C-333/20 - Berlin Chemie A. Menarini

Printed via the EU tax law app / web

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ April 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 44 – Post tal-provvista ta’ servizzi – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 – Artikolu 11(1) – Provvista ta’ servizzi – Post ta’ tassazzjoni – Kunċett ta’ ‘stabbiliment permanenti’ – Kumpannija ta’ Stat Membru affiljata ma’ kumpannija li tinsab fi Stat Membru ieħor – Struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi – Kapaċità tal-istabbiliment permanenti li jirċievi u li juża s-servizzi għall-ħtiġijiet tiegħu stess – Provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, regolatorji, ta’ reklamar u ta’ rappreżentazzjoni pprovduti, minn kumpannija affiljata, lill-kumpannija destinatarja”

Fil-Kawża C‑333/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

Berlin Chemie A. Menarini SRL

vs

Administraţia Fiscală pentru Contribuabili Mijlocii Bucureşti - Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti,

fil-preżenza ta’:

Berlin Chemie AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), M. Ilešič, D. Gratsias u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Berlin Chemie A. Menarini SRL, inizjalment minn M. Galgoţiu‑Săraru, M.‑R. Farcău, B. Mărculeţ u E. Bondalici, sussegwentement minn M. Galgoţiu-Săraru, M.‑R. Farcău u E. Bondalici, avocaţi,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, R. I. Haţieganu u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u E. A. Stamate, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal‑15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112 (ĠU 2011, L 77, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Berlin Chemie A. Menarini SRL (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Rumena”) u l-Administrația Fiscală pentru Contribuabili Mijlocii București – Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice București (l-Amministrazzjoni Fiskali tal-Persuni Taxxabbli Medji ta’ Bukarest – Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Bukarest, ir-Rumanija (iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Fiskali”) dwar talba għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ tassazzjoni li tistabbilixxi taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) supplimentari u ta’ deċiżjoni dwar obbligi fiskali anċillari kif ukoll talba għar-rimbors tal-VAT supplimentari u tal-obbligi fiskali anċillari.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        It-Titolu V tad-Direttiva dwar il-VAT, dwar il-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, jinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 3, intitolat “Post tal-forniment tas-servizzi”. Taħt it-Taqsima 2, intitolata “Regoli ġenerali”, l-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn hija stabbilixxiet in-negozju tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi tali servizzi għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn tirrisjedi normalment.”

4        L-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, li jinsab fit-Taqsima I, intitolata “Kunċetti”, tal-Kapitolu V ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-post tat-transazzjonijiet taxxabbli”, jipprevedi:

“Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112/KE ‘l-istabbiliment fiss’ għandu jkun kwalunkwe stabbiliment, minbarra s-sede tal-attività ekonomika msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament li huwa karatterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess.”

 Iddritt Rumen

5        L-Artikolu 1251(2)(b) tal-Legea Nru 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi tat-Taxxi), fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2015, u l-Artikolu 266(2)(b) tal-Legea Nru 227/2015 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 227/2015 dwar il-Kodiċi tat-Taxxi), fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2016, li huma redatti f’termini identiċi, jipprovdu:

“Għall-finijiet ta’ dan it-titolu:

[…]

(b)      persuna taxxabbli li għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha barra mir-Rumanija titqies li hija stabbilita fir-Rumanija jekk ikollha stabbiliment permanenti fir-Rumanija, jew jekk ikollha fir-Rumanija biżżejjed riżorsi tekniċi u umani sabiex twettaq regolarment kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi taxxabbli.

6        Skont l-Artikolu 133(2) tal-Liġi Nru 571/2003 u l-Artikolu 278(2) tal-Liġi Nru 227/2015, li huma fformulati f’termini identiċi:

“Il-post tal-provvista ta’ servizzi pprovduti lil persuna taxxabbli li tkun qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn din il-persuna taxxabbli destinatarja ta’ servizzi tkun stabbilixxiet is-sede tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha. Meta s-servizzi jiġu pprovduti lil stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jkun jinsab f’post differenti mill-post fejn din il-persuna tkun stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha, il-post tal-provvista ta’ servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dan l-istabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli destinatarja tas-servizzi. Fin-nuqqas ta’ tali post jew ta’ tali stabbiliment permanenti, il-post tal-provvista ta’ servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tkun id-destinatarja ta’ dawn is-servizzi jkollha d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha.”

 Ittilwima filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

7        Berlin Chemie AG (iktar ’il quddiem “il-kumpannija Ġermaniża”), kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Ġermanja u li tagħmel parti mill-grupp Menarini, ilha mis-sena 1996 tikkummerċjalizza fir-Rumanija b’mod regolari prodotti farmaċewtiċi għall-finijiet tal-provvista kurrenti tad-distributuri bl-ingrossa ta’ prodotti mediċinali tar-Rumanija, u għal dan il-għan ikkonkludiet kuntratt ta’ ħażna ma’ kumpannija stabbilita f’dan l-Istat Membru. Hija għandha wkoll rappreżentant fiskali fir-Rumanija, fejn hija identifikata għall-finijiet tal-VAT.

8        Il-kumpannija Rumena, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Bukarest, ġiet stabbilita matul is-sena 2011. L-attività prinċipali tagħha hija l-konsulenza maniġerjali fil-qasam tar-relazzjonijiet pubbliċi u tal-komunikazzjoni u tista’ teżerċita wkoll attivitajiet sekondarji fil-kummerċ bl-ingrossa ta’ prodotti farmaċewtiċi, ta’ konsulenza maniġerjali, ta’ aġenzija tar-reklamar, ta’ studji tas-suq u ta’ sondaġġi. L-uniku soċju tagħha huwa Berlin Chemie/Menarini Pharma GmbH, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fil-Ġermanja u li tipparteċipa sa 100 % fil-profitti u fit-telf tal-kumpannija Rumena. Min-naħa tagħha, Berlin Chemie/Menarini Pharma hija miżmuma 95 % mill-kumpannija Ġermaniża. Din l-aħħar kumpannija hija l-unika klijenta tal-kumpannija Rumena.

9        Fl‑1 ta’ Ġunju 2011, il-kumpannija Ġermaniża u l-kumpannija Rumena kkonkludew kuntratt ta’ kummerċjalizzazzjoni, ta’ servizzi regolatorji, ta’ reklamar u ta’ servizzi ta’ rappreżentazzjoni, irregolat mid-dritt Ġermaniż, li permezz tiegħu l-kumpannija Rumena impenjat ruħha li tippromwovi b’mod attiv il-prodotti tal-kumpannija Ġermaniża fir-Rumanija b’mod partikolari permezz ta’ attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, skont l-istrateġiji u l-baġits stabbiliti u żviluppati mill-kumpannija Ġermaniża.

10      B’mod partikolari, il-kumpannija Rumena hija marbuta tistabbilixxi u żżomm servizz legalment ikkwalifikat sabiex jamministra u jsolvi l-problemi ta’ reklamar, ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni f’isem u għan-nom tal-kumpannija Ġermaniża. Il-kumpannija Rumena impenjat ruħha wkoll li timplimenta l-azzjonijiet kollha neċessarji, fil-qasam regolatorju, sabiex tiżgura li l-kumpannija Ġermaniża tkun awtorizzata tiddistribwixxi l-prodotti tagħha fir-Rumanija, li tipprovdi assistenza fl-istudji kliniċi u f’attivitajiet oħra ta’ riċerka u ta’ żvilupp, kif ukoll li tiżgura kunsinna xierqa tal-letteratura medika u ta’ materjal promozzjonali approvati mill-kumpannija Ġermaniża. Il-kumpannija Rumena tieħu, barra minn hekk, l-ordnijiet ta’ prodotti farmaċewtiċi min-naħa tad-distributuri bl-ingrossa fir-Rumanija u tgħaddihom lill-kumpannija Ġermaniża. Hija tittratta wkoll il-fatturi u tgħaddihom lill-klijenti tal-kumpannija Ġermaniża.

11      Il-kumpannija Ġermaniża ntrabtet li tħallas, għas-servizzi pprovduti mill-kumpannija Rumena, remunerazzjoni fix-xahar, ikkalkolata abbażi tas-somma tal-ispejjeż kollha effettivament sostnuti minn din il-kumpannija, miżjuda b’7.5 % għal kull sena kalendarja. Il-kumpannija Rumena ffatturat is-servizzi kkonċernati mingħajr VAT lill-kumpannija Ġermaniża, billi qieset li l-post tal-provvista ta’ dawn is-servizzi kien jinsab fil-Ġermanja. Mill‑14 ta’ Marzu 2013, il-ħlas għal dawn is-servizzi kien isir permezz tal-konklużjoni ta’ protokolli ta’ tpaċija bejn il-fatturi għal servizzi stabbiliti mill-kumpannija Rumena u indirizzati lill-kumpannija Ġermaniża u s-self b’interessi mogħti minn din tal-aħħar lill-kumpannija Rumena, fejn il-fatturi u s-self għandhom l-istess valur.

12      Wara kontroll fiskali li kien jikkonċerna l-perijodu mill‑1 ta’ Frar 2014 sal‑31 ta’ Diċembru 2016, l-Amministrazzjoni Fiskali qieset li l-provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-kumpannija Rumena lill-kumpannija Ġermaniża kienu rċevuti minn din tal-aħħar fir-Rumanija, fejn skont l-Amministrazzjoni Fiskali l-kumpannija Ġermaniża kellha stabbiliment permanenti. L-Amministrazzjoni Fiskali qieset li dan tal-aħħar kien ikkostitwit minn riżorsi tekniċi u umani biżżejjed sabiex iwettaq regolarment kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi taxxabbli. Din l-evalwazzjoni saret prinċipalment minħabba r-riżorsi tekniċi u umani li kienu jappartjenu lis-soċjetà Rumena, iżda li għalihom il-kumpannija Ġermaniża kellha aċċess mingħajr waqfien. B’mod partikolari, il-kumpannija Ġermaniża kellha aċċess għal riżorsi tekniċi miżmuma mill-kumpannija Rumena, bħalma huma kompjuters, sistemi operattivi u vetturi bil-mutur.

13      L-Amministrazzjoni Fiskali ħarġet, fid‑29 ta’ Novembru 2017, avviż tat-taxxa li jimponi fuq il-kumpannija Rumena l-ħlas tas-somma ta’ 41 687 575 lei Rumeni (RON) (madwar EUR 8 984 391), li tikkorrispondi għall-VAT supplimentari marbuta mal-provvisti inkwistjoni, tas-somma ta’ RON 5 855 738 (madwar EUR 1 262 012) bħala interessi u tas-somma ta’ RON 3 289 071 (madwar EUR 708 851) bħala penalitajiet moratorji.

14      Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, il-kumpannija Rumena titlob l-annullament ta’ dan l-avviż tat-taxxa billi tikkontesta l-fatt li l-kumpannija Ġermaniża għandha stabbiliment permanenti fir-Rumanija.

15      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar it-talba mressqa quddiemha, hija għandha tiddetermina l-post ta’ tassazzjoni tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, regolatorji, ta’ reklamar u ta’ rappreżentazzjoni pprovduti mill-kumpannija Rumena lill-kumpannija Ġermaniża, billi tivverifika jekk din tal-aħħar għandhiex stabbiliment permanenti fir-Rumanija. Għaldaqstant, is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u tal-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011.

16      Hija tesponi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha jissuġġettaw il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti fir-Rumanija għall-fatt li persuna taxxabbli jkollha, f’dan l-Istat Membru, riżorsi tekniċi u umani biżżejjed sabiex twettaq regolarment kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi taxxabbli. Skont il-qorti tar-rinviju, il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali hija differenti minn dik tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011.

17      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lit-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll lill-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011. Hija tqis li s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettulhiex tneħħi dawn id-dubji peress li l-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet legali u fattwali differenti minn dawk tal-kawża li għandha quddiemha. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tidhirx li indirizzat il-kwistjoni tar-rilevanza tal-provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti, meta tali servizzi jimplikaw l-eżerċizzju ta’ attivitajiet kumplessi, li għandhom rabta pjuttost mill-qrib mal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli destinatarja ta’ dawn is-servizzi u li jista’ jkollhom effett dirett fuq ir-riżultati ta’ din l-attività.

18      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk huwiex neċessarju, sabiex jitqies li kumpannija, li tikkunsinna oġġetti fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li fih hija għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha, għandha stabbiliment permanenti fl-ewwel Stat Membru, li r-riżorsi umani u tekniċi użati minn din il-kumpannija fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jappartjenu lilha jew jekk huwiex biżżejjed li hija jkollha aċċess immedjat u permanenti għal tali riżorsi permezz ta’ kumpannija affiljata li l-maġġoranza tal-ishma tagħha huma kkontrollati minnha u li tagħha hija l-unika klijenta.

19      Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa partikolarment rilevanti l-fatt li l-kumpannija Rumena kienet inħolqot ġustament bil-għan li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kumpannija Ġermaniża, b’mod esklużiv, is-servizzi li din għandha bżonn sabiex teżerċita l-attività ekonomika tagħha fir-Rumanija. Barra minn hekk, il-kunsinni ta’ prodotti farmaċewtiċi f’dan l-Istat Membru mill-kumpannija Ġermaniża ma jitwettqux b’mod okkażjonali u sporadiku iżda b’mod dejjiemi u stabbli. Fir-Rumanija, il-kumpannija Ġermaniża għandha klijenti regolari u stokk permanenti ta’ prodotti farmaċewtiċi f’maħżen li ilu mikri mis-sena 1996 u l-bejgħ tagħha f’dan l-Istat Membru huwa kostanti u sostanzjali. Barra minn hekk, hija għandha d-dritt li tispezzjona r-reġistri u l-uffiċċji tal-kumpannija Rumena skont kuntratt konkluż bejn dawn iż-żewġ kumpanniji.

20      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jitqies li kumpannija li tikkunsinna oġġetti fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha għandha stabbiliment permanenti fl-Istat Membru ta’ kunsinna ta’ dawn il-beni, huwa neċessarju li tali stabbiliment permanenti jipparteċipa direttament fid-deċiżjonijiet dwar il-kunsinna tal-oġġetti jew jekk huwiex biżżejjed li din il-kumpannija jkollha, f’dan l-Istat Membru, riżorsi tekniċi u umani li jkunu mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha permezz ta’ kuntratti li jkollhom bħala suġġett attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, regolatorji, ta’ reklamar u ta’ rappreżentazzjoni, attivitajiet dawn li jista’ jkollhom effett dirett fuq ir-riżultati tal-attività ekonomika ta’ din il-kumpannija.

21      F’dan ir-rigward, il-kumpannija Rumena ssostni quddiem il-qorti tar-rinviju li d-deċiżjoni ta’ kunsinna tal-prodotti mediċinali hija meħuda esklużivament mir-rappreżentanti tal-kumpannija Ġermaniża u li hija tipprovdi biss lil din tal-aħħar servizzi amministrattivi u ta’ sostenn li ma humiex rilevanti f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 1985, Berkholz (168/84, EU:C:1985:299); tas‑17 ta’ Lulju 1997, ARO Lease (C‑190/95, EU:C:1997:374); tat‑28 ta’ Ġunju 2007, Planzer Luxembourg (C‑73/06, EU:C:2007:397); u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Welmory (C‑605/12, EU:C:2014:2298).

22      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dawk tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi msemmija iktar ’il fuq peress li l-kumpannija Ġermaniża għandha aċċess fir-Rumanija għal numru kbir ta’ riżorsi tekniċi u umani, li hija għandha bżonn sabiex teżerċita l-attività ekonomika tagħha f’dan l-Istat Membru u li jinfluwenzaw ir-riżultati ekonomiċi tagħha.

23      Barra minn hekk, hija tosserva li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni pprovduti mill-kumpannija Rumena jidhru li għandhom rabta intrinsika ma’ din l-attività ekonomika sa fejn huwa diffiċli li tiġi iżolata l-kontribuzzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni fil-proċess tal-bejgħ tal-prodotti farmaċewtiċi. Barra minn hekk, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, dawn is-servizzi ma jistgħux jiġu konfużi ma’ servizzi ta’ reklamar u lanqas ma jistgħu jiġu pperċepiti bħala sempliċi attivitajiet amministrattivi u ta’ sostenn. Dawn is-servizzi huma marbuta mill-qrib mal-kisba ta’ ordnijiet għal dawn il-prodotti u l-impjegati tal-kumpannija Rumena huma involuti fit-teħid ta’ ordnijiet tal-klijenti Rumeni u fit-trażmissjoni tagħhom lill-kumpannija Ġermaniża.

24      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, dwar jekk l-attivitajiet ekonomiċi eżerċitati fl-istabbiliment permanenti għandhomx neċessarjament ikunu identiċi għal dawk tas-sede tal-attività ekonomika jew jekk huwiex biżżejjed li l-attivitajiet ekonomiċi eżerċitati mill-istabbiliment permanenti jkollhom rabta mill-qrib mat-twettiq tal-għan tal-attività ekonomika jew influwenza f’dan ir-rigward.

25      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u tal-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, il-fatt li persuna taxxabbli jkollha aċċess immedjat u permanenti għar-riżorsi tekniċi u umani ta’ persuna taxxabbli oħra li hija tikkontrolla jeskludix il-possibbiltà li jitqies li din l-aħħar persuna taxxabbli hija fornitur ta’ servizzi għall-benefiċċju tal-istabbiliment permanenti ta’ din l-ewwel persuna taxxabbli kkostitwit b’dan il-mod. Hija għandha dubji dwar jekk persuna ġuridika tistax tkun kemm l-istabbiliment permanenti ta’ persuna ġuridika oħra kif ukoll fornitur ta’ servizzi għall-benefiċċju ta’ dan l-istabbiliment permanenti.

26      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      Sabiex tevalwa li impriża li tikkunsinna oġġetti fit-territorju ta’ Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih tinsab l-attività ekonomika tagħha għandha, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-[Direttiva dwar il-VAT] u l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 282/2011], stabbiliment [wieħed] fiss fl-Istat li fih tikkunsinna l-oġġetti, huwa neċessarju li r-riżorsi umani u tekniċi użati mill-kumpannija fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat huma tagħha jew ikun biżżejjed li l-kumpannija jkollha aċċess immedjat u permanenti għal dawn ir-riżorsi umani u tekniċi permezz ta’ kumpannija oħra affiljata, li hija tikkontrolla u li tagħha għandha l-maġġoranza tal-azzjonijiet?

(2)      Sabiex tevalwa li impriża li tikkunsinna oġġetti fit-territorju ta’ Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih tinsab l-attività ekonomika tagħha għandha, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-[Direttiva dwar il-VAT] u tal-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, stabbiliment [wieħed] fiss fl-Istat li fih tikkunsinna l-oġġetti, huwa neċessarju li l-allegat stabbiliment fiss ikun involut direttament f’deċiżjonijiet relatati mal-provvista ta’ oġġetti jew ikun biżżejjed li l-kumpannija jkollha, fl-Istat fejn tipprovdi l-oġġetti, ir-riżorsi tekniċi u umani li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha permezz ta’ kuntratti ma’ kumpanniji terzi li jkollhom bħala l-għan tagħhom attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, regolatorji, ta’ reklamar, ta’ ħażna, ta’ rappreżentazzjoni, liema attivitajiet x’aktarx jinfluwenzaw direttament il-volum tal-bejgħ?

(3)      Fl-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-[Direttiva dwar il-VAT] u tal-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 282/2011, il-possibbiltà għal persuna taxxabbli li jkollha aċċess immedjat u permanenti għar-riżorsi tekniċi u umani ta’ persuna taxxabbli oħra affiljata taħt il-kontroll tagħha teskludi l-possibbiltà li din l-aħħar kumpannija tkun affiljata bħala fornitur ta’ servizzi għall-istabbiliment fiss hekk stabbilit?”

 Fuq iddomandi preliminari

27      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru jkollha stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor għar-raġuni li din il-kumpannija żżomm fih sussidjarja li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi umani u tekniċi bis-saħħa ta’ kuntratti li permezz tagħhom hija tipprovdilha b’mod esklużiv servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, regolatorji, ta’ reklamar u ta’ rappreżentazzjoni li jista’ jkollhom effett dirett fuq il-volum tal-bejgħ tagħha.

28      L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi, fl-ewwel sentenza tiegħu, li l-post tal-provvista tas-servizzi pprovduti lil persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali huwa l-post fejn il-persuna taxxabbli stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha. Madankollu, it-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu tipprevedi li, jekk is-servizzi jiġu pprovduti lil stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jkun jinsab f’post li ma huwiex dak fejn hija stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha, il-post tal-provvista ta’ dawn is-servizzi huwa l-post fejn ikun jinsab dan l-istabbiliment permanenti.

29      Sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ fejn jinsab il-post tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni, għandu jitfakkar li l-iktar punt ta’ rabta utli sabiex jiġi ddeterminat il-post tal-provvista ta’ servizzi, mil-lat fiskali u, għaldaqstant, prijoritarju, huwa l-post fejn il-persuna taxxabbli stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha, filwaqt li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli huwa deroga minn din ir-regola ġenerali meta jkunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Dong Yang Electronics, C‑547/18, EU:C:2020:350, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk jeżistix stabbiliment permanenti, fis-sens tat-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 44, għandu jiġi rrilevat li din il-kwistjoni ma għandhiex tiġi eżaminata skont il-persuna taxxabbli li tipprovdi s-servizzi iżda skont il-persuna taxxabbli li lilha dawn is-servizzi jiġu pprovduti (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Welmory, C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 57).

31      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Welmory, C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll punt 65) u skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, il-kunċett ta’ “stabbiliment permanenti” jirreferi għal kull stabbiliment, li ma jkunx is-sede tal-attività ekonomika msemmi fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, li jkollu grad suffiċjenti ta’ permanenza u struttura adatta, f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu jirċievi u juża s-servizzi li jiġu pprovduti għall-ħtiġijiet ta’ dan l-istabbiliment stess.

32      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ewwel kriterju, imsemmi fil-punt preċedenti, li stabbiliment permanenti għandu jkun ikkaratterizzat minn grad suffiċjenti ta’ permanenza u għandu jkollu struttura adatta, f’termini ta’ riżorsi tekniċi u umani.

33      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex meħtieġ li dawn ir-riżorsi umani u tekniċi jappartjenu lill-kumpannija destinatarja tal-provvisti ta’ servizzi jew jekk huwiex biżżejjed li din il-kumpannija jkollha aċċess immedjat u permanenti għal tali riżorsi permezz ta’ kumpannija affiljata li hija tikkontrolla billi żżomm il-maġġoranza tal-azzjonijiet tagħha.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem), C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jispeċifikawx il-kwistjoni partikolari dwar jekk ir-riżorsi umani u tekniċi għandhomx jappartjenu direttament lill-kumpannija destinatarja tas-servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor. L-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 jeżiġi biss, sabiex jiġi kkaratterizzat stabbiliment permanenti, “grad ta’ permanenza suffiċjenti” u “struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi”.

36      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-kunċett ta’ “stabbiliment permanenti” jeżiġi konsistenza minima, permezz tal-għaqda permanenti tar-riżorsi umani u tekniċi meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi partikolari (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2007, Planzer Luxembourg, C‑73/06, EU:C:2007:397, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għalhekk, ma jistax ikun hemm stabbiliment permanenti, minn naħa, mingħajr struttura apparenti, li timmaterjalizza ruħha bl-eżistenza ta’ riżorsi umani jew tekniċi. Min-naħa l-oħra, din l-istruttura ma jistax ikollha eżistenza ad hoc biss.

38      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li kumpannija, li tipprovdi servizzi, hija sussidjarja ta’ kumpannija oħra, destinatarja ta’ dawn is-servizzi, stabbilita fi Stat Membru ieħor, għandu jitfakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika u kummerċjali jikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni ta’ stabbiliment bħala “stabbiliment permanenti” ma tistax tiddependi biss mill-istatus ġuridiku tal-entità kkonċernata (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Dong Yang Electronics, C‑547/18, EU:C:2020:350, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa possibbli li sussidjarja tikkostitwixxi l-istabbiliment permanenti tal-kumpannija omm tagħha, tali klassifikazzjoni tiddependi, madankollu, mill-kundizzjonijiet materjali stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, b’mod partikolari fl-Artikolu 11 tiegħu, li għandhom jiġu evalwati fid-dawl tar-realtà ekonomika u kummerċjali (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Dong Yang Electronics, C‑547/18, EU:C:2020:350, punt 32).

40      Għaldaqstant, l-eżistenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ stabbiliment permanenti ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li din il-kumpannija għandha sussidjarja hemmhekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Dong Yang Electronics, C‑547/18, EU:C:2020:350, punt 33).

41      Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u materjali li jippreżentaw grad suffiċjenti ta’ permanenza għandha tiġi stabbilita fid-dawl tar-realtà ekonomika u kummerċjali. Għalkemm sabiex ikun jista’ jitqies li persuna taxxabbli għandha struttura li jkollha grad suffiċjenti ta’ permanenza u adatta, f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, fi Stat Membru ieħor, ma huwiex meħtieġ li r-riżorsi umani jew tekniċi jinżammu direttament, huwa għall-kuntrarju meħtieġ li din il-persuna taxxabbli jkollha s-setgħa li tiddisponi minn dawn ir-riżorsi umani u tekniċi bl-istess mod daqslikieku kienu tagħha, abbażi, pereżempju, ta’ kuntratti ta’ servizz jew ta’ kiri li jqiegħdu dawn ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-persuna taxxabbli u li ma jistgħux jiġu xolti fi żmien qasir.

42      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-kuntest tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 kif ukoll mill-għanijiet imfittxija minn dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT jiddetermina l-post ta’ tassazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi bil-għan li jiġu evitati, minn naħa, kunflitti ta’ ġurisdizzjoni li jistgħu jwasslu għal tassazzjoni doppja u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ dħul (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Dong Yang Electronics, C‑547/18, EU:C2020:350, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li l-loġika li fuqha huma bbażati d-dispożizzjonijiet dwar il-post tal-provvista ta’ servizzi teħtieġ li t-tassazzjoni tiġi imposta, sa fejn ikun possibbli, fil-post tal-konsum tal-oġġetti jew tas-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2016, A u B, C‑453/15, EU:C:2016:933, punt 25, kif ukoll tat‑13 ta’ Marzu 2019 Srf konsulterna, C‑647/17, EU:C:2019:195, punt 29).

44      B’hekk, sabiex jiġi evitat li jkun hemm ċirkustanzi li jistgħu jikkompromettu l-funzjonament tajjeb tas-sistema komuni tal-VAT, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, li, meta s-servizz ikun ġie pprovdut lil stabbiliment li jista’ jiġi kklassifikat bħala “stabbiliment permanenti” tal-persuna taxxabbli, għandu jitqies li l-post tal-provvista tas-servizzi pprovduti huwa l-post fejn ikun jinsab dan l-istabbiliment permanenti (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Dong Yang Electronics, C‑547/18, EU:C:2020:350, punt 27).

45      Jekk l-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li l-persunal ta’ dan l-istabbiliment ikun marbut b’kuntratt ta’ xogħol mal-persuna taxxabbli stess u li r-riżorsi materjali jappartjenu lilu direttament, dan ikun ifisser, minn naħa, l-applikazzjoni b’mod restrittiv ħafna tal-kriterju previst fil-formulazzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011. Min-naħa l-oħra, tali kriterju ma jikkontribwixxix għal ċertezza legali kbira fid-determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi jekk ikun biżżejjed, sabiex tiġi ttrasferita t-tassazzjoni tal-provvista ta’ servizzi minn Stat Membru għal ieħor, li persuna taxxabbli tkopri l-ħtiġijiet tagħha f’termini ta’ persunal u ta’ materjal billi tirrikorri għal diversi fornituri ta’ servizzi.

46      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fil-kawża prinċipali, il-kumpannija Ġermaniża għandhiex fir-Rumanija struttura, f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li għandha grad suffiċjenti ta’ permanenza. Madankollu, sabiex tiggwidaha f’din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni u li jistgħu jkunu utli għall-qorti tar-rinviju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, A (Qsim ta’ fruntieri permezz ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni), C‑35/20, EU:C:2021:813, punt 85).

47      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kumpannija Ġermaniża ma kellhiex riżorsi umani u tekniċi tagħha stess fir-Rumanija, iżda li dawn ir-riżorsi umani u tekniċi kienu miżmuma mill-kumpannija Rumena. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, il-kumpannija Ġermaniża kellha aċċess permanenti u mingħajr waqfien għal tali riżorsi peress li l-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, regolatorji, ta’ reklamar u ta’ rappreżentazzjoni, konkluż matul is-sena 2011, ma setax jiġi xolt fi żmien qasir. Abbażi ta’ dan il-kuntratt, il-kumpannija Rumena qiegħdet, b’mod partikolari, għad-dispożizzjoni tal-kumpannija Ġermaniża riżorsi tekniċi (kompjuters, sistemi operattivi, vetturi bil-mutur), iżda fuq kollox riżorsi umani b’iktar minn 200 impjegat fosthom, b’mod partikolari, iktar minn 150 rappreżentant kummerċjali. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-kumpannija Ġermaniża hija l-unika klijenta tal-kumpannija Rumena li tipprovdilha b’mod esklużiv servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, regolatorji, ta’ reklamar u ta’ rappreżentazzjoni.

48      Madankollu, peress li persuna ġuridika, anki jekk ikollha klijent wieħed biss, hija preżunta li tuża r-riżorsi tekniċi u umani li hija għandha għall-ħtiġijiet tagħha stess, huwa biss jekk jiġi stabbilit li l-kumpannija Ġermaniża, minħabba d-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli, kellha għad-dispożizzjoni tagħha r-riżorsi tekniċi u umani tas-soċjetà Rumena daqslikieku kienu tagħha, li l-kumpannija Ġermaniża jista’ jkollha struttura li tippreżenta grad suffiċjenti ta’ permanenza u adatta, f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, fir-Rumanija, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

49      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat it-tieni kriterju, imsemmi fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li jippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti u li jipprovdi li tali stabbiliment għandu jkun ikkaratterizzat minn struttura adatta, f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, sabiex ikun jista’ jirċievi s-servizzi li huma pprovduti lilu u li jużahom għall-ħtiġijiet stess tal-attività tiegħu.

50      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar preċiż dwar jekk l-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti tistax tiġi dedotta, fil-kawża prinċipali, mill-fatt li l-kumpannija Rumena tipprovdi servizzi li jista’ jkollhom effett dirett fuq ir-riżultati tal-attività ekonomika tal-kumpannija Ġermaniża, bħalma huma servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, sa fejn dawn is-servizzi huma marbuta mill-qrib mal-kisba ta’ ordnijiet għall-prodotti farmaċewtiċi mibjugħa mill-kumpannija Ġermaniża u jekk huwiex meħtieġ ukoll li l-istabbiliment permanenti preżunt jipparteċipa direttament fid-deċiżjonijiet dwar l-attività ekonomika tal-imsemmija kumpannija Ġermaniża.

51      F’dan il-każ, mill-punti ta’ fatt esposti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li s-servizzi ta’ reklamar u ta’ kummerċjalizzazzjoni pprovduti mill-kumpannija Rumena lill-kumpannija Ġermaniża kienu prinċipalment intiżi sabiex jinformaw aħjar, fir-Rumanija, lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u lill-konsumaturi dwar il-prodotti farmaċewtiċi mibjugħa minn din il-kumpannija Ġermaniża. Il-persunal tal-kumpannija Rumena kien sempliċement jieħu l-ordnijiet minn disa’ distributuri bl-ingrossa ta’ prodotti mediċinali fir-Rumanija u jgħaddi dawn l-ordnijiet lill-kumpannija Ġermaniża, kif ukoll jibgħat il-fatturi tagħha lill-klijenti tagħha f’dan l-Istat Membru. Din il-kumpannija ma kinitx tipparteċipa direttament fil-bejgħ u fil-kunsinna tal-prodotti farmaċewtiċi tal-kumpannija Ġermaniża u ma kinitx tassumi impenji fil-konfront ta’ terzi f’isem din il-kumpannija tal-aħħar.

52      Issa, l-ewwel nett, għandha ssir distinzjoni bejn il-provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-kumpannija Rumena lill-kumpannija Ġermaniża u l-oġġetti li din tal-aħħar tbigħ u tikkunsinna fir-Rumanija. Dawn huma provvisti ta’ servizzi u kunsinni ta’ oġġetti distinti li huma suġġetti għal regoli dwar il-VAT differenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Welmory, C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 64).

53      Sussegwentement, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, stabbiliment permanenti huwa kkaratterizzat minn grad suffiċjenti ta’ permanenza u struttura adatta, f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li tippermettilu jirċievi u juża s-servizzi pprovduti għall-ħtiġijiet proprji ta’ dan l-istabbiliment u ma huwiex ikkaratterizzat mid-deċiżjonijiet li tali struttura hija awtorizzata tieħu.

54      Fl-aħħar nett, mill-atti fil-proċess jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, ir-riżorsi umani u tekniċi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-kumpannija Ġermaniża mill-kumpannija Rumena, u li jippermettu, skont l-Amministrazzjoni Fiskali Rumena, li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti tal-kumpannija Ġermaniża fir-Rumanija huma wkoll dawk li permezz tagħhom il-kumpannija Rumena twettaq il-provvisti ta’ servizzi għall-benefiċċju tal-kumpannija Ġermaniża. Issa, l-istess riżorsi ma jistgħux jintużaw kemm sabiex jiġu pprovduti kif ukoll sabiex jiġu rċevuti l-istess servizzi.

55      Għaldaqstant, mill-elementi preċedenti jirriżulta li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, regolatorji, ta’ reklamar u ta’ rappreżentazzjoni pprovduti mill-kumpannija Rumena jidhru li huma rċevuti mill-kumpannija Ġermaniża li tuża r-riżorsi umani u tekniċi tagħha li jinsabu fil-Ġermanja sabiex tikkonkludi u teżegwixxi l-kuntratti ta’ bejgħ mad-distributuri tal-prodotti farmaċewtiċi tagħha fir-Rumanija.

56      Jekk jirriżulta li l-imsemmija punti ta’ fatt huma pprovati, verifika din li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, il-kumpannija Ġermaniża ma għandhiex fir-Rumanija stabbiliment permanenti sa fejn hija ma għandhiex f’dan l-Istat Membru struttura li tippermettilha tirċievi hemmhekk provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-kumpannija Rumena u li tippermettilha tużahom għall-finijiet tal-attività ekonomika tagħha ta’ bejgħ u ta’ kunsinna ta’ prodotti farmaċewtiċi.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tliet domandi hija li l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ma jkollhiex stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor għar-raġuni li din il-kumpannija żżomm fih sussidjarja li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi umani u tekniċi bis-saħħa ta’ kuntratti li permezz tagħhom din is-sussidjarja tipprovdilha, b’mod esklużiv, servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, regolatorji, ta’ reklamar u ta’ rappreżentazzjoni li jista’ jkollhom effett dirett fuq il-volum tal-bejgħ tagħha.

 Fuq lispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat12 ta’ Frar 2008, u l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112, għandhom jiġu interpretati fis-sens li kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ma jkollhiex stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor għar-raġuni li din il-kumpannija żżomm fih sussidjarja li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi umani u tekniċi bis-saħħa ta’ kuntratti li permezz tagħhom din is-sussidjarja tipprovdilha, b’mod esklużiv, servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, regolatorji, ta’ reklamar u ta’ rappreżentazzjoni li jista’ jkollhom effett dirett fuq il-volum tal-bejgħ tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.