑317/94, EU:C:1996:400), għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dik is-sentenza, li, meta manifattur ta’ prodott, li ma jkunx kuntrattwalment marbut mal-konsumatur finali, iżda jkun l-ewwel ħolqa f’katina ta’ tranżazzjonijiet li twassal għal dan tal-aħħar, jagħti skont fil-prezz lill-imsemmi konsumatur finali, l-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT għandu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jitnaqqas b’dan l-iskont (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Ibero Tours, C‑300/12, EU:C:2014:8, punt 29).

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, kieku kien mod ieħor, l-awtorità tat-taxxa tirċievi bħala VAT somma ogħla minn dik effettivament imħallsa mill-konsumatur finali, u dan b’oneru tal-persuna taxxabbli (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs, C‑317/94, EU:C:1996:400, punt 31).

47      Sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, Firma Z ma għandhiex ammont taxxabbli li jista’ jkun is-suġġett ta’ aġġustament u fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112 ma humiex għaldaqstant issodisfatti, ma hemmx lok li, f’tali ċirkustanzi, isir l-eżami tal-eżistenza ta’ eventwali katina ta’ tranżazzjonijiet fis-sens tas-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs, (C‑317/94, EU:C:1996:400).

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li spiżerija stabbilita fi Stat Membru ma tistax tnaqqas l-ammont taxxabbli tagħha meta twettaq, bħala kunsinni intra-Komunitarji eżenti mill-VAT f’dan l-Istat Membru, kunsinni ta’ prodotti farmaċewtiċi lil fond ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja stabbilit fi Stat Membru ieħor u meta tagħti skont lill-persuni koperti minn din l-assigurazzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

49      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li spiżerija stabbilita fi Stat Membru ma tistax tnaqqas l-ammont taxxabbli tagħha meta twettaq, bħala kunsinni intra-Komunitarji eżenti mill-VAT f’dan l-Istat Membru, kunsinni ta’ prodotti farmaċewtiċi lil fond ta’ assigurazzjoni għall-mard obbligatorja stabbilit fi Stat Membru ieħor u meta tagħti skont lill-persuni koperti minn din l-assigurazzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.