-

Printed via the EU tax law app / web

C_2022432MT.01000701.xml

14.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 432/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fl-4 ta’ Awwissu 2022 – MAX7 Design Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-519/22)

(2022/C 432/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: MAX7 Design Kft.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

1)

Fid-dawl tal-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, hija konformi mal-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi li n-numru ta’ identifikazzjoni fiskali ta’ kumpannija, jew in-numru ta’ identifikazzjoni tagħha għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jista’ jiġi rrevokat bħala konsegwenza talli ma ġietx iddepożitata l-garanzija għall-ħlas tat-taxxi imposta fuq din il-kumpannija anki fil-każ meta s-soċji ma jafux direttament li ġiet imposta fuq il-kumpannija tali garanzija u lanqas bil-fatt li hija l-appartenenza, attwali jew passata, ta’ amministratur tal-kumpannija lil persuna ġuridika oħra b’dejn fiskali li għadu ma tħallasx jew tal-kundizzjoni tiegħu, attwali jew passata, ta’ direttur tal-imsemmija persuna ġuridika li kienet il-bażi tal-impożizzjoni fuq il-kumpannija tal-garanzija għall-ħlas tat-taxxi?

2)

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ neċessità tal-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, hija konformi mal-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta u mad-dritt għal rimedju effettiv tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi li n-numru ta’ identifikazzjoni fiskali ta’ kumpannija, jew in-numru ta’ identifikazzjoni tagħha għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jista’ jiġi rrevokat bħala konsegwenza talli ma ġietx iddepożitata l-garanzija għall-ħlas tat-taxxi imposta fuq din il-kumpannija anki fil-każ meta t-terminu minimu meħtieġ mid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru dwar il-konvokazzjoni fil-forma dovuta tal-korp deċiżjonali tal-kumpannija ma jipperemettix li l-imsemmi korp jiddestitwixxi, qabel ma ssir finali d-deċiżjoni tal-awtorità fiskali li permezz tagħha ġiet imposta l-imsemmija garanzija u, għaldaqstant, li jiġi eliminat tali impediment fi żmien it-terminu li jwassal sabiex jiġi estint l-obbligu li tiġi kkostitwita l-garanzija, li jippermetti li tiġi evitata r-revoka tan-numru ta’ identifikazzjoni fiskali?

3)

Huwa konformi mal-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta, bil-limitazzjoni tagħha neċessarja skont l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT u proporzjonata skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta u mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-Artikolu 47 ta’ din, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi f’termini imperattivi, mingħajr ma tħalli marġni ta’ diskrezzjoni għall-korpi responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt, li

a)

it-tneħħija mill-kumpannija, inkwantu persuna li tħallas it-taxxa, ladarba ssir finali d-deċiżjoni li permezz tagħha ġiet imposta l-garanzija għall-ħlas tat-taxxa, tal-impediment li kien immotiva l-impożizzjoni ta’ tali garanzija ma għandux effett fuq l-obbligu li tiġi kkostitwita l-garanzija għall-ħlas tat-taxxa u, għaldaqstant, fuq il-possibbiltà li jiġi rrevokat in-numru ta’ identifikazzjoni fiskali, lanqas fil-każ meta tali impediment laħaq ġie eliminat wara li tkun saret finali d-deċiżjoni ta’ impożizzjoni tal-garanzija iżda fi żmien it-terminu previst sabiex tiġi ddepożitata tali garanzija?

b)

fil-każ li ma tkunx ġiet iddepożitata l-garanzija għall-ħlas tat-taxxi, il-kumpannija, inkwantu persuna li tħallas it-taxxa, ladarba jkun skada t-terminu sabiex tiġi ddepożitata tali garanzija, ma tistax tirrimedja l-konsegwenzi ġuridiċi tar-revoka tan-numru ta’ identifikazzjoni fiskali tagħha lanqas fil-każ meta tkun eliminat tali impediment li kien immotiva l-impożizzjoni ta’ tali garanzija wara li tkun saret finali d-deċiżjoni li permezz tagħha kienet din ġiet iżda fi żmien it-terminu previst sabiex tiġi ddepożitata tali garanzija?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.