SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
13 ta' Diċembru 2005 (*)
«Libertà ta’ stabbiliment – Artikoli 43 KE u 48 KE – Amalgamazzjonijiet transfruntalieri – Rifjut ta' reġistrazzjoni fir-reġistru nazzjonali tal-kumpanniji – Kompatibbiltà»
Fil-kawża C-411/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landgericht Koblenz (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tas-16 ta' Settembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Ottubru 2003, fil-proċedura mressqa minn:
SEVIC Systems AG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Schiemann, Presidenti ta' Awla, C. Gulmann (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis u A. Borg Barthet, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Tizzano,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta' Mejju 2005,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
għal SEVIC Systems AG, minn C. Beul, Rechtsanwalt,
għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u A. Dittrich, bħala aġenti,
għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u N. A. J. Bel, bħala aġenti,
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Schmidt u G. Braun, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta' Lulju 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE u 48 KE.
2 Din it-talba kienet ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' rikors imressaq minn SEVIC Systems AG (iktar 'il quddiem "SEVIC"), kumpannija stabbilita f'Neuwied (il-Ġermanja), kontra deċiżjoni ta' l-Amtsgericht Neuwied li rrifjutat it-talba ta' SEVIC intiża biex tikseb ir-reġistrazzjoni, fir-reġistru nazzjonali tal-kumpanniji, ta' l-amalgamazzjoni li saret bejnha u bejn Security Vision Concept SA (iktar 'il quddiem "Security Vision"), kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu, minħabba li d-dritt Ġermaniż dwar it-tibdil ta' kumpanniji jipprovdi biss għal amalgamazzjonijiet bejn kumpanniji li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fil-Ġermanja,.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 1 tal-liġi Ġermaniża dwar it-tibdil ta' kumpanniji (Umwandlungsgesetz), tat-28 ta' Ottubru 1994 (BGBI. 1994 I, p.3210), fil-verżjoni rrettifikata fl-1995 u emendata sussegwentement (iktar 'il quddiem l-"UmwG"), intitolat "Tipi ta' tibdil, restrizzjonijiet legali", jipprovdi:
"(1) L-entitajiet legali li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fuq it-territorju nazzjonali jistgħu jagħmlu tibdil
1. permezz ta' amalgamazzjoni;
2. permezz ta' qsim [...];
3. permezz ta' trasferiment tal-patrimonju;
4. permezz ta' tibdil fil-forma ġuridika.
(2) Minbarra l-każijiet regolati minn din il-liġi, tibdil fis-sens tal-paragrafu 1 mhux permess sakemm ma jkunx previst espressament f'liġi federali oħra jew f'liġi ta' Land.
(3) Id-derogi għad-dispożizzjonijiet ta' din il-liġi mhumiex permessi sakemm ma jkunux awtorizzati espressament. Dispożizzjonijiet addizzjonali f'kuntratti, statuti jew dikjarazzjonijiet ta' intenti huma permessi ħlief jekk il-liġi għandha regolamentazzjoni eżawrjenti.
4 L-Artikolu 2 ta' l-UmwG, intitulat "Tipi ta' amalgamazzjonijiet", jipprovdi:
"L-entitajiet legali jistgħu jingħaqdu f'amalgamazzjoni permezz ta' xoljiment mingħajr stralċ
1. permezz ta' akkwist permezz tat-trasferiment tal-patrimonju kollu ta' entità legali jew aktar (entitajiet akkwistati) lejn entità legali eżistenti oħra (entità li akkwistat) jew
2. [...]
permezz tat-trasferiment ta' ishma jew tal-kontribuzzjonijiet tas-soċji fl-entità li akkwistat jew fl-entità l-ġdida lejn il-persuni (membri, azzjonisti jew soċji) li għandhom xi tip ta' sehem fl-entità legali akkwistata."
5 Id-dispożizzjonijiet l-oħra ta' l-UmwG li jikkonċernaw speċifikament l-amalgamazzjoni permezz ta' akkwist li tissottometti l-kuntratt ta' amalgamazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet (Artikoli 4 sa 6) jipprevedu l-istabbiliment ta' relazzjoni ta' amalgamazzjoni (Artikolu 8), il-verifika ta' l-amalgamazzjoni minn esperti (Artikolu 9 et seq.), kif ukoll in-notifika ta' l-amalgamazzjoni (Artikolu 16 et seq.) qabel tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji fil-lokal fejn l-entità li akkwistat għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha (Artikolu 19). L-Artikolu 20 et seq ta' l-UmwG jelenkaw l-effetti tar-reġistrazzjoni f'dan ir-reġistru. Dispożizzjonijiet li jipproteġu persuni terzi kkonċernati mill-amalgamazzjoni, b'mod partikolari l-kredituri, jikkompletaw id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-amalgamazzjoni permezz ta' akkwist.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
6 Il-kuntratt ta' amalgamazzjoni konkluż fl-2002 bejn SEVIC u Security Vision jipprevedi x-xoljiment mingħajr stralċ ta' din l-aħħar kumpannija u t-trasferiment tal-patrimonju kollu tagħha lejn SEVIC, mingħajr bdil fl-isem kummerċjali ta' SEVIC.
7 L-Amtsgericht Neuwied ma laqax it-talba għar-reġistrazzjoni ta' l-amalgamazzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji abbażi ta' l-argument li l-Artikolu 1 (1) (1) ta' l-UmwG jipprevedi biss amalgamazzjonijiet bejn entitajiet legali li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fil-Ġermanja.
8 SEVIC ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Landgericht Koblenz.
9 Skond il-Landgericht Koblenz, il-kwistjoni ta' jekk ir-reġistrazzjoni ta' l-amalgamazzjoni bejn il-kumpanniji msemmija iktar 'il fuq fir-reġistru tal-kumpanniji tistax tiġi miċħuda abbażi ta' l-Artikolu 1 (1) (1) ta' l-UmwG tiddependi fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE u 48 KE fil-kuntest ta' amalgamazzjonijiet bejn kumpanniji li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fil-Ġermanja u kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra (iktar 'il quddiem "amalgamazzjonijiet transfruntalieri").
10 F'dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba li s-soluzzjoni tal-kawża mressqa quddiemu tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija tat-Trattat KE, il-Landgericht Koblenz iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"Għandhom l-Artikoli 43 KE u 48 KE jiġu interpretati fis-sens li jmur kontra l-libertà ta' stabbiliment ta' kumpanniji r-rifjut ta' r-reġistrazzjoni – skond l-Artikolu 16 u dawk segwenti ta' [l-UmwG] – fir-reġistru Ġermaniż tal-kumpanniji ta' l-amalgamazzjoni li kumpannija barranija Ewropea jkollha l-intenzjoni li topera ma' kumpannija Ġermaniża, minħabba li l-Artikolu 1 (1) (1) ta' din il-liġi jipprovdi biss għall-tibdil ta' entitajiet legali li għandhom l-uffiċċju tagħhom fil-Ġermanja?"
Fuq id-domanda preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
11 Għandu jiġi mfakkar li SEVIC talbet, skond l-UmwG, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji ta' l-amalgamazzjoni ma' Security Vision permezz ta' kuntratt li jipprevedi l-akkwist ta' din l-aħħar kumpannija u x-xoljiment mingħajr stralċ tagħha.
12 Din it-talba ġiet miċħuda mill-Amtsgericht Neuwied minħabba li fl-Artikolu 1 (1) (1) tiegħu, l-UmwG jipprevedi li entitajiet legali li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fit-territorju nazzjonali biss jistgħu jkunu s-suġġett ta' tibdil permezz ta' amalgamazzjoni (iktar 'il quddiem "amalgamazzjonijiet interni") u li, konsegwentement, din il-liġi ma tapplikax għal tibdil li jirriżultaw minn amalgamazzjonijiet transfruntalieri.
13 Għandu jiġi osservat li fil-Ġermanja ma jeżistux regoli ġenerali simili għal dawk stabbiliti f'din il-liġi li jistgħu japplikaw għal amalgamazzjonijiet transfruntalieri.
14 Dan iwassal biex fil-Ġermanja stess l-amalgamazzjonijiet interni u dawk transfruntalieri jiġu trattati b'mod differenti.
15 F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, fis-sustanza, għandha tinfthiem bħala li qiegħda tistaqsi jekk l-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludux li, fi Stat Membru wieħed, ir-reġistrazzjoni, fir-reġistru nazzjonali tal-kumpanniji, ta' amalgamazzjoni permezz ta' xoljiment mingħajr stralċ ta' kumpannija u permezz ta' trasferiment tal-patrimonju tagħha kollu lejn kumpannija oħra, tiġi rrifjutata b'mod ġenerali meta waħda miż-żewġ kumpanniji jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor waqt li r-reġistrazzjoni tkun tista' ssir, sakemm ċerti kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, meta l-kumpanniji involuti fl-amalgamazzjoni jkollhom it-tnejn li huma l-uffiċċju prinċipali tagħhom fit-territorju ta' l-ewwel Stat Membru.
Fuq l-applikabbiltà ta' l-Artikoli 43 KE u 48 KE
16 Kuntrarjament għall-argumenti mressqa mill-gvern Ġermaniż u mill-gvern Olandiż, l-Artikoli 43 KE u 48 KE japplikaw għal sitwazzjoni ta' amalgamazzjoni bħal dik involuta fil-kawża prinċipali.
17 Fil-fatt, skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 43, moqri flimkien ma' l-Artikolu 48 KE, il-libertà ta' stabbiliment tal-kumpanniji stabbilita fl-Artikolu ta' l-aħħar, tkopri, b'mod partikolari, il-formazzjoni u l-funzjoni tal-kumpanniji taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-rigward tal-kumpanniji lokali mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat fejn ikunu stabbiliti.
18 Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt dwar l-istabbiliment ikopri kull miżura li tippermetti jew tiffaċilita l-aċċess għal Stat Membru differenti minn dak fejn kienet stabbilita l-kumpannija u l-eżerċizzju ta' attività ekonomika f'dan l-Istat billi tagħmel possibbli l-parteċipazzjoni effettiva ta' l-operaturi ekonomiċi interessati fl-ekonomija ta' l-Istat Membru msemmi, taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għall-operaturi nazzjonali.
19 L-operazzjonijiet ta' amalgamazzjonijiet transfruntalieri, bħall-operazzjonijiet l-oħra ta' tibdil ta' kumpanniji, jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' kooperazzjoni u ta' riorganizzazzjoni bejn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti. Dawn l-operazzjonijiet huma eżempji partikolari ta' l-eżerċizzju tal-libertà ta' stabbiliment u huma importanti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Għaldaqstant, dawn l-operazzjonijiet jammontaw għal attivitajiet ekonomiċi li fir-rigward tagħhom l-Istati Membru huma obbligati jirrispettaw il-libertà ta' stabbiliment prevista fl-Artikolu 43 KE.
Fuq l-eżistenza ta' restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment
20 F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jkun imfakkar li, fid-dritt Ġermaniż, kuntrarjament għal dak li jirrigwarda amalgamazzjonijiet interni, ma hemm l-ebda dispożizzjonijiet li jipprovdu għar-reġistrazzjoni ta' amalgamazzjonijiet transfruntalieri fir-reġistru nazzjonali tal-kumpanniji u li, għaldaqstant, it-talbiet għar-reġistrazzjoni ta' amalgamazzjonijiet transfruntalieri jiġu miċħuda b'mod ġenerali.
21 Issa, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, amalgamazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali hija metodu effiċjenti ta' tibdil ta' kumpanniji minħabba li tippermetti, permezz ta' operazzjoni unika, li attività partikolari tiġi eżerċitata taħt forma ġdida u mingħajr ma tkun interrotta l-kontinwità u b'hekk tnaqqas il-komplikazzjonijiet, id-dewmien u l-ispejjeż marbutin ma' metodi oħra ta' riorganizzazzjoni ta' kumpanniji bħal per eżempju fil-każ ta' xoljiment ta' kumpannija bi stralċ tal-patrimonju u l-formazzjoni ta' kumpannija ġdida permezz tat-trasferiment tal-patrimonju lejn il-kumpannija l-ġdida.
22 Safejn, minħabba l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali, l-użu ta' dan il-metodu ta' tibdil ta' kumpanniji ma jkunx possibbli meta waħda mill-kumpanniji kkonċernati jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor barra mir-Repubblika Federali Ġermaniża, id-dritt Ġermaniż jittratta l-kumpanniji b'mod differenti skond jekk l-amalgamazzjoni tkunx waħda interna jew waħda transfruntaliera. Din id-differenza fit-trattament hija ta' natura li tbiegħed lill-kumpanniji milli jeżerċitaw il-libertà ta' stabbiliment iggarantita mit-Trattat.
23 Differenza fit-trattament bħal din tammonta għal restrizzjoni fis-sens ta' l-Artikoli 43 KE u 48 KE u tmur kontra d-dritt ta' stabbiliment. Għalhekk, ma tistax tiġi aċċettata sakemm mhix intiża biex jintlaħaq għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat jew sakemm ma tkunx iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali. Barra minn hekk, f'każ bħal dan, huwa meħtieġ li l-applikazzjoni ta' din id-differenza tkun intiża speċifikament biex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dan jintlaħaq.
Fuq il-possibbiltà li r-restrizzjoni tiġi ġġustifikata
24 Il-gvern Ġermaniż u l-gvern Olandiż jargumentaw li l-amalgamazzjonijiet interni huma sottomessi għal kundizzjonijiet intiżi l-aktar biex jipproteġu, b'mod partikolari, l-interessi tal-kredituri, ta' l-azzjonisti b'minoranza u ta' l-impjegati kif ukoll biex jippreservaw l-effiċjenza tal-kontrolli fiskali u l-onestà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali. F'dan ir-rigward huma josservaw li l-amalgamazzjonijiet transfruntalieri jippreżentaw problemi speċifiċi u li s-soluzzjoni għal dawn il-problemi titlob l-eżistenza ta' regoli speċifiċi intiżi biex jipproteġu l-interessi msemmija fil-kuntest ta' amalgamazzjoni transfruntaliera li tinvolvi l-applikazzjoni ta' diversi drittijiet nazzjonali għal operazzjoni ġuridika waħda. Issa, regoli bħal dawn jissupponu armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq livell Komunitarju.
25 F'dan il-kuntest, il-gvern Olandiż ifakkar li, fit-18 ta' Novembru 2003, l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issottomettiet lil-leġiżlatur Komunitarju proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-amalgamazzjonijiet transfruntalieri ta' kumpanniji [COM(2003) 703, finali] li, fl-ewwel u fit-tieni premessa tgħid hekk:
1. Il-ħtieġa ta' kooperazzjoni u riorganizzazzjoni bejn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti u d-diffikultajiet ikkawżati, kemm fuq livell leġiżlattiv u kemm fuq livell amministrattiv, minn amalgamazzjonijiet transfruntalieri ta' kumpanniji fil-Komunità tagħmilha neċessarja, sabiex jiġi assigurat li jintlaħaq u jiffunzjona s-suq intern, li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet Komunitarji sabiex jiffaċilitaw it-twettiq ta' amalgamazzjonijiet transfruntalieri […]
2. […] safejn jinvolvu l-istabbiliment ta' leġiżlazzjoni b'elementi komuni applikabbli fuq livel transnazzjonali, l-għanijiet imsemmija iktar 'il fuq ma jistgħux jintlaħqu sew mill-Istati Membri; għaldaqstant, minħabba l-iskala tad-daqs jew l-effetti ta’ l-azzjoni proposta, jistgħu jiġu milħuqa aħjar fuq livell Komunitarju [...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
26 F'dan ir-rigward, għandu jkun imfakkar li, jekk regoli Komunitarji ta' armonizzazzjoni jkunu ċertament utli biex jiffaċilitaw l-amalgamazzjonijiet transfruntalieri, l-eżistenza ta' regoli ta' armonizzazzjoni bħal dawn ma tistax tintuża bħala kundizzjoni meħtieġa biex tiġi implementata l-libertà ta' stabbiliment iggarantita fl-Artikoli 43 KE u 48 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta' Jannar 1992, Bachmann, C-204/90, Ġabra p. I-249, punt 11).
27 Barra minn hekk, hemm lok li jkun osservat li għalkemm fl-Istati Membri jeżistu regoli armonizzati dwar l-amalgamazzjonijiet interni minħabba l-adozzjoni tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE tad-9 ta' Ottubru 1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54 (3) (g) tat-Trattat, dwar l-amalgamazzjonijiet ta' kumpanniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata (ĠU L 295, p.36), l-amalgamazzjonijiet transfruntalieri jippreżentaw problemi speċifiċi.
28 F'dan ir-rigward, ma għandux jiġi eskluż li raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali bħall-protezzjoni ta' l-interessi tal-kredituri, ta' l-azzjonisti b'minoranza u ta' l-impjegati (ara s-sentenza tal-5 ta' Novembru 2002, Überseering, C-208/00, Ġabra p. I-9919, punt 92), kif ukoll il-preservazzjoni ta' l-effiċjenza tal-kontrolli fiskali u l-onestà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali (ara s-sentenza tat-30 ta' Settembru 2003, Inspire Art, C-167/01, Ġabra p. I-10155, punt 132), jistgħu, f'ċerti ċirkustanzi u skond ċerti kundizzjonijiet, jiġġustifikaw miżura ta' restrizzjoni tal-libertà ta' stabbiliment
29 Iżda wkoll huwa meħtieġ li miżura restrittiva bħal din tkun xierqa biex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet imfittxa u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dawn jintlaħqu.
30 Il-fatt li r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji ta' amalgamazzjoni bejn kumpannija stabbilita f'dak l-Istat u kumpannija oħra li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor tiġi rrifjutata b'mod ġenerali f'dak l-Istat Membru għall-preklużjoni tat-twettiq ta' amalgamazzjonijiet transfruntalieri anki meta l-interessi msemmija fil-punt 28 ta' din is-sentenza ma jkunux mheddha. Fi kwalunkwè każ, regola bħal din tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li jiġu protetti l-interessi msemmija.
31 F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tweġiba għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludu li, fi Stat Membru, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru nazzjonali tal-kumpanniji ta' amalgamazzjoni permezz ta' xoljiment mingħajr stralċ ta' kumpannija u t-trasferiment tal-patrimonju kollu tagħha lil kumpannija oħra, tiġi rrifjutata b'mod ġenerali meta waħda miż-żewġ kumpanniji jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor, waqt li r-reġistrazzjoni tkun tista' ssir, sakemm ċerti kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, meta l-kumpanniji involuti fl-amalgamazzjoni jkollhom it-tnejn li huma l-uffiċċju prinċipali tagħhom fit-territorju ta' l-ewwel Stat Membru.
Fuq l-ispejjeż
32 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:
L-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludu li, fi Stat Membru, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru nazzjonali tal-kumpanniji ta' amalgamazzjoni permezz ta' xoljiment mingħajr stralċ ta' kumpannija u t-trasferiment tal-patrimonju kollu tagħha lil kumpannija oħra, tiġi rrifjutata b'mod ġenerali meta waħda miż-żewġ kumpanniji jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor, waqt li r-reġistrazzjoni tkun tista' ssir, sakemm ċerti kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, meta l-kumpanniji involuti fl-amalgamazzjoni jkollhom it-tnejn li huma l-uffiċċju prinċipali tagħhom fit-territorju ta' l-ewwel Stat Membru.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.