C-294/21 - Navitours

Printed via the EU tax law app / web

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Awwissu 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 2(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Artikolu 9(2)(b) – Post tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport – Eskursjonijiet turistiċi fuq il-Moselle – Xmara suġġetta għall-istatus ta’ kondominju”

Fil-Kawża C‑294/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Luxembourg) (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

État luxembourgeois,

Administration de l’enregistrement et des domaines et de la TVA

vs

Navitours Sàrl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, I. Ziemele, P. G. Xuereb u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Navitours Sàrl, minn C. Kaufhold, avocat,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux u T. Uri, bħala aġenti, assistiti minn F. Kremer, avocat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.‑L. Krüger, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u V. Uher, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ April 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 9(2)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/338/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE tat‑3 ta’ Diċembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 160, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-État luxembourgeois (it-Teżor Lussemburgiż) kif ukoll l-Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (l-Awtorità Fiskali, il-Lussemburgu) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità fiskali Lussemburgiża”) u Navitours Sàrl dwar it-trattament, fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), tal-provvista servizzi ta’ navigazzjoni turistika mwettqa minn din il-kumpannija fuq il-Moselle.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt internazzjonali

3        Skont l-Artikolu 1(1) tat-Trattat bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar id-Demarkazzjoni tal-Fruntiera Komuni bejn iż-Żewġ Stati iffirmat fil-Lussemburgu fid‑19 ta’ Diċembru 1984 (iktar ’il quddiem it-“Trattat tat‑19 ta’ Diċembru 1984”):

“Kull fejn il-Moselle, is-Sûre jew l-Our jiffurmaw fruntiera konformement mat-Trattat tas‑26 ta’ Ġunju 1816, huma jikkostitwixxu territorju komuni suġġett għas-sovranità konġunta taż-żewġ Stati kontraenti.”

4        L-Artikolu 5(1) ta’ dan it-trattat jipprevedi:

“L-Istati kontraenti għandhom jirregolaw il-kwistjonijiet fir-rigward tad-dritt applikabbli fit-territorju komuni taħt sovranità konġunta permezz ta’ arranġament addizzjonali.”

 Iddritt talUnjoni

 

5        Is-Sitt Direttiva ġiet imħassra u ssostitwita, mill‑1 ta’ Jannar 2007, bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-imsemmija kawża prinċipali għandha tiġi rregolata mis-Sitt Direttiva.

6        Skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, huma suġġetti għall-VAT “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

7        L-Artikolu 3(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi:

“1.      għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

‘territorju ta’ Stat Membru’ tfisser it-territorju tal-pajjiż kif iddefinit għal kull Stat Membru fil-paragrafi 2 u 3.

[...]

2.      Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-‘territorju tal-pajjiż’ se tkun iż-żona ta’ fejn jgħodd it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea kif iddefinita għal kull Stat Membru fl-Artikolu 227

3.      It-territorji li ġejjin ta’ Stati Membri individwali jitħallew barra mit-territorju tal-pajjiż:

–        Repubblika Federali tal-Ġermanja:

–        il-Gżira ta’ Heligoland

–        it-territorju ta’ Buesingen,

[...]”

8        L-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva kien jipprovdi:

“1.      Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

2.      Iżda:

[...]

(b)      il-post fejn ikun hemm provvista ta’ servizzi tat-trasport għandu jkun il-post fejn isir it-trasport, wara li jitqiesu d-distanzi involuti;

[...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

9        Il-kumpannija Lussemburgiża Navitours toffri servizzi ta’ navigazzjoni turistika fuq il-parti tal-Moselle li fuqha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jeżerċitaw, skont l-Artikolu 1 tat-Trattat tad‑19 ta’ Diċembru 1984, is-sovranità konġunta tagħhom (iktar ’il quddiem il-“Kondominju Ġermaniż-Lussemburgiż”). Minħabba dan l-istatus, għal snin twal l-awtorità fiskali Lussemburgiża qieset li dan il-kummerċ ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT; fejn għalhekk hija ma kinitx talbet il-ħlas ta’ din it-taxxa fuq il-bejgħ tal-biljetti ta’ trasport ta’ persuni minn Navitours.

10      Fil‑5 ta’ Awwissu 2015, din l-awtorità fiskali ħarġet avviżi ta’ taxxa ex officio marbuta mad-dħul mill-bejgħ ta’ Navitours għas-snin 2004 u 2005, li permezz tagħhom is-servizzi ta’ trasport ipprovduti minn din il-kumpannija tqiesu li huma suġġetti għall-VAT.

11      Dawn l-avviżi ta’ taxxa ex officio nħarġu b’konsegwenza ta’ sentenza tal-Cour d’appel (il-Qorti tal-Appell, il-Lussemburgu), tal‑10 ta’ Lulju 2014, mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bejn Navitours u l-imsemmija awtorità fiskali u li tirrigwarda t-trattament fiskali tal-akkwist ta’ vapur minn din il-kumpannija. Skont din is-sentenza, il-VAT fuq is-servizzi ta’ trasport ta’ persuni fil-Kondominju Ġermaniż-Lussemburgiż tista’ tinġabar jew mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jew mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fl-assenza ta’ tassazzjoni mill-awtorità fiskali Ġermaniża, ma jkun hemm ebda riskju ta’ tassazzjoni doppja.

12      Peress li l-ilment imressaq minn Navitours kontra l-avviżi ta’ taxxa tal‑5 ta’ Awwissu 2015 ġie miċħud, din il-kumpannija ppreżentat rikors għal annullament quddiem it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu).

13      Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2018, din il-qorti laqgħet dan ir-rikors billi ddeċidiet li, sa fejn is-servizzi ta’ trasport inkwistjoni kienu lokalizzati fil-Kondominju Ġermaniż-Lussemburgiż, kemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll il-Gran Dukat tal-Lussemburgu setgħu potenzjalment jipproċedu għall-ġbir tal-VAT, iżda li l-lokalizzazzjoni partikolari tal-attivitajiet ta’ Navitours kien jeżiġi l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu li jippermetti li jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT filwaqt li tiġi evitata tassazzjoni doppja. Fl-assenza ta’ tali mekkaniżmu, ma nstabitx soluzzjoni għall-kwistjoni tar-rabta fiskali ma’ Stat speċifiku tal-attivitajiet eżerċitati minn Navitours, fejn għalhekk l-awtorità fiskali Lussemburgiża ma kellhiex ġustifikazzjoni biex tintaxxa d-dħul mill-bejgħ relatat ma’ din il-kumpannija.

14      Wara li l-Istat Lussemburgiż u l-awtorità fiskali Lussemburgiża appellaw minn din is-sentenza, il-Cour d’appel ikkonfermatha permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2019, li kontriha dawn il-partijiet ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni.

15      Fil-kuntest tal-appell tagħhom, l-Istat Lussemburgiż u l-awtorità fiskali Lussemburgiża jsostnu li s-Sitt Direttiva, u b’mod iktar speċifiku l-Artikolu 2 tagħha, japplikaw għas-servizzi ta’ trasport inkwistjoni.

16      Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, il-Cour de cassation (Luxembourg) (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“ [Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva] [...] u/jew l-Artikolu 9(2)(b) [ta’ din id-]Direttiva [...] japplika u jwassal (jew japplikaw u jwasslu) għal impożizzjoni tal-VAT fil-Lussemburgu għall-provvisti ta’ trasport ta’ persuni mwettqa minn fornitur stabbilit fil-Lussemburgu, meta dawn il-provvisti jitwettqu ġewwa kondominju, kif dan il-kondominju huwa ddefinit mit-[Trattat tad‑19 ta’ Diċembru 1984] bħala territorju komuni taħt sovranità komuni [konġunta] tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li fir-rigward tiegħu ma jeżistix, għal dak li jirrigwarda l-ġbir tal-VAT fuq il-provvisti ta’ servizz ta’ trasport, ftehim bejn iż-żewġ Stati kif previst fl-Artikolu 5(1) [ta’ dan it-Trattat]?”

 Fuq iddomanda preliminari

17      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 9(2)(b) tas-Sitt Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jintaxxa l-provvista ta’ servizzi ta’ navigazzjoni turistika mwettqa, minn fornitur stabbilit f’dan l-Istat Membru, ġewwa territorju li jikkostitwixxi, bis-saħħa ta’ trattat internazzjonali konkluż bejnu u Stat Membru ieħor, territorju komuni taħt is-sovranità konġunta ta’ dawn l-Istati Membri.

18      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

19      Fir-rigward tal-post ta’ provvista ta’ servizzi, l-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li dan għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment tan-negozju jew ta’ stabbiliment fiss, il-post fejn huwa jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

20      Madankollu, konformement mal-paragrafu 2(b) ta’ dan l-Artikolu 9, il-post ta’ provvista ta’ servizzi tat-trasport għandu jkun il-post fejn isir it-trasport wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-distanzi involuti.

21      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma “provvisti ta’ servizzi”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, u li huma pprovduti bi ħlas minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

22      Madankollu, il-qorti tar-rinviju, billi titlaq mill-premessa li l-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu “servizzi ta’ trasport”, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(b) tas-Sitt Direttiva, li l-post tagħhom huwa l-Kondominju Ġermaniż-Lussemburgiż, tesprimi d-dubji tagħha dwar jekk is-servizzi ta’ trasport imwettqa f’dan il-kondominju jistgħux jiġu imposti mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu ġaladarba ma huwiex ċert li dawn ikunu jistgħu jitqiesu li twettqu “fit-territorju tal-pajjiż”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

23      Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-organizzazzjoni ta’ ġiti turistiċi bid-dgħajsa li jintemmu fl-istess post bħal dak li fih ikunu bdew. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, inizjalment, jekk tali servizzi jaqgħux effettivament taħt l-Artikolu 9(2)(b) tas-Sitt Direttiva bħala servizzi ta’ trasport.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “servizzi ta’ trasport”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ma huwiex iddefinit mis-Sitt Direttiva.

25      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens komuni tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Entoma, C‑526/19, EU:C:2020:769, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Fir-rigward tas-sens komuni tal-espressjoni “servizzi ta’ trasport” fil-lingwaġġ kurrenti, għandu jiġi rrilevat li din tkopri s-servizzi li jikkonsistu fit-trasport ta’ persuni jew ta’ oġġetti minn post għal ieħor. Issa, dan il-kunċett huwa wiesa’ biżżejjed biex jinkludi servizzi li l-element essenzjali tagħhom jikkonsisti fit-trasferiment ta’ persuni fuq distanzi mhux negliġibbli, minkejja li dan is-servizz jibda u jispiċċa fl-istess post u li l-għan tiegħu huwa ta’ natura turistika.

27      Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan li għandu l-intenzjoni li jilħaq l-Artikolu 9(2)(b) tas-Sitt Direttiva.

28      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) u (2) tas-Sitt Direttiva huwa li jiġu evitati, minn naħa, kunflitti ta’ ġurisdizzjoni li jistgħu jwasslu għal tassazzjoni doppja u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ dħul (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Geelen, C‑568/17, EU:C:2019:388, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-Artikolu 9(2)(b) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regola ddikjarata minn din id-dispożizzjoni tirriżulta mill-fatt li n-natura stess tal-eżekuzzjoni ta’ din il-provvista ta’ servizzi speċifika li tikkostitwixxi t-trasport, li tista’ titwettaq fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, tirrikjedi kriterju differenti li għandu essenzjalment jippermetti li jiġu ddefiniti l-kompetenzi rispettivi tad-diversi Stati Membri għall-bżonnijiet tat-tassazzjoni. Din ir-regola ta’ rabta speċifika għas-servizzi ta’ trasport għandha għalhekk l-intenzjoni li tiżgura li kull Stat Membru jimponi dawn is-servizzi għall-partijiet ta’ traġitt imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 1997, Reisebüro Binder, C‑116/96, EU:C:1997:520, punti 13 u 14).

30      Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll meta servizz li l-element essenzjali tiegħu jikkonsisti fit-trasferiment ta’ persuni jibda u jintemm fl-istess post u meta l-għan tal-provvista ta’ dan is-servizz ikun ta’ natura turistika.

31      L-interpretazzjoni esposta fil-punt 26 ta’ din is-sentenza ma hijiex barra minn hekk imqiegħda inkwistjoni mill-fatt li, fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li attività li tikkonsisti fil-provvista, bi ħlas, ta’ servizz ta’ teħid ta’ passiġġieri fuq dgħajsa bil-għan li dawn iżuru bl-użu ta’ trasport fuq l-ilma għal finijiet ta’ organizzazzjoni ta’ avvenimenti, ma tikkostitwixxix servizz fil-“qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 1), eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

32      Jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 21 sa 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-għanijiet differenti tal-Artikolu 9(2)(b) tas-Sitt Direttiva, minn naħa, u tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, min-naħa l-oħra, il-kunċetti ta’ “servizzi ta’ trasport”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, u ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tat-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex l-istess. Għalhekk, ma jistax jitqies li servizzi li ma jaqgħux taħt it-tieni wieħed minn dawn il-kunċetti huma neċessarjament esklużi mill-portata tal-ewwel wieħed minn dawn il-kunċetti.

33      Għaldaqstant, servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-organizzazzjoni ta’ ġiti turistiċi bid-dgħajsa li jintemmu fl-istess post bħal dak li fih ikunu bdew, jaqgħu taħt l-Artikolu 9(2)(b) tas-Sitt Direttiva bħala servizzi ta’ trasport.

34      Għaldaqstant, peress li, kif tfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, il-post tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport huwa, bis-saħħa tal-Artikolu 9(2)(b) tas-Sitt Direttiva, il-post fejn isir it-trasport skont id-distanzi koperti, għandu jiġi kkunsidrat li l-post tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa l-Kondominju Ġermaniż-Lussemburgiż.

35      Sussegwentement hemm lok li jiġi ddeterminat jekk is-servizzi ta’ trasport imwettqa f’dan il-Kondominju, bi ħlas u minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, humiex suġġetti għall-VAT għaliex jitwettqu “fit-territorju tal-pajjiż”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva.

36      L-espressjoni “territorju tal-pajjiż” hija ddefinita fl-Artikolu 3(2) tas-Sitt Direttiva u tikkorrispondi għaż-“żona ta’ fejn jgħodd [kamp ta’ applikazzjoni] tat-Trattat [KEE], kif iddefinit għal kull Stat Membru fl-Artikolu 227”. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) jelenka t-territorji nazzjonali li huma esklużi mit-territorju tal-pajjiż.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 299 KE, li ssostitwixxa l-Artikolu 227 tat-Trattat KEE, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li t-Trattat japplika, b’mod partikolari, għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Il-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu 299 jipprevedu ċerti partikolaritajiet u derogi li madankollu ma jikkonċernawx lil dawn iż-żewġ Stati Membri. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(3) tas-Sitt Direttiva ma jsemmix, fost it-territorji nazzjonali esklużi mit-territorju tal-pajjiż, il-Kondominju Ġermaniż-Lussemburgiż.

38      Barra minn hekk, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan il-kuntest, li s-sistema tas-Sitt Direttiva tapplika b’mod obbligatorju u imperattiv għat-territorju nazzjonali kollu tal-Istati Membri u li d-determinazzjoni tal-estensjoni u tal-limiti ta’ dan it-territorju tappartjeni lil kull wieħed mill-Istati Membri, b’mod konformi mar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN, C‑111/05, EU:C:2007:195, punti 54 u 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), għad hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet tagħhom, kemm il-Gvern Ġermaniż kif ukoll dak Lussemburgiż sostnew li kemm għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu t-territorju tal-Kondominju Ġermaniż‑Lussemburgiż effettivament jinsb fit-“territorju tal-pajjiż” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(2) tas-Sitt Direttiva.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-servizzi ta’ trasport imwettqa fil-Condominium Ġermaniż-Lussemburgiż, bi ħlas u minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, jitwettqu “fit-territorju tal-pajjiż”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, u huma, għaldaqstant, suġġetti għall-VAT.

40      Barra minn hekk, fid-dawl tal-istatus ta’ kondominju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala territorju komuni taħt sovranità konġunta ta’ żewġ Stati Membri, u fl-assenza ta’ kull indikazzjoni speċifika fis-Sitt Direttiva dwar il-modalitajiet ta’ tassazzjoni tas-servizzi li l-post tagħhom huwa tali kondominju, dawn is-servizzi jistgħu, bħala prinċipju, jiġu ntaxxati minn kull wieħed minn dawn iż-żewġ Stati Membri.

41      Għaldaqstant, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 68 u 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, u kif iddeċidiet diġà l-Qorti tal-Ġutizzja, it-tassazzjoni doppja tal-istess tranżazzjonijiet hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2003, Cookies World, C‑155/01, EU:C:2003:449, punt 60, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International, C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, it-tassazzjoni ta’ servizzi mwettqa f’tali kondominju minn wieħed mill-Istati Membri li jikkondividu s-sovranità fuq dan it-territorju għandha l-konsegwenza li tipprekludi lill-Istat Membru l-ieħor milli jintaxxa min-naħa tiegħu dawn l-istess servizzi. Dan japplika bla ħsara għall-possibbiltà li dawn l-Istati Membri jirregolaw mod ieħor it-tassazzjoni tas-servizzi mwettqa f’dan il-kondominju permezz ta’ ftehim, kif previst f’dan il-każ mill-Artikolu 5(1) tat-Trattat tad‑19 ta’ Diċembru 1984, sakemm jiġu evitati n-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ dħul u t-tassazzjonijiet doppji.

42      Madankollu l-Gvern Ġermaniż isostni li l-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali, li jillimitaw, fil-fehma tiegħu, l-eżerċizzju unilaterali tas-sovranità fi ħdan kondominju bħall-Kondominju Ġermaniż-Lussemburgiż u jissuġġettawh għall-ftehim tal-Istat l-ieħor involut, għandhom jiġu osservati għall-applikazzjoni u għall-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva. Għalhekk, l-eżerċizzju, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-ġurisdizzjoni tagħhom fil-qasam tal-VAT fit-territorju li jaqa’ taħt is-sovranità konġunta tagħhom huwa impossibbli mingħajr arranġament konkluż fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tat-Trattat tad‑19 ta’ Diċembru 1984. Barra minn hekk, skont il-Gvern Ġermaniż, din id-direttiva ma tipprekludix li l-Istati Membri kkonċernati jirrinunzjaw, konformement ma’ dawn il-prinċipji, provviżorjament għal tassazzjoni.

43      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-VAT, bħala prinċipju, tinġabar fuq kull servizz ipprovdut bi ħlas minn persuna taxxabbli – fejn derogi minn dan il-prinċipju ġenerali għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Dubrovin & Tröger – Aquatics, C‑373/19, EU:C:2021:873, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Kull Stat Membru għandu l-obbligu li jieħu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi kollha xierqa sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2018, Fontana, C‑648/16, EU:C:2018:932, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Issa, li jiġi aċċettat l-argument tal-Gvern Ġermaniż espost fil-punt 42 ta’ din is-sentenza jkun jimplika li l-Istati Membri jitħallew joħolqu territorju li fih is-servizzi li huma pprovduti fih jevitaw kull tassazzjoni fuq il-VAT minkejja li l-Istati Membri kkonċernati jqisu lil dan it-territorju bħala wieħed li jinsab “fit-territorju tal-pajjiż”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, u li l-imsemmi territorju ma huwa suġġett għal ebda deroga.

45      Li jiġi aċċettat dan l-argument ikun iwassal ukoll għal ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali skont liema operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti fil-qasam tal-ġbir tal-VAT (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2017, Identi, C‑493/15, EU:C:2017:219, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li l-VAT ma tinġabarx fuq servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali filwaqt li l-istess servizzi, ipprovduti f’postijiet oħra minn operaturi oħra, huma tabilħaqq suġġetti għall-VAT.

46      Għaldaqstant, l-assenza, f’dan il-każ, ta’ ftehim fil-qasam tal-ġbir tal-VAT bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu fir-rigward tal-Kondominju Ġermaniż-Lussemburgiż ma tistax tostakola t-tassazzjoni tas-servizzi mwettqa fi ħdan dan il-kondominju.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 9(2)(b) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru għandu jintaxxa s-servizzi ta’ navigazzjoni turistika mwettqa, minn fornitur stabbilit f’dan l-Istat Membru, ġewwa territorju li jikkostitwixxi, bis-saħħa ta’ trattat internazzjonali konkluż bejnu u Stat Membru ieħor, territorju komuni taħt is-sovranità konġunta ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri u li ma huwa suġġett għal ebda deroga prevista mid-dritt tal-Unjoni, sakemm dawn is-servizzi ma jkunux ġew intaxxati diġà minn dan l-Istat Membru l-ieħor. It-tassazzjoni ta’ dawn is-servizzi minn wieħed mill-Istati Membri tipprekludi lill-Istat Membru l-ieħor milli jintaxxahom min-naħa tiegħu, bla ħsara għall-possibbiltà għal dawn iż-żewġ Stati Membri li jirregolaw b’xi mod ieħor it-tassazzjoni tas-servizzi mwettqa ġewwa dan it-territorju, b’mod partikolari permezz ta’ ftehim, sakemm jiġu evitati n-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ dħul u t-taxxa doppja.

 Fuq lispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 1 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 9(2)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/338/KEE tas17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE tas16 ta’ Diċembru 1991,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

Stat Membru għandu jintaxxa s-servizzi ta’ navigazzjoni turistika mwettqa, minn fornitur stabbilit f’dan l-Istat Membru, ġewwa territorju li jikkostitwixxi, bis-saħħa ta’ trattat internazzjonali konkluż bejnu u Stat Membru ieħor, territorju komuni taħt is-sovranità konġunta ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri u li ma huwa suġġett għal ebda deroga prevista mid-dritt tal-Unjoni, sakemm dawn is-servizzi ma jkunux ġew intaxxati diġà minn dan l-Istat Membru l-ieħor. It-tassazzjoni ta’ dawn is-servizzi minn wieħed mill-Istati Membri tipprekludi lill-Istat Membru l-ieħor milli jintaxxahom min-naħa tiegħu, bla ħsara għall-possibbiltà għal dawn iż-żewġ Stati Membri li jirregolaw b’xi mod ieħor it-tassazzjoni tas-servizzi mwettqa ġewwa dan it-territorju, b’mod partikolari permezz ta’ ftehim, sakemm jiġu evitati n-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ dħul u t-taxxa doppja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.