-

Printed via the EU tax law app / web

C_2022303MT.01001402.xml

8.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/14


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fil-11 ta’ Mejju 2022 – “Consortium Remi Group” AD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

(Kawża C-314/22)

(2022/C 303/20)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent:“Consortium Remi Group” AD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

Domandi preliminari

1)

Fil-każ li jkun hemm deroga fis-sens tal-Artikolu 90(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), il-prinċipju ta’ newtralità u l-Artikolu 90 tad-Direttiva 2006/112 jippermettu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 129(1) tad-Danachno-osiguritelen protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura fi Kwistjonijiet Fiskali u tas-Sigurtà Soċjali), li tistabbilixxi terminu ta’ dekadenza għat-tressiq ta’ talba għat-tpaċija jew għar-rimbors tat-taxxa imposta [mill-persuna taxxabbli] fuq il-provvista ta’ prodotti jew ta’ servizzi fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali mid-destinatarju tal-provvista?

2)

Irrispettivament mir-risposta għall-ewwel domanda, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-aġġustament tal-fattura fiskali [mill-persuna taxxabbli] fir-rigward tal-VAT dovuta, minħabba n-nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali tal-prezz tal-provvista ta’ prodotti jew ta’ servizzi min-naħa tad-destinatarju indikat fil-fattura, qabel it-tressiq tat-talba għal rimbors, jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għar-rikonoxximent tad-dritt għat-tnaqqis tal-ammont taxxabbli skont l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112?

3)

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel żewġ domandi, kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112 għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-mument li fih iseħħu r-raġunijiet li jippermettu t-tnaqqis tal-ammont taxxabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali tal-prezz u fil-każ li ma jkunx hemm dispożizzjoni nazzjonali li tirregola din il-kwistjoni minħabba d-deroga prevista fl-Artikolu 90(1)?

4)

Kif għandhom jiġu interpretati l-motivi tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2017, Enzo di Maura (punti 21 sa 27) (2) u tas-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2019, “UniCredit Leasing” EAD (punti 62 u 65) (3) fl-assenza ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 90(2) tad-Direttiva 2006/112 fil-leġiżlazzjoni Bulgara?

5)

Huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ newtralità u mal-Artikolu 90 tad-Direttiva 2006/112 l-prattika fil-qasam fiskali u tas-sigurtà soċjali li ma jitħallewx li jsiru aġġustamenti tat-taxxa akkumulata fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas qabel ma l-annullament tat-taxxa jiġi kkomunikat lid-destinatarju tal-kunsinna tal-prodotti jew tas-servizzi fil-każ li dan tal-aħħar ikun persuna taxxabbli, bil-għan li jsir aġġustament tal-ammont inizjalment miżmum mid-destinatarju?

6)

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112 tippermetti li jitqies li l-eventwali dritt għal tnaqqis tal-ammont taxxabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali jagħti lok għad-dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa mill-fornitur, flimkien ma’ interessi moratorji, u mil-liema mument?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.

(2)  C-246/16, EU:C:2017:887.

(3)  C-242/18, EU:C:2019:558.