-

Printed via the EU tax law app / web

C_2021513MT.01001601.xml

20.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 513/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (ir-Rumanija) fl-24 ta’ Awwissu 2021 – ASA vs DGRFP Cluj

(Kawża C-519/21)

(2021/C 513/24)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Cluj

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: ASA

Konvenut: DGRFP Cluj

Partijiet li qed jidhru bħala garanti: BP, MB

Domandi preliminari

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), b’mod ġenerali, iżda wkoll l-Artikoli 9, 12, 14, 62, 63, 65, 73 u 78 tagħha, b’mod partikolari, jistgħu jiġu interpretati f’kuntest speċifiku bħal dak tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fis-sens li:

fid-dawl tal-fatt li l-fatt taxxabbli seħħ fil-każ ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli li jinvolvu l-kunsinna ta’ proprjetà immobbli u fid-dawl tal-mod li bih huwa fformat il-valur taxxabbli relatat, għandhom ukoll l-istatus ta’ persuna taxxabbli l-persuni fiżiċi li huma parti f’kuntratt ta’ assoċjazzjoni mingħajr personalità ġuridika [konkluż] flimkien mal-persuna taxxabbli li hija meħtieġa tħallas it-taxxa tal-output relatata mat-tranżazzjonijiet li kellha tirċievi, meta l-kuntratt ta’ assoċjazzjoni ma kienx irreġistrat mal-awtoritajiet tat-taxxa qabel il-bidu tal-attività, iżda li ġie ppreżentat lilhom qabel il-ħruġ tal-atti amministrattivi fiskali?

2)

Id-Direttiva 2006/112, b’mod ġenerali, iżda wkoll l-Artikolu 167, l-Artikolu 168(a), l-Artikolu 178(a), u l-Artikolu 179 tagħha, b’mod partikolari, u l-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ newtralità jistgħu jiġu interpretati, f’kuntest speċifiku bħal dak tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fis-sens li:

a)

jirrikonoxxu l-possibbiltà li jingħata d-dritt għal tnaqqis lil persuna taxxabbli, sakemm hija ma kinitx responsabbli għall-ħlas tat-taxxa jew ma ħallsitx personalment il-VAT tal-input għal oġġetti u servizzi użati fi tranżazzjonijiet taxxabbli, f’sitwazzjoni fejn il-VAT kienet dovuta/tħallset bil-quddiem minn persuni fiżiċi li ma jkunux tqiesu bħala persuna taxxabbli, iżda li huma parti f’kuntratt ta’ assoċjazzjoni mingħajr personalità ġuridika [konkluż] flimkien mal-persuna taxxabbli li hija meħtieġa tħallas it-taxxa tal-output relatata mat-tranżazzjonijiet li kellha tirċievi, meta l-kuntratt ta’ assoċjazzjoni ma kienx irreġistrat mal-awtoritajiet tat-taxxa qabel il-bidu tal-attività;

b)

jirrikonoxxu l-possibbiltà li jingħata d-dritt għal tnaqqis lil persuna taxxabbli, f’kuntest speċifiku bħal dak tat-tilwima fil-kawża prinċipali, sakemm hija ma kinitx responsabbli għall-ħlas tat-taxxa jew ma ħallsitx personalment il-VAT tal-input għal oġġetti u servizzi użati fi tranżazzjonijiet taxxabbli, f’sitwazzjoni fejn il-VAT kienet dovuta/tħallset bil-quddiem minn persuna fiżika li titqies bħala persuna taxxabbli, li hija parti f’kuntratt ta’ assoċjazzjoni mingħajr personalità ġuridika li ma kienx irreġistrat mal-awtoritajiet tat-taxxa qabel il-bidu tal-attività u li, flimkien mal-persuna taxxabbli, tfittex ukoll li teżerċita jew tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis, u dan f’sitwazzjoni fejn dawn ikunu mitluba jħallsu t-taxxa tal-output li kellhom jirċievu?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv u/jew fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali:

hija ammissibbli talba mill-persuna taxxabbli, li fir-rigward tagħha hemm l-obbligu ta’ ħlas tal-VAT u ta’ spejjeż relatati, sabiex tieħu azzjoni kontra persuni fiżiċi li l-istatus tagħhom bħala persuna taxxabbli ma jkunx ġie stabbilit u li huma partijiet f’kuntratt ta’ assoċjazzjoni mingħajr personalità ġuridika [konkluż] flimkien mal-persuna taxxabbli li hija meħtieġa tħallas it-taxxa tal-output relatata mat-tranżazzjonijiet li kellha tirċievi, meta l-kuntratt ta’ assoċjazzjoni ma kienx irreġistrat mal-awtoritajiet tat-taxxa qabel il-bidu tal-attività, sabiex jinkiseb is-sehem previst skont il-qsim tal-profitti li jirriżulta mill-kuntratt ta’ assoċjazzjoni, fir-rigward tal-obbligi tal-ħlas tal-VAT u tal-ispejjeż relatati imposti fuq il-persuna taxxabbli?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.