C-714/20 - U.I.

Printed via the EU tax law app / web

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Mejju 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 201 – Persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa – VAT fuq l-importazzjoni – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Artikoli 77(3) – Responsabbiltà in solidum tar-rappreżentant doganali indirett u tal-kumpannija importatriċi – Dazji doganali”

Fil-Kawża C‑714/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Venezia (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Venezia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

U. I. Srl

vs

Agenzia delle dogane e dei monopoli – Ufficio delle dogane di Venezia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn I.  Ziemele, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal U. I. Srl, minn M. C. Santacroce u A. Dal Ferro, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, K. Georgiadis u G. Avdikos, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios, F. Clotuche-Duvieusart u F. Moro, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 201 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), u tal-Artikolu 77(3) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn U. I. Srl u l-Agenzia delle dogane e dei monopoli – Ufficio delle dogane di Venezia (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji – l-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Venezia, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija tad-Dwana”) dwar il-ħlas minn U. I. bħala rappreżentanta doganali indiretta, flimkien mad-dazji doganali relatati ma’ operazzjonijiet ta’ importazzjoni, tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjoni.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva dwar ilVAT

3        Il-premessi 43 u 44 tad-Direttiva dwar il-VAT jgħidu li:

“(43)      L-Istati Membri għandhom ikunu għal kollox ħielsa li jinnominaw il-persuna soġġetta li tħallas il-VAT fuq l-importazzjoni.

(44)      L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu li persuna oħra għajr dik soġġetta li tħallas il-VAT għandha tinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tagħha.”

4        L-Artikolu 2(1)(d) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-importazzjoni ta’ oġġetti għandha tkun suġġetta għall-VAT.

5        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva, l-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ oġġett li ma jkunx f’ċirkulazzjoni libera fis-sens tal-Artikolu 29 TFUE għandha titqies bħala importazzjoni ta’ oġġetti.

6        L-Artikolu 70 ta’ din l-istess direttiva jistabbilixxi li l-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-oġġetti jiġu importati.

7        Skont l-Artikolu 71 tad-Direttiva dwar il-VAT:

“Meta, mad-dħul [fl-Unjoni], il-merkanzija titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikoli 156, 276 u 277, jew taħt arranġamenti ta’ importazzjoni temporanji b’eżenzjoni totali tad-dazju fuq l-importazzjoni, jew taħt arranġamenti ta’ trażitu esterni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas iseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.

Madankollu, meta l-merkanzija impurtata tkun soġġetta għad-dazji doganali, jew għal imposti agrikoli jew għal xi piżijiet li għandhom effett ekwivalenti li ġew stabbiliti skond politika komuni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas fir-rigward ta' dawk id-dazji u dawk id-dazji jsiru dovuti.

2.      Meta merkanzija impurtata ma tkunx soġġetta għall-ebda mid-dazji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, rigward l-avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-mument meta l-VAT issir dovuta, japplikaw id-dispożizzjonijiet li jkun hemm fis-seħħ li jirregolaw id-dazji doganali.”

8        L-Artikolu 201 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Ma’ l-importazzjoni, il-VAT għandha titħallas mill-persuna jew mill-persuni nominati jew rikonoxxuti bħala responsabbli mill-Istat Membru ta’ l-importazzjoni.”

 IlKodiċi Doganali

9        L-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi li:

“Għall-għanijiet tal-Kodiċi [Doganali], għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(6)      ‘rappreżentant doganali’ tfisser kwalunkwe persuna maħtura minn persuna oħra biex tagħmel l-atti u l-formalitajiet meħtieġa taħt il-leġislazzjoni doganali fir-relazzjonijiet tagħha ma’ awtoritajiet doganali;

[…]

(12)      ‘dikjarazzjoni doganali’ tfisser l-att li bih persuna tindika, fil-forma u l-mod preskritti, li tixtieq tqiegħed merkanzija taħt proċedura doganali speċifika, b’indikazzjoni, fejn ikun il-każ, ta’ kwalunkwe arranġamenti speċifiċi li għandhom ikunu applikati;

[…]

(15)      ‘dikjarant’ tfisser il-persuna li tippreżenta dikjarazzjoni doganali, dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja, dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ, dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni mill-ġdid jew notifika ta’ esportazzjoni mill-ġdid f’isimha stess jew il-persuna li f’isimha hija ppreżentata tali dikjarazzjoni jew notifika;

[…]

(18)      ‘dejn doganali’ tfisser l-obbligu ta’ persuna li tħallas l-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni li japplika għal merkanzija speċifika taħt il-leġislazzjoni doganali fis-seħħ;

(19)      ‘debitur’ tfisser kwalunkwe persuna responsabbli għal dejn doganali;

(20)      ‘dazju tal-importazzjoni’ tfisser dazju doganali dovut fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija;

[…]”

10      Skont l-Artikolu 18(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Kwalunkwe persuna tista’ taħtar rappreżentant doganali.

Tali rappreżentanza tista’ jew tkun diretta, f’liema każ ir-rappreżentant doganali għandu jaġixxi f’isem u għan-nom ta’ persuna oħra, jew indiretta, f’liema każ ir-rappreżentant doganali għandu jaġixxi f’ismu proprju iżda għan-nom ta’ persuna oħra.”

11      L-Artikolu 77 ta’ dan l-istess kodiċi, li jinsab fit-Taqsima 1, intitolata “Dejn doganali mal-importazzjoni”, tal-Kapitolu 1, intitolat “Ħolqien ta’ dejn doganali”, tat-Titolu III tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Dejn doganali u garanziji”, jipprevedi li:

“1.      Dejn doganali fuq l-importazzjoni jinħoloqmeta merkanzija mhux tal-Unjoni soġġetta għal dazju tal-importazzjoni titqiegħed taħt waħda minn dawn il-proċeduri doganali li ġejjin:

(a)      rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa, inkluż dak taħt il-provvedimenti ta’ użu aħħari;

(b)      dħul temporanju b’eżenzjoni parzjali mid-dazju tal-importazzjoni.

2.      Dejn doganali jinħoloq hekk kif id-dikjarazzjoni doganali tkun aċċettata.

3.      Id-dikjarant huwa d-debitur. F’każ ta’ rappreżentanza indiretta, il-persuna li għan-nom tagħha qed issir id-dikjarazzjoni doganali għandha tkun ukoll debitur.

Fejn dikjarazzjoni doganali fir-rigward ta’ waħda mill-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 tifassal abbażi ta’ informazzjoni li twassal biex ma jinġabarx id-dazju tal-importazzjoni kollu jew parti minnu, il-persuna li tkun ipprovdiet l-informazzjoni meħtieġa biex titfassal id-dikjarazzjoni u li kienet taf, jew kellha b’mod raġonevoli tkun taf, li tali informazzjoni kienet falza hija wkoll debitur.”

12      Skont l-Artikolu 84 tal-Kodiċi Doganali:

“Fejn diversi persuni huma soġġetti għall-ħlas tal-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni li jikkorrispondi għal dejn doganali wieħed, huma għandhom ikunu flimkien u separatament, responsabbli għall-ħlas ta’ dak l-ammont.”

 Iddritt Taljan

13      L-Artikolu 1 tad-Decreto del Presidente della Repubblica n. 633 – Istituzione e disciplina dell’imposta sul valore aggiunto (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 633 li Jistabbilixxi u Jirregola t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), tas‑26 ta’ Ottubru 1972 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 292, tal‑11 ta’ Novembru 1972, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 633/1972”), jistabbilixxi li:

"It-taxxa fuq il-valur miżjud tapplika għall-kunsinna ta’ oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi mwettqa fit-territorju tal-Istat fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività ta’ impriża, ta’ xogħol jew ta’ professjoni kif ukoll fuq l-importazzjonijiet imwettqa minn kull persuna.”

14       Skont l-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet:

“Għandhom jitqiesu bħala kunsinni għall-esportazzjoni li ma humiex intaxxabbli:

[…]

c)      il-kunsinni, inklużi dawk permezz ta’ aġenti, ta’ oġġett minbarra bini u artijiet għall-bini, u l-provvisti ta’ servizzi pprovduti lil persuni li jkunu għamlu kunsinni għall-esportazzjoni jew tranżazzjonijiet intra-Komunitarji u li, għalhekk, jużaw il-kapaċità ta’ akkwist, inkluż permezz ta’ aġenti, jew li jimportaw oġġetti u servizzi mingħajr ħlas tat-taxxa.

[…]”

15      L-Artikolu 17(1) tal-imsemmi digriet jipprevedi li:

“It-taxxa hija dovuta mill-persuni li jwettqu trasferimenti ta’ proprjetà u provvista ta’ servizzi taxxabbli, liema persuni għandhom iħallsuha lit-Teżor, b’mod kumulattiv għat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa u netti mit-tnaqqis previst fl-Artikolu 19, skont il-modalitajiet previsti fit-Titolu II.”

16      Skont l-Artikolu 70(1) ta’ dan l-istess digriet:

“It-taxxa fuq l-importazzjonijiet għandha tiġi stabbilita, likwidata u miġbura għal kull tranżazzjoni. Għal dak li jikkonċerna t-tilwim u s-sanzjonijiet, id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet doganali dwar id-dazji miġbura fuq il-fruntiera huma applikabbli.”

17      L-Artikolu 34 tad-Decreto del Presidente della Repubblica n. 43 – Approvazione del testo unico delle disposizioni legislative in materia doganale (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 4 li jadotta t-Test Uniku tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi fil-Qasam Doganali), tat‑23 ta’ Jannar 1973 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 80, tat‑28 ta’ Marzu 1973, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 43/1973”), jistabbilixxi li:

“Għandhom jitqiesu bħala ‘dazji doganali’ id-dazji kollha li d-dwana għandha tiġbor skont liġi, b’rabta mat-tranżazzjonijiet doganali.

Fost id-dazji doganali, jikkostitwixxu ‘dazji miġbura fuq il-fruntiera’: id-dazji fuq l-importazzjoni u esportazzjoni, it-taxxi u imposti oħra fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni previsti mir-regolamenti Komunitarji u mir-regoli ta’ implimentazzjoni relatati magħhom, u, fir-rigward ta’ merkanzija importata, id-dazji ta’ monopolju, is-sovrataxxi fuq il-fruntiera u kwalunkwe taxxa jew sovrataxxa oħra fuq il-konsum favur l-Istat.”

18      Skont l-Artikolu 38 ta’ dan id-digriet:

“Id-dazji doganali għandhom jitħallsu mill-proprjetarju tal-merkanzija, skont l-Artikolu 56, u, in solidum, minn dawk kollha li għan-nom tagħhom il-merkanzija ġiet importata jew esportata.

Għall-ħlas tat-taxxa, l-Istat għandu, minbarra l-privileġġi stabbiliti mil-liġi, dritt ta’ ritenzjoni fuq il-beni li huma taxxabbli.

Id-dritt ta’ ritenzjoni jista’ jiġi eżerċitat ukoll għall-ħlas ta’ kull talba oħra tal-Istat dwar il-merkanzija li hija s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet doganali.”

19      L-Artikolu 1 tad-Decreto-Legge n. 746 – Disposizioni urgenti in materia di imposta su valore aggiunto (id-Digriet-Liġi Nru 746, li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), tad‑29 ta’ Diċembru 1983 (GURI Nru 358, tal‑31 ta’ Diċembru 1983), mibdul u emendat bil-Liġi Nru 17, tas‑27 ta’ Frar 1984 (GURI Nru 59, tad‑29 ta’ Frar 1984), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 746/1983”), jipprevedi li:

“Id-dispożizzjonijiet tal-punt (c) tal-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 8(2) tad-[Digriet Nru 633/1972], kif emendat, għandhom japplikaw bil-kundizzjoni:

a)      li l-ammont tal-korrispettiv tal-kunsinni għall-esportazzjoni mwettqa, imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-istess artikolu u rreġistrati matul is-sena preċedenti, ikun iktar minn għaxra fil-mija tad-dħul mill-bejgħ iddeterminat skont l-Artikolu 20 tal-istess digriet […]

[…]

c)      li l-intenzjoni li jsir użu mill-possibbiltà li jsir xiri jew li jsiru importazzjonijiet mingħajr ma tiġi applikata t-taxxa tirriżulta minn dikjarazzjoni magħmula skont il-mudell approvat b’digriet tal-Ministeru għall-Finanzi, li ssemmi n-numru tal-VAT tad-dikjarant u l-uffiċċju kompetenti, mibgħuta b’mod elettroniku lill-Agenzia delle Entrate (l-Awtorità tat-Taxxa), li toħroġ irċevuta elettronika. […]”

20      L-Artikolu 2(1) ta’ dan id-digriet-liġi jistabbilixxi li:

“Il-persuni li jwettqu tranżazzjonijiet mingħajr ħlas tat-taxxa fl-assenza tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(1) għandhom ikunu suġġetti għall-ħlas ta’ multa minn darbtejn sa sitt darbiet ogħla mit-taxxa mhux miġbura, minbarra t-taxxa nnifisha; jekk tkun saret id-dikjarazzjoni, huma biss il-fornituri, il-prinċipali u l-importaturi li jkunu għamlu d-dikjarazzjoni li huma responsabbli għan-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa.”

21      L-Artikolu 3 tad-Decreto legislativo n. 374 – Riordinamento degli istituti doganali e revisione delle procedure di accertamento e controllo in attuazione delle direttive n. 79/695/CEE del 24 luglio 1979 e n. 82/57/CEE del 17 dicembre 1981, in tema di procedure di immissione in libera pratica delle merci, e delle direttive n. 81/177/CEE del 24 febbraio 1981 e n. 82/347/CEE del 23 aprile 1982, in tema di procedure di esportazione delle merci comunitarie (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 374 li Jorganizza mill-Ġdid l-Istituzzjonijiet Doganali u li Jirrevedi l-Proċeduri ta’ Konstatazzjoni u ta’ Kontroll fil-Kuntest tal-Implimentazzjoni tad-Direttiva 79/695/KEE [tal-Kunsill], tal‑24 ta’ Lulju 1979, u tad-Direttiva 82/57/KEE [tal-Kummissjoni], tas‑17 ta’ Diċembru 1981, dwar il-Proċeduri ta’ Rilaxx għal Ċirkulazzjoni Libera ta’ Merkanzija, kif ukoll tad-Direttiva 81/177/KEE [tal-Kunsill], tal‑24 ta’ Frar 1981, u tad-Direttiva 82/347/KEE [tal-Kummissjoni], tat‑23 ta’ April 1982, dwar Proċeduri ta’ Esportazzjoni ta’ Merkanzija Komunitarja), tat‑8 ta’ Novembru 1990 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 291, tal‑14 ta’ Diċembru 1990), jipprevedi li

“1.      Id-dazji doganali għandhom jiġu stabbiliti, likwidati u miġbura skont ir-regoli tad-[Digriet Nru 43/1973] u tal-liġijiet l-oħra applikabbli fil-qasam doganali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġijiet speċifiċi relatati magħhom.

2.      Id-dazji, taxxi u imposti oħra fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni previsti mir-regolamenti Komunitarji għandhom jiġu stabbiliti, likwidati u miġbura skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija regolamenti u, meta dawn jirreferu għal-leġiżlazzjoni tad-diversi Stati Membri, jew meta ma jipprevedu ebda dispożizzjoni, skont ir-regoli tad-[Digriet Nru 43/1973] u tal-liġijiet l-oħra applikabbli fil-qasam doganali.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

22      Permezz ta’ żewġ avviżi ta’ tassazzjoni kkomunikati fil‑15 ta’ Mejju 2017 u fis‑6 ta’ Frar 2018 lil U. I., kumpannija stabbilita f’Milano (l-Italja), l-Aġenzija tad-Dwana kkoreġiet, rispettivament, 45 u 115 dikjarazzjoni ta’ importazzjoni u ffissat l-ammonti korrispondenti tal-VAT fuq l-importazzjoni dovuta, jiġifieri EUR 173 561.22 u EUR 786 046.24, flimkien mal-interessi. Hija qieset ukoll li U. I., bħala rappreżentanta doganali indiretta tal-kumpanniji importatriċi A. SpA u U. C. Srl, stabbiliti f’Ruma (l-Italja), l-ewwel waħda suġġetta għal proċedura ta’ falliment, kienet responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ din it-taxxa ma’ dawn il-kumpanniji, b’mod partikolari skont l-Artikoli 77 u 84 tal-Kodiċi Doganali.

23      Fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ verifika tagħha, l-Aġenzija tad-Dwana, fil-fatt, qieset li d-dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni mehmuża ma’ dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni ma kinux affidabbli, sa fejn dawn kienu bbażati fuq id-dikjarazzjoni żbaljata li tgħid li dawn il-kumpanniji importatriċi kienu esportaturi abitwali. Issa, peress li dawn tal-aħħar ma kinux wettqu tranżazzjonijiet li setgħu jidħlu fil-kwota ta’ xiri mingħajr VAT, it-tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni vverifikati ma kinux eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 1(a) tad-Digriet-Liġi Nru 746/1983.

24      U. I. ippreżentat rikorsi kontra dawn iż-żewġ avviżi ta’ tassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Commissione tributaria provinciale di Venezia (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Venezia, l-Italja), sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tagħhom.

25      F’dan il-kuntest, U. I. irrikonoxxiet li wettqet, bħala rappreżentanta doganali indiretta, it-tranżazzjonijiet doganali inkwistjoni f’isimha għan-nom tal-imsemmija kumpanniji importatriċi, abbażi ta’ mandati ta’ rappreżentanza, u ppreżentat lid-dwana d-dikjarazzjonijiet korrispondenti. Hija sostniet, madankollu, li r-regoli li abbażi tagħhom kienu ġew adottati l-imsemmija avviżi ta’ tassazzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 77 u 84 tal-Kodiċi Doganali, ma setgħux japplikaw għall-VAT. Hija żiedet li, fl-ordinament ġuridiku Taljan, l-ebda dispożizzjoni ma kienet tipprevedi r-responsabbiltà in solidum tar-rappreżentant doganali indirett mal-kumpannija importatriċi għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni u li r-rikonoxximent ta’ tali responsabbiltà in solidum jikser l-Artikolu 201 tad-Direttiva dwar il-VAT.

26      L-Aġenzija tad-Dwana, min-naħa tagħha, talbet li dawn ir-rikorsi jiġu miċħuda. Hija enfasizzat li l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas tad-dejn fiskali tal-VAT inkwistjoni kien ikkostitwit, bħal fil-każ tad-dejn doganali, mill-importazzjoni u li dan l-avveniment kien identifikat fil-leġiżlazzjoni doganali. Għandu jsir riferiment ukoll għal din il-leġiżlazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-oriġini tad-dejn tal-VAT fuq l-importazzjoni u, għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit li d-debituri ta’ dan id-dejn huma l-persuni li jippreżentaw il-merkanzija lid-dwana, jiġifieri, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), l-importatur u r-rappreżentant doganali indirett tiegħu, in solidum.

27      Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont din il-ġurisprudenza, l-obbligu li titħallas il-VAT fuq l-importazzjoni jitnissel fil-mument tal-preżentazzjoni tal-merkanzija lid-dwana għad-dħul fit-territorju tal-Unjoni, l-istess bħad-dazji doganali. Din hija l-istess taxxa bħall-VAT intra-Komunitarja, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Equoland (C‑272/13, EU:C:2014:2091). Issa, minkejja li l-VAT fuq l-importazzjoni ma tinsabx fost dawn id-dazji u lanqas fost it-taxxi miġbura fuq il-fruntiera fis-sens strett, iżda fost it-taxxi li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali, hija taqsam mad-dazji doganali l-mument tal-impożizzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 34 tad-Digriet Nru 43/1973, b’tali mod li, sa fejn ir-rappreżentant doganali indirett jippreżenta d-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni lill-awtorità doganali f’ismu, huwa jkun responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT.

28      Din il-qorti tirreferi għal linja ta’ ġurisprudenza nazzjonali oħra li tgħid li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa fid-dritt nazzjonali li tipprevedi li, konformement mal-Artikolu 201 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-persuni “nominati” huma responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, ma tistax issir applikazzjoni estensiva tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar id-djun doganali li jirregolaw ir-responsabbiltà in solidum tal-importatur u tar-rappreżentant doganali indirett tiegħu.

29      L-imsemmija qorti tosserva wkoll li, jekk il-kliem “nominati” jew “rikonoxxuti” użati f’dan l-artikolu jiġu interpretati b’mod strett, fis-sens li l-leġiżlatur nazzjonali għandu jidentifika espressament il-persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT, hija jkollha tikkonstata, f’dan il-każ, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jindikaw esklużivament l-importatur bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ dawn it-termini, din l-istess qorti tkun tista’ tapplika b’mod estensiv regoli nazzjonali stabbiliti għal taxxi differenti mill-VAT fuq l-importazzjoni, bħad-dazji doganali.

30      Bl-istess mod, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 77(3) tal-Kodiċi Doganali u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tiegħu għandhiex tkun limitata għad-dazji doganali, hija determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Commissione tributaria provinciale di Venezia (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Venezia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-[Qorti tal-Ġustizzja] tista’ tindika jekk l-Artikolu 201 tad-Direttiva [dwar il-VAT], billi jipprevedi li ‘[m]a’ l-importazzjoni, il-VAT għandha titħallas mill-persuna jew mill-persuni nominati jew rikonoxxuti bħala responsabbli mill-Istat Membru ta’ l-importazzjoni’, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan tal-aħħar huwa obbligat jadotta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali dwar il-VAT fuq l-importazzjoni (taxxa prevista mid-dritt nazzjonali: [kawża li tat lok għas-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Equoland, C‑272/13, EU:C:2014:2091]) li tidentifika espressament id-debituri tal-ħlas tagħha?

2)      Il-[Qorti tal-Ġustizzja] tista’ tindika jekk l-Artikolu 77(3) tal-[Kodiċi Doganali], li jipprevedi, għad-djun doganali fuq l-importazzjoni, li, ‘[f]’każ ta’ rappreżentanza indiretta, il-persuna li għan-nom tagħha qed issir id-dikjarazzjoni doganali għandha tkun ukoll debitur”, għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rappreżentant indirett huwa responsabbli mhux biss mid-dazji doganali, iżda wkoll mill-VAT fuq l-importazzjoni għall-unika raġuni li huwa l-persuna li “tiddikjara lid-dwana” f’isimha stess?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lammissibbiltà

32      Il-Gvern Taljan isostni li d-domandi preliminari huma inammissibbli minħabba l-fatt li mhux biss huma ambigwi iżda wkoll irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma applikatx il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) li diġà ddeċidiet il-kwistjoni tal-persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet nazzjonali u tal-Unjoni li jidentifikaw b’mod inekwivoku l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni u d-debituri tagħha ma ssemmewx b’mod espliċitu.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Darie, C‑592/18, EU:C:2019:1140, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tal-liġi tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Darie, C‑592/18, EU:C:2019:1140, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li esponiet b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi preliminari tagħha, ippreċiżat li r-risposti għalihom kienu determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, sa fejn il-possibbiltà li tiġi stabbilita l-eventwali responsabbiltà in solidum ta’ U. I, bħala rappreżentanta doganali indiretta, kienet tiddependi minn dawn ir-risposti. Issa, il-fatt li din il-qorti ma applikatx il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) ma jistax ineħħi r-rilevanza tad-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

36      Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi deskrizzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali, b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw u tal-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti, suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi b’mod utli għaż-żewġ domandi magħmula.

37      Konsegwentement, id-domandi preliminari huma ammissibbli.

 Fuq ittieni domanda

38      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 77(3) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li, skont din id-dispożizzjoni biss, ir-rappreżentant doganali indirett huwa responsabbli għall-ħlas tad-dazji doganali dovuti għall-merkanzija li huwa jkun iddikjara lid-dwana kif ukoll għall-VAT fuq l-importazzjoni għal din l-istess merkanzija.

39      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2020, Kaplan International colleges UK, C‑77/19, EU:C:2020:934, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 18(1) tal-Kodiċi Doganali, ir-rappreżentant doganali indirett jaġixxi f’ismu stess, iżda għan-nom ta’ persuna oħra. Għalhekk, meta dan tal-aħħar jippreżenta d-“dikjarazzjoni doganali”, kif iddefinita fil-punt 12 tal-Artikolu 5 ta’ dan il-kodiċi, huwa jagħmel dan f’ismu stess iżda għan-nom tal-persuna li tkun tatu mandat ta’ rappreżentanza u li huwa jirrappreżenta, b’tali mod li, kif tosserva ġustament il-qorti tar-rinviju, huwa jaġixxi bħala “dikjarant”, fis-sens tal-punt 15 tal-Artikolu 5 ta’ dan il-kodiċi.

41      L-ewwel, skont l-Artikolu 77(3) tal-Kodiċi Doganali, id-dikjarant huwa d-debitur u, fil-każ ta’ rappreżentanza indiretta, il-persuna li għan-nom tagħha ssir id-dikjarazzjoni doganali hija wkoll debitriċi.

42      Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li kemm ir-rappreżentant doganali indirett, bħala dikjarant, kif ukoll l-importatur li għan-nom tiegħu jkun qiegħed jippreżenta din id-dikjarazzjoni għandhom il-kwalità ta’ debituri.

43      It-tieni, il-kuntest u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li taħtha taqa’ l-imsemmija dispożizzjoni juru li din tirrigwarda esklużivament id-dejn doganali u mhux ukoll il-VAT fuq l-importazzjoni.

44      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 77 tal-Kodiċi Doganali jinsab fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan il-kodiċi, intitolati, rispettivament, “Dejn doganali mal-importazzjoni”, “Ħolqien ta’ dejn doganali” u “Dejn doganali u garanziji”. F’dan ir-rigward, il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jirreferu għad-dejn doganali.

45      Min-naħa l-oħra, skont il-punt 19 tal-Artikolu 5 tal-imsemmi kodiċi, id-“debitur” huwa “kwalunkwe persuna responsabbli għal dejn doganali”.

46      Barra minn hekk, l-Artikolu 84 tal-istess kodiċi jsemmi espliċitament id-dejn doganali billi jipprevedi li, meta diversi persuni jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondu għal tali dejn, dawn huma responsabbli konġuntament u in solidum.

47      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “dejn doganali”, dan huwa ddefinit fil-punt 18 tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali bħala l-obbligu li jitħallas l-ammont ta’ “dazju tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni li japplika għal merkanzija speċifika taħt il-leġislazzjoni doganali fis-seħħ”.

48      Issa, il-VAT fuq l-importazzjoni ma tagħmilx parti mid-“dazji fuq l-importazzjoni”, fis-sens tal-punt 20 tal-Artikolu 5 tal-imsemmi kodiċi, li jirrigwarda d-dazju doganali dovut fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija.

49      Hekk kif osservaw kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll U. I. fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-VAT li għandha tinġabar għall-importazzjoni ta’ oġġetti ma tifformax parti minn tali dazji fuq l-importazzjoni (ara, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda il-punt 10 tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), li jikkorrispondi għall-punt 20 tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali, is-sentenzi tat‑29 ta’ Lulju 2010, Pakora Pluss, C‑248/09, EU:C:2010:457, punt 47, kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Eurogate Distribution u DHL Hub Leipzig, C‑226/14 u C‑228/14, EU:C:2016:405, punt 81).

50      Fl-aħħar nett, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, b’mod partikolari l-Artikolu 201 tad-Direttiva dwar il-VAT, ma tirreferix għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ ħlas ta’ din it-taxxa, iżda tipprevedi li dan l-obbligu jaqa’ fuq il-persuna jew persuni nnominati jew irrikonoxxuti mill-Istat Membru ta’ importazzjoni, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 21(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), li jikkorrispondi għall-Artikolu 201 tad-Direttiva dwar il-VAT, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2010, Pakora Pluss, C‑248/09, EU:C:2010:457, punt 52).

51      Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 77(3) biss ta’ dan il-kodiċi, għal dak li jirrigwarda l-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, ir-responsabbiltà tar-rappreżentant doganali indirett ma tistax tinżamm ma’ dik tal-importatur li jkun tah mandat ta’ rappreżentanza u li huwa jirrappreżenta.

52      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 77(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, skont din id-dispożizzjoni biss, ir-rappreżentant doganali indirett huwa responsabbli biss għall-ħlas tad-dazji doganali dovuti għall-merkanzija li huwa jkun iddikjara lid-dwana, u mhux, barra minn hekk, għall-VAT fuq l-importazzjoni għal din l-istess merkanzija.

 Fuq lewwel domanda

53      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tiddetermina jekk l-Artikolu 201 tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li r-responsabbiltà tar-rappreżentant doganali indirett għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, in solidum ma’ dik tal-importatur, tista’ tinżamm fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jinnominawh jew li jirrikonoxxuh espressament bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa.

54      Qabelxejn, għal dak li jirrigwarda l-VAT fuq l-importazzjoni u d-dazji doganali, għandu jitfakkar li dawn tal-aħħar għandhom, skont ġurisprudenza stabbilita, karatteristiċi essenzjali komparabbli inkwantu jitnisslu mill-fatt tal-importazzjoni fl-Unjoni u tal-introduzzjoni sussegwenti tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri. Dan il-paralleliżmu huwa kkonfermat mill-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jawtorizza lill-Istati Membri jorbtu l-avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-eżiġibbiltà tal-VAT fuq l-importazzjoni ma’ dawk tad-dazji doganali (sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2019, Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung, C‑26/18, EU:C:2019:579, punt 41, u tat‑3 ta’ Marzu 2021, Hauptzollamt Münster (Post ta’ tnissil tal-VAT), C‑7/20, EU:C:2021:161, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 201 tad-Direttiva dwar il-VAT, li jgħid li l-VAT fuq l-importazzjoni “għandha titħallas mill-persuna jew mill-persuni nominati jew rikonoxxuti bħala responsabbli mill-Istat Membru ta’ l-importazzjoni”, jirriżulta li dan l-artikolu jħalli setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri sabiex jinnominaw il-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa, kif tikkonferma l-premessa 43 ta’ din id-direttiva billi tiddikjara li dawn tal-aħħar għandhom ikollhom kull possibbiltà sabiex jinnominaw il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq l-importazzjoni.

56      Għalhekk, għalkemm mill-imsemmi artikolu jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jinnominaw mill-inqas persuna waħda bħala persuna responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa, huma liberi li jindikaw diversi persuni, liema fatt jirriżulta wkoll mill-premessa 44 tal-imsemmija direttiva, li tgħid li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet li jipprevedu li persuna oħra għajr dik responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun responsabbli in solidum għall-ħlas tat-taxxa.

57      Konsegwentement, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 201 tad-Direttiva dwar il-VAT, huwa ċertament possibbli għalihom li jipprevedu, għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu, li d-debituri tad-dazji doganali jkunu wkoll responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni u, b’mod partikolari, li r-rappreżentant doganali indirett ikun responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ din it-taxxa mal-persuna li tkun tatu mandat ta’ rappreżentazzjoni u li huwa jirrappreżenta.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali.

59      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom, madankollu, jiġu implimentati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑151/12, EU:C:2013:690, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Għal dan il-għan, huwa indispensabbli li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta mill-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva tkun suffiċjentement preċiża u ċara sabiex tippermetti lill-individwi kkonċernati jkunu jafu l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 60).

61      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, b’mod partikolari, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi (sentenzi tat‑30 ta’ April 2019, L-Italja vs Il-Kunsill (Kwota ta’ sajd tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 111, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et, C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240, punt 93 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma l-Istati Membri, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 201 tad-Direttiva dwar il-VAT, li għandhom jinnominaw jew jirrikonoxxu l-persuna jew il-persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali suffiċjentement ċari u preċiżi, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

63      Minn dan isegwi li responsabbiltà eventwali tar-rappreżentant doganali indirett għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni prevista minn Stat Membru, in solidum mal-persuna li tkun tatu mandat ta’ rappreżentanza u li huwa jirrappreżenta, għandha tiġi stabbilita, b’mod espliċitu u inekwivoku, minn tali dispożizzjonijiet nazzjonali.

64      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, li għandha tevalwa, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt Taljan, jekk dawn id-dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari, l-Artikoli 34 u 38 tad-Digriet Nru 43/1973, l-Artikolu 3(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 374 tat‑8 ta’ Novembru 1990 imsemmi fil-punt 21 ta’ din is-sentenza kif ukoll l-Artikoli 1 u 70(1) tad-Digriet Nru 633/1972, li għalihom irrefera l-Gvern Taljan, jew l-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 746/1983 iċċitat mill-Kummissjoni, jinnominawx jew jirrikonoxxux, b’mod espliċitu u inekwivoku, lir-rappreżentant doganali indirett bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, minbarra li jkun debitur, kif jirriżulta mill-punti 42, 46 u 52 ta’ din is-sentenza, għad-dazji doganali in solidum mal-importatur li jkun tah mandat ta’ rappreżentanza u li huwa jirrappreżenta, skont l-Artikolu 77(3) u l-Artikolu 84 tal-Kodiċi Doganali.

65      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 201 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li r-responsabbiltà tar-rappreżentant doganali indirett għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, in solidum ma’ dik tal-importatur, ma tistax tinżamm fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jinnominawh jew li jirrikonoxxuh, b’mod espliċitu u inekwivoku, bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa.

 Fuq lispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 77(3) Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, skont din id-dispożizzjoni biss, ir-rappreżentant doganali indirett huwa responsabbli biss għall-ħlas tad-dazji doganali dovuti għall-merkanzija li huwa jkun ddikjara lid-dwana, u mhux, barra minn hekk, għall-VAT fuq l-importazzjoni għal din l-istess merkanzija.

2)      L-Artikolu 201 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li r-responsabbiltà tar-rappreżentant doganali indirett għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni, in solidum ma’ dik tal-importatur, ma tistax tinżamm fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jinnominawh jew li jirrikonoxxuh, b’mod espliċitu u inekwivoku, bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.