-

Printed via the EU tax law app / web

C_2021128MT.01002401.xml

12.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/24


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės (il-Litwanja) fid-29 ta’ Jannar 2021 – “ARVI” ir ko UAB vs Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

(Kawża C-56/21)

(2021/C 128/30)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent:“ARVI” ir ko UAB

Konvenut: Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

Domandi preliminari

1)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha persuna rreġistrata għall-finijiet tal-VAT tista’ tagħżel biss li tieħu inkunsiderazzjoni VAT fuq il-[provvista ta’] proprjetà immobbli eżentata fil-każ li din il-proprjetà tiġi ttrasferita lil persuna taxxabbli li, fil-mument meta tiġi konkluża t-tranżazzjoni, tkun persuna rreġistrata għall-finijiet tal-VAT, tikkonforma mal-Artikolu 135 u mal-Artikolu 137 tad-Direttiva dwar il-VAT (1) u mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività?

2)

F’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-fornitur ta’ proprjetà immobbli huwa obbligat li jaġġusta t-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq din il-proprjetà immobbli, peress li l-fornitur ikun għażel li jissuġġetta din il-provvista għall-VAT meta din l-għażla tkun eskluża mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-unika raġuni li x-xerrej ma jkollux l-istatus ta’ persuna rreġistrata għall-finijiet tal-VAT, tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT li jirregolaw id-dritt tal-fornitur għat-tnaqqis u għall-aġġustament kif ukoll għall-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività tal-VAT?

3)

Prattika amministrattiva li bis-saħħa tagħha, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-fornitur ta’ proprjetà immobbli għandu l-obbligu ta’ aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq l-akkwist jew il-produzzjoni ta’ dan il-proprjetà immobbli, minħabba li din it-tranżazzjoni hija kkunsidrata bħala provvista ta’ proprjetà immobbli eżentata minħabba l-assenza tad-dritt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-VAT fuqha (peress li x-xerrej ma jkollux numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT fil-mument meta ġiet konkluża t-tranżazzjoni), meta x-xerrej kien diġà talab numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT qabel ma tkun ġiet konkluża t-tranżazzjoni u li jkun ġie rreġistrat għall-finijiet tal-VAT xahar wara dan, tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT dwar id-dritt tal-fornitur għat-tnaqqis tal-VAT u għall-aġġustament kif ukoll għall-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività tal-VAT? F’dan il-każ, huwa rilevanti li jiġi ddeterminat jekk ix-xerrej tal-proprjetà immobbli, irreġistrat għall-finijiet tal-VAT wara t-tranżazzjoni, fil-fatt uża l-proprjetà akkwistata fil-kuntest ta’ attività suġġetta għall-VAT u li ma hemm ebda prova ta’ frodi jew ta’ abbuż?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).