-

Printed via the EU tax law app / web

C_2020297MT.01003501.xml

7.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 297/35


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fis-6 ta’ Lulju 2020 – Icade Promotion Logement SAS vs Ministère de l’Action et des Comptes publics

(Kawża C-299/20)

(2020/C 297/47)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Icade Promotion Logement SAS

Konvenut: Ministère de l’Action et des Comptes publics

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 392 tad-Direttiva tat-28 ta’ Novembru 2006 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jirriżerva l-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni fuq il-marġni għal tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ proprjetajiet immobbli li l-akkwist tagħhom kien suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud mingħajr ma l-persuna taxxabbli li tbiegħhom mill-ġdid kellha d-dritt li tnaqqas din it-taxxa? Jew jippermetti li din l-iskema tiġi applikata għal tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ proprjetajiet immobbli li l-akkwist tagħhom ma kienx suġġett għal din it-taxxa, għar-raġuni li dan l-akkwist ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jew inkella għar-raġuni li, minkejja li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, dan huwa eżenti minnha?

2)

L-Artikolu 392 tad-Direttiva tat-28 ta’ Novembru 2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni fuq il-marġni għal tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ artijiet għall-iżvilupp fiż-żewġ każijiet segwenti:

meta dawn l-artijiet, akkwistati mhux mibnija, isiru, bejn il-mument tal-akkwist tagħhom u dak tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom mill-persuna taxxabbli, artijiet għall-iżvilupp;

meta dawn l-artijiet ikunu is-suġġett, bejn il-mument tal-akkwist tagħhom u dak tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom mill-persuna taxxabbli, ta’ bidliet fil-karatteristiċi tagħhom bħad-diviżjoni tagħhom f’lottijiet jew it-twettiq ta’ xogħolijiet li jippermettu li jiġu konnessi ma’ varji networks (toroq, ilma, elettriku, gass, dranaġġ, telekomunikazzjonijiet)?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).