C-615/21 - Napfény-Toll

Printed via the EU tax law app / web

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Lulju 2023 (*)

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li jiġi sospiż, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni tal-amministrazzjoni fiskali fil-każ ta’ proċedura ġudizzjarja – Proċedura fiskali rrepetuta – Regolament Nru 2988/95 – Kamp ta’ applikazzjoni – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑615/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ottubru 2021, fil-proċedura

Napfeny-Toll Kft.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef fil-Ħames Awla, D. Gratsias, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Novembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Napfény-Toll Kft., minn L. Detvay, O. Kovács, P. Nagy u Gy. Tiborfi, ügyvédek,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, J. Jokubauskaitė, u A. Sipos, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Frar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Napfény-Toll Kft. u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Uffiċċju Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija), dwar id-dritt ta’ din il-kumpannija li tnaqqas mill-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li hija responsabbli għall-ħlas tiegħu l-ammont tal-VAT dovut fir-rigward ta’ akkwisti differenti ta’ oġġetti mwettqa fix-xahar ta’ Ġunju 2010 kif ukoll bejn ix-xahar ta’ Novembru 2010 u x-xahar ta’ Settembru 2011.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2006/112

3        Il-premessa 8 tad-Direttiva 2006/112 tistipula:

“(8)      Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000 dwar is-sistema ta’ riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewopej [ĠU 2000, L 253, p. 42], il-budget tal-Komunitajiet Ewropej, irrispettivament minn dħul ieħor, għandu jkun iffinanzjat kompletament mir-riżorsi tal-Komunitajiet infushom. Dawk ir-riżorsi għandhom jinkludu dawk li jidħlu mill-VAT u miksuba permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ rata komuni ta' taxxa għal bażi ta’ valutazzjoni stabbilita b’mod uniformi u skond regoli tal-Komunità.”

 Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), jipprevedi:

“1.      Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.      ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta'nefqa mhux ġustifikata.”

5        L-Artikolu 3(1) u (3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      Il-perjodu tal-limitazzjoni [tal-preskrizzjoni] għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. [...]

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skond Artikolu 6(1).

[...].

3.      L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.”

 IdDeċiżjoni 2007/436/KE

6        Id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom tal-Kunsill tas‑7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17), li ħassret u ssostitwixxiet id-Deċiżjoni 2000/597, tipprevedi fl-Artikolu 2(1)(b) tagħha:

“Id-dħul minn dan li ġej għandu jkun jikkostitwixxi r-riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea:

[...]

(b)      [...] l-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażijiet ta’ valutazzjoni tal-VAT armonizzati ddeterminati skond ir-regoli Komunitarji. [...]”

 Iddritt Ungeriż


 Illeġiżlazzjoni dwar issospensjoni tattermini ta’ preskrizzjoni filqasam fiskali

7        Skont l-Artikolu 164 tal-az adózás rendjérġl szóló 2003. évi XCII. törvény (il-Liġi Nru XCII tal-2003, dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali) [(Magyar Közlöny 2003/131 (XI. 14.)], fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik”):

“(1)      Id-dritt li tiġi stabbilita t-taxxa jiġi preskritt b’ħames snin mill-aħħar jum tas-sena kalendarja li matulha kellha ssir id-dikjarazzjoni jew notifika dwar din it-taxxa, jew, fl-assenza ta’ tali dikjarazzjoni jew ta’ tali notifika, mill-aħħar jum tas-sena kalendarja li matulha kellha titħallas it-taxxa.

[...]

(5)      F’każ ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-awtorità fiskali, it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt li jiġi stabbilit l-ammont korrett tat-taxxa dovuta jieqaf jiddekorri matul il-perijodu mid-data li fiha d-deċiżjoni tal-awtorità fiskali tat-tieni grad tkun saret definittiva sa dik meta d-deċiżjoni ġudizzjarja tkun saret definittiva u għalhekk, fil-każ ta’ appell, dik li fiha tingħata deċiżjoni dwar dan tal-aħħar.”

8        Il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik ġie abrogat u ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2018, bid-dispożizzjonijiet tal-az adóigazgatási rendtartásról szóló 2017. évi CLI. törvény (il-Liġi Nru CLI tal-2017 li Tirregola l-Amministrazzjoni tat-Taxxa) (Magyar Közlöny 2017/192) fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, u dawk tal-az adózás rendjérġl szóló 2017. évi CL. törvény (il-Liġi Nru CL tal-2017, li tistabbilixxi kodiċi ta’ proċedura fiskali) (Magyar Közlöny 2017/192), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-ġdid”).

9        L-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-ġdid jirriproduċi, essenzjalment, il-kontenut tal-Artikolu 164 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik. Skont dan l-Artikolu 203(3), jekk il-persuna taxxabbli tkun ippreżentat rikors amministrattiv kontenzjuż kontra deċiżjoni tal-awtorità fiskali, it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-ammont korrett tat-taxxa dovuta jiġi sospiż bejn id-data li fiha d-deċiżjoni tal-awtorità fiskali tat-tieni grad tkun saret definittiva u dik meta d-deċiżjoni ġudizzjarja ssir definittiva jew, fil-każ ta’ appell, dik li fiha tingħata deċiżjoni dwar dan tal-aħħar.

10      L-Artikolu 203(7)(c) ta’ dan il-kodiċi l-ġdid jipprevedi li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi estiż bi tnax-il xahar, b’mod partikolari, jekk, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors amministrattiv kontenzjuż ippreżentat kontra deċiżjoni tal-awtorità fiskali, il-qorti adita għandha tordna l-ftuħ ta’ proċedura ġdida.

11      Konformement mal-Artikolu 271(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-ġdid, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi l-ġdid, inklużi dawk tal-Artikolu 203(7)(c) tal-imsemmi kodiċi l-ġdid, għall-proċeduri miftuħa jew ripetuti wara d-dħul fis-seħħ tal-istess kodiċi ġdid.

 Ilġurisprudenza dwar lapplikazzjoni talleġiżlazzjoni dwar issospensjoni tattermini ta’ preskrizzjoni filqasam fiskali

12      Fis-sentenza Kfv.I 35.343/2019/11, il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) indikat, fir-rigward tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni dwar is-sospensjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni fil-qasam fiskali:

“Fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik, huwa l-fatt stess tal-‘stħarriġ ġudizzjarju’, u mhux il-kontenut tad-deċiżjoni li jagħlaq dan, li jikkundizzjona l-applikabbiltà tas-sospensjoni u l-estensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni. L-istħarriġ ġudizzjarju jibda bil-preżentata tar-rikors [...] Ebda effett ġuridiku ex tunc ma jista’ jintrabat ma’ deċiżjoni nulla u bla effett, ladarba din in-nullità tiġi kkonstatata; madankollu, l-awtorità fiskali, minħabba l-istħarriġ ġudizzjarju, tista’ tieħu deċiżjoni xierqa sabiex tipproduċi effetti legali fit-terminu previst f’dan il-kodiċi l-antik.”

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2022, jiġifieri mogħtija wara t-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija) annullat l-Artikolu 271(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-ġdid sa fejn kien jinkludi l-kelma “repetuti”, għar-raġuni, essenzjalment, li dan it-terminu kellu l-effett li jirrendi retroattivament applikabbli għal proċeduri mtennija pendenti, l-estensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 203(7)(c) ta’ dan il-kodiċi l-ġdid.

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

14      Napfény-Toll naqqset mill-ammont tal-VAT li hija kellha tħallas l-ammont tal-VAT dovut fir-rigward ta’ diversi xiri ta’ oġġetti mwettqa matul ix-xahar ta’ Ġunju 2010 kif ukoll bejn ix-xahar ta’ Novembru 2010 u x-xahar ta’ Settembru 2011.

15      Fix-xahar ta’ Diċembru 2011, in-Nemzeti Adó – és Vámhivatal Dél-budapesti Igazgatósága (l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana – Taqsima tat-Taxxa u tad-Dwana tan-naħa ta’ isfel ta’ Budapest, l-Ungerija) bdiet, bħala awtorità fiskali tal-ewwel livell, verifika li ġiet ikkomunikata lil Napfény-Toll fit‑13 ta’ Diċembru 2011.

16      Fi tmiem din il-verifika fiskali, dan id-direttorat qies li parti mill-ammont tat-taxxa li kienet tnaqqset minn Napfény-Toll għall-perijodi kkonċernati ma kellhiex tkun hekk imnaqqsa, peress li l-fatturi invokati għal dan l-għan, għal uħud minnhom, ma kienu jikkorrispondu għal ebda tranżazzjoni ekonomika reali u, għal oħrajn, kienu jipparteċipaw fi frodi fiskali li kienet taf biha Napfény-Toll. Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ottubru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni amministrattiva tal-ewwel grad”), l-imsemmi direttorat eżiġa li Napfény-Toll tħallas arretrati tat-taxxa f’ammont totali ta’ HUF 144 785 000 (forint Ungeriż) (madwar EUR 464 581) u imponitilha multa f’ammont ta’ HUF 108 588 000 (madwar EUR 348 433), u penalità għal dewmien ta’ HUF 46 080 000 (madwar EUR 147 860).

 Lewwel deċiżjoni amministrattiva tattieni grad

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2015, innotifikata fl‑14 ta’ Diċembru segwenti (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni amministrattiva tat-tieni grad”), in-Nemzeti Adó — és Vámhivatal Közép-magyarországi Regionális Adó Fġigazgatósága (l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana — Direttorat Ġenerali tar-Reġjun tal-Ungerija Ċentrali, l-Ungerija, iktar ’il quddiem id-“Direttorat Ġenerali tar-Reġjun tal-Ungerija Ċentrali”), id-Direttorat tal-Appelli tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, li kellu quddiemu lment minn Napfény-Toll, annulla, bħala awtorità amministrattiva fiskali tat-tieni grad, id-deċiżjoni amministrattiva tal-ewwel grad f’dak li jirrigwarda l-penali ta’ dewmien imposta fuq Napfény-Toll u ċaħad il-kumplament ta’ dan l-ilment. Napfeny-Toll ippreżentat rikors kontra l-ewwel deċiżjoni amministrattiva tat-tieni grad.

18      Permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, li saret definittiva fl-istess jum, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest), adita b’rikors ippreżentat mir-rikorrenti, annullat it-tieni deċiżjoni tat-tieni livell u ordnat lill-amministrazzjoni fiskali konvenuta tibda proċedura ġdida. Bħala bażi għas-sentenza tagħha, il-Fġvárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest) indikat li kkonstatat li din l-ewwel deċiżjoni amministrattiva kienet ivvizzjata b’kontradizzjoni ta’ motivi. Fil-fatt, filwaqt li d-deċiżjoni tat-tieni livell kienet tirreferi għal stat ta’ fatti differenti minn dawk ikkonstatati fid-deċiżjoni tal-ewwel livell, din stipulat, fl-istess ħin, li l-awtorità fiskali tal-ewwel livell kienet stabbilixxiet il-fatti b’mod korrett.

 Ittieni deċiżjoni amministrattiva tattieni grad

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Marzu 2018, innotifikata lil Napfény-Toll fis‑7 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell”), id-Direttorat Ġenerali tar-Reġjun tal-Ungerija Ċentrali kkonferma, essenzjalment, id-deċiżjoni amministrattiva tal-ewwel livell. Madankollu, hija naqqset l-ammont tal-penalità għal dewmien imposta fuq Napfény-Toll.

20      Permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, li saret definittiva fl-istess jum, il-Fġvárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest), adita b’rikors ippreżentat minn Napfény-Toll, annullat it-tieni deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell u ordnat il-ftuħ ta’ proċedura ġdida, minħabba li, minn naħa, it-tieni deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell, fl-ewwel jum ta’ xogħol wara l-għoti tas-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2018, kienet tirriproduċi, fil-parti l-kbira kelma b’kelma, l-ewwel deċiżjoni amministrattiva tat-tieni grad, mingħajr madankollu ma wriet sa fejn din it-tieni deċiżjoni amministrattiva kienet tbiddel il-konstatazzjoni stabbilita fid-deċiżjoni amministrattiva tal-ewwel grad, peress li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn din is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2018 kienu biss formali, u, min-naħa l-oħra, it-tieni deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell dejjem kien fiha konstatazzjonijiet kontradittorji fir-rigward tar-realtà tal-operazzjonijiet ikkonċernati.

21      Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, il-Kúria (il-Qorti Suprema), adita minn appell ippreżentat mill-amministrazzjoni fiskali, ikkonfermat fil-mertu s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018 għal żewġ raġunijiet. Minn naħa waħda, sa fejn il-motivazzjoni tat-tieni sentenza tat-tieni livell kienet tirriproduċi dik tal-ewwel deċiżjoni tat-tieni livell, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li l-kien korrett dak li l-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest) kienet ikkonstatat li d-Direttorat Ġenerali tar-Reġjun tal-Ungerija Ċentrali ma kienx ikkonforma ruħu mal-linji gwida stabbiliti b’mod vinkolanti fis-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2018. Ċertament, dan id-Direttorat Ġenerali kellu biss, kif huwa sostna, perijodu żgħir ta’ żmien qabel ma jiġi preskritt id-dritt li tiġi stabbilita t-taxxa u, sussegwentement, l-ammont tal-VAT li jrid jitħallas lura, iżda dan il-fatt ma kienx jeżonerah mill-obbligu li jeżegwixxi l-obbligi legali tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet, bħall-Fġvárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest), li t-tieni deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell kienet ivvizzjata b’kontradizzjoni fil-motivi.

 Ittielet deċiżjoni amministrattiva tattieni livell

22      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ April 2020 (iktar ’il quddiem it-“tielet deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell”), id-Direttorat Ġenerali tar-Reġjun tal-Ungerija Ċentrali kkonferma d-deċiżjoni amministrattiva tal-ewwel livell, filwaqt li emenda l-ammont tal-penalità ta’ dewmien imposta fuq Napfény-Toll. Sabiex jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu, dan id-Direttorat Ġenerali indika li huwa ma kienx ikkonstata l-eżistenza ta’ fatti differenti minn dawk stabbiliti fid-deċiżjoni amministrattiva tal-ewwel livell, li fiha dawn il-fatti kienu ġew stabbiliti korrettament.

23      Napfény-Toll ippreżentat rikors kontra t-tielet deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell quddiem is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija), il-qorti tar-rinviju, minħabba li, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-Artikolu 164(1) u (5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik, id-dritt tal-awtorità fiskali li tistabbilixxi l-ammonti ta’ VAT li għandhom jitħallsu lura jiġi preskritt wara ħames snin mill-aħħar jum tas-sena kalendarja li matulha jkunu saru d-dikjarazzjoni jew il-komunikazzjoni relatata ma’ din it-taxxa kellha ssir jew, fl-assenza ta’ tali dikjarazzjoni jew notifika, mill-aħħar jum tas-sena kalendarja li matulha kellha titħallas l-imsemmija taxxa. Issa, id-dritt tal-awtorità fiskali li tistabbilixxi l-ammonti tal-VAT li għandhom jitħallsu għall-perijodi kkonċernati ntemm qabel id-data tal-adozzjoni tat-tielet deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell. Fil-fatt, Napfény-Toll hija tal-fehma li l-adozzjoni repetuta ta’ deċiżjonijiet tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-preskrizzjoni hija intiża sabiex tipproteġi. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, fil-kawża prinċipali, jekk it-tieni ftuħ ta’ proċedura ġdida seħħ, dan kien minħabba l-fatt li d-Direttorat Ġenerali tar-Reġjun tal-Ungerija Ċentrali ma kienx ikkonforma ruħu mal-linji gwida li jinsabu fl-ewwel deċiżjoni ġudizzjarja. Huwa għalhekk minħabba n-nuqqas ta’ dan id-Direttorat Ġenerali li l-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali estendiet ruħha għal kważi għaxar snin mill-bidu tal-kontroll fiskali nnotifikat lil Napfeny-Toll.

24      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 164(5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik ma jipprevedix limitazzjoni tan-numru ta’ drabi li l-amministrazzjoni fiskali tkun tista’ tirrepeti proċedura fiskali jew tat-tul totali tas-sospensjoni ta’ din il-proċedura. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema), il-preskrizzjoni hija sospiża matul it-tul kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ din l-amministrazzjoni. Konsegwentement, ma hemmx limitazzjoni tat-tul ta’ żmien tas-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni f’każ ta’ stħarriġ ġudizzjarju, b’tali mod li d-dritt tal-awtorità fiskali li tistabbilixxi l-ammonti ta’ VAT li għandhom jitħallsu lura jista’ jiġi estiż b’diversi snin, jiġifieri, f’każijiet estremi, b’għexieren ta’ snin. Għal din ir-raġuni, il-qorti tar-rinviju għandha dubju f’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-prattika amministrattiva relatata magħha mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività.

25      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni quddiemha u li tagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività, li jagħmlu parti mid-dritt [tal-Unjoni], għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tħalli lill-imħallef ebda marġni ta’ diskrezzjoni, bħal dik tal-Artikolu 164(5) tal-[tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-antik], kif ukoll il-prattika li hija bbażata fuq din il-leġiżlazzjoni, li abbażi tagħhom, fil-qasam [tal-VAT], it-terminu li permezz tiegħu jiġi preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi t-taxxa huwa sospiż għat-tul kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, ikun xi jkun in-numru ta’ proċeduri fiskali amministrattivi rrepetuti, mingħajr limitu għat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet meta jsiru diversi stħarriġ ġudizzjarju wara xulxin, inkluż fil-każ fejn il-qorti li tiddeċiedi dwar deċiżjoni tal-awtorità fiskali meħuda fil-kuntest ta’ proċedura rrepetuta wara deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti tikkonstata li l-awtorità fiskali ma kkonformatx ruħha mad-direttivi li jinsabu f’din id-deċiżjoni ġudizzjarja, fi kliem ieħor, meta l-proċedura ġudizzjarja l-ġdida tkun seħħet minħabba l-awtorità ġudizzjarja?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

26      Wara li tressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Mejju 2022, kopja tad-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑25 ta’ Jannar 2022 li permezz tagħha din tal-aħħar annullat l-Artikolu 271(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-ġdid, peress li din id-dispożizzjoni kienet tinkludi t-terminu “repetuti”, kif ukoll kopja tat-tieni deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali), ukoll f’dan is-sens, datata fis‑26 ta’ April 2022.

27      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-qorti tar-rinviju tikkonferma, fid-dawl ta’ ċerti indikazzjonijiet li din tal-aħħar kienet inizjalment ipprovdiet, li, wara d-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) li tannulla l-Artikolu 271(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali l-ġdid sa fejn din id-dispożizzjoni kienet tinkludi l-kelma “repetuti”, il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx, fi kwalunkwe każ, preskritta.

28      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Lulju 2022, il-qorti tar-rinviju indikat, essenzjalment, li din id-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) kellha sempliċement bħala effett li jiġi preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-ammont tal-VAT miġbura li għandu jitħallas lura fir-rigward tas-sena fiskali 2010. Għall-kuntrarju, f’dak li jirrigwarda s-sena fiskali 2011, jekk il-kawża tal-amministrazzjoni fiskali hijiex preskritta jew le tiddependi mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq iddomanda preliminari

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u l-prattika amministrattiva relatata magħhom, li bis-saħħa tagħhom, fil-qasam tal-VAT, it-terminu li fih huwa preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi din it-taxxa jiġi sospiż matul il-perijodu kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, indipendentement min-numru ta’ drabi li l-istess proċedura fiskali amministrattiva kellha tiġi rrepetuta wara dawn il-kontrolli u mingħajr limitazzjoni tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet ta’ dan it-terminu, inkluż fil-każ fejn il-qorti li tiddeċiedi dwar deċiżjoni tal-awtorità fiskali kkonċernata meħuda fil-kuntest ta’ proċedura rrepetuta wara deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti tikkonstata li din l-awtorità tat-taxxa ma kkonformatx ruħha mal-linji gwida li jinsabu f’din id-deċiżjoni ġudizzjarja.

30      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-istat tad-dritt attwali tal-Unjoni, dan tal-aħħar la jistabbilixxi terminu li fih jiġi preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT, u lanqas ma jispeċifika, a fortiori, il-każijiet li fihom tali terminu għandu jiġi sospiż.

31      Ċertament, ir-Regolament Nru 2988/95, invokat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jistabbilixxi ċerti rekwiżiti fil-qasam tal-kalkolu u tas-sospensjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-irregolaritajiet imsemmija f’dan ir-regolament. Madankollu, mill-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan tal-aħħar japplika biss fil-każ ta’ preġudizzju kkawżat lill-baġit tal-Unjoni minħabba t-tnaqqis jew it-tneħħija ta’ dħul li joriġina minn riżorsi proprji “miġbura direttament għan-nom tal-(Unjoni)”. Issa, għalkemm mill-premessa 8 tad-Direttiva 2006/112 u mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2007/436 jirriżulta li, jikkostitwixxi riżorsi proprji tal-Unjoni, id-dħul provenjenti mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażi armonizzata tal-VAT, b’tali mod li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, teżisti rabta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni applikabbli u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi mill-VAT korrispondenti (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26), xorta jibqa’ l-fatt li l-VAT ma tistax titqies li hija pperċepita direttament għan-nom tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95.

32      Fil-fatt, minn naħa, din it-taxxa tinġabar mill-persuni taxxabbli u, sussegwentement, titħallas biss minn dawn tal-aħħar lill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad‑29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 197), ir-riżorsi proprji tal-Unjoni bbażati fuq il-VAT ma jikkonsistux biss f’perċentwali tad-dħul mill-imsemmija taxxa effettivament miġbura, iżda jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi tal-VAT tal-Istati Membri, hija stess ikkalkolata konformement mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament u suġġetta għal diversi aġġustamenti previsti mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

33      F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-applikabbiltà tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fil-Lussemburgu fis‑26 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 57) għall-każijiet ta’ frodi li jikkonċernaw d-dħul li joriġina mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni. Madankollu, l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni ma jinkludix preċiżament, kuntrarjament għall-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, il-kundizzjoni dwar il-ġbir dirett tad-dħul ikkonċernat f’isem l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 41).

34      Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu u japplikaw regoli ta’ preskrizzjoni fil-qasam tad-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li għandhom jistabbilixxu l-VAT dovuta, inklużi dawk dwar il-modalitajiet ta’ sospensjoni u/jew ta’ interruzzjoni ta’ din il-preskrizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export(C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 45).

35      Madankollu, għalkemm l-istabbiliment u l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom jeżerċitaw tali kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, li jeżiġi l-iffissar ta’ termini raġonevoli li jipproteġu kemm lill-persuna taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata. (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert, C‑89/10 u C‑96/10, EU:C:2011:555, punt 36).

36      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, applikabbli għat-talbiet għar-rimbors tal-VAT miġbura żejda u li jibda jiddekorri mill-aħħar tas-sena kalendarja li matulha t-terminu ta’ ħlas tat-taxxa jkun skada, kien konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Caterpillar Financial Services, C‑500/16, EU:C:2017:996, punt 43).

37      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT dovuta li, bħal fil-kawża prinċipali, jibda jiddekorri matul ħames snin mill-aħħar jum tas-sena kalendarja li matulha kellha ssir id-dikjarazzjoni jew in-notifika relatata ma’ din it-taxxa, jew, fl-assenza ta’ tali dikjarazzjoni jew ta’ tali notifika, mill-aħħar jum tas-sena kalendarja li matulha kellha titħallas it-taxxa, għandu, b’analoġija, jitqies li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni.

38      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li tali terminu ta’ preskrizzjoni jkun jista’ jiġi sospiż matul it-tul kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju.

39      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li, għal dan l-għan, għandu jiġi osservat mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-kompetenzi msemmija fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑20 ta’ Mejju 2021, BTA Baltic Insurance Company, C‑230/20, mhux ippubblikata, EU:C:2021:410, punt 45).

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi u jeżiġi, b’mod partikolari, li s-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-amministrazzjoni fiskali jew doganali ma tkunx tista’ tiġi kkontestata b’mod indefinit (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jimplika, sabiex din il-persuna taxxabbli tkun tista’ tinvoka b’mod utli l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju, li din il-persuna tkun tista’ tinvoka sitwazzjoni legali partikolari.

41      Issa, peress li qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst għal dan l-għan, l-amministrazzjoni fiskali nnotifikat lill-persuna taxxabbli kkonċernata bl-intenzjoni tagħha li teżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni fiskali ta’ din tal-aħħar u, għalhekk, impliċitament, li tirtira d-deċiżjoni tagħha li taċċetta d-dikjarazzjoni tagħha, din il-persuna taxxabbli ma tistax iktar tinvoka s-sitwazzjoni li nħolqot abbażi ta’ din id-dikjarazzjoni, b’tali mod li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jistax, f’tali ipoteżi u fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi oħra, jinkiser (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Cabinet Medical Veterinar Dr. Tomoiagă Andrei, C‑144/14, EU:C:2015:452, punt 40).

42      Barra minn hekk, peress li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma humiex assoluti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn jiġu bbilanċjati mar-rekwiżiti l-oħra inerenti għas-sħubija tagħhom fl-Unjoni, b’mod partikolari dawk imfakkra fl-Artikolu 4(3) TUE, li jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn trattati jew minn atti adottati mill-istituzzjonijiet b’applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk, ir-regoli nazzjonali li jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT dovuta għandhom jitfasslu b’mod li jintlaħaq bilanċ bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti inerenti għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju u, min-naħa l-oħra, dawk li jippermettu l-implimentazzjoni effettiva u effikaċi tad-Direttiva 2006/112, peress li dan il-bilanċ għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tas-sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punti 49 u 50).

43      Issa, għalkemm leġiżlazzjoni nazzjonali u prattika amministrattiva, bħal dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju, li l-prevedibbiltà tal-applikazzjoni tagħha fir-rigward ta’ persuni li jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri amministrattivi ma hijiex ikkontestata fil-kawża prinċipali, jistgħu jwasslu għal estensjoni tat-tul ta’ tali terminu ta’ preskrizzjoni, dawn madankollu ma humiex ta’ natura, bħala prinċipju, li jirrendu s-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli kkonċernati li tista’ tiġi kkontestata b’mod indefinit. Min-naħa l-oħra, tali sospensjoni tippermetti li jiġi evitat li l-implimentazzjoni effettiva u effikaċi tad-Direttiva 2006/112 ma tkunx tista’ tiġi pperikolata mill-preżentata ta’ rikorsi dilatorji u, konsegwentement, li din tkun kompromessa minħabba riskju sistemiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu ksur ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C-308/19, EU:C:2021:47, punti 53 u 56).

44      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali u prattika amministrattiva li tipprevedi li t-terminu li fih jiġi preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT jiġi sospiż matul il-perijodu kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, u dan indipendentement min-numru ta’ drabi li l-proċedura fiskali amministrattiva kkonċernata kellha tiġi rrepetuta wara dawn il-kontrolli u mingħajr limitazzjoni tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet ta’ dan it-terminu.

45      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, invokat ukoll mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, għandu jitfakkar li dan jirregola, mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li l-osservanza tiegħu ma ġietx ikkontestata mill-imsemmija qorti, l-awtonomija proċedurali li jgawdu minnha l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-drittijiet li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jagħti lill-individwi, meta d-dritt tal-Unjoni ma jinkludix leġiżlazzjoni speċifika f’dan ir-rigward.

46      Issa, ir-regoli tad-dritt nazzjonali dwar it-termini li fihom jiġu imposti d-drittijiet u l-obbligi previsti mid-Direttiva 2006/112, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni ta’ dawn it-termini, jikkostitwixxu modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u għalhekk huma, f’dan ir-rigward, suġġetti għall-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Caterpillar Financial Services, C‑500/16, EU:C:2017:996, punt 37; tas‑26 ta’ April 2018, Zabrus Siret C‑81/17, EU:C:2018:283, punt 38; tal‑14 ta’ Frar 2019, Nestrade, C‑562/17, EU:C:2019:115, punt 35, u tat‑23 ta’ April 2020, Sole-Mizo et Dalmandi Mezőgazdasági, C‑13/18 u C‑126/18, EU:C:2020:292, punt 53), fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat f’dan il-każ.

47      Skont il-prinċipju ta’ effettività, ir-regoli proċedurali ma għandhomx ikunu tali li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 28, u tat‑28 ta’ Ġunju 2022, IlKummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur), C‑278/20, EU:C:2022:503, punt 33).

48      Madankollu, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattika amministrattiva nazzjonali tipprevedi li t-terminu li fih jiġi preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT huwa sospiż matul il-perijodu kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, ikun xi jkun in-numru ta’ drabi li l-proċedura fiskali amministrattiva kellha tiġi rrepetuta wara dawn il-kontrolli u mingħajr limitazzjoni tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet ta’ dan it-terminu, ma huwiex ta’ natura li jirrendi prattikament impossibbli jew, tal-inqas, eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

49      Fil-fatt, is-sospensjoni tat-terminu li fih jiġi preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi din it-taxxa matul il-perijodu kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju bl-ebda mod ma tipprekludi lil din il-persuna taxxabbli milli tinvoka d-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2006/112, iżda hija intiża, għall-kuntrarju, sabiex tippermetti lill-imsemmija persuna taxxabbli tinvoka b’mod utli d-drittijiet li hija għandha taħt id-dritt tal-Unjoni, filwaqt li tippreżerva dawk tal-amministrazzjoni fiskali.

50      Barra minn hekk, f’dan il-każ, mid-deskrizzjoni tal-fatti li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħet tippreżenta rikorsi kontra d-deċiżjonijiet meħuda suċċessivament mill-amministrazzjoni fiskali u, f’dawn l-okkażjonijiet imġedda, tinvoka d-drittijiet li hija tislet mid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, minkejja l-eżistenza tal-leġiżlazzjoni u tal-prattika amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din ir-rikorrenti setgħet tinvoka, abbażi tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-obbligu, għall-Istati Membri, li jipprevedu terminu raġonevoli ta’ preskrizzjoni li fih din l-amministrazzjoni tista’ tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami tas-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli. Għalhekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, u dan ġie kkonfermat, barra minn hekk, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kemm mill-Gvern Ungeriż kif ukoll mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li d-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT dovuta fuq it-tranżazzjonijiet li seħħew fix-xahar ta’ Ġunju 2010 spiċċa, mingħajr ma din ħarġet avviż ta’ reviżjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112.

51      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ effettività lanqas ma jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali u prattika amministrattiva li tipprevedi li t-terminu li fih huwa preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi l-VAT huwa sospiż matul it-tul kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, u dan irrispettivament min-numru ta’ drabi li l-proċedura fiskali amministrattiva kkonċernata kellha tiġi rrepetuta wara dawn il-kontrolli u mingħajr limitazzjoni tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet ta’ dan it-terminu.

52      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 sa 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-fatt li la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludu tali leġiżlazzjoni u tali prattika amministrattiva ma jeskludix li, jekk ikun il-każ, id-dritt tal-Unjoni jimponi li jinsiltu ċerti konsegwenzi mir-repetizzjoni ta’ numru eċċessiv ta’ proċeduri fiskali qabel ma tasal għal deċiżjoni konformi mad-Direttiva 2006/112 jew tan-natura eċċessiva tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet tat-terminu li fih huwa previst dan id-dritt tal-awtorità fiskali.

53      Fil-fatt, meta amministrazzjoni nazzjonali timplimenta d-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ persuna, din tal-aħħar tgawdi, skont id-dritt għal amministrazzjoni tajba li jirrifletti prinċipju tad-dritt tal-Unjoni, mid-dritt li s-sitwazzjoni tagħha tiġi ttrattata f’terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Agrobet CZ, C‑446/18, EU:C:2020:369, punt 43), u sussegwentement, fil-każ ta’ rimedju ġudizzjarju, tad-dritt li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-kawża tagħha tiġi deċiża wkoll f’terminu raġonevoli.

54      Konsegwentement, ladarba tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami tas-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli fid-dawl tar-regoli tas-sistema komuni tal-VAT, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jeżiġu li t-tul ta’ tali eżami mill-ġdid u, jekk ikun il-każ, stħarriġ ġudizzjarju sussegwenti, ma jkunux irraġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża.

55      Issa, għalkemm kull tentattiv li ma rnexxiex tal-amministrazzjoni fiskali li tikkonforma ruħha ma’ deċiżjoni ġudizzjarja li tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u, sussegwentement, l-estensjoni tat-tul tal-proċedura amministrattiva li rriżultat minnha ma jistax jikkaratterizza ksur tad-dritt tal-Unjoni, dan jista’ jkun il-każ, min-naħa l-oħra, meta din il-proċedura amministrattiva kellha tiġi rrepetuta minħabba l-ksur manifest, minn din l-amministrazzjoni, ta’ motiv deċiżiv ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tirrigwarda l-imsemmija proċedura amministrattiva, sakemm dan il-motiv ikun ġie ddikjarat b’mod ċar u espliċitu f’din id-deċiżjoni ġudizzjarja.

56      Madankollu, għandu jitfakkar li t-tul eċċessiv ta’ proċedura, kemm jekk ikun amministrattiv jew ġudizzjarju, jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiemha biss fil-każ fejn dan it-tul kellu effett fuq il-kapaċità tal-persuna kkonċernata li tiddefendi ruħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punt 81, u tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs IlKummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punt 84).

57      Sa fejn, matul it-terminu ta’ preskrizzjoni, il-persuni taxxabbli għandhom jistennew li s-sitwazzjoni legali tagħhom li tkun irriżultat abbażi tad-dikjarazzjoni tagħhom tista’ tiġi kkontestata, u sussegwentement, meta l-amministrazzjoni fiskali tinformahom bil-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ eżami ta’ din is-sitwazzjoni, li huma jistgħu jkollhom jiġġustifikaw l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni fiskali tagħhom u, fl-aħħar nett, meta jippreżentaw rikors kontra l-avviż ta’ reviżjoni maħruġ fi tmiem din il-proċedura, li għandhom jistabbilixxu l-fondatezza tal-allegazzjoni tagħhom permezz ta’ produzzjoni ta’ provi, huma għandhom jiżguraw li jżommu d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti kollha relatati mad-dikjarazzjoni tagħhom sakemm id-deċiżjonijiet ta’ tassazzjoni jsiru definittivi. Minħabba r-rwol predominanti tad-dikjarazzjoni u l-provi dokumentali fis-sistema komuni tal-VAT sabiex tiġi stabbilita l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet tal-persuni taxxabbli, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li jista’ jiġi stabbilit li t-tul eċċessiv ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja jista’ jaffettwa l-kapaċità tal-persuna kkonċernata li tiddefendi ruħha.

58      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-evalwazzjoni tal-validità tat-tielet deċiżjoni amministrattiva tat-tieni livell mill-qorti tar-rinviju tiddependi esklużivament fuq provi mhux koperti mill-obbligu mfakkar fil-punt preċedenti u li, minħabba r-repetizzjoni tal-proċeduri fiskali jew tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet tat-terminu ta’ preskrizzjoni, minn dak iż-żmien ma baqgħux jeżistu.

59      Madankollu, hija din il-qorti li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi tal-każ, dawn id-diversi repetizzjonijiet tal-proċedura amministrattiva u sospensjonijiet tat-terminu ta’ preskrizzjoni jistgħux jikkaratterizzaw nuqqas, mill-amministrazzjoni fiskali jew mill-qrati nazzjonali, tal-obbligi tagħhom, rispettivament, ta’ amministrazzjoni tajba u li tiddeċiedi f’terminu raġonevoli li kellu, barra minn hekk, effett fuq il-kapaċità tal-persuna kkonċernata li tiddefendi ruħha.

60      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u l-prattika amministrattiva relatata magħhom, li skonthom, fil-qasam tal-VAT, it-terminu li fih huwa preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi din it-taxxa huwa sospiż matul il-perijodu kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, indipendentement min-numru ta’ drabi li fih il-proċedura fiskali amministrattiva kellha tiġi rrepetuta wara dawn il-kontrolli u mingħajr limitazzjoni tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet ta’ dan it-terminu, inkluż fil-każ fejn il-qorti li tiddeċiedi dwar deċiżjoni tal-awtorità fiskali kkonċernata meħuda fil-kuntest ta’ proċedura rrepetuta, wara deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti, tikkonstata li din l-awtorità fiskali ma kkonformatx ruħha mal-linji gwida li jinsabu f’din id-deċiżjoni ġudizzjarja.

 Fuq lispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u l-prattika amministrattiva relatata magħhom, li skonthom, fil-qasam tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT), it-terminu li fih huwa preskritt id-dritt tal-amministrazzjoni fiskali li tistabbilixxi din it-taxxa huwa sospiż matul il-perijodu kollu tal-istħarriġ ġudizzjarju, indipendentement min-numru ta’ drabi li fih il-proċedura fiskali amministrattiva kellha tiġi rrepetuta wara dawn il-kontrolli u mingħajr limitazzjoni tat-tul akkumulat tas-sospensjonijiet ta’ dan it-terminu, inkluż fil-każ fejn il-qorti li tiddeċiedi dwar deċiżjoni tal-awtorità fiskali kkonċernata meħuda fil-kuntest ta’ proċedura rrepetuta, wara deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti, tikkonstata li din l-awtorità fiskali ma kkonformatx ruħha mal-linji gwida li jinsabu f’din id-deċiżjoni ġudizzjarja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.