-

Printed via the EU tax law app / web

C_2020378MT.01001701.xml

9.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 378/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Oradea (ir-Rumanija) fit-30 ta’ Lulju 2020 – Promexor Trade Srl vs Direcţia Generală a Finanţelor Publice Cluj – Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Bihor

(Kawża C-358/20)

(2020/C 378/21)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Judecătoria Oradea

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Promexor Trade Srl

Konvenut: Direcţia Generală a Finanţelor Publice Cluj – Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Bihor

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludu regoli nazzjonali li permezz tagħhom Stat Membru jimponi lil ċittadin jiġbor u jittrasferixxi l-VAT lill-Istat, għal perijodu ta’ żmien indeterminat, mingħajr, madankollu, ma jirrikonoxxilu d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, peress li dan kellu n-numru tal-VAT tiegħu annullat ex officio minħabba li fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT issottomessi għal sitt xhur konsekuttivi/żewġ trimestri kalendarji konsekuttivi ma kienet indikata l-ebda tranżazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT?

2)

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u [l-prinċipju] ta’ kooperazzjoni leali, hekk kif stabbiliti fid-Direttiva 2006/112, huma kompatibbli ma’ regola nazzjonali jew prattika amministrattiva fiskali li permezz tagħha, għalkemm l-Istat Membru normalment jippermetti li persuna ġuridika tiġi rreġistrata mill-ġdid għall-finijiet tal-VAT, fuq talba tagħha, wara l-annullament ex officio tan-numru tal-VAT, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi l-persuna taxxabbli ma tistax titlob li tiġi rreġistrata mill-ġdid għall-finijiet tal-VAT għal raġunijiet purament formali u tkun obbligata tiġbor u tittrasferixxi l-VAT lill-Istat, għal perijodu ta’ żmien indeterminat, iżda mingħajr id-dritt korrelattiv għat-tnaqqis tal-VAT?

3)

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u [l-prinċipju] ta’ kooperazzjoni leali, hekk kif stabbiliti fid-Direttiva 2006/112, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu li jiġi stabbilit obbligu tal-persuna taxxabbli li tiġbor u tħallas il-VAT, għal perijodu ta’ żmien indeterminat, u mingħajr ma tiġi rrikonoxxuta d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, mingħajr ma l-awtorità tat-taxxa inkwistjoni ma tivverifika l-kundizzjonijiet sostantivi rigward id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u mingħajr ma l-persuna taxxabbli ma tkun wettqet frodi?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.