-

Printed via the EU tax law app / web

C_2022266MT.01001602.xml

11.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 266/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fit-3 ta’ Mejju 2022 – A.T.S. 2003 Vagyonvédelmi és Szolgáltató Zrt. (fi stralċ) vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-289/22)

(2022/C 266/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A.T.S. 2003 Vagyonvédelmi és Szolgáltató Zrt. (fi stralċ)

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 167 u l-Artikolu 168(a) kif ukoll l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”) għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk l-awtorità tat-taxxa tikkonstata fir-rigward ta’ xi membru ta’ katina ta’ provvisti ksur tar-regoli speċjali dwar il-provvisti assunti permezz tal-kuntratt konkluż mal-persuna taxxabbli jew permezz tal-ftehimiet konklużi bejn il-membri tal-katina, jew ksur ta’ kwalunkwe regola oħra, tali konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tikkkostitwixxi fatt fih innifisu biżżejjed, bħala element oġġettiv, sabiex juri l-eżistenza ta’ frodi fiskali, anki meta l-attività tal-membri tal-katina tkun legali fl-aspetti kollha, jew l-awtorità tat-taxxa, anki f’dan il-każ, għandha tispeċifika f’hiex jikkonsisti l-frodi fiskali, kif ukoll minn min mill-membri tal-katina u permezz ta’ liema aġir dan ikun twettaq? F’dan il-kuntest, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-awtorità tat-taxxa għandha teżamina r-rabta kawżali bejn in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi regolatorji li jirregolaw l-attività ekonomika u d-dritt għal tnaqqis tal-persuna taxxabbli, b’mod li biss fil-każ li tiġi pprovata din ir-rabta jkun jista’ jiġi miċħud fir-rigward tal-persuna taxxabbli d-dritt tagħha li tnaqqas il-VAT?

2)

Fid-dawl tal-artikoli ċċitati tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll tad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit bħala prinċipju ġenerali tad-dritt fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipji fundamentali ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, il-persuna taxxabbli tista’ tkun meħtieġa, fil-kuntest tal-obbligu ġenerali tagħha ta’ verifika, tivverifika jekk il-membri preċedenti tal-katina wettqux l-obbligi stabbiliti permezz tar-regoli speċjali għall-eżekuzzjoni tal-provvisti ffatturati u r-rekwiżiti sabiex joperaw legalment? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, dan huwa obbligu kontinwu tal-persuna taxxabbli tul ir-relazzjoni ġuridika jew, inkella, b’liema frekwenza hija għandha twettqu?

3)

L-Artikolu 167 u l-Artikolu 168(a) kif ukoll l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk il-persuna taxxabbli tikkonstata li xi membru preċedenti tal-katina jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, jitnissel għall-persuna taxxabbli d-dmir li ma teżerċitax id-dritt tagħha għat-tnaqqis tal-VAT sostnuta f’dan il-każ, bil-konsegwenza li l-applikazzjoni tat-tnaqqas tal-VAT tkun tikkwalifika bħala evitar tat-taxxa?

4)

L-artikoli ċċitati tad-Direttiva dwar il-VAT, f’relazzjoni mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, waqt l-eżami u l-klassifika tan-natura frawdolenti tal-katina, kif ukoll waqt id-determinazzjoni tal-fatti rilevanti u l-evalwazzjoni tal-provi relatati, l-awtorità tat-taxxa ma tistax tinjora d-dispożizzjonijiet tar-regoli speċjali dwar il-provvisti ffatturati, b’mod partikolari r-regoli li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet?

5)

Hija konformi mal-artikoli ċċitati tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll mad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit bħala prinċipju ġenerali tad-dritt fl-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali, prassi tal-awtorità tat-taxxa li tikkonsisti f’li, waqt verifika tad-dritt għal tnaqqis relatat ma’ operazzjoni ekonomika mwettqa fl-eżerċizzju ta’ attività ta’ provvista ta’ servizzi, l-eżistenza reali ta’ din l-operazzjoni ekonomika, murija permezz ta’ fatturi, kuntratti u dokumenti ġustifikattivi oħra ta’ kontabbiltà, tista’ tiġi kkonfutata abbażi tal-konstatazzjonijiet imwettqa mill-awtorità ta’ investigazzjoni matul l-investigazzjoni, tad-dikjarazzjonijiet iddepożitati matul l-investigazzjoni mill-persuni investigati, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet ta’ testimonjanza mogħtija mill-ħaddiema kkuntrattati permezz ta’ impriżi ta’ xogħol temporanju dwar x’jaħsbu dwar ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, kif jikklassifikawha ġuridikament u min huma jqisu li teżerċita bħala persuna li timpjega?

6)

Hija kompatibbli mal-artikoli ċċitati tad-Direttiva dwar il-VAT, u hija wkoll konformi mad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit bħala prinċipju ġenerali tad-dritt fl-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali, prassi tal-awtorità tat-taxxa li tikkonsisti f’li l-għażla tal-persuna taxxabbli li twettaq l-attività ekonomika tagħha b’mod li jippermettilha tnaqqas bl-iktar mod possibbli l-ispejjeż tagħha tikklassifika bħala eżerċizzju illegali tad-dritt u, abbażi ta’ dan, l-awtorità tat-taxxa teżerċita d-dritt tagħha li tikklassifika mill-ġdid il-kuntratti b’tali mod li toħloq kuntratt bejn partijiet li qabel ma kinux marbuta kuntrattwalment?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.